Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DP0018

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti (2013/2996(RSO))

    ĠU C 482, 23.12.2016, p. 160–168 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 482/160


    P7_TA(2014)0018

    Is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti

    Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti (2013/2996(RSO))

    (2016/C 482/27)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 183 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    1.

    Jiddeċiedi li jissostitwixxi l-Anness VII tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu b'dan li ġej:

    “Anness VII – Setgħat u responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti

    I.   Kumitat għall-Affarijiet Barranin

    Kumitat responsabbli għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika barranija tal-Unjoni fir-rigward ta':

    1.

    il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika komuni ta' sigurtà u ta' difiża (PKSD). F'dan il-kuntest il-kumitat ikun assistit minn sottokumitat għas-sigurtà u d-difiża;

    2.

    ir-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet u entitajiet oħra tal-Unjoni, mal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma' assemblei interparlamentari għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu;

    3.

    is-superviżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

    4.

    it-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi ma' pajjiżi terzi permezz ta' programmi komprensivi ta' kooperazzjoni u assistenza jew permezz ta' ftehimiet internazzjonali bħal ftehimiet ta' assoċjazzjoni jew sħubija;

    5.

    il-ftuħ, il-monitoraġġ u l-konklużjoni ta' negozjati dwar l-adeżjoni ta' Stati Ewropej mal-Unjoni;

    6.

    għal-leġiżlazzjoni, l-ipprogrammar u l-iskrutinju kollha tal-azzjonijiet imwettqa taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument ta' Sħubija għall-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, u l-politiki li fuqhom huma bbażati;

    7.

    il-monitoraġġ u s-segwitu ta', inter alia, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari fir-rigward tar-Rapporti ta' Progress Annwali tal-PEV;

    8.

    kwistjonijiet li jirrigwardaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' minoranzi, f'pajjiżi terzi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali. F'dan il-kuntest il-kumitat ikun assistit minn sottokumitat għad-drittijiet tal-bniedem, li għandu jiżgura koerenza bejn il-politika esterna kollha tal-Unjoni u l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli, membri ta' kumitati u entitajiet oħra li għandhom kompetenzi f'dan il-qasam għandhom jiġu mistiedna sabiex jattendu l-laqgħat tas-sottokumitat.

    9.

    l-involviment tal-Parlament fil-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet, fejn hu xieraq b'kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra rilevanti;

    Il-kumitat jipprovdi superviżjoni politika, u jikkoordina x-xogħol ta' kumitati parlamentari konġunti u ta' kumitati parlamentari ta' kooperazzjoni kif ukoll ix-xogħol ta' delegazzjonijiet interparlamentari u ta' delegazzjonijiet ad hoc li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu.

    II.   Kumitat għall-Iżvilupp

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari:

    (a)

    id-djalogu politiku mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, fuq livell bilaterali u f'organizzazzjonijiet internazzjonali u fora interparlamentari rilevanti,

    (b)

    l-għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' tali pajjiżi, b'mod partikolari superviżjoni ta' ffinanzjar effettiv ta' għajnuna u evalwazzjoni tal-prestazzjoni, inkluż fir-rigward tal-qerda tal-faqar,

    (c)

    monitoraġġ tar-relazzjoni bejn il-politika tal-Istati Membri u dik implimentata fil-livell tal-Unjoni,

    (d)

    il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, ta' tmexxija t-tajba u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    (e)

    l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-progress fil-koerenza politika fir-rigward tal-politika għall-iżvilupp;

    2.

    għal kull leġiżlazzjoni, programmar u skrutinju ta' azzjonijiet imwettqa taħt l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) b'kooperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali – u l-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja, kif ukoll għall-kwistjonijiet kollha relatati ma' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-politika li fuqha jkunu msejsin;

    3.

    għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u għar-relazzjonijiet mal-entitajiet rilevanti;

    4.

    għall-kwistjonijiet relatati mal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej;

    5.

    għall-involviment tal-Parlament fil-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet, fejn hu xieraq b'kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra rilevanti.

    Il-kumitat jikkoordina x-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tad-delegazzjonijiet ad hoc li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    III.   Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

    Kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni u r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tagħha, b'mod partikolari:

    1.

    ir-relazzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u kummerċjali ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali;

    2.

    it-tariffa esterna komuni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll l-aspetti esterni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dwana u l-ġestjoni tagħha;

    3.

    il-ftuħ, il-monitoraġġ, il-konklużjoni u s-segwitu ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali, multilaterali u plurilaterali li jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u ta' investiment ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali;

    4.

    il-miżuri ta' armonizzazzjoni teknika jew ta' standardizzazzjoni teknika f'oqsma koperti minn strumenti ta' liġi internazzjonali;

    5.

    ir-relazzjonijiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u ma' fora internazzjonali dwar kwistjonijiet relalati mal-kummerċ, u ma' organizzazzjonijiet li jippromwovu integrazzjoni ekonomika u kummerċjali fuq livell reġjonali barra mill-Unjoni;

    6.

    ir-relazzjonijiet mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluża d-dimensjoni parlamentari tagħha.

    Il-kumitat jikkomunika mad-delegazzjonijiet interparlamentari u ad hoc rilevanti dwar l-aspetti ekonomiċi u kummerċjali tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.

    IV.   Kumitat għall-Baġits

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-qafas finanzjarju pluriennali tad-dħul u l-infiq tal-Unjoni u għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni;

    2.

    għall-prerogattivi baġitarji tal-Parlament, b'mod partikolari l-baġit tal-Unjoni u n-negozjar u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali f'dan il-qasam;

    3.

    għall-estimi tal-Parlament skont il-proċedura stabbilita fir-Regoli;

    4.

    għall-baġit ta' entitajiet deċentralizzati;

    5.

    għall-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew għall-Investiment li mhumiex parti mill-governanza ekonomika Ewropea;

    6.

    biex jiddaħħal fil-baġit il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kumitat responsabbli għall-Ftehima ta' Sħubija AKP-UE;

    7.

    għall-implikazzjonijiet finanzjarji tal-atti kollha tal-Unjoni u għall-kompatibbiltà tagħhom mal-qafas finanzjarju pluriennali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kumitati rilevanti;

    8.

    għall-issorveljar u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit kurrenti minkejja l-Artikolu 78(1), trasferimenti ta' approprjazzjonijiet, proċeduri li għandhom x'jaqsmu mal-organigrammi, approprjazzjonijiet amministrattivi u opinjonijiet dwar proġetti relatati mal-bini li jkollhom implikazzjonijiet finanzjarji qawwija;

    9.

    għar-Regolament Finanzjarju, bl-esklużjoni ta' kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-baġit.

    V.   Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u għad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Parlament dwar il-kwittanza, inkluża l-proċedura għall-kwittanza interna, u għall-miżuri l-oħra li jakkumpanjaw jew li jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet;

    2.

    għall-għeluq, il-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet u tal-karti tal-bilanċ tal-Unjoni, tal-istituzzjonijiet tagħha u tal-entitajiet iffinanzjati minnha, inkluża d-deċiżjoni dwar liema approprjazzjonijiet għandhom jiġu riportati u s-saldu tal-bilanċi;

    3.

    għall-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

    4.

    għall-monitoraġġ tal-effettività fl-infiq tat-tipi differenti ta' finanzjament tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni, bl-involviment, fuq talba tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-kumitati speċjalizzati u b'azzjoni, fuq talba tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, f'kooperazzjoni mal-kumitati speċjalizzati għall-eżami tar-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri;

    5.

    għar-relazzjonijiet mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), għall-indagar dwar frodi u irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, għall-miżuri li għandhom bħala skop il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawn il-każijiet, għall-protezzjoni riġida tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-azzjonijiet rilevanti mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew f'dan il-qasam;

    6.

    għar-relazzjonijiet mal-Qorti tal-Awdituri, għall-ħatra tal-membri tagħha u għall-konsiderazzjoni tar-rapporti tagħha;

    7.

    għar-Regolament Finanzjarju għal dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tal-baġit.

    VI.   Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-politika ekonomika u monetarja tal-Unjoni, għall-operat tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għas-sistema monetarja u finanzjarja Ewropea (inklużi r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet rilevanti);

    2.

    għall-moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti (pagamenti transfruntiera, żona unika ta' pagament, bilanċ ta' pagamenti, moviment ta' kapital u politika ta' self u tislif, kontroll tal-moviment ta' kapital li jkun ġej minn pajjiżi terzi, miżuri li jkollhoom l-iskop li jinkoraġġixxu l-esportazzjoni tal-kapital tal-Unjoni);

    3.

    għas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali (inklużi r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u monetarji);

    4.

    għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna Statali jew pubblika;

    5.

    għad-dispożizzjonijiet fiskali;

    6.

    għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' servizzi, istituzzjonijiet u swieq finanzjarji, inkluż ir-rappurtar finanzjarju, l-awditjar, ir-regoli dwar il-kontabbiltà, il-governanza korporattiva u kwistjonijiet oħra marbuta mal-liġi dwar il-kumpaniji u li jikkonċernaw speċifikament is-servizzi finanzjarji.

    7.

    għall-attivitajiet rilevanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħala parti mill-governanza ekonomika Ewropea fiż-żona tal-euro.

    VII.   Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-politika tal-impjiegi u l-aspetti kollha tal-politika soċjali, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali;

    2.

    għad-drittijiet tal-ħaddiema;

    3.

    għall-miżuri ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

    4.

    għall-Fond Soċjali Ewropew;

    5.

    għall-politika tat-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-kwalifiki professjonali;

    6.

    għall-moviment ħieles tal-ħaddiema u tal-pensjonanti;

    7.

    għad-djalogu soċjali;

    8.

    għall-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol ħlief għad-diskriminazzjoni sesswali;

    9.

    għar-relazzjonijiet:

    maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop),

    mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonjiet tal-Ħajja u tax-Xogħol,

    mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ,

    mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

    kif ukoll għar-relazzjonijiet ma' entitajiet oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti.

    VIII.   Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-politika ambjentali u għall-miżuri ta' protezzjoni tal-ambjent, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw:

    (a)

    it-tibdil fil-klima,

    (b)

    it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, l-immaniġġjar u r-riċiklaġġ tal-iskart, is-sustanzi u l-taħlitiet perikolużi, il-livelli tal-istorbju u l-protezzjoni tal-bijodiversità,

    (c)

    l-iżvilupp sostenibbli,

    (d)

    il-miżuri u l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali għall-protezzjoni tal-ambjent,

    (e)

    it-tiswija ta' ħsara ambjentali,

    (f)

    il-protezzjoni ċivili,

    (g)

    l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

    (h)

    l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi;

    2.

    għas-saħħa pubblika, b'mod partikolari:

    (a)

    il-programmi u l-miżuri speċifiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika,

    (b)

    il-prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi,

    (c)

    l-aspetti tas-saħħa tal-bijoterroriżmu,

    (d)

    l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard;

    3.

    għall-kwistjonijiet ta' sikurezza tal-ikel, b'mod partikolari:

    (a)

    it-tikkettar u s-sikurezza tal-prodotti tal-ikel,

    (b)

    il-leġiżlazzjoni veterinarja dwar il-protezzjoni mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem; il-kontrolli ta' saħħa pubblika fuq il-prodotti tal-ikel u fuq is-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel,

    (c)

    l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-Uffiċju Ewropew għall-Ikel u s-Servizzi Veterinarji.

    IX.   Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-politika industrijali tal-Unjoni u miżuri relatati, u għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, inklużi l-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medjui;

    2.

    għall-politika tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż ix-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll it-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-riċerka;

    3.

    għall-politika spazjali Ewropea;

    4.

    għall-attivitajiet taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta' Referenza, kif ukoll il-JET, l-ITER u proġetti oħra fl-istess qasam;

    5.

    għall-miżuri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija b'mod ġenerali u fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, inklużi miżuri relatati ma':

    (a)

    is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni,

    (b)

    il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u li jiġġeddu,

    (c)

    il-promozzjoni tal-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż it-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tal-enerġija;

    6.

    għat-Trattat Euratom u l-Aġenzija għall-Provvista tal-Euratom; għas-sikurezza nukleari, għall-għeluq tal-istabbilimenti nukleari u għat-tneħħija tal-iskart fis-settur nukleari;

    7.

    għas-soċjetà tal-informazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni u n-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni, inkluż it-teknoloġiji u l-aspetti ta' sigurtà u t-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

    X.   Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-suq intern u għall-unjoni doganali, b'mod partikolari:

    (a)

    il-moviment ħieles tal-merkanzija, inkluża l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi,

    (b)

    id-dritt ta' stabbiliment,

    (c)

    il-libertà tal-għoti ta' servizzi, ħlief fis-settur finanzjarju u fis-settur postali;

    2.

    għall-funzjonament tas-Suq Uniku, inkluż miżuri li għandhom bħala skop l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' affarijiet li jistgħu jkunu ta' xkiel għall-implimentazzjoni tas-Suq Uniku, inkluż is-Suq Uniku Diġitali;

    3.

    għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi ekonomiċi tal-konsumatur, ħlief għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà tal-ikel;

    4.

    għall-politika u l-leġiżlazzjoni rigward l-infurzar tar-regoli dwar is-Suq Uniku u d-drittijiet tal-konsumatur.

    XI.   Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp ta' politika komuni għat-trasport ferrovjarju, fuq it-toroq, f'mogħdijiet tal-ilma interni, bil-baħar u bl-ajru, b'mod partikolari:

    (a)

    għar-regoli komuni applikabbli għat-trasport fl-Unjoni Ewropea,

    (b)

    għat-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport,

    (c)

    għall-għoti ta' servizzi ta' trasport u għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qasam tat-trasport,

    (d)

    għas-sikurezza tat-trasport,

    (e)

    għar-relazzjonijiet ma' entitajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali tat-trasport;

    (f)

    għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Impriża Konġunta SESAR;

    2.

    għas-servizzi postali;

    3.

    għat-turiżmu.

    XII.   Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-operat u l-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp u l-koeżjoni reġjonali, kif stabbilit fit-Trattati;

    2.

    għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-istrumenti l-oħra tal-politika reġjonali tal-Unjoni,

    3.

    għall-valutazzjoni tal-effett ta' linji politiċi oħrajn tal-Unjoni fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali,

    4.

    għall-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali tal-Unjoni,

    5.

    għad-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni;

    6.

    għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer, kif ukoll il-kooperazzjoni trans-fruntiera u bejn ir-reġjuni,

    7.

    għar-relazzjonijiet mal-Kumitat għar-Reġjuni, l-organizzazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

    XIII.   Kumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-operat u l-iżvilupp tal-politika agrikola komuni;

    2.

    għall-iżvilupp rurali, inklużi l-attivitajiet tal-istrumenti finanzjarji rilevanti;

    3.

    għal-leġiżlazzjoni dwar:

    (a)

    kwistjonijiet veterinarji u li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti u mal-għalf, kemm-il darba dawn il-miżuri ma jkunux intiżi sabiex titħares s-saħħa tal-bniedem,

    (b)

    it-trobbija u l-benesseri tal-annimali;

    4.

    għat-titjib fil-kwalità tal-prodotti agrikoli;

    5.

    għall-provvista ta' materja prima għall-agrikoltura;

    6.

    għall-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti;

    7.

    għall-imsaġar u s-sistema agroforestali.

    XIV.   Kumitat għas-Sajd

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-operat u l-iżvilupp tal-politika komuni tas-sajd u għall-amministrazzjoni tagħha;

    2.

    għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-ġestjoni tas-sajd u ta' flotot li jisfruttaw tali riżorsi u r-riċerka dwar studji tal-baħar u studji applikati dwar is-sajd;

    3.

    għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-qasam tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu;

    4.

    għall-politika strutturali fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura, inklużi l-istrumenti finanzjarji u l-fondi għall-għajnuna fis-sajd biex jiġu appoġġjati dawn is-setturi;

    5.

    għall-politika marittima integrata fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd;

    6.

    għal ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd u l-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali fil-qasam tas-sajd.

    XV.   Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-aspetti kulturali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari:

    (a)

    it-titjib fl-għerf u fid-disseminazzjoni tal-kultura,

    (b)

    il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika,

    (c)

    il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju kulturali, l-iskambji kulturali u l-kreazzjoni artistika;

    2.

    għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, inkluż il-qasam ta' edukazzjoni ogħla fl-Ewropa, il-promozzjoni tas-sistema ta' skejjel Ewropej u t-tagħlim tul il-ħajja;

    3.

    għall-politika awdjoviżiva u l-aspetti kulturali u edukattivi tas-soċjetà tal-informazzjoni;

    4.

    għall-politika dwar iż-żgħażagħ;

    5.

    għall-iżvilupp ta' politika tal-isport u l-ħin liberu;

    6.

    għall-politika tal-informazzjoni u tal-media;

    7.

    għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni u għar-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kkonċernati.

    XVI.   Kumitat għall-Affarijiet Legali

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Liġi tal-Unjoni, u għall-konformità tal-atti tal-Unjoni mal-leġiżlazzjoni primarja, b'mod partikolari l-għażla tal-bażijiet legali u r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

    2.

    għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali, għal dak li jkollu x'jaqsam mal-Unjoni Ewropea;

    3.

    għal tfassil aħjar tal-liġijiet u għas-semplifikazzjonital-liġi tal-Unjoni;

    4.

    għall-ħarsien legali tad-drittijiet u l-prerogattivi tal-Parlament, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Parlament f'kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    5.

    għall-atti tal-Unjoni li jaffettwaw l-ordni ġuridiku tal-Istati Membri, b'mod partikolari fl-oqsma:

    (a)

    tal-liġi ċivili u kummerċjali,

    (b)

    tal-liġi dwar il-kumpaniji,

    (c)

    tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali,

    (d)

    tal-liġi proċedurali;

    6.

    għall-miżuri rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva f'oqsma ċivili;

    7.

    għar-responsabbiltà ambjentali u għas-sanzjonijiet applikabbli għal delitti kontra l-ambjent;

    8.

    għall-kwistjonijiet etiċi li għandhom x'jaqsmu ma' teknoloġiji ġodda, bl-applikazzjoni tal-proċedura b'kumitati assoċjati mal-kumitati rilevanti;

    9.

    għall-Istatut tal-Membri u għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;

    10.

    għall-privileġġi u l-immunitajiet, kif ukoll għall-verifika tal-kredenzjali tal-Membri;

    11.

    għall-organizzazzjoni u l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    12.

    għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern.

    XVII.   Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi, kif stipulat fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    2.

    għall-miżuri meħtieġa fil-ġlieda kontra kull tip ta' diskriminazzjoni, ħlief id-diskrimazzjoni sesswali jew id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol;

    3.

    għal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tat-trasparenza u tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar ta' informazzjoni personali;

    4.

    għat-twaqqif u l-iżvilupp ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari:

    (a)

    miżuri li għandhom x'jaqsmu mad-dħul u l-moviment tal-persuni, mal-ażil u l-migrazzjoni,

    (b)

    miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri komuni,

    (c)

    miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-kooperazzjoni ġudizjarja fil-qasam kriminali, inkluż it-terroriżmu, u miżuri sostantivi u proċedurali relatati mal-iżvilupp ta' approċċ aktar koerenti tal-Unjoni lejn il-liġi kriminali;

    5.

    għaċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Europol, l-Eurojust, is-Cepol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u entitajiet u aġenziji oħra li joperaw fl-istess qasam;

    6.

    għad-determinazzjoni ta' riskju evidenti ta' ksur gravi, min-naħa ta' Stat Membru, tal-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

    XVIII.   Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-aspetti istituzzjonali tal-proċess ta' intergrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari il-preparazzjoni, l-inizjazzjoni u l-proċedimenti tal-proċeduri ordinarji u ssemplifikati għar-reviżjoni tat-Trattati;

    2.

    għall-implimentazzjoni tat-Trattati u għall-valutazzjoni tal-operat tagħhom;

    3.

    għall-konsegwenzi istituzzjonali tan-negozjati tat-tkabbir tal-Unjoni jew ta' ħruġ mill-Unjoni;

    4.

    għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, inkluż l-eżami tal-ftehimiet interistituzzjonali skont l-Artikolu 127(2) tar-Regoli ta' Proċedura, minħabba li jridu jiġu approvati mill-Parlament;

    5.

    għal proċedura elettorali uniformi;

    6.

    għall-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bureau;

    7.

    għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' ksur gravi u persistenti, min-naħa ta' Stat Membru, tal-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri;

    8.

    għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura u l-proposti għal emendi għar-Regoli.

    XIX.   Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għad-definizzjoni, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa fl-Unjoni u għall-miżuri tal-Unjoni li jkollhom x'jaqsmu ma' dan;

    2.

    għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi terzi;

    3.

    għall-politika ta' opportunitajiet indaqs, inkluża l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq il-post tax-xogħol;

    4.

    għat-tneħħija ta' kull tip ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali;

    5.

    għall-implimentazzjoni u aktar żvilupp fil-qasam tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-setturi kollha;

    6.

    għas-segwitu u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tan-nisa;

    7.

    għall-inkoraġġiment ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa.

    XX.   Kumitat għall-Petizzjonijiet

    Kumitat responsabbli:

    1.

    għall-petizzjonijiet;

    2.

    għall-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ pubbliċi dwar inizjattivi taċ-ċittadini skont l-Artikolu 197a;

    3.

    għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew.”

    2.

    Jiddeċiedi li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel sessjoni parzjali tat-tmien leġiżlatura parlamentari;

    3.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.


    Top