EUR-Lex Prieiga prie Europos Sąjungos teisės

Grįžti į „EUR-Lex“ pradžios puslapį

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 52015IP0446

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress (2015/2042(INI))

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 54—60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/54


P8_TA(2015)0446

L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress (2015/2042(INI))

(2017/C 399/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea Mikrofinanzjament Progress – 2013” (COM(2014)0639),

wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress tal-5 ta' Mejju 2015 (1),

wara li kkunsidra ir-rapport bl-isem “Study on imperfections in the area of microfinance and options how to address them through an EU financial instrument” (Studju dwar l-imperfezzjonijiet fil-qasam tal-mikrofinanzjament u opzjonijiet kif għandhom jiġu indirizzati permezz ta' strument finanzjarju tal-UE) (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (3) (ir-Regolament EaSI),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali (4) (“il-Faċilità”) (id-“Deċiżjoni”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta' mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi (5),

wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 intitolat “European Progress Microfinance Facility – Interim evaluation” (il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – evalwazzjoni ta' nofs it-terminu) (6),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 8/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0331/2015),

A.

billi l-mikrofinanzjament jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi l-mikrofinanzjament jista' jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar u l-qgħad, jagħtihom dinjità u jsaħħaħ il-koeżjoni fil-komunitajiet billi jtejjeb l-inklużjoni soċjali u jnaqqas id-diverġenzi soċjali;

B.

billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa li jiżdied l-aċċess għall-mikrofinanzjament, kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu għall-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li qegħdin fir-riskju li jitilfuh jew li għandhom diffikultajiet biex jidħlu jew jidħlu lura fis-suq tax-xogħol, kif ukoll persuni li qed iħabbtu wiċċhom mat-theddida tal-esklużjoni soċjali jew persuni vulnerabbli li jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew ikomplu jiżviluppaw il-mikrointrapriżi tagħhom, inkluż l-impjieg indipendenti; billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa wkoll li jiżied l-aċċess għall-mikrofinanzjament u d-disponibbiltà tiegħu għall-mikrointrapriżi u l-ekonomiija soċjali;

C.

billi l-għan tal-Faċilità hu li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji sabiex jiżdied in-numru ta' operazzjonijiet potenzjali, sabiex jiġu ġġenerati l-impjiegi bil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, kif ukoll it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali f'komunitajiet lokali;

D.

billi s-sitwazzjoni finanzjarja tan-nisa li jisselfu tidher li hija agħar minn dik tal-irġiel b'sehem ogħla tan-nisa li huma qiegħda jew fir-riskju ta' faqar (7); billi l-proporzjon bejn l-imprendituri nisa u rġiel li jibbenefikaw mill-Faċilità huwa biss 36:64 u dan għadu insuffiċjenti f'termini ta' bilanċ ugwali bejn is-sessi;

E.

billi l-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla li jsofru ċerti gruppi ta' nisa qed jiggravaw aktar l-iżvantaġġ ekonomiku u d-diffikultà tagħhom li jaċċedu għal finanzjament; billi l-inklużjoni tan-nisa li jsofru minn esklużjoni għandha tkun prijorità;

F.

billi għadd dejjem jiżdied ta' nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol qed ikun ukoll is-sors primarju ta' għajxien għall-familji tagħhom; billi r-rata ta' ġenituri waħedhom hija ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi l-mikrofinanzjament għandu jkun ta' benefiċċju għal numru dejjem ikbar ta' nisa;

G.

billi l-ekonomija soċjali tinkludi l-kooperattivi, l-impriżi mutwi, l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni, il-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp reġjonali u rurali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-iżvilupp agrikolu u tal-pajjiżi terzi, u l-politiki ta' sigurtà soċjali;

H.

billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;

I.

billi l-Faċilità ttejjeb il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom min jissellef jista' jikseb self u tagħmel il-finanzjament disponibbli għal individwi li kieku ma jkunux eliġibbli; billi l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament (MFIs) ibbenefikaw mill-Faċilità fi 22 Stat Membru; billi l-għan ġenerali tal-Faċilità huwa li toħroġ 46 000 mikroself sal-2020, li jirrappreżentaw ammont ta' madwar EUR 500 miljun;

J.

billi hu stmat li r-rata ta' ħlas lura minn min jissellef hija ta' 95 %; billi l-Faċilità għenet lil individwi jidħlu jew jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, jew jiftħu n-negozji tagħhom stess u għenet lil persuni li jaħdmu għal rashom jippreservaw jew jespandu l-mikrointrapriżi tagħhom f'termini ta' impjiegi miżmuma, impjiegi ġodda u l-fatturat iġġenerat; billi l-Faċilità laħqet żoni Ewropej remoti u ġġenerat l-attività ekonomika;

K.

billi għadu diffiċli jiġi evalwat kemm qed jintlaħqu l-minoranzi peress li l-biċċa l-kbira tal-MFIs mhumiex involuti speċifikament f'attività biex jintlaħqu aktar il-minoranzi; billi dawk li jirċievu mikrokreditu mhux neċessarjament iqisu lilhom infushom bħala grupp emarġinat jew jibżgħu li jiġu ddiskriminati jekk l-isfond etniku tagħhom jiġi żvelat;

L.

billi 60 % tal-individwi li għalihom hija disponibbli d-data kienu qiegħda jew mhux attivi meta ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għal mikrokreditu; billi 84 % tar-riċevituri kienu fil-grupp ta' età ta' 25 – 54 sena u billi 36 % tal-imprendituri rreġistrati megħjuna mis-self kienu nisa;

M.

billi din il-Faċilità għandha tiġi vvalutata fuq bażi kwalitattiva u mhux biss fuq bażi kwantitattiva; billi, għalkemm huwa aktar faċli li tivvaluta din il-Faċilità f'termini ta' effiċjenza ekonomika, l-effikaċja tagħha bħala mezz biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali għandha tiġi wkoll ivvalutata, kif għandhom jiġu vvalutati l-kwalità u l-effett indirett tal-impjiegi maħluqa;

N.

billi l-proporzjon fil-mira ta' 40:60 bejn l-imprendituri nisa u rġiel kważi ntlaħaq, u billi huwa b'mod sinifikattiv ogħla mill-medja tal-Unjoni;

O.

billi s-servizzi ta' żvilupp tan-negozju bħat-taħriġ u l-mentoring huma kruċjali għas-suċċess u l-vijabbiltà ta' mikrointrapriża;

P.

billi l-assenza ta' finanzjament ta' intrapriżi fl-ekonomija soċjali ġie identifikat bħala nuqqas tal-Faċilità;

Q.

billi hemm indikazzjonijiet li l-mikrofinanzjament jista' jkun wieħed mill-elementi ta' appoġġ lin-negozji biex minn ekonomija moħbija jiksbu status ta' attività ekonomika ddikjarata;

R.

billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data marbuta mal-għoti ta' mikrokreditu mill-MFIs huwa l-aħjar mod biex jiġi promoss użu aħjar tal-finanzjament pubbliku; billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data jiffaċilita t-tqabbil tar-rendiment tal-MFIs;

S.

billi hemm il-potenzjal għal sinerġiji bejn il-Faċilità u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi oħra tal-UE, u b'hekk jiġu evitati sovrapożizzjonijiet mhux mixtieqa;

T.

billi l-Artikolu 6 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi li l-“baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza”;

U.

billi l-Faċilità tibbenefika mill-finanzjamenti tal-UE u mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tnejn li huma ġestiti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); billi tipprevedi wkoll finanzjamenti supplimentari minn investituri privati;

V.

billi tali strument għadu mhux magħruf wisq mill-benefiċjarji potenzjali;

Inżidu l-aċċess għall-mikrofinanzjament

1.

Jenfasizza l-importanza ta' strument finanzjarju bħall-Faċilità fi żminijiet ta' kriżi finanzjarja biex jinħolqu impriżi ġodda, jiġu promossi impjiegi ġodda u jiġi assigurat li persuni diżokkupati, persuni żvantaġġati u l-mikrointrapriżi jkollhom aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jittaffa r-riskju għal MFIs;

2.

Josserva li l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi kien inqas minn dak inizjalment mistenni, minkejja l-fatt li bosta benefiċjarji kienu jkunu kompletament esklużi mis-suq tal-kreditu li kieku ma kienx għall-mikrokreditu; jemmen li dan l-impatt inqas minn dak mistenni fuq il-ħolqien tal-impjiegi jista' jiġi parzjalment spjegat mill-fatt li l-Faċilità ġiet implimentata fl-istess ħin hekk kif l-ekonomija kienet għaddejja minn kriżi ekonomika kbira li laqtet kemm is-suq tal-kreditu, kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi; jinnota, madankollu, li l-Faċilità kkontribwiet b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-impjiegi; iqis li dan se jiġi indirizzat mill-istrument EaSI l-ġdid li ser ikun aktar flessibbli;

3.

Jiddispjaċih bin-numru għoli ta' applikazzjonijiet rifjutati għal mikrofinanzjament (kważi 2 000 applikazzjoni ġew irrifjutati, parzjalment abbażi ta' insolvenza tal-persuni u tal-impriżi) u d-distakk li għadu sinifikanti fis-suq tal-mikrofinanzjament, minkejja ż-żieda fin-numru tal-benefiċjarji tal-mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju aktar dettaljat dwar ir-raġunijiet wara dawn ir-rifjuti u li jinstabu modi biex dawn jiġu solvuti;

4.

Jissottolinja l-importanza tal-Faċilità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, fir-rwol tagħha li tippermetti lill-persuni qiegħda jew żvantaġġati jkollhom aċċess għall-finanzjament; jenfasizza li fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tal-asil b'mod partikolari, il-mikrofinanzjament jista' jservi ta' appoġġ fundamentali għar-rifuġjati u għall-migranti li qegħdin jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE;

5.

Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt ħalli jippromwovu l-għarfien dwar il-Faċilità fost il-benefiċjarji potenzjali u ċ-ċittadini b'mod ġenerali;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza miksuba sa issa, iżidu l-għarfien b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fi ħdan il-komunitajiet, b'mod speċjali f'dawk bi sfond ta' minoranza jew fi ħdan organizzazzjonijiet għall-persuni b'diżabbiltajiet dwar l-eżistenza tal-Faċilità, il-benefiċċji tagħha u l-modi li permezz tagħhom jista' jkun hemm aċċess għaliha;

7.

Jinnota li fl-2013, l-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità kienu jinkludu self prijoritarju u garanziji; jinnota li, barra minn hekk, uħud mill-MFIs jirċievu kemm garanzija kif ukoll self, iżda dawn iż-żewġ strumenti dejjem ikopru portafolji differenti;

8.

Jitlob li l-Faċilità tqis il-valur miżjud tal-proġetti f'reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħalma huma r-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni skarsa u f'reġjuni li jkunu għaddejjin minn proċess ta' depopolazzjoni, peress li dan mhux biss ser jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jgħin ukoll biex jinżammu l-livelli tal-popolazzjoni;

9.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni u l-FEI għamlu operattiv l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali (MF/SE) tal-EaSI sabiex jiġi żgurat aċċess għall-flus għall-benefiċjarji; jistenna li l-EaSI se jindirizza b'suċċess in-nuqqasijiet tal-Faċilità;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-adegwatezza tad-definizzjoni attwali ta' mikrokreditu bil-ħsieb li tiżgura li l-istrumenti finanzjarji futuri jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq u ta' benefiċjarji u l-miri definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru u jivvalutaw data dwar il-karatteristiċi ta' mikrointrapriżi, il-ħtiġijiet tagħhom u r-rati ta' sopravivenza tagħhom, u biex jipproponu aġġustamenti għar-Regolament EaSI, jekk meħtieġ, matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu; jilqa' l-fatt li l-bilanċ u l-flussi ġodda disponibbli fi tmiem il-Faċilità se jiddaħħlu fil-baġit tal-assi MF/SE tal-EaSI, u b'hekk jiżdied l-għadd ta' garanziji u strumenti ffinanzjati li se jiġu offruti lil min jissellef mikrokrediti;

12.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-seba' strumenti finanzjarji kollha tal-Faċilità li ġew eżaminati s'issa attiraw finanzjament privat addizzjonali; jesprimi tħassib, madankollu, li skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, fejn jidħlu l-garanziji, il-valuri fil-mira għall-koeffiċjenti ta' lieva nkisbu f'każ wieħed biss minn sebgħa, u f'żewġ każijiet ma ntlaħqux;

13.

Jilqa' ż-żieda fil-flessibilità tal-programm il-ġdid fl-ambtu tal-EaSI b'reazzjoni għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-fondi bejn l-assi tal-Programm; jistieden lill-Kummissjoni tevita l-finanzjament doppju permezz tal-iżvilupp ta' sinerġiji ċari u trasparenti bejn l-EaSI u l-programmi u l-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar reklamar u informazzjoni dwar il-Faċilità u l-modalitajiet ta' aċċess għaliha;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-Faċilità, sabiex tilħaq kull Stat Membru; jenfasizza l-ħtieġa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni settorjali tal-Faċilità, lil hinn mis-setturi agrikoli u kummerċjali;

Nilħqu l-gruppi fil-mira u r-rappurtar tal-impatt soċjali

16.

Jiddeplora l-fatt li, minħabba n-nuqqas ta' rappurtar soċjali definit sew, l-impatt soċjali tal-Faċilità ma ġiex imkejjel b'mod aktar preċiż f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, ta' sostenibbiltà tan-negozji u tal-ilħuq ta' gruppi ta' minoranza; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex taderixxi mal-istandards tal-kejl soċjali tal-prestazzjoni b'mod empiriku sabiex jiġi żgurat l-ogħla impatt soċjali, ukoll fir-rigward tal-miri ta' Ewropa 2020 u biex jiġi vvalutat jekk id-definizzjoni ta' gruppi fil-mira, inklużi persuni b'diżabilità, ikunx meħtieġ li tiġi ċċarata aktar;

17.

Jinnota li l-Faċilità bdiet topera bħala proġett pilota; jinnota li, barra minn hekk, ġew identifikati dgħufijiet f'termini ta' kapaċità ta' involviment ta' gruppi vulnerabbli bħall-migranti u l-persuni b'diżabilità; jemmen madankollu li t-tagħlimiet li ttieħdu ġew ikkunsidrati u li xi wħud min-nuqqasijiet diġà ġew indirizzati fl-Istrument EaSI; jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni strateġika tal-għanijiet kienet żviluppata f'konformità mal-objettivi ta' Ewropa 2020;

18.

Jistieden lill-FEI jikkoopera ma' MFIs, u jesiġi li dawn japplikaw il-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu u jistieden lill-FEI jipprijoritizza dawk l-MFIs li wrew l-abbiltà u r-rieda tagħhom li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet li jipprovdu aktar appoġġ lil benefiċjarji finali; jistieden ukoll lill-FEI jinforza d-dispożizzjonijiet fi ftehimiet mal-MFIs li jitolbu kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli sabiex jintlaħqu l-gruppi fil-mira b'mod aktar effettiv;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodi li bihom tevalwa l-vijabbiltà tan-negozji u l-impatt fi ħdan il-komunità tagħhom wara l-ħlas lura tal-mikrokreditu;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jtejbu r-rappurtar dwar il-benefiċjarji u l-MFIs, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ sabiex ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-MFIs; jenfasizza li l-informazzjoni li tkun meħtieġa għal rapport xieraq biex ikunu jistgħu jiksbu self għandhom jipprovduha kemm l-MFIs kif ukoll min jissellef mikrokrediti;

21.

Iqis deplorevoli l-fatt li l-informazzjoni dwar l-użu ta' self u garanziji relatati mal-Faċilità hija frammentarja u inkompleta u ma fihiex informazzjoni dettaljata dwar l-istatus tal-impjieg għall-benefiċjarji finali, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri waslet għall-konklużjoni li r-rappurtar kien konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni;

22.

Jistieden lill-FEI jiżgura li l-MFIs jagħmlu pubblika d-data dwar l-għadd u l-ammont ta' mikrokrediti pprovduti u dwar it-tipi ta' benefiċjarji finali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' aċċess għall-mikrofinanzjament, u biex fil-futur tipprevedi l-istess proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-MFIs jimplimentaw strateġiji speċifiċi li jkollhom lin-nisa fil-mira tagħhom u jappoġġaw l-intraprenditorija tan-nisa, inkluż permezz ta' kooperazzjoni ma' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet rilevanti fil-qasam;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu aktar il-viżibbiltà u l-informazzjoni rigward il-possibiltajiet ta' finanzjament skont din il-Faċilità, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, skambju tal-aħjar prattiki fost l-imprendituri nisa, workshops u taħriġ li jimmiraw b'mod speċifiku lin-nisa bil-għan li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn is-sessi fl-aċċess għall-mikrofinanzjament;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-benefiċċji tal-mikrofinanzjament għan-nisa, inkluż il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambji ta' opinjonijiet u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn l-imprendituri nisa;

26.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jemmen, madankollu, li s-suċċess tal-Faċilità m'għandux jitkejjel biss minn miri ġenerali iżda mill-ħila tal-Faċilità li tippermetti lill-imprendituri mikro u lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju jibdew il-proġetti tagħhom u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċess għall-mikrofinanzjament għall-klijenti potenzjalment esklużi, bħall-migranti, ir-refuġjati, in-nies qiegħda għal perjodi twal, iż-żgħażagħ, il-persuni bi dħul baxx, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-persuni b'diżabbiltajiet, li attwalment mhumiex qed jibbenefikaw biżżejjed mill-Faċilità;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis lir-refuġjati u lill-persuni li qed ifittxu l-asil bħala grupp fil-mira;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tkattar l-inizjattivi u l-finanzjament disponibbli għall-għoti ta' mikrokreditu lill-istart-ups immexxija minn żgħażagħ, sabiex tiġi appoġġata l-imprenditorija taż-żgħażagħ u l-innovazzjoni teknoloġika, xjentifika u soċjali għolja fi żmien ta' kriżi ekonomika u fi żmien ta' diffikultajiet biex jinkiseb aċċess għall-kreditu; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-burokrazija żejda imposta fuq l-imprendituri sabiex jiksbu aċċess għall-fondi disponibbli għalihom mill-Unjoni;

Nappoġġaw l-ekonomija soċjali

30.

Jiddispjaċih li l-Faċilità ma ffinanzjatx numru sinifikanti ta' intrapriżi soċjali; jilqa' l-fatt għaldaqstant li persentaġġ speċifiku tal-baġit tal-EaSI huwa ddedikat għall-finanzjament ta' intrapriżi soċjali;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dan l-element ġdid u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiskambjaw data, għarfien u l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, waqt li jiġi żgurat rappurtar adatt mill-MFIs, u li dawn jiġu motivati biex isostnu proġetti b'impatt soċjali għoli fost il-klijenti potenzjali tagħhom;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, u jekk hemm bżonn teżamina mill-ġdid, il-limitu stipulat għas-self lil intrapriżi soċjali taħt l-EaSI, sabiex dawn jingħatawlhom il-mezzi neċessarji u adegwati li jippermettu l-iżvilupp ta' benefiċċju għalihom u jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tas-suq;

33.

Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fi programmi ta' finanzjament; jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi u l-ibbaġitjar tal-perspettiva tal-ġeneri huma utli fl-evalwazzjoni u t-titjib tal-impatt fuq in-nisa tal-prijoritajiet ta' finanzjament, tal-allokament ta' riżorsi finanzjarji u tal-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi analizzata b'mod ġenerali data diżaggregata mill-perspettiva tal-ġeneri;

Servizzi ta' mentoring u taħriġ u komplementarjetà ma' strumenti oħrajn

34.

Jilqa' l-possibbiltà taħt l-EaSI li jiġi ffinanzjat il-bini tal-kapaċità ta' MFIs u ta' għajnuna teknika għall-MFIs bil-ħsieb li jitjiebu l-professjonalizzazzjoni tagħhom, il-forniment ta' servizz, u l-ġbir u l-ipproċessar tad-data sabiex jingħata spunt aħjar dwar il-Faċilità;;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot il-Faċilità mat-taħriġ bażiku ta' intraprenditorija sabiex b'hekk jiġu żgurati l-vijabbiltà ekonomika tan-negozji u l-għan tas-self;

36.

Jiddeplora l-fatt li servizzi ta' żvilupp kummerċjali, inklużi l-mentoring u t-taħriġ, ma jistgħux jiġu direttament iffinanzjati taħt l-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga modi ta' finanzjament futuri bi strumenti adegwati ġodda bi sħubija ma' fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

37.

Jinnota li l-FSE għandu jipprovdi finanzjament ewlieni għall-ħolqien ta' impriżi, ta' mikrofinanza sostenibbli u ta' imprenditorija soċjali, flimkien ma' programmi ta' mentoring u taħriġ; jiddispjaċih li dawn l-għodod mhumiex iffinanzjati direttament mill-EaSI;

38.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni strateġika tagħhom mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali rigward l-EaSI, l-FSE u programmi nazzjonali oħra possibbli, filwaqt li jippromwovu l-kooperazzjoni tagħhom mal-MFIs u r-riċevituri finali, sabiex titjieb l-għajnuna mogħtija lil min jissellef mikrokrediti f'termini ta' taħriġ, mentoring u appoġġ ġenerali għal aktar vijabilità tan-negozju;

39.

Jilqa' l-possibbiltà li jintużaw il-fondi mill-FSE għall-assi MF/SE tal-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jinfurmaw aħjar lill-MFIs dwar din il-possibbiltà skont l-Artikolu 38 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (8);

40.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-FEIS ikun disponibbli biex jiffinanzja l-mikrointrapriżi;

L-intermedjarji tal-mikrofinanzjament

41.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina l-appoġġ tal-FSE u l-EaSi sabiex tittejjeb il-komplementarjetà bejn iż-żewġ programmi, fir-rigward tal-Faċilitajiet ta' Mikrofinanzjament, b'iffukar fost affarijiet oħra fuq il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u ċ-ċentri ta' appoġġ tan-negozji kkofinanzjati mill-FSE;

42.

Jilqa' l-proċess ta' għażla tal-intermedjarji tal-mikrokreditu li hu f'konformità mar-regoli u mal-proċeduri tal-FEI, u jtenni t-talba tal-Parlament li tali intermedjarji għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-għoti responsabbli ta' self u tal-evitar ta' insolvenza ta' persuni u impriżi;

43.

Jirrakkomanda li l-ftehimiet bejn l-MFIs u l-FEI jkollhom proċedura ta' aċċess għall-istrument iktar sempliċi u jkunu iktar flessibbli u iktar faċli biex jinftiehmu, biex b'hekk l-MFIs iżgħar ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti ta' finanzjament u tal-faċilitajiet tal-FEI malajr;

44.

Jiddeplora l-fatt li numru sinifikanti ta' applikazzjonijiet għall-Faċilità ma kinux tlestew u ma setgħux jiġu approvati mill-FEI; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan ir-riżultat negattiv (eż. nuqqas ta' informazzjoni jew aċċessibilità jew piż burokratiku li jeħtieġ semplifikazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex issolvi l-problema;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata aktar pubbliċità u informazzjoni dwar il-Faċilità u dwar il-mod ta' aċċess għaliha, minbarra li tissemplifika l-proċedura u tagħmel aktar flessibbli u eħfef biex jinftiehmu l-ftehimiet bejn l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament u l-FEI, li jwassal biex l-intermedjarji iżgħar jiksbu aċċess aktar rapidu għas-suq;

46.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jivvalutaw kif ixerrdu aħjar il-benefiċċji tal-Faċilità lil pubbliku inġenerali, lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti imposti fuq l-MFIs;

47.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u l-organizzazzjonijiet involuti fir-rappreżentanza tal-interessi tal-benefiċjarji, lil hinn mir-reklamar ta' prodotti jew l-iskoperta ta' klijenti ġodda;

48.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw is-settur ta' mikrofinanzjament sabiex dan ikun jista' jespandi, għaliex dan hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020 u jistedinhom jagħmlu użu mill-Faċilità, billi jinvestigaw il-possibbiltajiet li għandhom l-intermedjarji mhux bankarji biex jidħlu fis-suq tal-mikrokreditu mingħajr ma jkunu jiddependu fuq bank imsieħeb;

49.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-atturi ta' mikrofinanzjament (MFIs, banek u istituzzjonijiet mhux bankarji, netwerks bħan-Netwerk Ewropew tal-Mikrofinanzi) kif ukoll mal-partijiet interessati li attwalment mhumiex inklużi fir-rigward tal-aċċessibilità, l-użu u t-tfassil tal-prodotti li jridu jiġu offruti fil-qafas ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni;

50.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-MFIs minn Stati Membri differenti;

51.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jiżguraw li l-assi tal-MF/SE tal-EaSI jippromwovu iktar it-tixrid u l-integrazzjoni tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu f'kuntratti ma' MFIs;

52.

Iqis li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – 2013 huwa ġeneriku ħafna u fih nuqqas ta' dettalji fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu;

53.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Faċilità u l-istrument tal-EaSI jkomplu jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-UE u l-viżibbiltà tagħha;

o

o o

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=fr&pubId=7760

(2)  http://bookshop.europa.eu/fr/study-on-imperfections-in-the-area-of-microfinance-and-options-how-to-address-them-through-an-eu-financial-instrument-pbKE0214424/?CatalogCategoryID=ZjsKABstHnIAAAEjH5EY4e5L

(3)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238.

(4)  ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1.

(5)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 85.

(6)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/547555/EPRS_IDA(2015)547555_EN.pdf

(7)  Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Į viršų