Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0194

    Kawża C-194/17 P: Appell ippreżentat fl-14 ta’ April 2017 minn Georgios Pandalis mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-15/16, Georgios Pandalis vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 300, 11.9.2017, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 300/10


    Appell ippreżentat fl-14 ta’ April 2017 minn Georgios Pandalis mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-14 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-15/16, Georgios Pandalis vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-194/17 P)

    (2017/C 300/14)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: Georgios Pandalis (rappreżentant: A. Franke, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, LR Health & Beauty Systems GmbH

    Talbiet

    I.

    tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-15/16, dwar il-proċedimenti ta’ revoka kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru Nru 001273119 “Cystus”;

    II.

    tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-30 ta’ Ottubru 2015 fil-Każ R 2839/2014-1, dwar il-proċedimenti ta’ revoka kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 “Cystus”;

    III.

    tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni adottata fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità 8374 C tat-12 ta’ Settembru 2014, sa fejn din tirrevoka lit-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 “Cystus” għal “Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-klassi 30;

    IV.

    tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ LR Health & Beauty Systems GmbH fil-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem l-Ewwel Bord tal-Appell tal EUIPO kontra t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 “Cystus”, sa fejn din tirreferi għall-prodott “Supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi” fil-klassi 30;

    V.

    tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellant jallega numru ta’ żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni (1):

    L-ewwel nett, fl-assenza ta’ artikolazzjoni fil-motivazzjoni tas-sentenza, liema mir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni ġie eżaminat fid-dettall (użu moderat tat-trade mark, użu ġenwin u jekk it-trade mark intużatx għall-prodotti jew għas-servizzi protetti).

    It-tieni nett, fl-assenza ta’ eżami dwar jekk il-prodotti “Cystus” jaqgħux taħt id-definizzjoni għal supplimenti tal-ikel skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva dwar is-supplimenti tal-ikel.

    It-tielet nett, fl-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-prodotti “Cystus” li għalihom it-trade mark inkwistjoni ġiet użata.

    Ir-raba’ nett, id-distorsjoni tal-fatti fl-evalwazzjoni dwar jekk il-prodotti “Cystus” jikkostitwixxux supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi u l-konklużjoni żbaljata konsegwenti li t-trade mark ma kinitx intużat għal supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi.

    Il-ħames nett, li ma kien hemm l-ebda eżami differenzjat dwar jekk il-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark “Lutschpastillen” (mhux mediċinali) kinux supplimenti tal-ikel.

    Barra minn hekk, l-appellant jallega motivazzjoni insuffiċjenti fid-determinazzjoni tal-fatt li t-trade mark “Cystus” skont l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni ma ġietx użata b’mod ġenwin għas-supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi:

    L-ewwel nett, mill-motivi tas-sentenza ma huwiex possibbli li wieħed jifhem kif il-Qorti Ġenerali wasslet sabiex tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-fatti u tal-provi prodotti mill-appellant, li t-trade marka ġiet użata għal supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi.

    It-tieni nett, id-deċiżjoni li t-trade mark ma kinitx intużat għas-supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi protetti, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġġustifika ċerti indizji kontra din il-klassifikazzjoni, mingħajr ma jiġi ddeterminat għal liema prodotti oħra t-trade mark ġiet użata.

    It-tielet nett, li ma kien hemm l-ebda eżami differenzjat dwar jekk il-prodotti mibjugħa taħt it-trade mark “Lutschpastillen” (mhux mediċinali) humiex supplimenti tal-ikel, u mingħajr spjegazzjoni għalfejn ma sarx dan l-eżami differenzjat.

    Barra minn hekk, l-appellant jallega żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni:

    L-ewwel nett, l-analiżi żbaljata tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni; ma kienx eżaminat jekk it-trade mark intużatx fil-forma rreġistrata, jew f’forma differenti, li ma hijiex affettwata mill-karattru distintiv tagħha (Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni), għal supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi.

    It-tieni nett, il-klassifikazzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni, peress li l-appellant jibqa’ prattikament ma jistax juża bl-ebda mod it-trade mark b’mod mhux deskrittiv għall-prodotti “Cystus” tiegħu bbażati fuq il-pjanta Cistus Incanus, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżami tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni kellha timplika li t-trade mark għandu jkollha tal-inqas livell medju ta’ karattru distintiv.

    Barra minn hekk, l-appellant jallega li l-motivazzjoni hija kontradittorja u insuffiċjenti fid-determinazzjoni tal-fatt li t-trade mark tal-Unjoni Nru 001273119 “Cystus” skont l-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni ma ġietx użata b’mod ġenwin għas-supplimenti tal-ikel mhux għal skopijiet mediċi:

    Minn naħa, hemm kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni tal-fatt li l-ortografija tat-trade mark bi “y” minflok “i” ma hijiex biżżejjed sabiex turi l-użu tagħha bħala trade mark tal-Unjoni u l-affermazzjoni simultanja li dan ma jwassalx għall-eżistenza ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni.

    Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni hija insuffiċjenti peress li ma hemmx ġustifikazzjoni tal-fatt li n-natura speċifika tal-użu tat-trade mark ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 51(1)(a) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni.

    Fl-aħħar nett, l-appellant jallega żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat il-fatt li l-Bord tal-Appell ma għamel l-ebda osservazzjoni dwar l-allegat rifjut ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar it-trade mark tal-Unjoni.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).


    Top