Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2684

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE (COM(2016) 82 final — 2016/0050 (COD))

    ĠU C 389, 21.10.2016, p. 93–98 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/93


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE

    (COM(2016) 82 final — 2016/0050 (COD))

    (2016/C 389/13)

    Relatur:

    is-Sur Jan SIMONS

    Nhar it-23 ta’ Marzu u nhar il-11 ta’ April 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Ewropa, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/50/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE

    (COM(2016) 82 final – 2016/0050 (COD)).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Ġunju 2016.

    Matul il-518-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2016 (seduta tat-13 ta’ Lulju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’118-il vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi li s-sistema komuni ta’ kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna għandha tkun ibbażata fuq il-kompetenzi meħtieġa minflok fuq rekwiżiti tal-esperjenza li kienu jintalbu tradizzjonalment. Huwa jaqbel ukoll mal-aspettattiva li r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali madwar l-Unjoni ser ikun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp ta-navigazzjoni interna.

    1.2.

    Il-mobilità interna tal-forza tax-xogħol tal-UE hija kwistjoni importanti biex jiġi indirizzat in-nuqqas strutturali ta’ ħaddiema kkwalifikati. Valutazzjoni obbligatorja ta’ kompetenzi għall-membri kollha tal-ekwipaġġ li jaħdmu fuq il-gverta ser ittejjeb l-immaġni u l-attrazzjoni tal-professjoni.

    1.3.

    Iż-żamma tal-istandards tas-sikurezza eżistenti għall-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali importanti għandha titqies bħala l-minimu sabiex il-politika proposta tiġi introdotta b’mod korrett.

    1.4.

    It-titjib tal-infurzar tar-regolamenti mill-awtoritajiet responsabbli, minn naħa, ser jikkostitwixxi deterrent għall-prattiki soċjali żleali u min-naħa l-oħra ser isaħħaħ il-kompetittività u l-kompetizzjoni ġusta.

    1.5.

    Għall-KESE, kooperazzjoni mill-qrib, kontinwa u wiesgħa bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjonijiet tax-Xmajjar Ewropej, speċjalment il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR), tibqa’ indispensabbli għat-tmexxija tajba tan-netwerk Ewropea tan-navigazzjoni interna.

    1.6.

    Il-KESE jaqbel, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ ċerti kummissjonijiet tax-xmajjar, li apparti r-rekwiżiti komuni ta’ kompetenza, li għandhom jiġu żviluppati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (CESNI), hemm bżonn ta’ oġġettivi komuni sabiex jiġu identifikati passaġġi tal-ilma jew meded ta’ passaġġi tal-ilma b’riskji speċifiċi, li għalihom l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali apparti l-kwalifiki professjonali komuni.

    1.7.

    Il-prinċipji u l-għanijiet tal-politika magħżula, li huma l-bażi tal-proposta, jeħtieġu b’mod urġenti li jiġu kkomunikati b’mod aktar ċar.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Industriji kompetittivi jiddependu fuq l-abbiltà li jiġu ttrasportati volumi kbar ta’ merkanzija b’mod kosteffiċjenti. Bastimenti tan-navigazzjoni interna għandhom kapaċità tat-tagħbija li hija ekwivalenti għal mijiet ta’ trakkijiet: konvoj wieħed ta’ erba’ braken imbuttati (= 7 000 tunnellata netti) huwa 280 trakk b’25 tunnellata netti kull wieħed. Dan jista’ jgħin sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż tat-trasport u jiġi protett l-ambjent.

    2.2.

    Il-kanal Main-Danubju, ir-Renu u d-Danubju jgħaqqdu direttament 13-il Stat Membru mill-Baħar tat-Tramuntana sal-Baħar l-Iswed għal tul ta’ 3 500 km. Kull sena, dawn il-passaġġi fuq l-ilma jittrasportaw madwar 500 miljun tunellata ta’ merkanzija, bit-traffiku fuq ir-Renu waħdu jammonta għal 67 % tal-volum tat-trasport. Aktar minn 75 % tan-navigazzjoni interna fl-UE huwa trasport transkonfinali. Fil-Ġermanja, il-Belġju u n-Netherlands, is-sehem modali kondiviż tan-navigazzjoni interna huwa ta’ 12.,5 %, 25 % u 38,7 % rispettivament u fuq il-kuritur tar-Renu, iż-żoni ċentrali industrijali tal-Ewropa, huwa saħansitra ogħla minn 50 %.

    2.3.

    B’tagħbija ta’ 150 biljun tunnellata kilometri kull sena, in-navigazzjoni interna taqdi rwol importanti fil-funzjonament tal-ktajjen loġistiċi multimodali tal-UE. Skont studji reċenti, il-valur miżjud ta’ EUR 2,2 biljuni fis-settur tan-navigazzjoni interna jwassal għal valur miżjud ekonomiku dirett u indirett ta’ EUR 13,2-il biljun, jiġifieri multiplikatur ta’ 6,0.

    2.4.

    Xi ċifri ewlenin dwar is-suq tax-xogħol fin-navigazzjoni interna fl-UE:

    41 500 ħaddiem: madwar 14 650 kaptan tal-bastimenti u 26 850 ħaddiem operazzjonali.

    In-Netherlands, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, l-Italja, il-Belġju, ir-Rumanija u l-Bulgarija jirrappreżentaw 80 % tat-total tal-forza tax-xogħol fin-navigazzjoni interna.

    Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema huma attivi fuq il-kuritur tar-Renu.

    Sehem tal-ħaddiema mhux nazzjonali: 27 % fin-Netherlands, 23 % fil-Ġermanja, 14 % fil-Belġju.

    9 482 kumpanija tan-navigazzjoni interna, li minnhom 45 % huma Netherlandiżi

    2.5.

    Il-KESE diġà pprovda lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea b’opinjonijiet dwar din l-industrija, inklużi dwar il-politika soċjali fi ħdan sistema pan-Ewropea sabiex tiġi rregolata n-navigazzjoni interna fl-2005 (1), Programm ta’ Azzjoni Ewropew Integrat għan-navigazzjoni interna, imsejjaħ “Naiades” fl-2006 (2) u l-Pakkett Naiades II fl-2014 (3).

    2.6.

    Hawnhekk għall-ewwel darba, il-Kumitat “appella biex titfassal politika soċjali Komunitarja għan-navigazzjoni interna” li “fil-qafas tad-djalogu soċjali saret ħidma … u din wasslet għat-tfassil ta’ regoli speċifiċi fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fin-navigazzjoni interna” li sussegwentement wasslu, fl-2014, biex il-Kumitat jappella li jiġu żviluppati “aktar inizjattivi”. L-armonizzazzjoni proposta ta’ profili professjonali, abbażi tad-djalogu soċjali, u l-allinjament fil-livell Ewropew tal-kwalifiki professjonali ser jaqdu rwol prominenti, li ser jiġi żviluppat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kummissjonijiet tax-xmajjar, bħall-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

    2.7.

    Sadanittant, il-Kummissjoni Ewropea u s-CCNR intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom, u kisbu xi riżultati importanti, bħal pereżempju l-identifikazzjoni konġunta tal-kompetenzi meħtieġa (tabelli ta’ kompetenzi PLATINA) u, bis-saħħa tar-rieda komuni tagħhom li jtejbu r-regolamentazzjoni tas-settur tan-navigazzjoni interna, f’Ġunju 2015 inħoloq il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (magħrufa bħala CESNI). Dan il-Kumitat malajr beda bil-ħidma tiegħu u fl-2015 abbozza standards għal ħtiġijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Ġie deċiż li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma CESNI dwar il-kwalifiki professjonali. CESNI huwa mistenni li jaqdi rwol importanti anke fil-qasam tal-kwalifiki professjonali billi jfassal l-istandards imsemmija fil-proposta.

    2.8.

    Din il-proposta tal-Kummissjoni hija r-riżultat ta’ diversi konsultazzjonijiet estensivi u fit-tul ma’ bosta organizzazzjonijiet involuti u mal-imsieħba soċjali (pereżempju, il-kummissjonijiet tax-xmajjar internazzjonali: il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, il-Kummissjoni tad-Danubju, il-Kummissjoni Sava; il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti; amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati mit-tfassil tal-politika dwar l-IWT u mill-attivitajiet leġislattivi u amministrattivi; l-organizzazzjonijiet professjonali: l-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna u l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani; trejdjunjins: il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport – taqsima tal-IWT; PLATINA, il-pjattaforma għall-implimentazzjoni ta’ NAIADES; l-istituzzjonijiet tat-taħriġ u l-edukazzjoni dwar l-IWT fl-Ewropa EDINNA; AQUAPOL u l-Federazzjoni Ewropea tal-Portijiet Interni. L-imsieħba soċjali Ewropej tan-navigazzjoni Interna jinkludu l-Unjoni tan-Navigazzjoni Interna, l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Kaptani u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport).

    3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1.

    In-navigazzjoni interna hija mezz ta’ trasport li jiffranka l-ispejjeż u effiċjenti fl-enerġija li jista’ jintuża b’mod aktar effiċjenti biex jappoġġja l-effiċjenza enerġetika, it-tkabbir u l-għanijiet tal-iżvilupp industrijali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-kontribut tiegħu huwa mfixkel minn diffikultajiet f’termini ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol, postijiet vakanti u nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet persistenti. Ir-rekwiżiti minimi li jvarjaw għal kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna madwar l-Istati Membri ma jipprovdux assigurazzjoni suffiċjenti għal pajjiżi individwali fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali tal-ekwipaġġ minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari hekk kif din taffettwa wkoll is-sikurezza tan-navigazzjoni.

    3.2.

    L-objettiv tad-Direttiva huwa li tiffaċilita l-mobilità tal-forza tax-xogħol fis-settur tan-navigazzjoni interna billi tiżgura li l-kwalifiki tal-ħaddiema tas-sengħa jiġu rikonoxxuti madwar l-Unjoni. L-inizjattiva tibni fuq aktar minn 19-il sena ta’ esperjenza bid-Direttiva 96/50/KE għall-akkwist taċ-ċertifikati nazzjonali tas-sidien tad-dgħajjes u d-Direttiva 91/672/KEE dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għall-boatmasters li joperaw fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-UE għajr ix-xmara Renu.

    3.3.

    Il-proposta testendi r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sabiex jiġu koperti l-membri tal-ekwipaġġ kollha abbord u hija bbażata fuq il-kompetenzi meħtieġa. Din tipprovdi għal rikonoxximent fost in-netwerk Ewropew tan-navigazzjoni interna abbażi ta’:

    standards komuni dwar iċ-ċertifikati tal-boatmasters u tal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ,

    kriterji u proċeduri komuni sabiex jiġu stabbiliti il-kompetenzi meħtieġa,

    l-istabbiliment ta’ kriterji li jiżguraw li t-tagħrif meħtieġ dwar rotot speċifiċi huwa ġustifikat mil-livell ta’ sikurezza maħsub.

    Skont il-Kummissjoni, mhux biss il-ħaddiema ser jibbenefikaw minn titjib fil-mobilità tax-xogħol u opportunitajiet ġodda ta’ karriera, iżda fuq kollox is-settur kollu kemm hu ser jibbenefika għax isir aktar attraenti kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi li s-sistema komuni ta’ kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna għandha tkun ibbażata fuq il-kompetenzi meħtieġa minflok fuq rekwiżiti tal-esperjenza li kienu jintalbu tradizzjonalment. Huwa jaqbel ukoll mal-aspettattiva li r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali madwar l-Unjoni ser ikun ta’ benefiċċju għall-iżvilupp ta-navigazzjoni interna.

    4.2.

    Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni kontinwa u estiża bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissjonijiet tax-Xmajjar, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR). B’mod partikolari, l-isforzi konġunti tas-CCNR u l-Kummissjoni sabiex jarmonizzaw u jimmodernizzaw ir-regolamenti huma importanti sabiex tiġi żviluppata politika konsistenti fir-rigward tan-netwerk tal-UE tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti u jinżammu kundizzjonijiet ugwali fi ħdan is-settur tan-navigazzjoni interna u jenfasizza li r-regolamenti modernizzati jridu jimxu id f’id mal-infurzar modernizzat.

    4.3.

    Bħala parti mill-pakkett NAIADES II, il-proposta timmira li tintroduċi sistema komuni ta’ standards minimi bbażati fuq il-kompetenza li huma importanti ħafna sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ sikurezza fil-passaġġi fuq l-ilma interni fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa tal-fehma li din is-sistema m’għandhiex tolqot l-aħjar prattiki rigward il-kategoriji kollha ta’ passaġġi fuq l-ilma interni.

    4.3.1.

    Għaldaqstant, il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu joħolqu eċċezzjonijiet jew jistabbilixxu rekwiżiti addizzjonali għal ċerti passaġġi tal-ilma interni, jew meded ta’ passaġġi tal-ilma interni. Dawn il-miżuri għandhom, ovvjament, ikunu effettivi u proporzjonati, b’tali mod li l-għadd tagħhom huwa limitat għal dak strettament neċessarju. B’mod ġenerali mhuwa previst l-ebda tnaqqis ta’ standards eżistenti. Madankollu l-istandards ta’ sikurezza fuq id-diversi passaġġi fuq l-ilma interni jistgħu jvarjaw.

    4.4.

    Fir-rigward tax-xmajjar internazzjonali, it-transnazzjonalizzazzjoni tan-navigazzjoni interna wasslet għall-istabbiliment ta’ kummissjonijiet tax-xmajjar sabiex jiġi żgurat reġim uniku għall-użu kummerċjali. Pereżempju, ir-reġim tar-Renu jmur lura għal aktar minn 200 sena. Sussegwentement twaqqfu wkoll kummissjonijiet għax-xmajjar tad-Danubju, il-Mosel u s-Sava.

    4.4.1.

    Ir-reġim tar-Renu mhux biss huwa distint minħabba l-istorja twila tiegħu, iżda fuq kollox minħabba l-qafas legali komprensiv tiegħu, b’mod partikolari l-qafas legali internazzjonali tiegħu.

    4.4.2.

    Il-Kumitat iqis indispensabbli kuntest istituzzjonali estiż u fondat kif suppost sabiex jiġi żgurat li l-leġislazzjoni għan-navigazzjoni fuq in-netwerk tan-navigazzjoni interna tal-Ewropa tkun koerenti u konsistenti. Mil-lat istituzzjonali kif ukoll mil-lat ekonomiku u soċjali, kooperazzjoni mill-qrib kontinwa u estiża bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-CCNR tibqa’ rakkomandabbli ħafna.

    4.5.

    Il-KESE jaqbel, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ ċerti kummissjonijiet tax-xmajjar, li apparti r-rekwiżiti komuni ta’ kompetenza, li għandhom jiġu żviluppati mill-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (CESNI), hemm bżonn ta’ oġġettivi komuni sabiex jiġu identifikati passaġġi tal-ilma jew meded ta’ passaġġi tal-ilma b’riskji speċifiċi, li għalihom l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali apparti l-kwalifiki professjonali komuni.

    4.6.

    Mil-lat Ewropew, iż-żamma tal-istandards ta’ sikurezza eżistenti għall-passaġġi fuq l-ilma internazzjonali importanti għandha titqies bħala prerekwiżit ġenerali sabiex il-politika proposta tiġi introdotta b’mod korrett. Approċċ koordinat tal-baċiri tax-xmajjar sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni żviluppa minn tradizzjoni internazzjonali li ilha teżisti u huwa ġeneralment aċċettat mill-partijiet interessati kollha rilevanti.

    4.6.1.

    F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni speċifika lix-xmara Renu. Dan il-passaġġ fuq l-ilma internazzjonali, li, flimkien mad-Danubju, huwa l-iktar wieħed li joffri sfida minn perspettiva nawtika, iġorr aktar minn 2/3 tat-traffiku Ewropew fuq in-navigazzjoni interna. Il-pajjiżi tax-xatt tiegħu diġà stabbilixxew livell għoli ta’ sikurezza bbażat fuq il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u ssorveljata mis-CCNR.

    4.7.

    Is-CCNR diġà stabbilixxiet mekkaniżmu multinazzjonali vinkolanti sabiex jiġu identifikati passaġġi fuq l-ilma b’riskji speċifiċi. Fil-fehma tal-KESE, il-koordinazzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali u d-deċiżjonijiet mill-kummissjonijiet tax-xmajjar fil-livell tal-UE għalhekk tkun pass ‘il quddiem fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema kwalifikati.

    4.7.1.

    Huwa għalhekk xieraq li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġi identifikat riskju speċifiku. Il-KESE jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta’ kriterji universali u oġġettivi sabiex jiġu definiti meded fejn iseħħu riskji speċifiċi jinkludi wkoll il-benefiċċju ta’ proċess trasparenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’ambitu estiż.

    4.7.2.

    Il-baċir tad-Danubju għadu ma joffrix mekkaniżmi multinazzjonali vinkolanti sabiex jiġu identifikati passaġġi fuq l-ilma b’riskji speċifiċi. Madankollu, il-KESE jqis azzjonijiet mill-Istati Membri, appoġġati mill-finanzjament tal-UE, biex itejbu u jiggarantixxu n-navigabilità tad-Danubju, bħala element kruċjali għall-iżvilupp tal-kurituri.

    4.7.3.

    Proposta għal metodoloġija biex jiġu identifikati passaġġi tal-ilma jew meded b’riskji speċifiċi tista’ tkun:

    (1)

    kriterji ġenerali għall-kompetenzi professjonali meħtieġa;

    (2)

    xmajjar nazzjonali: pajjiżi li jinsabu max-xatt joħorġu l-proposta, is-CESNI jagħti l-parir, deċiżjoni tittieħed b’“att delegat” (Kummissjoni tal-UE);

    (3)

    xmajjar internazzonali: kummissjonijiet tax-xmajjar li għandhom qafas legali internazzjonali jsegwu l-kriterji ġenerali; pajjiżi li jinsabu max-xatt joħorġu l-proposta, fejn xieraq wara koordinazzjoni mal-kummissjonijet tax-xmajjar, is-CESNI jagħti l-parir, deċiżjoni tittieħed b’“att delegat” (Kummissjoni tal-UE).

    4.8.

    L-għan tal-proposta huwa li titħeġġeġ il-mobbiltà tal-ħaddiema fl-akbar suq uniku tax-xogħol possibbli għan-navigazzjoni interna, li huwa aċċessibbli għal ħaddiema mill-Istati Membri kollha, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas strutturali ta’ ekwipaġġ kwalifikat. Il-KESE jtenni li din hija kwistjoni importanti li għandha tingħata attenzjoni.

    4.8.1.

    Valutazzjoni obbligatorja tal-kompetenzi għall-membri kollha tal-ekwipaġġ diġà fil-livell operattiv għandha ttejjeb l-immaġni u l-attrattività tal-professjoni, kemm għal apprendisti kif ukoll għal ħaddiema ġodda minn setturi oħra.

    4.8.2.

    Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tagħmel is-settur aċċessibbli għall-ħaddiema li jkunu aktar orjentati lejn il-prattika. Opportunitajiet ġodda għal dawk li jibdlu l-karriera li diġà għandhom sfond marittimu jew tip ieħor ta’ sfond sabiex jiksbu kwalifiki b’mod rapidu huma wkoll milqugħa mill-KESE.

    4.9.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-proposta hija bbażata fuq għażliet tal-politika li jsiru b’mod infurmat. Madankollu, mhuwiex faċli li jiġu identifikati dawk li jinsabu fil-proposta stess. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda wkoll li dawn il-prinċipji u l-għanijiet tal-politika magħżula jiġu kkomunikati b’mod aktar espliċitu.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Tnaqqis kbir tad-dokumenti rilevanti, kif ukoll iż-żamma u l-aġġornament tagħhom elettronikament, jistgħu jtejbu l-effikaċja tal-infurzar u jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi filwaqt li jippermettu li s-servizzi ta’ kontroll jiffunzjonaw b’mod aktar effiċjenti. B’riżultat ta’ dan fuq naħa jiġu skoraġġuti prattiki ta’ dumping soċjali u fuq in-naħa l-oħra ser jissaħħu l-kompetittività u l-kompetizzjoni ġusta.

    5.1.1.

    Il-KESE jirrakkomanda bis-saħħa li l-imsieħba soċjali, il-kummissjonijiet tax-xmajjar internazzjonali u s-servizzi ta’ kontroll jinżammu involuti u impenjati f’dan ir-rigward.

    5.2.

    Eżamijiet prattiċi huma normalment eżegwiti abbord bastiment, iżda għandhom ikunu wkoll possibbli fuq simulatur, naturalment akkumpanjati mill-esperjenza prattika meħtieġa. Għalhekk is-CESNI għandha tiddetermina standard uniformi għall-karatteristiċi u l-funzjonalitajiet tekniċi ta’ simulaturi ta’ bastiment tan-navigazzjoni interna, flimkien ma’ standards sabiex jiġu approvati dawn l-għodod.

    5.2.1.

    Id-Direttiva proposta taċċetta wkoll programmi ta’ taħriġ approvati minflok eżamijiet amministrattivi. F’dan ir-rigward il-KESE jinnota li għandu jkun iggarantit li ma jkunx hemm kunflitt ta’ interessi bejn l-eżaminatur u l-għalliem jew min iħarreġ il-kandidat għal eżami.

    5.2.2.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent ta’ programmi ta’ taħriġ approvati, iżda għandu dubji serji dwar il-valur miżjud tagħhom mingħajr sistema tajba sabiex tiġi stabbilita u żgurata l-kwalità.

    5.2.3.

    Minbarra dan, il-possibilità li toffri l-proposta li jsir test prattiku biex jintwera li nkisbu ħiliet meħtieġa permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, f’dan il-każ billi jkunu diġà jbaħħru, hija konformi mal-opinjoni tal-Kumitat (4).

    5.3.

    Għandhom jiġu previsti standards addizzjonali għal tipi speċifiċi ta’ operazzjonijiet fejn diġà japplikaw standards internazzjonali ta’ sikurezza, pereżempju fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri. Il-KESE jinnota li dan jista’ japplika wkoll għall-esperti tal-LNG meħtieġa għall-bunkering tal-bastimenti tan-navigazzjoni interna. Madankollu, għandu jkun rikonoxxut li l-istandards marittimi mhumiex adegwati u xierqa għal bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    5.4.

    Skont l-istudju tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon ta’ dawk li jaħdmu għal rashom u ta’ impjegati fl-Ewropa huwa ta’ 27 % u 73 % rispettivament. Madankollu dawn iċ-ċifri huma inqas utli jekk ma jinqasmux fi trasport tal-merkanzija u trasport tal-passiġġieri, peress li 40 % tal-impjieg huwa marbut man-navigazzjoni tal-passiġġieri u SMEs li għandhom/joperaw bastiment wieħed jirrappreżentaw 80-90 % tas-suq fil-parti tal-Punent tal-UE, b’mod partikolari l-Belġju, in-Netherlands, Franza u l-Ġermanja.

    5.5.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri ser jevalwaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva, iżda jqis li l-kummissjonijiet tax-xmajjar iridu wkoll jiġu involuti f’dan il-kompitu. Il-KESE jqis li evalwazzjoni bħal din fuq skala nazzjonali, Ewropea u internazzjonali ser tipprovdi bażi tajba għall-possibbiltà ta’ analiżi mill-ġdid tad-Direttiva meta jkun xieraq.

    Brussell, it-13 ta’ Lulju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 73.

    (2)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  ĠU C 177, 11.6.2014, p. 58.

    (4)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.


    Top