EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015BP0334

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2015)0336 – C8-0250/2015 – 2015/2209(BUD))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 95–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/95


P8_TA(2015)0334

Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2015/003 BE/Ford Genk – Belġju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2015)0336 – C8-0250/2015 – 2015/2209(BUD))

(2017/C 349/22)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0336 – C8-0250/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2015),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.

billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 5 111-il sensja, 3 701 minnhom minn Ford Genk, li joperaw fid-diviżjoni 29 tar-reviżjoni 2 tan-NACE (“Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers”) (4) u 1 180 minn 11-il fornitur u produttur downstream, u billi huwa stmat li 4 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Belġju għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 268 564 mill-ispejjeż totali ta' EUR 10 447 607 skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fl-24 ta' Marzu 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.

Jinnota li l-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri naqset b'14,6 % fl-UE-27 bejn l-2007 u l-2012 u li fl-istess perjodu ċ-Ċina aktar milli rduppjat sehemha fis-suq tal-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri; jikkonkludi li dawn l-avvenimenti huma marbuta direttament ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

4.

Ifakkar li l-ewwel mewġa ta' sensji f'Ford Genk fl-2013 tat lok għall-ewwel applikazzjoni għall-FEG ukoll abbażi tal-globalizzazzjoni, li attwalment qiegħda tiġi implimentata (5), u li din it-tieni applikazzjoni tirrigwarda s-sensji fl-impjant tal-Ford Genk li kien hemm fl-2014 sal-għeluq finali tal-impjant f'Diċembru 2014;

5.

Jinnota li l-industrija tal-karozzi Belġjana sofriet tnaqqis fil-produzzjoni ta' 15,58 % filwaqt li l-produzzjoni globali żdiedet bi 18,9 %;

6.

Ifakkar li Ford Genk kien l-impjant li l-aktar kien iħaddem nies fil-provinċja ta' Limburg; jinnota li s-sensji kkaġunaw ħsara notevoli lill-ekonomija ta' Limburg b'telf totali ta' aktar minn 8 000 impjieg (inkluż it-telf indirett ta' impjiegi), li l-parti l-kbira minnhum huma ħaddiema ċittadini tal-Unjoni bejn it-30 u l-54 sena, żieda fir-rata ta' qgħad ta' bejn 1,8 u 2 punti perċentwali, (żieda ta' massimu ta' 29,4 % fir-rata ta' qgħad tar-reġjun minn bejn 6,8 % u 8,8 %), tnaqqis fil-PDG ta' bejn 2,6 % u 2,9 % u waqgħa potenzjali fil-produttività tax-xogħol ta' 10,9 % minħabba l-importanza kbira tal-industrija awtomobilistika għall-produttività tax-xogħol fir-reġjun;

7.

Jinnota li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 29 tar-reviżjoni 2 tan-NACE (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien is-suġġett ta' 22 applikazzjoni għall-FEG, li 12 minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; jirrakkomanda għalhekk li l-Kummissjoni tagħmel studju dwar is-swieq Asjatiċi u tal-Amerika t’Isfel sabiex il-manifatturi tal-UE jitgħallmu aktar dwar rekwiżiti ġodda ta' liċenzji tal-importazzjoni u kif ikunu aktar preżenti u kompetittivi f'dawn is-swieq;

8.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2015, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.

Jinnota li l-Belġju qiegħed jippjana tliet tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna individwali għat-tiftix ta' impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali, (ii) taħriġ u taħriġ mill-ġdid u (iii) benefiċċji u inċentivi;

10.

Jilqa' l-fatt li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn varjazzjoni kbira ta' miżuri proposti, li jinkludu numru ta' azzjonijiet ta' għajnuna individwali għat-tiftix ta' impjieg, ġestjoni tal-każijiet u servizzi ta' informazzjoni ġenerali; taħriġ u taħriġ mill-ġdid, anke minn min kien iħaddimhom qabel;

11.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal f'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali, mal-korpi pubbliċi tal-impjiegi lokali, reġjonali u nazzjonali u mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ kif ukoll mal-kumpanija;

12.

Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

13.

Jenfasizza li l-miżuri ta' taħriġ vokazzjonali għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-impjegabilità tal-ħaddiema, u għandhom jiġu adattati għat-talbiet tas-suq tax-xogħol attwali; jinnota fl-istess ħin li l-miżuri ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għandhom jirrikonoxxu u anke jibnu fuq il-ħiliet u l-kompetenzi speċifiċi li l-ħaddiema milquta jkunu kisbu fl-industrija awtomobilistika u fl-industrija fornitriċi tagħha;

14.

Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

15.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.

Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jużaw l-maġġorparti tal-fondi disponibbli għas-servizzi personalizzati u li 4,94 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati biss se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li jibqa' ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 %;

17.

Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi ta' l-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  EGF/2013/012 BE/Ford Genk (COM(2014)0532).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/003 BE/Ford Genk, ippreżentata mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1869.)


Top