EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0444

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija (2015/2113(INI))

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 21–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/21


P8_TA(2015)0444

Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija (2015/2113(INI))

(2017/C 399/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 191, 192 u 194 tiegħu,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem” (COM(2015)0080) u l-annessi tagħha,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija” u d-dokumenti ta' ħidma li jakkompanjawha (COM(2014)0330),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Ir-reżiljenza tas-sistema Ewropea tal-gass f'terminu qasir. Inlestu ruħna għal interruzzjoni possibbli fil-provvisti mil-Lvant matul il-ħarifa u x-xitwa tal-2014/2015” (COM(2014)0654),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kooperazzjoni internazzjonali, bit-titolu “Il-politika tal-enerġija tal-UE: Kooperazzjoni ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna” (COM(2011)0539),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu “Implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija u l-Kooperazzjoni Internazzjonali u tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija ta' Novembru 2011” (COM(2013)0638),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titolu “It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija: Pjan ta' azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija” (COM(2008)0781),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu “Pjan ta' Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu “Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” (COM(2012)0582),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti' (COM(2012)0663) u d-dokumenti ta' ħidma li jakkompanjawha, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Settembru 2013 dwar “Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti” (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Progress lejn it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija” (COM(2014)0634),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat” (COM(2010)0677),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa” (COM(2014)0021),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” (COM(2014)0014),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 bit-titolu “L-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012” (COM(2012)0652),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi” (COM(2011)0571), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Mejju 2012 dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija” (COM(2014)0520),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”, COM(2011)0112),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu “Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050” (COM(2011)0885), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija (3),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa” (COM(2013)0180),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030” (COM(2014)0015),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009, u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2013 bit-titolu “Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta' żmien twil” (COM(2013)0711), li tistabbilixxi l-ewwel lista komprensiva tal-Unjoni dwar proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ta' interess komuni (PCIs),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE,

wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija ma' pajjiżi lil hinn mill-fruntieri tagħna: Approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra tal-gass u ż-żejt tax-shale (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 (6),

wara li kkunsidra l-istudju tiegħu bit-titolu “L-Immappjar tal-Kost tan-Non-Ewropa, 2014-19”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030 (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020 (8),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 20 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0341/2015),

A.

billi skont l-Artikolu 194 TFUE, il-politika Ewropea dwar l-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri tibqa' kompetenza nazzjonali, u għalhekk taħlitiet tal-enerġija jibqgħu diversifikati ħafna;

B.

billi l-ħolqien ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem għandu jkun ibbażat fuq tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija sostenibbli, li tħares 'il quddiem b'effiċjenza fl-enerġija, enerġija rinnovabbli, l-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa u infrastruttura intelliġenti bħala pilastri ewlenin; billi qafas regolatorju stabbli fit-tul huwa meħtieġ biex jinħoloq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jiġi żgurat ir-rwol mexxej tal-UE f'dawn l-oqsma;

C.

billi l-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija trid tinkludi azzjonijiet kosteffiċjenti biex tiġi mmoderata d-domanda tal-enerġija u azzjonijiet ugwalment effettivi biex jingħeleb tfixkil ewlieni u imminenti, kif ukoll mekkaniżmi ta' solidarjetà u koordinazzjoni biex jipproteġu u jsaħħu l-ġenerazzjoni tal-enerġija, trażmissjoni intelliġenti u infrastruttura ta' distribuzzjoni u interkonnetturi; billi din l-infrastruttura trid tkun kapaċi tittratta sorsi rinnovabbli varjabbli, u tkun mibnija fuq suq intern tal-enerġija li jiffunzjona sew u integrat bis-sħiħ bħala parti essenzjali tal-Unjoni tal-Enerġija bi provvisti u rotot diversifikati esterni;

D.

billi l-Parlament talab darbtejn għal miri vinkolanti rigward il-klima u l-enerġija tal-2030 bi tnaqqis ta' mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet tas-CO2, mill-anqas 30 % għas-sorsi rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija, biex jiġu implimentati permezz ta' miri nazzjonali individwali; billi l-miri vinkolanti nazzjonali u tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jgħinu biex tiġi żgurata t-tmexxija teknoloġika tal-UE f'dawn l-oqsma;

E.

billi miżuri għall-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija u għall-ilħuq tal-objettivi klimatiċi u tal-enerġija tagħha jridu jieħdu kont sħiħ tal-impatti fuq il-prezzijiet tal-enerġija u jiffukaw fuq sinerġiji u iżjed integrazzjoni tas-suq li għandhom jgħinu biex inaqqsu l-ispejjeż globali u jtejbu l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE sabiex jinkiseb l-appoġġ meħtieġ mingħand iċ-ċittadini u l-industrija; billi, f'dan il-kuntest, il-valutazzjonijiet tal-impatt kollha meħtieġa jridu jqisu bis-sħiħ l-ispejjeż moħbija u mitlufa attwali u futuri li ġejjin minn negozju bħala politika tal-enerġija mistennija;

F.

billi l-Unjoni tal-Enerġija għandha tkun mudell tal-enerġija ġdid għall-Ewropa, ibbażat fuq raġunijiet leġiżlattivi orizzontali u objettivi b'saħħithom; billi l-governanza tal-Unjoni Ewropea trid tkun trasparenti; filwaqt li tiggarantixxi qafas stabbli u tinkludi lill-Parlament fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li tippromwovi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u taċ-ċittadini;

G.

billi huwa fundamentali li l-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-inklużjoni ta' inizjattivi bbażati fuq il-konsumatur bħal kooperattivi, proġetti komunitarji ta' effiċjenza fl-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli, u jisħaq fuq it-tneħħija ta' ostakli amminsitrattivi, regolatorji u ekonomiċi biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fis-sistema tal-enerġija;

H.

billi t-tibdil fil-klima, il-prezzijiet tal-enerġija mhux kompetittivi u dipendenza għolja ħafna fuq fornituri minn pajjiżi terzi mhux affidabbli qed jheddu s-sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Ewropa;

I.

billi l-għan ta' Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b'politika dwar il-klima ambizzjuża fil-qalba tagħha huwa li tiżgura t-tranżizzjoni għal mudell tal-enerġija ġdid li jagħti s-setgħa lill-familji u n-negozji biex jipproduċu u jikkonsmaw enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u għall-but ta' kulħadd;

J.

billi l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku jeħtieġ li tiġi indirizzata fil-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija billi tingħata s-setgħa lill-konsumaturi vulnerabbli, titjieb l-effiċjenza fl-enerġija għal dawk l-iżjed vulnerabbli u jiġu żviluppati miżuri kurattivi li jagħmlu l-enerġija għall-but ta' kulħadd għal dawk fil-bżonn;

K.

billi l-faqar enerġetiku jista' jiġi definit bħala l-inabbiltà li familja ssostni livell adegwat ta' provvista tal-enerġija, sabiex tiggarantixxi livelli bażiċi ta' kumdità u saħħa, minħabba taħlita ta' dħul baxx, prezzijiet tal-enerġija għolja u djar ta' kwalità baxxa;

L.

billi l-viżjoni futura tal-Unjoni tal-Enerġija trid tkun waħda li fiha l-Istati Membri jirrikonoxxu li jiddependu fuq xulxin biex jipprovdu enerġija sikura, sostenibbli u għall-but ta' kulħadd liċ-ċittadini tagħhom, ibbażata fuq solidarjetà u fiduċja veri, u li fiha l-Unjoni Ewropea titkellem b'leħen wieħed fi kwistjonijiet globali; billi kull Stat Membru għalhekk għandu l-obbligu li jagħti prijorità lill-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija sabiex jissalvagwardja s-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tal-Istati Membri tagħha b'mod globali;

M.

billi l-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima jridu jikkomplementaw lil xulxin, u l-objettivi tagħhom iridu jsaħħu lil xulxin; billi, għalhekk, l-Unjoni tal-Enerġija għandha tikkomplementa objettivi Ewropej ta' riindustrijalizzazzjoni u tkabbir, tagħti spinta lit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli bbażata fil-parti l-kbira tagħha fuq l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, li għandha ssaħħaħ il-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea, filwaqt li tevita b'mod effikaċi rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

N.

billi l-UE timporta aktar minn nofs l-enerġija kollha li tikkonsma, id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni hija partikolarment għolja għal żejt mhux raffinat (aktar minn 90 %), gass naturali (66 %) u antraċit (72 %), u l-kont tal-importazzjoni totali kien aktar minn EUR 400 biljun fl-2013; billi l-istokk tal-bini tal-UE huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-UE u għall-konsum ta' madwar 60 % tal-importazzjonijiet tal-gass fl-UE, biex b'hekk jagħmel il-moderazzjoni tad-domanda tiegħu għall-enerġija fattur importanti għall-kisba tal-indipendenza fl-enerġija;

O.

billi l-prezz globali taż-żejt tbaxxa b'mod sinifikanti, l-UE setgħet tieħu passi importanti fit-trasformazzjoni tax-xenarju tal-enerġija tagħna billi tinvesti fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, tisfrutta l-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini u l-industrija u tiżviluppa infrastruttura intelliġenti; billi l-flus li ntefqu fuq l-importazzjoni ta' fjuwils fossili ma jikkontribwux ħafna għall-investiment, l-impjiegi jew it-tkabbir fl-Unjoni, u billi li kieku kellhom jintużaw għal investimenti interni jistimulaw it-tkabbir u joħolqu impjiegi lokali ta' kwalità għolja u li jitolbu kapaċitajiet avvanzati;

P.

billi ħafna pajjiżi huma dipendenti ħafna fuq fornitur wieħed, li jista' jħallihom vulnerabbli għal interruzzjonijiet fil-provvista;

Q.

billi l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja, li ż-żmien wera li mhix sieħeb affidabbli u li tuża l-provvisti tal-enerġija tagħha bħala arma politika;

R.

billi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija rigward ir-riżorsi strateġiċi saru parti importanti mill-politika barranija Russa, b'mod partikolari ż-żejt u l-gass naturali, sabiex pajjiżi oħra jitqiegħdu taħt pressjoni politika; jinnota li dan kien il-każ għal għadd ta' pajjiżi ġirien tagħha u għal diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;

S.

billi l-użu taż-żejt u l-gass naturali għal raġunijiet ta’ politika barranija u għad-destabbilizzazzjoni ta’ pajjiżi oħra jagħmel ħsara lit-tkabbir ekonomiku u, agħar minn hekk, jagħmel ħsara lill-istabbiltà demokratika fl-Ewropa u l-indipendenza tal-istati sovrani;

T.

billi s-sigurtà tal-enerġija Ewropea trid tiġi żviluppata b'tali mod li tiddefendi kemm is-sigurtà Ewropea kif ukoll is-sovranità tal-pajjiżi Ewropej, inklużi l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

U.

billi politika għas-sigurtà tal-enerġija trid tindirizza l-bżonn ta’ provvista stabbli minn sorsi differenti tal-enerġija, billi tipprovdi lill-ekonomija Ewropea bl-enerġija meħtieġa għat-trasport, l-industrija u d-djar b’mod li tappoġġa l-kompetittività u l-politika dwar it-tibdil fil-klima, fl-istess ħin li għandha timminimizza d-dipendenza fuq dawk li deliberatament jixtiequ jużaw ir-riżorsi tal-enerġija għall-iskopijiet politiċi tagħhom sabiex jinfluwenzaw żviluppi politiċi f’pajjiżi oħra,

V.

billi l-ebda Stat Membru m'għandu jkun soġġett għal kundizzjonijiet kuntrattwali inkompatibbli mad-dritt tal-UE li jisfruttaw il-pożizzjoni dgħajfa tiegħu fis-suq tal-enerġija bbażata sempliċement fuq determinanti ġeografiċi u storiċi;

W.

billi t-tilwim dwar il-gass tal-2006 u l-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, li hija pajjiż ta' tranżitu, ħalla lil ħafna pajjiżi tal-UE b'nuqqasijiet serji ta' provvista; billi l-interruzzjonijiet juru li l-miżuri li ttieħdu sa issa kienu insuffiċjenti biex jeliminaw id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-gass tar-Russja;

X.

billi l-valutazzjoni u l-verifika ex post tal-ftehimiet kollha relatati mal-enerġija fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-UE diġà huma possibbli permezz, inter alia, ta' regolamenti dwar il-kompetizzjoni u l-enerġija; billi kontrolli tal-konformità ex ante insuffiċjenti fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE jwasslu għal distorsjonijiet serji fis-suq; billi l-Kummissjoni rrikonoxxiet dawn in-nuqqasijiet u impenjat ruħha li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-valutazzjoni ex ante dwar il-kuntratti kummerċjali tal-provvista tal-gass;

Y.

billi jeħtieġ li jiġu investiti aktar minn EUR 1 triljun fis-settur tal-enerġija tal-UE sal-2020 biss, u billi għal kull euro mhux investit fl-infrastruttura tal-enerġija qabel l-2020, wara l-2020 ikunu meħtieġa 4,3 euro biex jintlaħqu l-istess objettivi, u dan iqiegħed piż żejjed fuq ġenerazzjonijiet futuri;

Z.

billi l-UE trid tippermetti l-finanzjament tal-investimenti tagħha fl-immobilizzar tal-mezzi kollha eżistenti, pubbliċi (il-fondi strutturali u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)) u privati, billi tinkoraġġixxi l-orjentazzjoni tal-iffrankar tal-unitajiet domestiċi u l-kapaċitajiet tal-investituri fuq perjodu twil (fondi ta' pensjoni, assigurazzjonijiet) u billi toħloq kapaċità finanzjarja ġdida għall-UE;

AA.

billi l-prezzijiet tal-elettriku industrijali tal-UE, qabel ma jitqiesu l-eżenzjonijiet tat-taxxi jew tal-imposti għal industriji intensivi fl-enerġija, huma aktar minn darbtejn ogħla minn dawk fl-Istati Uniti tal-Amerika u r-Russja, 20 % ogħla minn dawk taċ-Ċina, iżda 20 % orħos minn dawk fil-Ġappun;

AB.

billi l-industrija Ewropea għadha ssofri minn żvantaġġ kompetittiv sinifikanti rigward il-prezzijiet tal-gass, l-aktar minħabba li l-indiċi tal-prezzijiet taż-żejt ġie inkluż f'kuntratti għal żmien twil mar-Russja;

AC.

billi d-differenza fil-prezzijiet ma' ekonomiji oħra jista' jkollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija tagħna, b'mod partikolari l-industriji tagħna li jużaw ħafna enerġija;

AD.

billi l-prezzijiet tal-enerġija kompetittivi huma kruċjali għall-kisba tal-miri ta' riindusrijalizzazzjoni ta' 20 % tal-UE sal-2020;

AE.

billi l-kumpaniji tal-UE fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, li ħafna minnhom huma SMEs, jimpjegaw 1,2 miljun ruħ fl-Ewropa u għandhom sehem ta' 40 % tal-privattivi tad-dinja kollha għal teknoloġiji rinnovabbli, u dan jagħmel lill-UE mexxej globali; billi din it-tmexxija għandha tinżamm fil-futur permezz ta' strateġija solida tal-UE għall-enerġija rinnovabbli;

AF.

billi, minkejja d-dominanza globali tagħha fl-investiment fl-enerġija rinnovabbli, il-World Energy Outlook 2014 tbassar li d-domanda globali għall-enerġija se tikber b'37 % u d-domanda globali għall-faħam se tikber bi 15 % sal-2040; billi fl-UE huwa ppjanat li ż-żieda tkun ħafna anqas minħabba titjib fl-effiċjenza fl-enerġija li rnexxa ħafna;

AG.

billi t-telf ta' welfare minħabba ineffiċjenza tas-suq tal-gass tal-UE jaqbeż EUR 11-il biljun kull sena minħabba, inter alia, nuqqas ta' infrastruttura u livell baxx ta' likwidità u trasparenza tas-suq;

AH.

billi suq uniku fl-enerġija aktar integrat mil-lat ekonomiku u fiżiku jista' jirriżulta fi gwadanji sinifikanti fl-effiċjenza;

AI.

billi s-suq tal-konsumaturi tal-enerġija tal-UE ma jiffunzjonax kif xieraq, peress li f'ħafna Stati Membri l-konsumaturi għandhom għażla żgħira wisq bejn il-fornituri; billi l-kwistjonijiet tal-konċentrazzjoni tas-suq għandhom jiġu indirizzati mill-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri u b'hekk iżidu l-kompetizzjoni u jbaxxu l-prezzijiet; billi għandha tingħata attenzjoni għar-riskju li ċittadini inqas infurmati, li huma anqas probabbli li jqabblu u jibdlu l-fornituri, jispiċċaw b'tariffi skaduti u mhux kompetittivi;

AJ.

billi l-implimentazzjoni sħiħa ta' suq tal-enerġija Ewropew integrat għall-gas u għall-elettriku hija ta' importanza fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija u biex jittieħdu l-passi lejn Unjoni tal-Enerġija; billi l-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà li tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw u jirrispettaw il-partijiet kollha tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija, bil-għan ta' suq integrat għall-elettriku u l-gass;

AK.

billi jekk tintlaħaq il-mira ta' interkonnessjoni ta' 10 %, u jekk tiġi żgurata kapaċità aħjar tat-trażmissjoni transfruntiera għall-elettriku u l-gass kif ukoll rinforzi addizzjonali tal-grid eżistenti, tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, tkun tista' ssir integrazzjoni aħjar tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jinstab bilanċ bejn il-provvista u d-domanda bejn l-Istati Membri filwaqt li titħeġġeġ il-konverġenza tal-prezzijiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi;

AL.

billi l-konverġenza u l-ottimizzazzjoni tal-kostijiet huma mistennija wkoll minn kooperazzjoni reġjonali approfondita bejn l-Istati Membri;

AM.

billi l-Komunità tal-Enerġija hija strument biex is-suq tal-enerġija intern tal-UE jitwessa' għall-pajjiżi ġirien tal-UE, u b'hekk jgħin biex jinħoloq spazju tal-enerġija pan-Ewropew ibbażat fuq prinċipji komuni u l-istat tad-dritt;

AN.

billi l-Unjoni tal-Enerġija tirrifletti diversi talbiet mill-Parlament għat-twaqqif ta' Komunità tal-Enerġija pan-Ewropea vera, ibbażata fuq suq tal-enerġija komuni, koordinazzjoni ta' xiri tal-enerġija barra mill-UE u finanzjament Ewropew komuni tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli;

AO.

billi d-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE teħtieġ aktar koerenza u għadha ma użatx il-potenzjal sħiħ tagħha biex tikkontribwixxi f'termini tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività tal-Unjoni;

AP.

billi t-33 proġett infrastrutturali identifikati fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà tal-Enerġija għandhom ikunu kkomplementati b'enfasi aktar b'saħħitha dwar il-modernizzazzjoni tan-netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku u dwar il-bidla mill-faħam u l-gass għall-bijomassa bl-għan li tittejjeb is-sigurtà tal-provvista;

AQ.

billi huwa rikonoxxut li l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) jista' jkun ta' kontribut deċiżiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, b'mod speċifiku, jista' jgħin biex jitnaqqas il-kost tat-tranżizzjoni għal suq tal-enerġija dekarbonizzat u ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

AR.

billi d-diversifikazzjoni tal-provvisti, it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija, titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, l-iżvilupp ulterjuri ta' riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa, inkluża l-enerġija rinnovabbli, u attivitajiet ta' R&Ż huma l-muturi ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija;

AS.

billi l-isfruttament ta' riżorsi konvenzjonali indiġeni taż-żejt u tal-gass b'konformità sħiħa mal-acquis tal-UE, kemm f'żoni ta' produzzjoni tradizzjonali (e.ż. fil-Baħar tat-Tramuntana) kif ukoll f'żoni li ġew skoperti reċentement (e.ż. il-Lvant tal-Mediterran, il-Baħar l-Iswed), għandu jiġi promoss u appoġġat;

AT.

billi s-sorsi indiġeni tal-enerġija dejjem iridu jkunu sostenibbli u sikuri;

AU.

billi l-aspirazzjoni tal-UE hija li żżid il-kontribut tal-industrija għall-PDG tagħha sa 20 % sal-2020, u l-enerġija f'livelli ta' prezzijiet kompetittivi kif ukoll iżjed produttività tal-enerġija jkunu indispensabbli biex tinkiseb din l-ambizzjoni;

Dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem”; jieħu nota tal-ħames pilastri tal-Unjoni tal-enerġija deskritti mill-Kummissjoni; jinsisti li l-politiki segwiti taħt dawn il-pilastri għandhom dejjem jikkontribwixxu għall-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni, is-sostenibbiltà fit-tul tal-ekonomija u l-offerta ta’ prezzijiet affordabbli u kompetittivi tal-enerġija;

2.

Itenni li l-enerġija hija beni soċjali pubbliku u li l-UE għandha għaldaqstant tiffoka mill-qrib fuq il-kwistjoni tal-faqar enerġetiku u tippromwovi miżuri konkreti biex tindirizza din il-problema; jinsisti, għaldaqstant, li l-Unjoni tal-Enerġija tiżgura aċċess ugwali għall-enerġija għal kulħadd, tikkontribwixxi għal prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd b'mod li jibbenefikaw il-konsumaturi kollha, tippromwovi konnessjonijiet u infrastruttura tal-enerġija li jkollhom rwol strateġiku għall-benefiċċju tan-nies, u ssaħħaħ r-regolamentazzjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-proposti leġiżlattivi kollha li jiffurmaw parti mill-Unjoni tal-Enerġija jsegwu l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, biex b'hekk jiġi involut bis-sħiħ il-Parlament u tiġi żgurata sorveljanza demokratika effikaċi; jistenna li l-qafas ta' governanza ta’ wara l-2020 għall-Unjoni tal-Enerġija jkun ambizzjuż, affidabbli, trasparenti, demokratiku u jinkludi b'mod sħiħ lill-Parlament, u li jiżgura li jinkisbu l-miri għall-klima u l-enerġija għall-2030, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa, l-infurzar u l-aġġornament tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-klima u l-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' rappurtar oħra, tippreżenta fuq bażi annwali rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija, inklużi dettalji dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u l-progress li sar lejn il-kisba tal-miri għall-2020 u l-2030, biex tiżviluppa u taġġorna sett ta' indikaturi ewlenin li għandhom jiġu inklużi fir-rapport, u biex tippermetti l-valutazzjoni tal-progress bl-Unjoni tal-Enerġija; dawn l-indikaturi jistgħu jinkludu, imma ma jkunux limitati għal, il-kapaċità tal-interkonnessjoni, l-integrazzjoni tas-suq, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet tal-enerġija, il-livelli ta' diversifikazzjoni, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, l-iżvilupp ta' ġenerazzjoni komunitarja u b'responsabbiltà lokali, u l-livelli tal-faqar enerġetiku u l-vulnerabbiltà; jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Enerġija tas-26 ta' Novembru 2015 dwar is-sistema ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien lill-Parlament u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva li tqis il-konklużjonijiet tal-Kunsill u l-fehmiet tal-Parlament kif espressi f'dan ir-rapport; jaqbel mal-konklużjonijiet tal-Kunsill li Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima li jkopru l-perjodu mill-2021 sal-2030 m'għandhomx ikollhom biss l-għan li jilħqu l-miri għall-2030, iżda għandhom jirriflettu wkoll perspettiva fuq terminu itwal, b'mod speċjali l-objettivi maqbula tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-1990;

4.

Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għall-enerġija fit-tul fid-dawl tal-mira fit-tul li sal-2050 jinkiseb tnaqqis ta’ 80-95 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra, li għandhom ikunu fuq l-istess linja ta' sforzi simili meħuda mill-pajjiżi li l-aktar iniġġsu fid-dinja;

5.

Jirrikonoxxi l-inaljenabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda permezz ta' referendums nazzjonali dwar kwistjonijiet ta' enerġija;

6.

Jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tadotta approċċ komprensiv li jiffoka fuq dimensjonijiet bħall-kisba ta' suq intern tal-enerġija integrat kompletament, is-sigurtà tal-provvista, l-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija tal-UE, il-moderazzjoni tad-domanda għall-enerġija, it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra essenzjalment ibbażat fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u suq tal-karbonju għall-UE kollha kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp li jimmiraw għat-tmexxija fit-teknoloġija tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija u jiġu pprovduti b'enerġija sigura, sostenibbli u għall-but ta' kulħadd;

7.

Jirrikonoxxi l-miri dgħajfa għall-2030 għall-klima u l-enerġija proposti mill-Kunsill Ewropew, jiġifieri, li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitnaqqsu b’40 %, li s-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija Ewropea jiżdied għal 27 % u li l-effiċjenza fl-enerġija tiżdied b'27 %; ifakkar li l-Parlament talab ripetutament għal miri vinkolanti rigward il-klima u l-enerġija għall-2030 bi tnaqqis nazzjonali ta' mill-anqas 40 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, mill-anqas 30 % għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija, biex jiġu implimentati permezz ta' miri nazzjonali individwali;

Sigurtà, solidarjetà u fiduċja fil-qasam tal-enerġija

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jaslu għal prezzijiet u spejjeż iżjed sostenibbli u kompetittivi tal-enerġija importata għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej permezz tad-diversifikazzjoni tal-provvista (sorsi tal-enerġija, fornituri u rotot); għal dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-bini tal-kurituri ta' prijorità rilevanti fl-infrastruttura tal-enerġija, kif speċifikat fl-Anness I tar-Regolament dwar in-Netwerks tal-Enerġija Trans-Ewropej (TEN-E) u fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), b’enfasi speċjali fuq l-Istati Membri b'dipendenza għolja; jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-kapaċitajiet interni eżistenti inklużi r-riżorsi tal-enerġija tal-Ewropa;

9.

Jirrikonoxxi li l-proġetti li huma attwalment inklużi fil-lista ta’ proġetti ta' interess komuni (PCI) mhumiex biżżejjed biex jilħqu l-mira Ewropea tal-interkonnessjoni bejn il-Peniżola Iberika u l-Ewropa kontinentali; iħeġġeġ lill-Grupp Reġjonali TEN-E u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw proġetti addizzjonali biex jiġu inklużi fil-lista li ġejja ta’ PCI tal-2015 sabiex tiżdied b’mod sinifikanti l-kapaċità bejn Spanja u Franza;

10.

Jissottolinja li infrastruttura żviluppata sew u integrata kompletament li tippermetti diversifikazzjoni mtejba ta’ provvisti u flussi transfruntieri hija importanti ħafna għall-iżgurar ta’ sigurtà tal-provvista f’kundizzjonijiet normali u ta’ emerġenza u għat-twassil ta’ enerġija minn sorsi kompetittivi għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea u l-Komunità tal-Enerġija;

11.

Jenfasizza li riżervi sinifikanti ta’ gass fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u dawk skoperti riċentement fil-Lvant tal-Mediterran jipprovdu r-reġjun tal-Mediterran b’opportunità li jsir ċentru vitali għal netwerk ta’ pipelines għat-trasport tal-gass lejn l-Ewropa; jappella għal Hub tal-Gass tal-Mediterran b'kapaċitajiet mkabbra għall-LNG; jenfasizza li l-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet li jinħolqu minn dawn ir-riżervi tal-gass sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tagħha;

12.

Jenfasizza li l-proġetti infrastrutturali kollha tal-UE bl-għan tad-diversifikazzjoni tas-sorsi, il-fornituri u r-rotot tal-enerġija jridu jkunu konformi b'mod sħiħ mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u mal-objettivi u l-prijoritajiet fit-tul, inkluża s-sigurtà tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jiżguraw utilizzazzjoni għolja u effiċjenti tal-infrastruttura tal-enerġija u r-rotot tal-enerġija lejn l-UE li diġà jeżistu; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-investimenti li jimmoderaw id-domanda għall-enerġija, eż. fl-istokk tal-bini, bħala proġetti eliġibbli;

13.

Jissottolinja li l-fornituri tal-enerġija li ġejjin minn pajjiżi terzi jridu jkunu soġġetti għall-acquis tal-UE, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat, waqt li joperaw fis-suq komuni, u jistieden lill-Kummissjoni tinforza d-dritt tal-UE bil-mezzi kollha disponibbli sabiex l-enerġija tkun tista' tiġi trażmessa liberament fl-UE u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fis-suq intern;

14.

Jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li l-UE ttemm l-iżolament ta' Stati Membri u reġjuni mis-suq intern tal-enerġija, kif muri mit-testijiet tal-istress għall-gass imwettqa mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq tali testijiet b'mod regolari; huwa tal-opinjoni li l-UE għandha tgħin lil dawk il-pajjiżi l-iżjed vulnerabbli biex jiddiversifikaw is-sorsi tagħhom u r-rotot tal-provvista, bħala kwistjoni ta' prijorità; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex jimplimentaw mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet tat-testijiet tal-istress tas-sistema tal-gass; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra t-twettiq ta’ “testijiet tal-istress għall-elettriku” sabiex tibni ħarsa ġenerali lejn ir-reżiljenza tas-sitwazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija; jenfasizza li dawn it-testijiet tal-istress għandhom jidentifikaw, b'mod partikolari, l-istatus, il-kapaċità u d-durabbiltà tan-netwerk tat-trażmissjoni nazzjonali kollha, kif ukoll il-livell ta' interkonnessjoni u l-kapaċità transfruntiera, u li rakkomandazzjonijiet sussegwenti, ibbażati fuq dawn it-testijiet tal-istress, għandhom jinkludu valutazzjonijiet sħaħ tal-impatt kemm tal-pjanijiet nazzjonali kif ukoll tal-objettivi tal-Unjoni biex jindirizzaw kwalunkwe punt ta' azzjoni li jirriżulta minnhom;

15.

Jinnota li, fil-kuntest tal-Unjoni tal-Enerġija futura, is-sigurtà kwantitattiva u kwalitattiva tal-provvista tal-enerġija u l-kompetittività huma fost l-iktar kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu li l-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE mal-ġirien tagħhom meta jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, teżamina kif l-arkitettura attwali ta' miżuri nazzjonali ta' prevenzjoni u ta' rispons għall-emerġenzi tista' tiġi mtejba kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

16.

Jemmen li mekkaniżmi ta’ kapaċità nazzjonali għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju, ladarba l-għażliet l-oħra kollha jkunu ġew ikkunsidrati, inkluża interkonnettività akbar ma’ pajjiżi ġirien, miżuri ta’ reazzjoni min-naħa tad-domanda u forom oħra ta’ integrazzjoni tas-suq reġjonali;

17.

Iqis li l-Unjoni tal-Enerġija timplika negozjar b'leħen wieħed mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-adegwatezza u l-istruttura potenzjali ta' mekkaniżmu ta' xiri kollettiv volontarju u l-impatt tiegħu fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-gass, l-impriżi affettwati u l-kontribut tiegħu biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass; jinnota li billi hemm diversi mudelli ta' mekkaniżmi ta' xiri kollettiv, jeħtieġ li jsir iżjed xogħol biex jiġi ddeterminat l-aħjar mudell ibbażat fuq is-suq applikabbli għar-reġjuni u l-fornituri kkonċernati tal-UE u għall-kundizzjonijiet li taħthom jista' jitnieda l-mekkaniżmu ta' xiri kollettiv volontarju; iqis li l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet u x-xiri kollettiv tal-gass għandhom jibdew fil-livell reġjonali; jirrakkomanda, sadanittant, li l-Kummissjoni u s-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija jappoġġaw lil dawk l-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija rispettivament, li jixtiequ jinnegozjaw kuntratti tal-enerġija fuq bażi volontarja, f'konformità mal-acquis tas-suq intern tal-UE u mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u r-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u jipprovdu għall-protezzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva; jissottolinja li l-kuntratti tal-enerġija għandhom ikunu bbażati fuq il-prezzijiet tas-suq u l-kompetizzjoni;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) iwaqqfu qafas komprensiv għad-dimensjoni esterna tal-Unjoni tal-Enerġija, b'enfasi speċifika fuq il-promozzjoni ta' sħubijiet strateġiċi ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u li jipproduċu l-enerġija, b'mod partikolari fi ħdan il-viċinat Ewropew u fir-rigward tal-politiki ta' tkabbir, abbażi ta' valuri komuni kondiviżi u filwaqt li jitqies l-istat attwali tal-kooperazzjoni reġjonali; sħubiji strateġiċi preċedenti u ġodda għandhom jiġu kkunsidrati u esplorati sabiex jissaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar iż-żejt u l-gass naturali, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi rinnovabbli, il-kummerċ u l-interkonnessjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija mal-infrastruttura esterna tal-enerġija;

19.

Jenfasizza li Politika Esterna Komuni ġenwina dwar l-Enerġija tal-UE għandha timxi id f'id mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tagħha; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, koordinazzjoni aħjar bejn il-VP/RGħ u l-Kummissarji rilevanti bil-għan li titjieb il-koerenza ta' politiki dwar is-sigurtà tal-enerġija esterna tal-UE; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni toħloq raggruppament aktar b'saħħtu taħt it-tmexxija tal-VP/RGħ mal-pożizzjoni ta' persuna maħtura responsabbli għall-koordinazzjoni ta' dawn il-politiki;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' riflessjoni ta' livell għoli dwar is-sigurtà tal-enerġija, il-politika barranija u l-Unjoni tal-Enerġija b'rappreżentanza u involviment qawwija tal-Parlament u tal-partijiet soċjetali ikkonċernati, sabiex tiżviluppa xenarji kredibbli fuq perjodu twil ta' żmien tad-domanda, tal-offerta u ta' kooperazzjoni mas-sħab esterni, speċjalment fil-qasam tal-bini tal-kapaċità u l-iskambju tat-teknoloġija dwar l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija u r-relazzjoni bejn l-enerġija u d-drittijiet tal-bniedem;

21.

Jesprimi tħassib dwar l-irduppjar propost fil-kapaċità tal-pipeline Nord Stream u l-effetti li dan jista' jkollu fuq is-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista u l-prinċipju ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri; jenfasizza, fil-kuntest tat-taħditiet trilaterali li għaddejjin bħalissa bejn l-UE, l-Ukraina u r-Russja, il-ħtieġa li jiġu żgurati l-provvisti tal-enerġija fit-tul lejn u minn ġo l-Ukraina;

22.

Jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fl-UE jnaqqas ir-riskju ta' dipendenza u għalhekk jisaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE fi kwistjonijiet relatati mal-enerġija;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza akbar fi ftehimiet relatati mal-enerġija, li tista' tinkiseb billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni f'negozjati relatati mal-enerġija li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiżi terzi, b'mod partikolari billi jsir rekwiżit li l-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati kollha bħala osservatur sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni ta' Stati Membri individwali fil-konfront ta' fornitur ta' pajjiż terz involut fin-negozjati sabiex u b'hekk jiġu mmitigati r-riskji ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti minn fornitur wieħed; jinnota, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjonijiet ex ante u ex post, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, u tfassal kemm lista pożittiva kif ukoll lista negattiva ta' klawżoli ta' ftehim, bħal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni, klawżoli ta' destinazzjoni u take-or-pay, l-indiċizzar taż-żejt għall-prezzijiet tal-gass jew klawżoli li jipprojbixxu li parti terza tagħmel provvisti tal-enerġija suġġett għall-kundizzjoni li jingħata aċċess preferenzjali għall-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija fl-UE; jirrimarka li, skont l-Artikolu 13(6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, meta jkunu qed jiġu konklużi ftehimiet intergovernattivi ġodda ma' pajjiżi terzi li għandhom impatt fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-gass u l-provvisti tal-gass, l-Istati Membri huma meħtieġa jinformaw lill-Kummissjoni, sabiex din tkun tista' tivvaluta s-sitwazzjoni rigward is-sigurtà tal-provvista fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet b'saħħithom dwar il-valutazzjoni ex ante fil-kuntratti kummerċjali rigward il-provvista tal-gass fir-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass;

24.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiġi infurmata dwar il-ftehimiet intergovernattivi futuri kollha dwar l-enerġija ma' partijiet li mhumiex fl-UE f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' skambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija qabel l-iffirmar sabiex ikun żgurat li dawn jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, u ma jheddux is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE; jenfasizza li tali diskussjoni u konsultazzjoni għandhom iservu bħala għodda għat-tisħiħ tas-saħħa tan-negozjar tal-Istati Membri u l-kumpaniji tal-UE, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva; iqis li tali diskussjoni u konsultazzjoni m'għandhom bl-ebda mod jippreġudikaw is-sustanza u l-kontenut tal-ftehimiet, imma jiżguraw li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni rilevanti kollu u fl-aħjar interessi tal-kumpaniji u l-Istati Membri kkonċernati; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Deċiżjoni Nru 994/2012/UE sabiex issaħħaħ il-mekkaniżmu tal-informazzjoni kif xieraq u tingħata spinta lir-rwol tal-Kummissjoni;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tħejji abbozzi ta' mudelli u linji gwida ta' kuntratti li jinkludu lista indikattiva ta' klawżoli abbużivi sabiex toħloq referenza għall-awtoritajiet kompetenti u l-kumpaniji fl-attivitajiet kuntrattwali tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-mekkaniżmu tal-iskambju tal-informazzjoni fir-rigward tal-ftehimiet intergovernattivi (IGAs) ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-enerġija, sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi sfruttata s-saħħa tan-negozjar tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi, biex b'hekk tiġi assigurata enerġija iżjed affordabbli għall-konsumaturi Ewropej; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippubblika valutazzjonijiet trimestrali tal-kundizzjonijiet kuntrattwali bħall-prezzijiet medji tal-importazzjoni;

26.

Jenfasizza li sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar tal-kumpaniji tal-UE fil-konfront ta' fornituri esterni, il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratti għandhom ikunu iżjed trasparenti u aggregati u, fuq bażi regolari, jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tinġabar l-informazzjoni neċessarja kollha li kemm l-awtoritajiet kompetenti nfushom kif ukoll il-kumpaniji jkunu jistgħu jutilizzaw fin-negozjati futuri tagħhom, filwaqt li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta' informazzjoni sensittiva; jemmen li dan għandu jgħin biex jiżgura kompetizzjoni ġenwina fil-kuntratti tal-enerġija, biex jiġi evitat l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti minn pajjiżi terzi u biex tkun żgurata l-konformità mad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet konkreti biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni ta' enerġija, tissorvelja l-livell ta' diversifikazzjoni fl-importazzjoni u tippubblika rapporti regolari dwar il-progress f'dan ir-rigward;

28.

Jenfasizza li huwa essenzjali li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-industrija u t-teknoloġija Ewropea fil-katina kollha tal-produzzjoni tal-enerġija, li tinkludi mhux biss il-materja prima iżda wkoll il-ġenerazzjoni, ir-raffinar, il-ħżin, it-trasport u d-distribuzzjoni, peress li dawn huma elementi kruċjali għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

29.

Jemmen li d-diversità fit-taħlitiet tal-enerġija tal-Istati Membri, abbażi tal-potenzjal, l-ambjent, il-lokazzjoni ġeografika, l-esperjenza, l-għarfien u l-ispejjeż u l-ħtiġijiet ekonomiċi rispettivi tagħhom, filwaqt li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-istrateġija u l-politiki dwar l-enerġija u l-klima, hija ta' vantaġġ għall-UE bħala entità waħda, billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha għal interruzzjonijiet fil-provvista, tippermettilha tagħmel għażliet kostottimali fl-enerġija u tippermetti l-iżvilupp u l-kompetizzjoni ta' teknoloġiji differenti fis-suq, biex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija; jinsisti, madankollu, li d-diversità nazzjonali m'għandhiex tirrappreżenta ostakolu għas-suq uniku, u l-Istati Membri għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jagħmlu investimenti xierqa fl-infrastrutturi tat-trażmissjoni domestiċi tagħhom u jiżguraw livelli għolja ta' interkonnettività u reżiljenza fis-sistemi tal-enerġija nazzjonali tagħhom sabiex jinkisbu l-objettivi dwar is-sigurtà u s-suq tal-enerġija tal-Unjoni;

30.

Jemmen li l-Unjoni tista' żżid is-sigurtà tal-enerġija tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fornituri u fjuwils partikolari billi żżid l-effiċjenza fl-enerġija, kif ukoll tagħmel l-aħjar użu mis-sorsi ta' enerġija tal-Ewropa, f'konformità mal-għanijiet tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija, tal-ambjent u l-klima kif ukoll mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà, billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-taħlitiet tal-enerġija tagħhom u jiġu evitati l-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità; jenfasizza li bħala prinċipju m'għandu jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-ebda fjuwil jew teknoloġija li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija u l-objettivi dwar il-klima;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-użu effettiv tal-iskemi eżistenti kollha ta' finanzjament tal-UE, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, sabiex tattira l-investiment għal proġetti ta' infrastruttura tal-enerġija ewlenin, tar-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet interni tal-Ewropa bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija, abbażi ta' approċċ kostijiet-benefiċċji li jkun teknoloġikament newtrali u li jipprijoritizza l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni;

32.

Jitlob il-mobilizzazjoni rapida tar-riżorsi għall-finanzjament tal-PCIs sabiex tinbena l-infrastruttura neċessarja u tiġi prevista provvista tal-enerġija affidabbli u mingħajr intoppi li ma tkun soġġetta għall-ebda forma ta' pressjoni politika minn barra l-UE;

33.

Jenfasizza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jiffunzjona bħala mekkaniżmu biex idawwar l-investiment infrastrutturali fi klassi tal-assi kompletament likwida b’bonds li jistgħu jiġu miġbura flimkien u nnegozjati fis-swieq Ewropej u f'dawk globali; barra minn hekk, jinnota li investituri istituzzjonali bħal assiguraturi jew fondi ta’ pensjoni, li huma mrawma b’mod naturali li jagħmlu investimenti fuq terminu twil f’assi reali, ikunu attirati biss minn prodotti standardizzati ta’ investiment u proġetti solidi ta’ investiment li jistgħu jiggarantixxu kazijiet kummerċjali sodi;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni, u b'mod partikolari lil DĠ Kummerċ, biex iżżomm l-objettiv li tiddedika kapitolu separat għall-enerġija fis-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), bl-għan li jitneħħew l-ostakli tariffarji u non-tarriffarji għall-kummerċ tal-Istati Uniti li jikkonċernaw kemm il-gass naturali likwifikat (LNG) kif ukoll iż-żejt mhux raffinat u li jiġu eliminati miżuri protezzjonisti mhux ġustifikati li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' ambjent iżjed kompetittiv għan-negozju Ewropew billi titnaqqas id-diskrepanza fl-ispejjeż tal-enerġija fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura li kwalunkwe kapitolu għall-enerġija bħal dan ikun jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jżidu l-kooperazzjoni bejn programmi ta' riċerka dwar l-enerġija ffinanzjati mill-UE u mill-gvern tal-Istati Uniti, b'mod partikolari l-programm ARPA-E tal-Istati Uniti;

35.

Jirrimarka li l-politika kummerċjali tal-UE għandu jkollha l-għan li żżid is-sigurtà tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 194 TFUE, tiddiversifika t-taħlita tal-enerġija Ewropea u tnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni minn fornitur estern wieħed jew punt ta’ provvista wieħed, filwaqt li tiġi rispettata d-diviżjoni tal-kompetenzi rilevanti stabbilita fit-Trattat;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ aktar strett ta’ mġiba li tmur kontra l-kompetizzjoni u ta’ miżuri anti-dumping sabiex l-industriji tal-enerġija Ewropej jiġu protetti minn importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;

37.

Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ qed jiġu mblukkati fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi favur miżuri aktar stretti kontra importazzjonijiet inġusti minn pajjiżi terzi;

38.

Jistieden lill-Kunsill jimxi ’l quddiem fil-modernizzazzjoni tal-istrumenti ta’ difiża kummerċjali biex jiġi żgurat li l-industriji Ewropej tal-manifattura li b’mod partikolari jipproduċu turbini, pannelli solari, materjal tal-kostruzzjoni u azzar ta’ kwalità għolja, ikunu jistgħu jisiltu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjoni tal-enerġija;

39.

Jenfasizza l-importanza li fil-ftehimiet kummerċjali jkun hemm dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni teknoloġika u s-servizzi fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u l-produzzjoni deċentralizzata ta’ enerġiji rinnovabbli, inklużi l-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-softwer; jirrimarka li d-dekarbonizzazzjoni hija għan komuni tal-UE u ta' bosta pajjiżi, reġjuni u bliet sħab;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiddiversifikaw il-produzzjoni tal-enerġija tagħhom permezz ta’ strumenti kummerċjali internazzjonali, u tippromwovi l-produzzjoni ta’ enerġija solari b’mod partikolari fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE;

41.

Jilqa’ b’sodisfazzjon in-negozjati dwar Inizjattiva ta’ Prodotti Ekoloġiċi bejn l-UE u 13-il membru ieħor tad-WTO li tkun tkopri prodotti, servizzi u teknoloġiji li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku, il-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika u l-iżvilupp sostenibbli; jappella sabiex sa tmiem l-2015 jintemmu t-taħditiet fil-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Nairobi;

42.

Jenfasizza li n-negozjati b’rabta mal-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali għandhom ikunu bbażati fuq definizzjoni tal-prodotti ambjentali li tkun konsistenti mal-politiki tal-UE u m’għandhomx jikkontradixxu miżuri li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ġew adottati fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC);

43.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel pressjoni biex tistabbilixxi sistema għall-iskambju tal-enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, fid-dawl tal-iżviluppi attwali u futuri fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-liċenzjar ta' sistemi ta' linji elettriċi, bħal konnessjoni ta' elettriku ta' voltaġġ għoli, bl-għan li jiġi żviluppat netwerk globali ta' skambju ta' enerġija rinnovabbli;

44.

Jenfasizza li Komunità tal-Enerġija msaħħa għandha tkun il-qofol tal-politika tal-UE dwar l-enerġija esterna u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti bbażati fuq ir-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni ta’ Livell Għoli għar-riforma tal-Komunità tal-Enerġija;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-attivitajiet tal-Komunità tal-Enerġija, b’mod partikolari fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija għal aktar sigurtà tal-provvista, permezz, inter alia, ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar tal-liġi tal-UE, bħalma huma l-miri tal-2020 u l-2030, u b’mod partikolari permezz ta’ governanza aħjar, simplifikazzjoni tal-proċeduri u użu aħjar ta’ għodod tal-IT bl-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv, jittejbu l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż it-twaqqif ta’ Assemblea Parlamentari tal-Komunità tal-Enerġija, u li jiġu implimentati proġetti ewlenin ta’ infrastruttura, bħal interkonnetturi bidirezzjonali transfruntieri, sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar mas-suq tal-enerġija tal-UE u l-mekkaniżmi tas-sigurtà tal-provvista mingħajr ma jsir rikors għall-istabbiliment ta’ swieq tal-kapaċità nazzjonali li jdgħajfu l-effikaċja tas-suq intern tal-enerġija;

46.

Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja rigward il-gass, l-elettriku, l-effiċjenza fl-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jitlob lill-Kummissjoni tħaffef l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-Gass Euro-Med;

Suq Ewropew tal-enerġija integrat bis-sħiħ

47.

Jemmen li l-Unjoni tal-Enerġija futura trid tistabbilixxi fluss liberu ta' enerġija fil-pajjiżi kollha tal-UE u tal-Komunità tal-Enerġija;

48.

Jenfasizza li s-sinsla tal-Unjoni tal-Enerġija futura trid tkun suq intern tal-enerġija interkonness li jiffunzjona bis-sħiħ li jagħti enerġija sikura, assigurata, imqassma b'mod ġust, responsabbli soċjalment u ambjentalment, effiċjenti, kompetittiva, għall-but ta' kulħadd u sostenibbli fuq grids li jiffunzjonaw bis-sħiħ, sikuri u reżiljenti kif ukoll tnaqqis fid-domanda għall-enerġija, sabiex tippermetti lill-kumpaniji u lill-konsumaturi tal-UE jkollhom aċċess għall-gass, l-elettriku, u t-tisħin u t-tkessiħ bl-aktar mod sostenibbli, effiċjenti, demokratiku u kosteffettiv possibbli; iqis, għalhekk, li għandna nippruvaw niksbu l-espansjoni ulterjuri taż-żoni tas-suq eżistenti; iqis li huwa fundamentali li tiġi favorita l-integrazzjoni tal-prosumaturi fis-suq u n-netwerk tal-UE; jenfasizza n-nuqqasijiet sostanzjali esperjenzati fil-komunitajiet rurali fl-UE b'riżultat ta' konnettività tal-enerġija batuta;

49.

Jirrikonoxxi li attwalment ma hemmx suq uniku tal-enerġija fl-Ewropa, u li l-frammentazzjoni li tirriżulta fi ħdan is-swieq tal-enerġija tal-UE hija ta’ ħsara kbira għall-kompetittività u sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa;

50.

Ifakkar li s-swieq tal-enerġija jiddistingwu lilhom infushom mis-swieq finanzjarji mill-assi fiżiċi sottostanti, li bihom ir-riskju sistemiku fis-settur tal-enerġija huwa eliminat; jikkunsidra li huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġi implimentat regolament finanzjarju li jkopri wkoll is-settur tal-enerġija b’tali mod li ma jfixkilx l-iżvilupp ta’ suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb;

51.

Jenfasizza li, sabiex jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-kosteffettività reali, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż diretti u esterni tas-sorsi tal-enerġija differenti, kif ukoll l-impatt ta’ kull forma ta’ intervent pubbliku fuq il-pożizzjoni kompetittiva relattiva;

52.

Jemmen li mekkaniżmi bbażati fuq is-suq iridu jiġu komplementati b'mekkaniżmi ta' sigurtà tal-provvista u solidarjetà tanġibbli u ambizzjużi, bħal ġestjoni ta' kriżi aktar effiċjenti fil-livell reġjonali u tal-UE, l-adozzjoni ta' miżuri ambizzjużi ta' ffrankar ta' enerġija u l-użu ottimizzat ta' infrastruttura ta' ħżin ta' LNG u ta' gass, primarjament għas-sigurtà tal-provvista fuq skala reġjonali, biex jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, u li għandhom jiġu rieżaminati mill-aktar fis possibbli;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar sħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, l-enerġija, l-ambjent u l-klima; jitlob b'mod partikolari għal valutazzjoni tal-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u tal-benefiċċji ġġenerati għall-konsumaturi; jitlob għat-tneħħija ta' derogi mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u għal adozzjoni u implimentazzjoni rapidi ta' linji gwida u kodiċijiet tan-netwerks Ewropej;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni talloka iżjed riżorsi finanzjarji lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), u jissottolinja l-fatt li għandha tkun awtorizzata tirrekluta persunal addizzjonali sabiex tkun tista' timplimenta b'mod sħiħ u effikaċi l-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija – biex tiżgura l-integrità u t-trasparenza fil-kummerċ tal-enerġija u l-konformità mar-Regolament dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija (REMIT) – bħala prekundizzjoni għall-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-enerġija tal-UE; jinnota li l-kompetenzi tal-ACER għandhom jissaħħu vis-à-vis n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENSTO-G) u korpi oħra tal-UE b'funzjonijiet essenzjali, biex jiġi żgurat li tkun tista' tissodisfa l-kompiti tagħha speċifikati fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE u jemmen li l-Aġenzija għandha tinvolvi ruħha ma' assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni (DSOs), l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili;

55.

Itenni l-importanza tas-separazzjoni tas-sjieda kif ippreżentata mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta sa liema punt l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN) qed jinfurzaw il-kundizzjonijiet deskritti fl-opinjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (TSOs);

56.

Jiddispjaċih li l-ENTSO-E u l-ENTSO-G huma wisq dipendenti fuq l-allokazzjoni tal-baġit minn TSOs nazzjonali, u dan jhedded l-abbiltà tagħhom li jaġixxu bħala atturi Ewropej;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid ir-regolamentazzjoni u s-sorveljanza ta’ skambji tal-enerġija u ta' attivitajiet tas-suq ta’ ċentri tal-gass;

58.

Jenfasizza li sabiex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-reżistenza tal-enerġija ta’ emerġenza tagħna u r-reżistenza għal interruzzjonijiet fil-provvista, kemm l-enerġija tal-gass kif ukoll tal-elettriku għandhom ikunu esportabbli f’kull ħin; jinnota, f’dan ir-rigward, li sistemi attwali ta’ trażmissjoni transfruntiera huma ta’ spiss imfixkla minn deċiżjonijiet ta’ operaturi ta’ trażmissjoni nazzjonali; għaldaqstant, jistieden lill-ACER tagħmel aktar enfasi fuq din il-kwistjoni fir-rapport annwali tagħha dwar is-sorveljanza tas-suq;

59.

Jirrimarka li suq tal-enerġija intern li jiffunzjona bis-sħiħ mhux se jkun kompletat sakemm hemm Stati Membri b’sistemi tal-elettriku dipendenti fuq operatur minn pajjiż terz u jisħaq fuq l-importanza u l-ħtieġa li sal-2025 tkun żgurata operazzjoni sinkronizzata tal-Istati Baltiċi fi ħdan in-Netwerks Kontinentali Ewropej;

60.

Jenfasizza li huwa meħtieġ b'mod urġenti mudell futur tas-suq tal-elettriku fl-UE mfassal sew li jrid ikollu l-għan li jippromwovi l-investiment neċessarju biex jiggarantixxi l-provvista fuq terminu twil u – mill-perspettiva tas-sigurtà tan-netwerk – jintegra s-sorsi rinnovabbli tal-enerġija b’mod aktar ibbażat fuq is-suq u ottimizzat filwaqt li jqis in-natura dejjem tinbidel tal-provvista u d-domanda tal-enerġija, inklużi ż-żieda fl-użu tal-mikroġenerazzjoni, it-teknoloġija tar-rispons għad-domanda u s-sehem dejjem jikber tal-enerġija rinnovabbli; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' standards komuni għall-grids intelliġenti bħala element ewlieni biex tiġi żgurata provvista stabbli u fluss liberu tal-enerġija bejn il-fruntieri, biex b'hekk jingħata kontribut għas-sigurtà tal-enerġija; barra minn hekk jenfasizza r-rwol li l-iżvilupp ta' grids tal-enerġija iżjed intelliġenti u faċilitajiet ġodda tal-ħżin tal-enerġija jista' jkollu biex il-livell tar-riżorsi rinnovvabbli tal-enerġija (RES) jiżdied fuq skala Ewropea u jiġi żgurat li tali infrastruttura tiġi żviluppata flimkien maċ-ċentri reġjonali tar-RES;

61.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija u lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija, jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq l-avvanz ta' proġetti ta' interess komuni (PCIs) u fuq proġetti ta' interess tal-Komunità tal-Enerġija (PECIs), bl-għan li jiksbu grid tal-elettriku u netwerk tal-gass pan-Ewropew bil-kapaċità li jittrażmettu l-enerġija u l-gass madwar il-pajjiżi tal-UE minn sorsi multipli; jemmen li l-grid tal-elettriku għandu jkun kapaċi jiddevja l-enerġija minn żoni li għandhom iżżejjed għal dawk b'defiċit, biex b'hekk is-suq ikun jista' jirreaġixxi minnufih għal nuqqasijiet tal-provvista kull fejn iseħħu, jikkumpensa għal ċikli ċirkadjani u staġjonali, jintegra s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jħeġġeġ is-suq Ewropew tal-enerġija; jemmen li għandu jkun previst li jitħaffef il-proċess tal-approvazzjoni u l-permess ta' proġetti u li jitħeġġeġ it-titjib ta' linji eżistenti; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn l-isforzi għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq is-soluzzjoni tal-problemi li jirriżultaw mill-gżejjer tal-enerġija;

62.

Jilqa' r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020,

63.

Itenni l-impenn tiegħu li jikseb il-mira għall-interkonnettività ta' 10 % sabiex jitlesta s-Suq Intern tal-Eenerġija fl-UE, u jilqa’ l-proposta tal-Kunsill Ewropew għal livell minimu ta’ 15 % ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn l-Istati Membri sal-2030; jirrikonoxxi l-importanza li tinkiseb ukoll mira kwantitattiva ta’ interkonnettività billi tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ infrastruttura nazzjonali u transfruntiera eżistenti biex jiġi żgurat l-użu effettiv tas-sorsi ta’ enerġija Ewropej u tiżied is-sigurtà tal-provvista;

64.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat qafas regolatorju sod, stabbli u prevedibbli, li għandu jippermetti impenji fit-tul u li jkun neċessarju biex jitwettqu investimenti ġodda fl-infrastruttura tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tqassar iż-żmien tal-proċess li jippermetti proġetti jikkwalifikaw bħala PCIs; jenfasizza li l-użu ta' grids tad-distribuzzjoni intelliġenti jeħtieġ li jiġi ffaċilitat permezz ta' proċeduri ta' proċeduri ta' permess aċċellerati kif ukoll permezz ta' appoġġ politiku u oqfsa regolatorji adattati għall-operaturi tan-netwerk li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu għall-investimenti u jinċentivaw l-investimenti fl-ICT u fl-awtomazzjoni fuq l-istess livell mal-estensjoni tal-grid tradizzjonali;

65.

Jenfasizza li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tikkontribwixxi wkoll għall-“Unjoni tal-Investiment fl-Enerġija”, biex tiżgura li l-investiment ta' iżjed minn EUR 1 triljun meħtieġ fis-snin li ġejjin sabiex tingħata l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija tal-Ewropa jkun ġej minn investituri privati u pubbliċi; jinnota li tali “Unjoni tal-Investiment fl-Enerġija” għandha tipprovdi opportunitajiet għal investituri kbar kif ukoll għal konsumaturi individwali u ċittadini privati; jinnota li ċ-ċertezza għall-investituri hija kriterju ewlieni sabiex jinħoloq ambjent li jiffaċilita u jagħmel l-aħjar użu mill-finanzjament privat; jinsisti li qafas stabbli jista' jinkiseb biss permezz ta' sistema ta' governanza b'saħħitha li tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi u kundizzjonijiet regolatorji stabbli u li trawwem il-fiduċja fis-settur privat;

66.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali strateġiċi għandha tikkontribwixxi għall-aspetti fuq terminu medju u twil tas-sigurtà tal-enerġija u tkun konformi bis-sħiħ mal-impenji fit-tul tal-UE dwar id-dekarbonizzazzjoni u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ambjent u ta' leġiżlazzjoni oħra rilevanti;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-investiment f’interkonnetturi tal-gass u l-elettriku fuq skala iżgħar li jgħaqqdu reġjuni ġirien b’mod serju daqs l-investiment f'PCIs akbar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu mill-qrib flimkien ma’ awtoritajiet reġjonali meta jiżviluppaw dawn l-interkonnetturi;

68.

Jinnota l-importanza li jiġu integrati l-ippjanar tad-domanda u tal-provvista tal-enerġija fil-livell tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, bi prijorità mogħtija għat-tnaqqis fid-domanda u għas-soluzzjonijiet deċentralizzati, sabiex tinkiseb sigurtà tal-provvista kostottimali u jiġu evitati investimenti ta’ infrastruttura bla bżonn jew dimensjonati żżejjed u spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati;

69.

Jemmen li, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ investimenti kbar ħafna għall-grids tad-distribuzzjoni li ilhom li nbnew u li mhumiex adegwati u tal-fatt li l-parti l-kbira tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija huma konnessi fil-livell tal-grid tad-distribuzzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jieħdu inizjattivi speċifiċi biex iħeġġu investimenti mid-DSOs, inklużi strumenti finanzjarji; jirrakkomanda bil-qawwa li investimenti bħal dawn jiġu prijoritizzati mill-Istati Membri;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiċċara kif beħsiebha tuża l-Pjan ta’ Investiment ta’ EUR 315-il biljun, imħallat mal-fondi eżistenti l-oħra, sabiex timmassimizza l-potenzjal ta’ lieva tal-FEIS u sabiex tiffinanzja infrastrutturi u proġetti meħtieġa biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija;

71.

Jikkunsidra li kooperazzjoni reġjonali u koordinazzjoni tal-politiki msaħħa huma pass importanti għal integrazzjoni usa’ tas-suq tal-enerġija fl-UE; jappoġġa, għalhekk, approċċi reġjonali, kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll ma’ Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz ta’ aktar żvilupp ta’ ċentri reġjonali biex tittejjeb il-likwidità tas-suq, primarjament fir-reġjun CEE (l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant); jenfasizza li mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal dawn jistgħu jissimplifikaw il-koperazzjoni politika u tas-suq tal-enerġija u jiffaċilitaw deċiżjonijiet konġunti dwar investiment f’infrastruttura tal-gass essenzjali fir-reġjuni; jemmen li l-għarfien u l-informazzjoni jistgħu jiġu żviluppati b’mod konġunt fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal faċilitajiet ta’ ħażna tal-enerġija, u proċessi ta’ sejħiet għall-offerti għall-gass naturali likwifikat (LNG) u l-interkonnetturi; jirrikonoxxi, primarjament fir-reġjun CEE, ir-rwol importanti tal-iskambji ta’ enerġija fit-tħeġġiġ ta’ kummerċ tal-enerġija likwidu, trasparenti u sigur; jenfasizza l-potenzjal inerenti fi proġetti transfruntieri bħala lieva għal soluzzjonijiet fl-UE kollha;

72.

Jappoġġa l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi kandidati u dawk potenzjalment kandidati permezz ta' approċċ reġjonali fl-Unjoni tal-Enerġija Ewropea futura;

73.

Jenfasizza li żieda fil-kooperazzjoni reġjonali tista’ tikkontribwixxi għal titjib fis-sigurtà tal-enerġija, titjib fl-ippjanar tal-infrastruttura, fl-iżgurar ta’ ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli kif ukoll fit-tnaqqis tal-ispejjeż għall-konsumaturi;

74.

Jilqa’ l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lil kooperazzjoni reġjonali msaħħa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina u tistabbilixxi x’inhi l-iskala ottimali ta’ koperazzjoni ta’ netwerk (jew suq) tal-elettriku u tal-gass fl-UE; jirrimarka li, f’xi każijiet, l-Istati Membri stess huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw x’inhu meħtieġ fit-territorji tagħhom, filwaqt li f’oħrajn hemm valur miżjud ċar fil-kooperazzjoni diretta mal-UE; jirrimarka li f’ċerti każijiet, madankollu, instab li, permezz ta’ kooperazzjoni estensiva fil-livell reġjonali rigward sfidi konġunti, gruppi ta’ Stati Membri kisbu riżultati aktar malajr, bħal fil-Forum tal-Enerġija Pentalaterali; jaqbel mal-Kummissjoni li ftehimiet reġjonali eżistenti jistgħu jkunu mudell għall-UE kollha;

75.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq struttura ta' governanza tal-kooperazzjoni fis-suq makroreġjonali li fiha jkollhom ukoll rwol il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jinnota li din il-governanza reġjonali għandha tinbena fuq entitajiet ġeografiċi u tas-suq reġjonali eżistenti biex l-ispejjeż iħallu l-akbar effett benefiku possibbli, b’mod partikolari: i) il-Pjan ta' Interkonnessjoni tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP); ii) inizjattivi ta' koordinazzjoni tal-Ewropa tax-Xlokk; iii) il-Forum imkabbar Pentalaterali; iv) l-inizjattiva ta' Grid lil hinn mill-Kosta tal-Pajjżi tal-Baħar tat-Tramuntana; jenfassizza li r-rwol tal-ACER għandu jiġi msaħħaħ f'dan il-kuntest;

76.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji dwar l-ottimizzazzjoni tal-kost li jivvalutaw u jikkalkulaw il-benefiċċji ta' kooperazzjoni reġjonali fir-reġjuni msemmija qabel; jemmen li abbażi ta' tali studji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri involuti għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw flimkien pjanijiet ta' azzjoni għall-istabbiliment ta' dawn il-makroreġjuni;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ u ssostni l-proġetti ta' kooperazzjoni reġjonali bejn l-operaturi tan-netwerks ta' distribuzzjoni tal-elettriku u tal-gass li huma kruċjali għal enerġija sikura, kompetittiva u sostenibbli, billi tippermetti l-għajnuna għall-produzzjoni lokali ta' enerġija, b'mod partikolari l-enerġija rinnovabbli, il-mutazzjonijiet teknoloġiċi (in-netwerks intelliġenti, miters intelliġenti, eċċ.) u l-metodi ta' produzzjoni u ta' konsum ġodda (p.e. vetturi elettriċi);

78.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambji ta' fehmiet dwar proġetti li jirrigwardaw l-enerġija implimentati bejn entitajiet territorjali tal-Ewropa (reġjuni, awtoritajiet lokali, bliet, eċċ.) biex b'hekk ikunu infurmati u miġjuba flimkien ir-rappreżentanti eletti u ċ-ċittadini;

79.

Jitlob l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku u l-gass reġjonali integrati tajjeb u kompetittivi li jiżguraw l-adegwatezza u l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija li tkopri l-partijiet kollha tal-Unjoni; jitlob li l-Kummissjoni taġixxi b’mod deċiż u trasparenti kontra l-każijiet kollha ta’ protezzjoniżmu, imġiba antikompetittiva u ostakli għad-dħul fis-suq u l-ħruġ mis-suq; jenfasizza l-importanza li jkunu żgurati oqfsa regolatorji nazzjonali stabbli, jiġu indirizzati ostakli amministrattivi u jiġu ssimplifikati proċeduri amministrattivi nazzjonali, anke biex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi għal proġetti bbażati fuq iċ-ċittadini;

80.

Jirrimarka li sabiex is-suq intern jiġi bbilanċjat b'suċċess, jinħtieġ investiment mhux biss f'interkonnetturi iżda anke, inter alia, fi grids nazzjonali, impjanti tal-enerġija bi fjuwils fossili mgħammra b'teknoloġija għall-qbid ta' karbonju u impjanti nukleari ġodda (f'dawk l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan) bħala sors kritiku ta' enerġija b'karga bażika b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, fil-kapaċità tal-ħżin (bħal terminali tal-LNG) u grids intelliġenti u ġenerazzjoni flessibbli, sabiex inlaħħqu ma' ġenerazzjoni rinnovabbli u distribwita mtejba;

81.

Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas leġiżlattiv li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u jagħmilhom parteċipanti attivi fis-suq bħala investituri, produtturi u partijiet ikkonċernati billi jiġu żviluppati prezzijiet dinamiċi u jinfetħu s-swieq għas-sorsi tal-provvista u tad-domanda; jinnota li l-involviment taċ-ċittadini jista’ jissaħħaħ permezz ta’, inter alia: il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-konsumatur; il-kooperattivi tal-enerġija u l-mikroġenerazzjoni u l-ħażna; il-konsum proprju; id-deċentralizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija; l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ grid ta' enerġija intelliġenti, inklużi miters intelliġenti; kompetizzjoni msaħħa fis-swieq bl-imnut; trasparenza sħiħa; u flessibilità tal-prezzijiet u fl-għażliet tal-konsumaturi;

82.

Jenfasizza li l-prosumaturi li jipprovdu kapaċitajiet ta' ħżin għall-grid għandhom ikunu ppremjati u li l-prosumaturi għandhom jitħeġġu jikkonsmaw il-produzzjoni tal-elettriku ekoloġiku tagħhom stess mingħajr ma jiġu penalizzati; jirrimarka li tali inizjattivi jistgħu jikkontribwixxu għal suq intern tal-enerġija iżjed kompetittiv u li jiffunzjona b'mod tajjeb, li, min-naħa tiegħu, jista' jgħin ir-reżiljenza tal-komunitajiet lokali, joħloq impjiegi lokali u prosperità u jnaqqas il-kontijiet globali tal-enerġija għall-konsumaturi u jgħin biex jiġu indirizzati problemi soċjali serji bħall-faqar enerġetiku u konsumaturi vulnerabbli; jitlob lill-Kummissjoni tiġbor il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-aħjar prattiki ta' miżuri meħuda fil-livell nazzjonali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u tiżgura li l-aħjar prattiki jiġu ċentralizzati u promossi minn korp Ewropew iddedikat; jenfasizza li għandhom jittieħdu miżuri adegwati sabiex tkun garantita l-protezzjoni tad-data għall-konsumaturi li qed jipparteċipaw direttament fis-suq;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-espansjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lokali u reġjonali u ta’ netwerks ta’ distribuzzjoni lokali u reġjonali u netwerks ta’ tisħin distrettwali permezz ta’ politiki li jindirizzaw ostakli eżistenti u jgħinu jġibu bidla fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar l-awtokonsum tal-enerġija sabiex tippromwovi l-użu tiegħu u tipproteġi d-drittijiet tal-konsumaturi;

84.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-awtokonsum u l-mikroġenerazzjoni permezz ta' skemi tal-enerġija rinnovabbli mmirati lejn l-aktar konsumaturi vulnerabbli;

85.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra l-atturi lokali fil-politika tal-enerġija tal-UE, u tippreżenta proposta biex tistabbilixxi konsulenza deċentralizzata u ċentri ta’ bini ta’ kapaċità li jattrezzaw u jappoġġaw l-awtoritajiet lokali jittrattaw mal-fornituri tal-enerġija fuq l-istess livell, u sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-enerġija lokali permezz ta’ kooperattivi, kumpaniji stabbiliti lokalment u awtoritajiet muniċipali;

86.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu identifikati l-aħjar prattiki lokali u jiġi promoss it-tixrid tagħhom madwar l-Unjoni, biex tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-miżuri lokali u l-politiki Ewropej, u biex issir ħidma fuq kwistjonijiet li jaffettwaw l-aċċettazzjoni lokali tal-proġetti tal-enerġija; jipproponi li jitwaqqaf “Forum Ewropew tat-Territorji”;

87.

Jemmen li l-konsumaturi tal-UE kollha għandhom jibbenefikaw bl-istess mod minn suq uniku tal-gass u l-elettriku; jenfasizza, f’dan is-sens, li d-differenzi fil-prezzijiet attwali bejn is-swieq nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni u interkonnessjonijiet tas-suq ma jistgħux jibqgħu jiġu tollerati aktar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi malajr miżuri sabiex tinkiseb konverġenza tal-prezzijiet u integrazzjoni tas-suq akbar fl-Unjoni kollha;

88.

Jenfasizza l-impatt pożittiv li l-integrazzjoni tas-suq kellha fuq il-prezzijiet bl-ingrossa, u eventwalment il-prezzijiet għall-konsumatur, fis-settur tal-elettriku; jikkunsidra li r-reviżjoni tad-disinn tas-suq tal-elettriku teħtieġ li toħloq rabtiet aħjar bejn is-swieq tal-ingrossa u tal-konsumatur, kif ukoll tikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostakli fis-swieq tal-operaturi u għall-provvista ta’ għażliet fost il-fornituri tal-enerġija għall-konsumaturi;

89.

Jikkunsidra li bħala parti minn kwalunkwe reviżjoni tas-swieq tal-enerġija għall-konsumatur, għandha tingħata kunsiderazzjoni serja għal miżuri oħra li jipproteġu l-konsumaturi, bħall-inkoraġġiment u l-promozzjoni ta’ skemi ta’ bdil kollettivi, ir-rekwiżit li l-kontijiet tal-enerġija jinkludu tqabbil ma’ kompetituri abbażi ta’ mudelli ta’ konsum storiċi, ir-rekwiżit li l-fornituri jpoġġu awtomatikament lill-klijenti tagħhom fuq l-aktar tariffa vantaġġjuża disponibbli, u l-iżgurar ta’ firxa ta’ tariffi standardizzati, limitati u faċilment komparabbli;

90.

Jistieden lill-Kummissjoni, meta tistabbilixxi l-pjan direzzjonali tagħha għat-tneħħija gradwali tal-prezzijiet regolati, sabiex iżżomm miftuħa l-possibbiltà ta' regolamentazzjoni tal-prezz u l-istandardizzazzjoni ta’ strutturi tat-tariffi jekk dawn ikunu maħsuba biex jillimitaw il-kirjiet minn monopolju jew minn profitti mhux mistennija li jfixklu s-suq, bl-għan li jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli jew jiġi ffaċilitat it-tqabbil ta’ tariffi ta’ fornituri li qed jikkompetu;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija finali fl-Ewropa, inklużi taxxi, imposti, sussidji u kwalunkwe spejjeż moħbija oħra, bil-ħsieb li jiġu identifikati azzjonijiet li jistgħu jwasslu biex jonqsu dawn il-prezzijiet;

Effiċjenza fl-enerġija li tikkontribwixxi lejn il-moderazzjoni tad-domanda

92.

Ifakkar ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2014, tas-26 ta' Novembru 2014 u tal-14 ta' Ottubru 2015 li jsejħu għal tliet miri vinkolanti dwar l-enerġija u l-klima għall-2030, b'mod partikolari l-mira ta' 40 % għall-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza li l-mira għall-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għal wara l-2020 għandha tkun vinkolanti u implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa diversi xenarji għall-effiċjenza fl-enerġija għall-2030, inkluż il-livell stabbilit mill-Parlament ta' 40 %; iħeġġeġ lill-Kunsill li talab għal mira fi ħdan l-UE ta' mill-inqas 27 %, biex jirrevedi 'l fuq l-objettiv tiegħu f'konformità mal-mira adottata mill-Parlament;

93.

Jinnota li titjib ambizzjuż u li jista' jinkiseb fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-interessi tal-koeżjoni, is-solidarjetà u l-kosteffettività, jista' jagħti spinta lis-sigurtà tal-enerġija, il-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir, jgħin biex iżomm l-infiq tal-konsumaturi baxx u jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u jissodisfa l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju “l-effiċjenza fl-enerġija l-ewwel”; jinnota li, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija hija “l-ewwel fjuwil” u tirrappreżenta l-aħjar redditu fuq l-investiment ta' kwalunkwe riżorsa tal-enerġija; jenfasizza li l-gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari t-tnaqqis fit-telf tal-enerġija fil-bini, għandhom l-effett kruċjali li jnaqqsu l-importazzjonijiet tal-enerġija tal-UE minn pajjiżi terzi, meta jitqies li 61 % tal-gass importat fl-Unjoni Ewropea jintuża fil-bini, primarjament għall-finijiet tat-tisħin; jitlob, f'dan ir-rigward, biex l-effiċjenza fl-enerġija u l-proġetti tal-infrastruttura jiġu ttrattati bħala investimenti ewlenin li huma ta' importanza simili bħal investimenti f'kapaċità ta' ġenerazzjoni ġdida;

95.

Jenfasizza li l-gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija jnaqqsu kemm il-kontijiet tal-enerġija għad-djar u l-industriji kif ukoll id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi b'mod sinifikanti; jissottolinja li hemm il-potenzjal biex jinħolqu żewġ miljun impjieg b'riżultat tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija sal-2020, b'mod partikolari fis-settur tal-bini, li jammonta għal 40 % tad-domanda kollha għall-enerġija tal-UE; jenfasizza li gwadanji fl-effiċjenza fl-enerġija huma komplementari għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija;

96.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakoli li jibqa' għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza fl-enerġija sabiex tħeġġeġ it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u tas-soluzzjonijiet fl-UE kollha bl-għan li jinbena suq uniku veru tal-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija;

97.

Jenfasizza li huwa meħtieġ li jiżdiedu kemm l-intensità kif ukoll ir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-użu ta’ sorsi tal-enerġija sostenibbli fit-tisħin u t-tkessiħ, permezz tal-inċentivi xierqa sabiex titnaqqas id-domanda għall-enerġija; jirrakkomanda li jkomplu jiżdiedu l-istandards tal-effiċjenza fl-enerġija għall-bini, filwaqt li jkun hemm kunsiderazzjoni – u inkoraġġiment – għal innovazzjoni teknika, użu akbar tal-'building information modelling' (immudellar tal-informazzjoni tal-bini) u ta’ simulazzjonijiet tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti tal-bini fl-akkwist pubbliku; jirrakkomanda wkoll appoġġ kontinwu għall-kostruzzjoni ta’ bini mingħajr konsum ta’ enerġija bħala pass kruċjali addizzjonali fl-iżgurar ta’ indipendenza mill-enerġija u sistema tal-enerġija sostenibbli u sikura;

98.

Jenfasizza li l-investimenti f’titjib tal-effiċjenza fl-enerġija magħmula attwalmaent mill-industrija għandhom jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati kif xieraq meta tiġi diskussa l-effiċjenza fl-enerġija fl-UE,

99.

Jemmen li l-industrija teħtieġ sinjali ċari mingħand dawk li jfasslu l-politika sabiex isiru l-investimenti meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-UE dwar l-enerġija; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal miri ambizzjużi u għal qafas regolatorju li jippromwovi l-innovazzjoni mingħajr ma jinħoloq piż amministrattiv mhux meħtieġ sabiex tiġi promossa bl-aħjar mod l-effiċjenza fl-enerġija f'kuntest nazzjonali;

100.

Jemmen li l-mira tal-effiċjenza fl-enerġija trid timxi id f'id mal-għanijiet dwar l-enerġija u l-klima u għandha ssaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE vis-à-vis s-sħab kummerċjali ewlenin tagħha;

101.

Jenfasizza li reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza fl-enerġija, inkluża d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, hija meħtieġa flimkien ma' implimentazzjoni xierqa ta' din il-leġiżlazzjoni mill-Istati Membri, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-miri nazzjonali u jiġu kkomplementati dawk il-politiki diġà fis-seħħ li joperaw fi ħdan il-qafas dwar il-klima u l-enerġija 2020; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija kif stabbilit fl-Anness għall-Istrateġija Qafas dwar l-Unjoni tal-Enerġija;

102.

Jenfasizza r-rwol tat-tikketta tal-enerġija tal-UE sabiex il-konsumaturi jingħataw ir-responsabbiltà u l-informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar l-effiċjenza fl-enerġija ta' prodotti relatati mal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa ta' reviżjoni tat-tikketta tal-enerġija sabiex jiġu ffaċilitati aktar l-għażliet tal-konsumatur fir-rigward tal-enerġija effiċjenti u jingħata inċentiv lill-manifattura ta' prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

103.

Jenfasizza s-suċċess u l-potenzjal ulterjuri tal-ekodisinn fir-rigward tat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-konsum tal-enerġija tal-prodotti, u b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u l-konsum tal-enerġija tal-unità domestika u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi miżuri ta' implimentazzjoni ulterjuri, filwaqt li tikkunsidra aġenda tal-effiċjenza tar-riżorsi usa', kif ukoll tirrevedi miżuri eżistenti biex tiżgura l-adegwatezza tagħhom;

104.

Jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali, il-kumpaniji u ċ-ċittadini biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-enerġija billi tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija permezz ta’: l-ippjanar urban aħjar; l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-internet u tal-ICT relatati mal-enerġija; il-varar ta’ grids intelliġenti, il-ġestjoni tal-enerġija min-naħa tad-domanda, il-koġenerazzjoni, l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u l-applikazzjonijiet tal-pompi tat-tisħin; l-awtokonsum; u l-istabbiliment, il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tas-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inkoraġġiti l-inizjattivi bbażati fuq iċ-ċittadini, bħal kooperattivi jew proġetti komunitarji tal-enerġija rinnovabbli, biex tissaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadini u l-ESCOs, biex jiġi inkoraġġit l-użu ta' mudelli ta' vvjaġġar aktar attivi u sostenibbli, biex jiġu żviluppati u implimentati s-soluzzjonijiet ta' Bliet Intelliġenti, biex tintuża infrastruttura għad-distribuzzjoni li tilqa' għall-ġejjieni u li tappoġġa l-ekomobbiltà urbana u tippromwovi r-rinnovazzjoni kif ukoll l-iżolament tal-bini, inkluż iżolament omoġenju; jipproponi li s-sħab f'livelli multipli ta' governanza jinġiebu kollha flimkien f'interfaċċja operattiva u li tinvolvi b'mod attiv il-Patt tas-Sindki;

105.

Iqis li hija prijorità assoluta li jiġu żviluppati strumenti ta' finanzjament, għodda, u mudelli innovattivi li jimmobilizzaw il-fondi pubbliċi u jisfruttaw il-finanzjament privat fuq livell lokali, nazzjonali, reġjonali u Ewropew biex jiġu appoġġati l-investimenti f'setturi ewlenin tal-effiċjenza fl-enerġija bħar-rinnovazzjoni tal-bini, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ispeċifiċitajiet tal-investimenti fit-tul; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) (imħaddem mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)) u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-banek promozzjonali nazzjonali jiġu involuti bis-sħiħ; jirrikonoxxi li dawn l-istrumenti jeħtieġ li jkunu akkumpanjati b'assistenza teknika mmirata; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kosteffettività tal-iskemi tal-effiċjenza fl-enerġija f'bini pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dawn l-elementi kollha meta tiżviluppa l-inizjattiva “Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti”;

106.

Iqis li l-firxa differenti ta’ fondi Ewropej li jiffinanzjaw it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għandhom ikunu orjentati aħjar u prijoritizzati mill-ġdid lejn it-titjib li jgawdu minnu konsumaturi vulnerabbli, bi dħul baxx u tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ inċentivi maqsumin bejn is-sid u l-kerrej ta’ bini jew bejn is-sidien;

107.

Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika, b'konsultazzjoni mas-setturi industrijali xierqa u mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u lokali, l-aħjar prattiki għall-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija fl-UE kollha u lil hinn minnha u sussegwentement tinkorpora fondi u mekkaniżmi ta' finanzjament innovattiv f'fondi tal-BERŻ, tal-BEI u f'fondi oħra tal-UE;

108.

Jenfasizza li l-iżvilupp ta’ kultura tal-enerġija ġdida huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija u tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Istati Membri sabiex iqajmu kuxjenza fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa permezz ta’ moduli tal-edukazzjoni adattati fl-iskola sabiex tinbena mġiba ġdida ta’ konsumatur fir-rigward tal-enerġija;

Lejn ekonomija sostenibbli

109.

Ifakkar li l-ftehim li ntlaħaq mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2014 dwar “Qafas 2030 għall-politiki tal-klima u l-enerġija” jinkludi l-impenn lejn tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra domestiċi tal-anqas b'40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, li huma l-bażi għall-iżvilupp ta' dimensjoni ta' dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija; jinnota li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi wkoll il-kontribut l-aktar ambizzjuż fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima sabiex jintlaħaq ftehim vinkolanti dwar il-klima fil-Konferenza tal-2015 (COP21) tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li ser issir f’Pariġi f’Diċembru 2015;

110.

Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq ftehim komprensiv, ambizzjuż u vinkolanti fil-laqgħa COP21 li jinkludi garanziji sodi biex iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm taħt iż-2 oC, meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, flimkien ma' sistema ta' responsabbiltà u trasparenza globali, robusta u komuni li tinkludi l-monitoraġġ, l-obbligi ta' rappurtar u sistema ta' konformità effettiva u effiċjenti; jemmen li r-reġim tal-klima internazzjonali ta' wara l-2020 għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu ambizzjoni akbar, appoġġ għall-isforzi kosteffettivi ta' mitigazzjoni, kif ukoll jipprovdi opportunitajiet għall-ħarsien tal-integrità ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa għal impenn qawwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn dawk li l-aktar iniġġsu; jenfasizza r-rwol ewlieni li għandha tiżvolġi d-diplomazija tal-UE fir-rigward tal-klima u l-enerġija;

111.

Ifakkar li l-limitazzjoni taż-żieda tat-temperatura globali għal medja ta' 2 oC ma tiggarantixxix li jiġu evitati impatti klimatiċi negattivi sinifikanti; jenfasizza li l-eliminazzjoni gradwali, sal-2050 jew sa ftit żmien wara, tal-emissjonijiet globali tal-karbonju, hija meħtieġa sabiex id-dinja tinżamm fuq perkors kosteffettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kompatibbli mal-objettiv ta' “anqas minn 2 oC”;

112.

Jemmen li l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli huwa essenzjali għall-Unjoni tal-Enerġija, meta jitqiesu l-ispejjeż tal-enerġija; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fl-UE fl-ilħuq tas-sigurtà tal-enerġija u l-indipendenza politika u ekonomika billi titnaqqas il-ħtieġa għall-importazzjonijiet tal-enerġija; jissottolinja r-rwol kruċjali ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-titjib tal-kwalità tal-arja u l-ħolqien ta' impjiegi u tkabbir; jemmen li s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jwasslu enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u għall-but ta' kulħadd u għandhom rwol importanti fil-kisba tat-tmexxija tal-Ewropa fl-ekonomija ekoloġika u fl-iżvilupp ta' industriji u teknoloġiji ġodda; jissottolinja li, f'dan ir-rigward, id-disinn tas-suq attwali tal-enerġija għandu jkun iżjed dinamiku u flessibbli sabiex is-sorsi ta' enerġija varjabbli jiġu integrati fis-suq; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli waqgħu b'mod konsiderevoli fis-snin riċenti; jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' infrastruttura transfruntiera u tat-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' grids tal-enerġija iżjed intelliġenti u ta' soluzzjonijiet ġodda għall-ħżin tal-enerġija kif ukoll ta' teknoloġiji tal-ġenerazzjoni flessibbli biex jiġu integrati sorsi ta' enerġija rinnovabbli;

113.

Jilqa' l-impenn mill-Kummissjoni li tagħmel l-Unjoni Ewropea “n-numru wieħed fid-dinja għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija operattiva u li taħdem għal dan il-għan; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu t-trasparenza, il-konsistenza, l-istabbiltà u l-kontinwità tal-oqfsa regolatorji tal-enerġija rinnovabbli u jevitaw tibdil retroattiv fil-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-investimenti sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri u jingħata kontribut għall-użu kosteffiċjenti tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-iskemi ta' appoġġ f'konformità mal-Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-disinn tal-iskemi ta' appoġġ għall-enerġija rinnovabbli sabiex jiġi evitat it-tfixkil potenzjali tas-suq u jiġi ssalvagwardjat l-appoġġ effikaċi għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jenfasizza li l-kundizzjonijiet tajba tas-suq għall-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija, fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u fl-infrastrutturi intelliġenti huma kruċjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra; jissottolinja li l-Unjoni tal-Enerġija għandha tagħmel l-aħjar użu mill-istrumenti bbażati fuq is-suq għall-promozzjoni tas-sorsi ta' enerġija tal-Ewropa bħala mezz li jiżgura li t-tranżizzjoni tal-enerġija sseħħ bl-iżjed mod kosteffettiv u favur l-ambjent;

114.

Jenfasizza li l-UE trid tiżgura kundizzjonijiet ekwi interni fir-rigward tar-reġimi tas-sussidju nazzjonali u tal-għajnuna mill-Istat, li ma jsaħħux b'mod inġust id-dominanza tas-suq ta' ċerti teknoloġiji u operaturi; jilqa' f'dan ir-rigward, fid-dawl tat-trasformazzjoni tas-sistemi ta' enerġija tagħna, ir-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2014 dwar is-sussidji u l-ispejjeż tal-enerġija tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni biex kull sena taġġorna dan ir-rapport, sabiex tidentifika aħjar liema setturi u żoni jeħtieġu fondi addizzjonali, u liema setturi jesperjenzaw tfixkil tas-suq b'riżultat tas-sussidji;

115.

Jenfasizza l-bżonn li jintemmu s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent li għandhom jiġu identifikati u eliminati b'mod urġenti, peress li dawn is-sussidji jaħlu l-ammont skars ta' fondi pubbliċi li jintużaw l-ewwel sabiex jappoġġaw prattiki li jniġġsu u wara biex isir it-tindif;

116.

Jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju toffri opportunitajiet sinifikanti f'termini ta' impjiegi ġodda, innovazzjoni, tkabbir, u kontijiet tal-enerġija kummerċjali u domestiċi iżjed baxxi; jirrikonoxxi, madankollu, li dawn l-opportunitajiet jistgħu jitwettqu biss permezz ta' kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini u l-industrija, u dan iwassal għall-iżjed inċentivi u oqfsa regolatorji effikaċi; jinnota li d-dekarbonizzazzjoni mħaddma tajjeb m'għandhiex tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, faqar enerġetiku, deindustrijalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea jew żidiet fil-qgħad; jinsisti, għalhekk, dwar l-involviment attiv tas-sħab soċjali fl-indirizzar tal-impatt soċjali tat-tranżizzjoni lejn Unjoni tal-Enerġija sostenibbli; jenfasizza li l-UE teħtieġ politiki għall-UE kollha u fl-istess ħin politiki bbażati fuq is-suq u politiki teknoloġikament newtrali, li jqisu l-leġiżlazzjoni rilevanti kollha u l-miri rilevanti tal-UE u jwettquhom bl-inqas spejjeż għas-soċjetà;

117.

Ifakkar li l-industrija fotovoltajka għandha tkun fil-qalba tal-politika industrijali Ewropea sabiex tilqa' d-domanda ta' suq globali li qed jikber f'kuntest fejn il-maġġoranza taċ-ċelloli u l-moduli fotovoltajċi llum il-ġurnata huma manifatturati barra mill-UE, l-aktar fiċ-Ċina; jenfasizza l-bżonn li l-UE tkun parti sħiħa ta' dan iċ-ċiklu ta' investiment ġdid sabiex iżomm it-tmexxija tagħha fir-R&Ż, fil-makkinarju, f'ċerti taqsimitet oħra bħall-invertituri u l-bilanċ tas-sistemi, u sabiex tistabbilixxi mill-ġdid it-tmexxija fil-produzzjoni tat-tagħmir (ċelloli u moduli); jemmen li l-UE għandha tistabbilixxi l-mira li tkun f'pożizzjoni li tissodisfa mill-inqas 20 % tas-suq tagħha stess b'ċelloli u moduli manifatturati domestikament sal-2020;

118.

Jirrikonoxxi l-benefiċċji ta’ żieda fl-enerġija rinnovabbli fis-suq tat-tisħin, b’mod partikolari fil-bini; jenfasizza ż-żieda fil-flessibbiltà ta’ infrastruttura u tal-ħażna termali fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli intermittenti billi tinħażen l-enerġija fil-forma ta’ sħana; itenni li s-sigurtà tal-enerġija tista’ tiżdied bl-iżvilupp ta’ netwerks ta’ tisħin/tkessiħ distrettwali li huma mezz ideali ta’ integrazzjoni ta’ tisħin sostenibbli fi bliet fuq skala kbira għaliex jistgħu simultanjament iwasslu t-tisħin miksub minn firxa ta’ sorsi u mhumiex intrinsikament dipendenti fuq sors wieħed partikolari;

119.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jitolbu livelli minimi ta' produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq bini ġdid u rinnovat u li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jibbenefikaw minn proċeduri amministrattivi u ta' konnessjoni tal-grid rapidi, partikolarment billi jiġu infurzati l-Artikoli 13.4 u 13.1.f; tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva 2009/72/KE; jistieden lill-Kummissjon, meta tirrevedi leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, iżżid in-numru ta' bini mgħammar b'sistemi ta' enerġija rinnovabbli, biex titlob proċeduri amministrattivi b'punt uniku ta' kuntatt għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u proċeduri sempliċi ta' notifika għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli li l-produzzjoni tagħha tkun totalment ibbażata fuq l-awtokonsum, u biex toħloq qafas għal arranġamenti ta' konnessjoni tal-grid innovattivi u għall-kummerċ tas-servizzi tal-grid fil-livell tan-netwerk ta' distribuzzjoni;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija tal-UE għat-tisħin u t-tkessiħ li tidentifika l-azzjonijiet u s-sinerġiji kollha meħtieġa fis-setturi residenzjali, kummerċjali u industrijali biex titnaqqas din id-dipendenza filwaqt li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, tikseb iffrankar enerġetiku, issaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, tistimola t-tkabbir u l-ħolqien ta’ impjiegi u tippromwovi innovazzjoni tas-sistema; jenfasizza li din l-istrateġija għat-tisħin u t-tkessiħ għandha tindirizza l-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija;

121.

Jenfasizza li l-idroenerġija hija sors tal-enerġija importanti, indiġenu, rinnovabbli u sikur, li s-sehem tiegħu jikkontribwixxi għal 11 % tal-produzzjoni totali tal-elettriku fl-Ewropa; jenfasizza li l-idroenerġija għaldaqstant se jibqa’ jkollha rwol importanti fil-ġenerazzjoni u l-ħażna tal-elettriku, u se tagħti kontribut importanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u t-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq sorsi esterni tal-enerġija;

122.

Jitlob attenzjoni speċifika fuq is-sorsi rinnovabbli marittimi, f'konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ekonomija Blu, bħala industrija b'potenzjal kbir iżda li hija inqas stabbilita minn setturi rinnovabbli oħra;

123.

Jinnota li l-integrazzjoni ta' sehem akbar ta' bijogass prodott domestikament tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn is-sigurtà tal-enerġija; jissottolinja f'dan il-kuntest il-bżonn li tinżamm infrastruttura tal-gass eżistenti għal dak l-iskop;

124.

Jinnota li l-bijomassa mill-forestrija sostenibbli tista' tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet fil-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030;

125.

Jinnota li l-politika attwali tal-UE dwar il-bijofjuwils ġiet ikkritikata sew talli ma tikkunsidrax l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra assoċjati mat-tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) li jista' jiġi attivat meta produzzjoni agrikola eżistenti tiġi ttrasferita lejn art mhux ikkultivata, kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra mill-UE;

126.

Jikkunsidra li approċċ sostenibbli biex jintlaħqu l-miri tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE ma għandux ikompli jżid l-użu ta' bijofjuwils imkabbra fuq l-art u li t-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil tal-vetturi, it-tnaqqis tad-domanda fit-trasport, it-tnaqqis fit-trobbija intensiva tal-bhejjem, iż-żieda fl-użu tal-bijofjuwils minn skart u residwi li ma jikkawżawx tibdil addizzjonali fl-użu tal-art huma għażliet aħjar;

127.

Jistenna bil-ħerqa u jinsisti fuq l-appoġġ għal proġetti u investimenti li jikkapitalizzaw il-karbonju tal-iskart bħala prodott bażiku għal sustanzi kimiċi b'livell baxx ta' karbonju u l-bijofjuwils avvanzati pereżempju billi jintużaw mikrobi li jiġu mkabbra fuq gassijiet tal-iskart b'livell għoli ta' karbonju u jiġu trasformati fi fjuwils u sustanzi kimiċi li jieħdu post dawk magħmula minn riżorsi fossili (jew bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni), b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet u s-sustanzi niġġiesa minn proċessi industrijali bħall-manifattura tal-azzar;

128.

Jenfasizza l-fatt li f'ekonomija ċirkulari vera, l-iskart irid jiġi alimentat lura fl-ekonomija bħala materja prima sabiex jinżamm il-valur miżjud fil-prodott sal-itwal żmien possibbli u l-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom prijorità ħafna ogħla mill-inċinerazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna Stati Membri diġà għandhom kapaċità żejda fl-impjanti inċeneraturi; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' ppjanar aħjar u ta' qsim ta' informazzjoni u l-ħtieġa li jiġi evitat effett ta' intrappolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rabta bejn l-Unjoni tal-Enerġija u l-ekonomija ċirkulari;

129.

Ifakkar li l-industrija Ewropea u l-SMEs huma vitali għall-ekonomija Ewropea u jirrikonoxxi li l-kompetittività industrijali tal-Ewropa u l-SMEs jibbenefikaw b'mod sinifikanti minn spejjeż tal-enerġija iżjed baxxi;

130.

Jissottolinja li l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni għal proċessi industrijali iżjed effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija tal-UE; jinnota l-innovazzjoni fit-teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli li tista' tnaqqas l-importazzjonijiet, tnaqqas l-ispejjeż u ssaħħaħ il-prestazzjoni tas-sistema, fil-kuntest li fih tindirizza d-domanda għat-tisħin b'temperatura għolja fis-setturi industrijali; jenfasizza li l-isfida sinifikanti tar-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-Ewropa toħloq suq għal materjali, apparat u tagħmir tal-bini ta' prestazzjoni għolja u għalhekk tiġi provduta opportunità sinifikanti għall-manifatturi u l-installaturi Ewropej fis-settur tal-bini biex ikunu innovattivi u joħolqu impjiegi li ma jistgħux jiġu rilokati;

131.

Jinnota li l-mezz li bih jinkisbu l-miri dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 għandu jiġi integrat fil-politika industrijali tal-Istati Membri billi titqies il-ħtieġa għar-riindustrijalizzazzjoni; huwa tal-fehma li l-qafas regolatorju tal-UE u l-objettivi tal-politiki tal-UE dwar il-klima u l-enerġija għandhom ikunu konsistenti u jwasslu għal approċċ iżjed flessibbli u orjentat lejn is-suq fid-dawl tal-fatt li tiġi żgurata Unjoni tal-Enerġija reżiljenti, li jiġu inkorporati l-miri politiċi dwar il-klima għall-2030 u l-objettivi tar-riindustrijalizzazzjoni sabiex jikkomplementaw il-politika industrijali tal-Istati Membri;

132.

Jenfasizza li l-użu effettiv ta’ riċerka u innovazzjonijiet teknoloġiċi jħeġġeġ it-tmexxija tal-industrija Ewropea u jsaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tan-negozju u l-industrija Ewropeja, joħloq l-impjiegi filwaqt li jsir kontribut ewlieni għall-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE, inklużi: it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija; is-sigurtà tal-provvista; il-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni tal-enerġija, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-konsum; il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; il-miri tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, ir-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija; u li jsir l-aħjar użu tas-sorsi tal-enerġija tal-Ewropa;

133.

Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja l-kompetittività tal-industriji intensivi fl-enerġija u tiżgura l-ippjanar fit-tul tas-sigurtà għal investimenti industrijali li għandhom jirriflettu l-aspirazzjoni tal-Kummissjoni li żżid il-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG sa 20 % sal-2020;

134.

Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) bħala għodda kosteffettiva u bbażata fuq is-suq biex is-sistema tal-enerġija tal-Ewropa tiġi dekarbonizzata u biex jinkiseb l-objettiv tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2030 u lil hinn; jenfasizza li minbarra li r-Riżerva ta' Stabbiltà tas-Suq (MSR), għandha tiġi implimentata riforma strutturali tal-ETS wara l-2020, sabiex jittieħed kont tal-mira ta' tnaqqis ta' CO2 għall-2030 kif ukoll, sakemm ma jsirux sforzi komparabbli f'ekonomiji kbar oħra, għandhom inkunu inklużi miżuri tanġibbli u aktar armonizzati fil-livell tal-UE dwar ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju;

135.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina l-kwistjoni tal-ispejjeż indiretti ta' karbonju u l-impatt tagħhom fuq (u s-sehem tagħhom fi) prezzijiet tal-elettriku fl-Istati Membri;

136.

Jenfasizza li l-introjtu tal-ETS għandu jiġi utilizzat b'mod partikolari biex jappoġġa l-innovazzjoni b'livell baxx ta' karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija u miżuri oħrajn ta' tnaqqis ta' CO2;

137.

Jirrikonoxxi li l-enerġija tal-Ewropa u t-teknoloġiji effiċjenti bħall-koġenerazzjoni jagħtu kontribut fundamentali għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u l-kisba tal-miri dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Unjoni tal-Enerġija trid tirrifletti d-dritt li l-Istati Membri jużaw kwalunkwe sors tal-enerġija sikur u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għad-dispożizzjoni tagħhom;

138.

Filwaqt li jirrikonoxxi li t-taħlita tal-enerġija hija primarjament il-kompetenza ta' Stat Membru, jirrikonoxxi t-tħassib pubbliku dwar il-fratturazzjoni idrawlika u l-konsegwenzi li din it-teknoloġija tista' tħalli fuq il-klima, l-ambjent u s-saħħa pubblika u l-kisba tal-għan fit-tul tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni; barra minn hekk, jirrikonoxxi li l-potenzjal limitat tal-fjuwils mhux konvenzjonali li jgħinu sabiex tiġi ssodisfata d-domanda futura għall-enerġija tal-UE, flimkien ma' spejjeż għolja tal-investiment u l-isfruttament u l-prezzijiet globali taż-żejt attwalment baxxi, ifisser li hemm dubju jekk il-fratturazzjoni idrawlika tistax tkun teknoloġija vijabbli fl-Unjoni Ewropea; jemmen li t-tħassib pubbliku għandu jiġi indirizzat kif xieraq u kwalunkwe attività tal-fratturazzjoni idrawlika għandha tikkonforma mal-ogħla standards tal-klima, l-ambjent u s-saħħa pubblika; jitlob lil dawk l-Istati Membri li għandhom il-ħsieb li jwettqu l-fratturazzjoni idrawlika biex jirrispettaw ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar il-prinċipji minimi għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarburi (bħall-gass tax-shale) bl-użu ta' fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli;

139.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isegwu b’mod attiv id-dekummissjonar ta’ impjanti tal-enerġija li m’għadhomx jintużaw, li jniġġsu l-aktar jew li mhumiex sikuri, kif ukoll jimmiraw li jnaqqsu l-kapaċità żejda attwali tas-suq;

140.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-varar tas-CCS; jemmen li s-CCS għandha tgħin t-tranżizzjoni lejn suq tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju, u li s-CCS jista' jkollha rwol importanti fir-rikonċiljazzjoni tal-miri diverġenti tal-Unjoni tal-Enerġija għal provvista tal-enerġija diversifikata u sikura li fl-istess ħin tikseb it-tnaqqis neċessarju fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra sabiex jintlqaħqu l-miri tal-UE għall-Pjan Direzzjonali għall-2050;

141.

Jemmen li se jkun meħtieġ li t-teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni bħall-Qbid u l-Ħżin ta' Karbonju (CCS) kif ukoll il-Qbid u l-Użu ta' Karbonju (CCU) jiġu żviluppati u jittejbu ulterjorment permezz ta' sforzi konsiderevoli ta' riċerka u innovazzjoni, biex jiġi żgurat li dawn it-teknoloġiji jkunu disponibbli biex inaqqsu, jew saħansitra jeliminaw, l-impronta ambjentali tal-fjuwils fossili li fil-preżent għadhom jikkostitwixxu aktar minn 40 % tal-produzzjoni ta' enerġija tal-UE u li aktarx se jkunu sors ta' enerġija importanti fil-futur;

142.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-Fond ta' Innovazzjoni NER400, li għandu jappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni ta' livell baxx ta' karbonju, filwaqt li tibni fuq il-programm NER300 għall-ġbir u l-ħżin tad-diossidu ta' karbonju u s-sorsi rinnovabbli iżda testendi l-ambitu tiegħu għall-innovazzjoni ta' livelli baxxi ta' karbonju fis-setturi industrijali;

143.

Jinnota li l-enerġija nukleari provdiet 27 % tat-taħlita tal-elettriku tal-UE u aktar minn nofs l-enerġija tal-UE għal livell baxx ta’ emissjonijiet ta' karbonju fl-2014, li 130 minn 132 impjant nukleari tal-UE huma mistennija li jiġu magħluqa sal-2050, u li dan iħalli lakuna kbira fil-qawwa ta’ tagħbija b'karga bażika b'emissjonijiet baxxi fit-taħlita tal-elettriku tal-UE; jirrikonoxxi li filwaqt li xi Stati Membri għażlu li ma jużawx l-enerġija nukleari, oħrajn qed jistennew li jiġu żviluppati proġetti ġodda tal-enerġija nukleari nazzjonali tagħhom sabiex jilħqu l-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-UE tipprovdi qafas li jippermetti lil dawk l-Istati Membri li jixtiequ jwettqu proġetti ġodda tal-enerġija nukleari biex jagħmlu dan fi ħdan ir-regoli tal-UE fil-qasam tas-suq intern u tal-kompetizzjoni;

144.

Jinnota li l-enerġija nukleari hija wieħed mill-akbar kontributi importanti tas-sistema tal-enerġija Ewropea, li tipprovdi emissjonijiet aktar baxxi ta' CO2 filwaqt li fl-istess ħin tillimita d-dipendenza fuq l-importazzjoni, tiżgura produzzjoni stabbli tal-elettriku li tista' taqdi s-suq intern u tipprovdi bażi stabbli għal sistema tal-enerġija fejn is-sorsi rinnovabbli jistgħu jiġu introdotti bil-mod;

145.

Jistieden lill-Istati Membri li qed jeliminaw b'mod gradwali l-enerġija nukleari biex jiżguraw li tiġi sostitwita bi produzzjoni tal-enerġija li tista' tikkontribwixxi b'mod xieraq għall-provvista tal-enerġija u biex tistabbilizza s-sistema komuni għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni;

146.

Jemmen li filwaqt li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom u filwaqt li hija deċiżjoni sovrana ta' kull Stat Membru dwar kif jiddekarbonizza l-ekonomija tiegħu, il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE ta' politiki u żvilupp teknoloġiku hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa u tal-Istati Membri dwar il-klima u l-enerġija; jirrikonoxxi li, f'xi oqsma, il-politiki fil-livell tal-UE huma l-aktar effikaċi, u li f'oqsma oħrajn il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri huma kruċjali; jirrikonoxxi li huwa meħtieġ proċess ta' governanza b'saħħtu u affidabbli biex jiggarantixxi din il-koordinazzjoni;

147.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-istabbiliment ta' Fond ta' Modernizzazzjoni, li għandu jkollu kriterji stretti u gwida biex ikun żgurat li l-finanzjament ikun immirat lejn proġetti ġenwini ta' modernizzazzjoni tal-enerġija, li jintgħażlu abbażi ta' approċċ teknoloġikament newtrali u abbażi ta' jekk jistax jintwera li huma konsistenti mal-ilħuq tal-objettivi tal-UE għall-2030 dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

148.

Jenfasizza li l-BEI għandu jkun involut fl-istabbiliment tal-kriterji u l-gwida għall-Fond ta' Modernizzazzjoni msemmija qabel;

149.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-iżvilupp tal-Unjoni tal-Enerġija jiżgura l-ħarsien ambjentali u tal-klima, it-titjib fil-kwalità tal-arja, it-tnaqqis fuq id-dipendenza esterna tal-enerġija, il-bijodiversità, l-impjieg u l-kompetittività tal-industrija Ewropea abbażi tal-innovazzjoni u t-tmexxija fit-teknoloġija;

150.

Jenfasizza li l-enerġija għandha ssir affordabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; iqis li jekk jiġi evitat il-konsum żejjed billi jitwettaq titjib fl-effiċjenza, f'interkonnessjonijiet aktar b'saħħithom, f'aktar integrazzjoni tas-suq u investiment fl-enerġija sostenibbli, b'mod partikolari fil-bini, ħafna djar se jkunu jistgħu jkollhom aċċess għal kundizzjonijiet ekwi tas-suq tal-enerġija individwali, sostenibbli, kompetittiv u sikur u jevitaw il-faqar enerġetiku li fl-2012 affettwa ċittadin tal-UE minn kull erbgħa; jistieden lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni dwar il-faqar enerġetiku fl-Ewropa, flimkien ma' pjan ta' azzjoni għall-ġlieda tiegħu, li jkun fiha definizzjoni u indikaturi tal-faqar enerġetiku;

Mixja lejn settur tat-trasport effiċjenti fl-enerġija u dekarbonizzat

151.

Jistma li t-trasport jirrappreżenta aktar minn 30 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-Ewropa u li 94 % tat-trasport jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt; jikkunsidra, għalhekk, li sistema ta' enerġija aktar nadifa b'konnessjoni ċara mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport għandha tkun fil-qalba ta' strateġija qafas għal unjoni tal-enerġija reżiljenti b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il quddiem; jenfasizza li l-ġabra flimkien ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija innovattivi hija ta' importanza kruċjali għall-isforzi sabiex tinkiseb taħlita ta' enerġija ambjentalment sostenibbli għas-sistemi ta' trasport Ewropej; jikkunsidra li għandu jiġi mħeġġeġ l-użu ta' sorsi ta' enerġija sostenibbli varjati, inkluż il-gass naturali likwifikat għall-vetturi tqal tat-tagħbija u fis-settur marittimu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti għall-eliminazzjoni, fejn xieraq, tas-sussidji tat-taxxa li jagħmlu ħsara lill-ambjent; jinkoraġġixxi l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati lejn is-sejba ta' soluzzjonijiet ta' mobilità teknoloġika aħjar u wkoll fil-qasam tal-appoġġ ta' teknoloġiji u politiki;

152.

Jinnota li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport timplika l-integrazzjoni ta' miżuri fost l-oqsma tal-politika fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, il-kummerċ, u r-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' approċċi koerenti bejn il-fruntieri għall-prevenzjoni tal-frammentazzjoni nazzjonali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards u rekwiżiti ta' interoperabbiltà li jippermettu lin-negozji Ewropej jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq;

153.

Jinnota li standards imtejba tal-prestazzjoni tal-vetturi u l-effiċjenza tal-fjuwil huma kruċjali kemm għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq iż-żejt kif ukoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, u għalhekk jistieden lill-industrija, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu u jħaffu l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam, billi jiżguraw li, fid-dawl tal-iskandli reċenti, l-ittestjar tal-emissjonijiet mhux biss għandu jkun preċiż, iżda wkoll jirrifletti kundizzjonijiet reali tas-sewqan jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards ta' emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet għall-perjodu wara l-2020; jinnota, madankollu, li s-soluzzjoni fit-tul biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport u jiġi żgurat it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tinsab fil-fjuwils alternattivi u fl-elettrifikazzjoni permezz tal-elettriku rinnovabbli u fil-promozzjoni ta' modi ta' trasport aktar sostenibbli;

154.

Jappoġġa pakkett komprensiv dwar it-trasport bit-triq li jippromwovi prezzijiet aktar effiċjenti tal-infrastruttura u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ trasport intelliġenti interoperabbli; jenfasizza li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista’ tittejjeb permezz ta’ appoġġ għad-diġitalizzazzjoni u l-użu ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport u billi jiġu żviluppati servizzi tat-trasport innovattivi; jitlob riċerka u strateġija tal-innovazzjoni għas-settur tat-trasport li jħarsu 'l quddiem; jappoġġa l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' mobilità urbani u rurali sostenibbli biex jitnaqqsu t-tniġġis tat-traffiku, il-konġestjoni, l-istorbju u l-inċidenti fit-toroq; jemmen li pjanijiet bħal dawn għandhom jimmiraw li jeqirdu l-inugwaljanzi f'termini ta' utenti b'diżabilità u spejjeż;

155.

Jilqa' t-trasferiment lejn modi ta' trasport u rotot ta' trasport l-aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, bħall-ferrovija, it-trasport marittimu fuq distanzi qosra, il-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport marittimu billi jagħmluhom aktar kompetittivi u effiċjenti f'termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-intermodalità;

156.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva dwar it-trasport bit-triq, bħala parti mid-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, u sabiex tappoġġa ż-żieda fl-isforzi lejn l-iżvilupp u l-varar tal-elettromobbiltà għat-trasport bit-triq;

157.

Jirrimarka li l-varar tal-vetturi elettriċi se jimponi piż tqil f'termini ta' ġenerazzjoni tal-elettriku, u jitlob li jsiru valutazzjonijiet sabiex jiġi determinat kemm se tkun tista' twassal il-kapaċità ta' ġenerazzjoni eżistenti;

158.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-iskema tat-tikkettar dwar il-konsum tal-fjuwil u CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu pprovduti b'informazzjoni aktar preċiża, rilevanti u komparabbli dwar l-emissjonijiet ta' CO2, u l-konsum tal-fjuwil sabiex l-għażla tal-konsumatur tiġi ggwidata lejn l-aktar karozzi effiċjenti fl-enerġija, u dan jinċentiva lill-manifatturi biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija tal-vetturi tagħhom u jżidu s-sigurtà tal-enerġija;

159.

Jinsisti mal-Kummissjoni biex tħaffef l-introduzzjoni ta' ċiklu ta' ttestjar rivedut, biex jiġi żgurat li l-emissjonijiet ta' CO2 u emissjonijiet niġġiesa oħrajn minn vetturi jirriflettu l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet veri ta' sewqan;

160.

Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati fil-ferrovija innovattiva billi tressaq l-inizjattiva Shift2Rail li jista' jkollha rwol ewlieni fit-trasport pubbliku nadif;

161.

Ifakkar li t-trasport marittimu internazzjonali għadu qed jitħalla barra minn impenji vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra u li madankollu, f'termini ta' traffiku, għaddej minn rata għolja ta' tkabbir; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar miri għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra għat-tbaħħir internazzjonali, sakemm ma jkunx hemm qbil dwar miżuri vinkolanti fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) sal-aħħar tal-2016;

162.

Jenfasizza l-bżonn ta' aktar koordinazzjoni tal-istrateġiji ta' dekarbonizzazzjoni tat-trasport, tat-tisħin u tat-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjanijiet olistiċi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport u mis-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ billi jiġu kkunsidrati, fost oħrajn, li, meta tkun disponibbli b'mod abbundanti, l-enerġija nadifa u rħisa prodotta minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli varjabbli tista' tintuża sabiex jiġu ċċarġjati vetturi elettriċi u jitħaddmu elettrodomestiċi tat-tisħin u t-tkessiħ;

163.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi prijoritizzat l-appoġġ tal-FEIS għall-proġetti ta' trasport li jippermettu t-tranżizzjoni teknoloġika lejn sistema ta' trasport nadifa u sostenibbli; jenfasizza li strumenti oħra ta' appoġġ finanzjarju disponibbli fil-livell tal-UE għandhom jipprijoritizzaw l-investiment fl-infrastruttura għall-intermodalità, il-ferrovija, it-tbaħħir marittimu u l-passaġġi fuq l-ilma interni;

164.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi fix-xogħol tagħha dwar l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta' ċertifikazzjoni għal turiżmu sostenibbli, kriterju relatat mal-użu tal-enerġija rinnovabbli u ieħor relatat mat-tnaqqis tal-emissjonjiet tas-CO2, skont il-miri tal-UE;

Ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività

165.

Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha rigward l-użu aħjar tar-riżorsi tal-Ewropa, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tagħhom bil-ħsieb li tiżgura tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività industrijali u b'mod partikolari l-miri fit-tul tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

166.

Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, l-għażliet ta' finanzjament kollha tal-UE biex jagħtu spinta lit-teknoloġiji tal-enerġija sikuri u sostenibbli b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, l-effiċjenza fl-enerġija, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, il-grids intelliġenti, il-produzzjoni deċentralizzata, il-ġenerazzjoni flessibbli, il-ħżin tal-elettriku u l-elettrifikazzjoni tas-sistema tat-trasport għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' riċerka tagħha u l-firxa ta' dawn it-teknoloġiji biex tilħaq l-objettivi tagħha għall-2020, l-2030 u iżjed fit-tul u ttejjeb is-sigurtà tal-enerġija tagħha u tiffaċilita l-irkupru ekonomiku; jistenna li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-programm ta' riċerka ta' Orizzont 2020 jirrifletti dawn il-prijoritajiet; ifakkar li l-Isfida tal-Enerġija ta' Orizzont 2020 hija ddisinjata biex tappoġġa t-tranżizzjoni għal sistema tal-enerġija affidabbli, sostenibbli u kompetittiva li għandha l-prijoritajiet prinċipali tagħha elenkati taħt l-intestaturi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, Teknoloġiji b'Emissjonijiet Baxxi ta' Karbonju u Bliet u Komunitajiet Intelliġenti; ifakkar li mill-inqas 85 % tal-isfida tal-enerġija fil-baġit ta' Orizzont 2020 għandu jintefaq f'oqsma tal-fjuwils mhux fossili, li minnhom 15 % tal-baġit globali għall-isfida tal-enerġija għandu jintefaq fuq attivitajiet ta' adozzjoni fis-suq ta' teknoloġiji rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija;

167.

Jemmen li sforzi akbar fl-iżvilupp ta' tali teknoloġiji jistgħu jġibu benefiċċji sinifikanti għal żmien twil f'termini ta' dekarbonizzazzjoni kosteffettiva, ta' tnaqqis fl-ispejjeż tal-ġenerazzjoni u ta' tnaqqis tad-domanda għall-enerġija biex b'hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija;

168.

Jinnota t-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija fis-setturi ewlenin bħat-turbini eoliċi, il-kejbils tal-elettriku, l-iżvilupp u s-servizzi tal-grid, is-sistemi ta' trasport urban; jiddispjaċih li din it-tmexxija tinsab taħt pressjoni u jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti sabiex iżżomm din it-tmexxija;

169.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa inizjattiva dwar it-tmexxija tat-teknoloġija u l-innovazzjoni globali tal-UE fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u b'livelli baxxi ta' karbonju, inklużi l-enerġija mill-mewġ, teknoloġiji solari galleġġanti u bijofjuwils prodotti mill-alka, u biex tingħata spinta lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni pubbliċi u privati f'dawn l-oqsma;

170.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu interazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-programmi ta' riċerka nazzjonali u Ewropej, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, tat-trasport, tal-ICT u l-kostruzzjoni, sabiex jiżguraw li tingħata prijorità għall-isfidi komuni bħaż-żieda tal-effiċjenza fl-enerġija billi ma jsirx iffukar biss fuq is-settur tat-tisħin, iżda wkoll fuq dak tat-tkessiħ, billi jiġu promossi enerġiji rinnovabbli fuq skala żgħira, jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll tiżdied is-sigurtà tal-enerġija, jiġu żviluppati sorsi ġodda ta' enerġija rinnovabbli, u jiġi mmassimizzat l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda mis-suq;

171.

Jenfasizza l-valur miżjud tal-integrazzjoni tal-ICT fis-sistema enerġetika, u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards komuni għall-grids intelliġenti fil-livell tas-sistemi ta' trażmissjoni li jiżguraw provvista stabbli u fluss ħieles tal-enerġija bejn il-fruntieri u jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-enerġija, u, fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni, biex jiżguraw sigurtà tal-provvista għall-komunitajiet lokali, il-bliet u r-reġjuni; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol li l-iżvilupp ta' grids tal-enerġija aktar intelliġenti u faċilitajiet ta' ħżin tal-enerġija ġodda jista’ jkollu fiż-żieda tal-livell tar-riżorsi rinnovabbli tal-enerġija;

172.

Jagħraf li l-miters intelliġenti jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti lis-servizzi tal-grids tad-distribuzzjoni; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom jibqgħu s-sidien finali tad-data tagħhom u li d-data trażmessa lil DSOs u operaturi oħra tas-suq għandha tkun anonima sabiex jiġi rispettat kompletament id-dritt għall-privatezza;

173.

Jemmen li żvilupp ulterjuri ta' suq intern tal-enerġija huwa konness b'mod intrinsiku mas-Suq Uniku Diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-konnessjoni bejn l-Unjoni tal-Enerġija u s-Suq Uniku Diġitali billi timmassimizza l-aċċess tal-konsumatur għas-servizzi tal-enerġija permezz ta' pjattaformi diġitali u permezz tal-iżvilupp ta' suq intern tal-enerġija li huwa aktar kompetittiv, trasparenti u integrat fl-ekonomija diġitali;

174.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sigurtà tal-IT u l-ħarsien tal-infrastrutturi tal-enerġija kritiċi li jipprovdu servizzi kruċjali għall-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi fil-produzzjoni industrijali u tar-rwol li dejjem qiegħed jikber tal-ICT fis-settur tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni fil-ħin tad-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà sabiex jinżammu livelli għolja ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informatika tal-infrastrutturi kritiċi;

175.

Jissottolinja li għandha tkun prijorità għall-Istati Membri li, fil-qafas ta' Orizzont 2020, inaqqsu l-ispejjeż ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli, sikuri u anqas maturi, b'mod partikolari dawk li jikkontribwixxu għat-tnaqqis globali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-kisba tal-miri tal-UE għall-2030; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jipprovdu qafas legali u strateġiku ċar kif ukoll opportunitajiet ta' finanzjament għall-inizjattivi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-proġetti ta' implimentazzjoni li jgħinu lill-Unjoni Ewropea tikseb l-għanijiet tagħha għall-klima, l-enerġija u l-ambjent, u biex tissaħħaħ il-kompetittività ekonomika; jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Pjan-SET rivedut; jenfasizza li l-R&Ż u l-innovazzjoni għandhom jiffukaw fuq integrazzjoni tas-sistema tas-soluzzjonijiet differenti disponibbli jew li qed jiġu żviluppati aktar milli fuq setturi u teknoloġiji individwali separati minn xulxin;

176.

Jirrikonoxxi li l-progress f'innovazzjonijiet favur l-ambjent u kosteffettivi u fir-R&Ż huwa kruċjali wkoll għall-kompetittività futura tal-UE, inkluża l-industrija tal-Ewropa;

177.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi mmappjar espliċitu tal-istrumenti differenti ta' finanzjament, bħall-programm InvestEU, Nikkollegaw l-Ewropa, (PCIs), fondi ta' R&Ż, fondi strutturali u ta' investiment, strumenti ta' finanzjament ta' grids intelliġenti (ERA-Net Plus), il-programm Orizzont 2020 (H2020), il-BEI, il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija (CEF-E), NER 300, il-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar (RFCS) u Eurogia+, u tiċċara r-regoli ta' eliġibbiltà għal kull wieħed minn dawn il-programmi;

It-twettiq tal-Unjoni tal-Enerġija: iċ-ċittadini u l-bliet

178.

Ifakkar l-impenn minn 6 000 belt Ewropea li jkunu mexxejja fit-tranżizzjoni tal-enerġija partikolarment permezz tal-Patt tas-Sindki; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmobilizza bis-sħiħ dan in-netwerk kif ukoll inizjattivi oħra bħal 'Smart Cities and Communities', u 'Energy Cities' u tagħtihom ir-riżorsi finanzjari u umani sabiex jiżviluppaw aktar; iqis li l-partijiet tal-Patt tas-Sindki għandhom jingħataw aċċess ta' prijorità għall-fondi Ewropej;

179.

Jenfasizza li l-istrateġiji attivi ta' edukazzjoni/taħriġ u ħiliet huma fundamentali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu l-programmi mmirati ta' taħriġ u edukazzjoni taċ-ċittadini u sabiex iħeġġu l-edukazzjoni lokali mmexxija mill-komunità sabiex tnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiġi prodotta enerġija rinnovabbli; jenfasizza li s-suċċess tal-Unjoni tal-Enerġija jeħtieġ, min-naħa l-waħda, aċċess ugwali għall-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll edukazzjoni u taħriġ tul il-ħajja, bħala mezz essenzjali ta' reazzjoni għall-bidliet fiċ-ċirkostanzi u l-ambizzjonijiet taċ-ċittadini, u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; ifakkar li l-programmi ta' taħriġ u titjib tal-ħiliet li jippermettu lill-ħaddiema jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol sostenibbli u lokali tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli huma indispensabbli;

o

o o

180.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0344.

(2)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 59.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0088.

(4)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 28.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2012)0444.

(6)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 42.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0094.

(8)  Testi adottati, P8_TA(2015)0445.


Top