Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0346

    Kawża C-346/17 P: Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2017 minn Christoph Klein mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-28 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-309/10 RENV, Christoph Klein vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 300, 11.9.2017, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 300/15


    Appell ippreżentat fid-9 ta’ Ġunju 2017 minn Christoph Klein mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-28 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-309/10 RENV, Christoph Klein vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-346/17 P)

    (2017/C 300/19)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: Christoph Klein (rappreżentant: H.-J. Ahlt, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    Talbiet

    1.

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-309/10 RENV;

    2.

    tikkundanna lill-konvenuta tħallas EUR 1 562 662,30 flimkien mal-interessi bir-rata bażi miżjuda tmien punti perċentwali, pagamenti mid-data tas-sentenza;

    3.

    tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tikkumpensah għad-dannu li allegatament ikkawżatlu mill-15 ta’ Settembru 2006, fl-ammont li għad irid jiġi stabbilit;

    4.

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

    5.

    sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-309/10 RENV u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant iqajjem l-aggravji li ġejjin:

    L-ewwel aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li ma tqisx hekk kif huwa xieraq il-portata tal-effett vinkolanti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u peress li tikkunsidra b’mod żbaljat, li billi r-raba’ aggravju fil-Kawża C-120/14 P ġie miċħud bħala inammissibbli, ma kellu ebda dritt għal kumpens fir-rigward tal-prodott tiegħu “effecto”.

    It-tieni aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li ma tikkonformax ruħha mal-punti ta’ liġi ddeterminati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-punt 95 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ġiet appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors li jikkonċerna t-talba sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu allegatament subit mill-appellant […]. Bil-kontra ta’ din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li ma kienx hemm lok għal kumpens għad-danni minħabba li ma kinux issodisfatti r-rekwiżiti.

    It-tielet aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha peress li ċaħdet l-argument li l-Kummissjoni kienet ukoll kisret l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li naqset milli tieħu azzjoni fi proċedura skont il-klawżola ta’ salvagwardja taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42 peress li dan kien motiv ġdid. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li l-appellant kien diġà invoka fir-rikors il-prinċipju ta’ governanza tajba, li huwa inkluż fil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fl-Artikolu 41 tal-Karta. Għaldaqstant ma qiegħed jiġi invokat l-ebda motiv inammissibbli ġdid.

    Ir-raba’ aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni meta tqis li d-direttiva ma tagħti l-ebda dritt dirett lill-appellant jew lill-kumpannija atmed AG, peress li t-tnejn huma destinatarji fi proċedura ta’ klawżola ta’ salvagwardja u jistgħu jinvokaw il-prinċipji li jirriżultaw mill-moviment liberu tal-merkanzija peress li l-interessi ekonomiċi bażiċi tagħhom huma affettwati.

    Il-ħames aggravju bbażat fuq allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet li kien hemm rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Kummissjoni u d-dannu allegat. Dan jikkawża distorsjoni tal-fatti u klassifikazzjoni ħażina tal-fatti. Barra minn hekk, hemm ksur mill-ġdid tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/42 peress li ma pprovditx evalwazzjoni u motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni.

    Is-sitt aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta, u ta’ żnaturament tal-fatti u tal-provi, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-annessi COM RENV 1 u 2.

    Is-seba’ aggravju bbażat fuq allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 64(3)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li rrifjutat it-talba tiegħu sabiex tħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta d-dokumenti relatati mal-klawżola ta’ salvagwardja.


    Top