EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0347

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (abbażi tal-petizzjonijiet li waslu) (2015/2740(RSP))

ĠU C 349, 17.10.2017, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/37


P8_TA(2015)0347

Il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (abbażi tal-petizzjonijiet li waslu) (2015/2740(RSP))

(2017/C 349/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Petizzjoni 626/2011 u 15-il petizzjoni oħra dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja fi Spanja (179/2012, 644/2012, 783/2012, 1669/2012, 0996/2013, 1345/2013, 1249/2013, 1436/2013, 1705/2013, 1736/2013, 2120/2013, 2159/2013, 2440/2013, 2563/2013 u 2610/2013),

wara li kkunsidra l-Petizzjoni 513/2012 u 21petizzjoni oħra dwar strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (548/2012, 676/2012, 677/2012, 785/2012, 788/2012, 949/2012, 1044/2012, 1247/2012, 1343/2012, 1498/2012, 1662/2012, 1761/2012, 1851/2012, 1864/2012, 169/2013, 171/2013, 2206/2013, 2215/2013, 2228/2013, 2243/2013 u 2274/2013),

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-petizzjonanti kkonċernati, l-aktar reċenti fis-16 ta’ April 2015,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar kuntratti ta' kreditu għall-konsumaturi marbutin ma' proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (3),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni – fid-dibattitu konġunt tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-proċedimenti ta' insolvenza – dwar ir-reviżjoni u l-estensjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2014 fir-rigward ta' approċċ ġdid għall-falliment u l-insolvenza tan-negozji, fir-rigward tal-insolvenza tal-familji u ta' opportunitajiet ġodda għal individwi u unitajiet domestiċi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tiegħu lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja u strumenti finanzjarji riskjużi fi Spanja (abbażi tal-petizzjonijiet li waslu) (O-000088/2015 – B8-0755/2015),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-għadd kbir ta’ petizzjonijiet li waslu xeħtu dawl fuq eluf ta’ każijiet personali traġiċi fejn iċ-ċittadini esperjenzaw telf parzjali jew komplet tal-flus li faddlu f'ħajjithom u billi dawn il-petizzjonijiet jenfasizzaw l-ostakli li l-konsumaturi jiffaċċjaw meta jippruvaw jiksbu informazzjoni preċiża u essenzjali dwar l-istrumenti finanzjarji;

B.

billi fi Spanja organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qegħdin ikomplu jipprotestaw kontra mijiet ta’ eluf ta’ żgumbramenti, termini abbużivi f’kuntratti ipotekarji u n-nuqqas ta’ protezzjoni għal dawk li jissellfu; billi, skont waħda minn dawk l-organizzazzjonijiet, il-Pjattaforma għall-Vittmi tas-Self Ipotekarju (Plataforma de Afectados por la Hipoteca – PAH), kien hemm 19,261 żgumbrament fi Spanja matul l-ewwel kwart tal-2015 (6 % aktar meta mqabbel mal-istess kwart tal-2014); billi l-organizzazzjoni PAH tikkalkula li mill-2008 ‘l hawn kien hemm aktar minn 397,954 żgumbrament fi Spanja; billi aktar minn 100,000 unità domestika tilfu djarhom;

C.

billi l-impatt tal-kriżi aggrava s-sitwazzjoni tal-familji żgumbrati, li xorta jridu jħallsu d-dejn ipotekarju tagħhom u l-interessi li dejjem jiżdiedu fuqu; billi l-Gvern Spanjol introduċa l-possibbiltà ta' “datio in solutum” bħala miżura eċċezzjonali skont il-Liġi 6/2012; ifakkar li skont id-dejta uffiċjali mit-tieni kwart tal-2014, “datio in solutum” ġie approvat biss għal 1,467 każ minn 11,407 applikazzjoni, jew 12,86 % tat-total;

D.

billi ġew identifikati għadd ta’ klawsoli u prattiki abbużivi fis-settur ipotekarju fi Spanja minn qrati nazzjonali u Ewropej (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja C-243/08, Pannon-GSM; C-618/10, Banco Español de Crédito; u C-415/11 Catalunyacaixa) u dawn kellhom ikunu prevenuti mid-Direttivi 93/13/KEE, 2004/39/KE u 2005/29/KE li kieku dawk id-direttivi kienu kollha trasposti u implimentati għalkollox fi Spanja;

E.

billi d-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali (id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju) se tkun applikabbli għal kuntratti ta' kreditu ipotekarju magħmulawara l-21 ta’ Marzu 2016, u se tesiġi li l-kredituri jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-kuntratt ta' kreditu;

F.

billi bħala konsegwenza tas-sentenza Aziz (Kawża C-415/11), l-awtoritajiet Spanjoli adottaw, skont proċedura aċċellerata, il-Liġi 1/2013 tal-14 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri biex tissaħħaħ il-protezzjoni għad-debituri ta’ ipoteki, ir-ristrutturar tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de la deuda y alquiler social);

G.

billi, bħala riżultat tas-sentenza tal-Kawża C-169/14, l-awtoritajiet Spanjoli emendaw is-sistema tal-appell tas-self ipotekarju nazzjonali permezz ta’ dispożizzjoni finali fil-Liġi 9/2015 tal-25 ta’ Mejju 2015, dwar miżuri urġenti fi kwistjonijiet ta’ falliment (Ley 9/2015 de medidas urgentes en material concursal) biex tinġieb konformi mad-Direttiva 93/13/KEE;

H.

billi l-Parlament Spanjol adotta “Kodiċi ta’ prattika tajba għal ristrutturazzjoni viabbli ta' djun li għandhom x’jaqsmu ma’ ipoteki fuq ir-residenzi abitwali” li b’mod ġenerali ġie injorat mill-korpi finanzjarji minħabba l-istatus volontarju tiegħu u li kellu riżultati limitati ħafna biex ikunu evitati l-iżgumbramenti jew li jippromovi “datio in solutum”, minħabba li r-rekwiżiti ta' eliġibbiltà jiskwalifikaw aktar minn 80 % ta' dawk affettwati;

I.

billi f'ħafna każijiet il-konsumaturi ma kinux infurmati sew mill-banek dwar il-firxa tar-riskji assoċjati mal-investimenti proposti, u billi f'tali każijiet il-banek naqsu wkoll milli jwettqu testijiet ta' adegwatezza biex jistabbilixxu jekk il-klijenti kellhomx tagħrif biżżejjed biex jagħrfu r-riskji finanzjarji li kienu qegħdin jesponu lilhom infushom għalihom; billi bosta miċ-ċittadini milquta huma persuni anzjani li investew it-tfaddil li għamlu f'ħajjithom f'investimenti li ntqalilhom li huma mingħajr ebda riskju;

J.

billi matul dawn l-aħħar ftit snin, huwa stmat li 700,000 ċittadin Spanjol sfaw vittmi ta’ frodi finanzjarja għaliex il-banek tagħhom bigħulhom b'mod qarrieq strumenti finanzjarji riskjużi mingħajr ma infurmawhom b'mod xieraq dwar il-livell tar-riskji u l-implikazzjonijiet reali tal-fatt li ma kienx se jkollhom aċċess għat-tfaddil tagħhom;

K.

billi l-mekkaniżmu ta' arbitraġġ implimentat mill-awtoritajiet Spanjoli ġie rrifjutat minn bosta mill-vittmi tal-frodi finanzjarja;

L.

billi d-Direttiva dwar is-Swieq fi Strumenti Finanzjarji (MiFID) (id-Direttiva 2004/39/KE) tirregola l-forniment ta’ servizzi ta’ investiment minn ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji, inklużi ishma preferenzjali ('preferentes') billi l-Artikolu 19 tal-MiFID ifassal obbligi kummerċjali għal dawk li jipprovdu servizzi ta’ investiment lill-klijenti;

1.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-415 (Aziz) u tad-Direttiva 93/13/KEE dwar il-leġiżlazzjoni ipotekarja fl-Istati Membri kollha sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-awtoritajiet nazzjonali;

2.

Jistieden lill-entitatjiet finanzjarji madwar l-Unjoni biex jieqfu jġibu ruħhom b'mod abbużiv mal-klijenti fil-qasam tal-ipoteki, ta' prodotti finanzjarji sofistikati u tal-karti ta' kreditu, inkluża l-impożizzjoni ta' rati ta' interess eċċessivi u l-kanċellazzjoni arbitrarja tas-servizz;

3.

Jitlob lill-entitajiet finanzjarji madwar l-Unjoni jevitaw li jirrikorru għall-iżgumbrament ta' familji li jgħixu fir-residenza unika tagħhom, u minflok jinvolvu ruħhom f'ristrutturar tad-dejn;

4.

Jistieden lill-Gvern Spanjol jagħmel użu mill-għodda li għandu sabiex isib soluzzjoni komprensiva biex inaqqas drastikament l-għadd insopportabbli ta' sgrumbramenti;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib it-traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha tad-Direttiva 2014/17/UE dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali (Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju);

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aqwa prattika dwar l-applikazzjoni f'ċerti Stati Membri ta' “datio in solutum” u tivvaluta l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi u n-negozju;

7.

Iwissi lill-Kummissjoni dwar id-dubji espressi mill-Avukat Ġenerali tal-UE dwar il-legalità tal-miżuri adottati mill-Gvern Spanjol sabiex jirriżolvi l-ksur iddenunzjat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Marzu 2013 u biex jimpedixxi prattiki abbużivi fis-settur tal-ipoteki;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri ġodda adottati mill-Gvern Spanjol sabiex isolvi l-problemi eżistenti u biex jimpedixxi l-prattiki bankarji u tan-negozju abbużivi;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kampanji ta' informazzjoni dwar prodotti finanzjarji u ttejjeb il-litteriżmu finanzjarju permezz tal-edukazzjoni, sabiex tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej ikunu informati aħjar dwar ir-riskji involuti meta jissottoskrivu fi prodotti finanzjarji;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkondividi l-aqwa prattiki li jtejbu l-protezzjoni taċ-ċittadini f'diffikultà finanzjarja; jemmen li edukazzjoni finanzjarja bażika għandha titqies bħala benefiċċju komplimentari biex jiġu evitati l-konsegwenzi tal-insolvenza;

11.

Jistieden lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jistabbilixxu kampanja tal-aqwa prattika sabiex jinkoraġġixxu lill-banek u lill-persunal tagħhom jipprovdu informazzjoni ċara, li tiftiehem u korretta; jenfasizza li l-konsumaturi jeħtieġ jieħdu deċiżjoni informata ibbażata fuq fehim sħiħ tar-riskji li qed jieħdu, u li n-negozjanti u l-banek m'għandhomx jiżgwidaw lill-konsumaturi;

12.

Jistieden lill-EBA u lill-BĊE, sabiex tiġi ppreservata s-saħħa tas-settur finanzjarju tal-UE, jieħdu passi ulterjuri li jesiġu lill-banek jisseparaw in-negozju potenzjalment riskjuż min-negozju ta' teħid ta’ depożiti tagħhom fejn l-eżerċizzju ta' tali attivitajiet jikkomprometti l-istabbiltà finanzjarja;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE jevalwaw il-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ Spanjol implimentat għal ċittadini li huma vittmi ta’ frodi finanzjarja;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja t- traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-liġi tal-UE min-naħa ta’ Spanja fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji, inklużi ishma preferenzjali;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-ilmenti li rċeviet u twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa;

16.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-insolvenza tal-familji;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern Spanjol, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


(1)  ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34.

(2)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(3)  ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0246.


Top