Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE0095

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa” (COM(2015) 598 final)

    ĠU C 389, 21.10.2016, p. 86–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/86


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa”

    (COM(2015) 598 final)

    (2016/C 389/12)

    Relatur:

    is-Sur Jacek KRAWCZYK

    Nhar is-7 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa”

    (COM(2015) 598 final).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Ġunju 2016.

    Matul il-518-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2016 (seduta tal-14 ta’ Lulju 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’234 vot favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-mira kumplessiva tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni tal-UE (kif definita f’COM(2015) 599 final) — minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istrateġija” — għandha tkun li tittejjeb il-klima ta’ investiment sabiex jitħeġġeġ iżjed investiment Ewropew fl-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, u li jiżdiedu l-kompetittività tas-settur u r-rwol tiegħu għall-ekonomija, sabiex b’hekk jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku globali u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

    1.2.

    Il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) enfasizzat kif kien xieraq l-importanza tal-avjazzjoni għall-UE mil-lat tal-ħtieġa dejjem tikber għall-mobbiltà u l-konnettività, iżda wkoll l-importanza tal-avjazzjoni għat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll l-għadd u l-kwalità ta’ impjiegi li hija tiġġenera kemm direttament kif ukoll indirettament. L-isfruttar tat-tkabbir tal-avjazzjoni globali issa ġustament huwa prijorità tal-atturi tal-UE. Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu jkompli jikkunsidra l-isfidi marbutin mat-tibdil fil-klima bħala opportunitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni.

    1.3.

    L-Istrateġija tfittex li żżomm standards għoljin ta’ sikurezza u sigurtà, li ssaħħaħ il-kapitolu soċjali u toħloq impjiegi ta’ kwalità għolja fis-settur tal-avjazzjoni u li tkompli tħares id-drittijiet tal-passiġġieri, iżda wkoll li tindirizza l-limitazzjonijiet fl-konfront tal-kapaċità fl-ajru u fuq l-art, tiffaċilita t-tkabbir tas-settur fl-Ewropa u internazzjonalment; tippromovi l-innovazzjoni, il-multimodalità kif ukoll politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ‘il quddiem u li tkun inkorporata fil-kunsens internazzjonali. Madankollu, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri konkreti oħra biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-impjieg, kif diġà ddikjara fl-Opinjoni TEN/565 dwar “Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili” (1), u b’hekk jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba.

    1.4.

    Sabiex timplimenta b’suċċess dawn l-għanijiet ambizzjużi u komprensivi, l-Istrateġija trid tkun ibbażata fuq approċċ “olistiku” għall-avjazzjoni li jħaddan evalwazzjoni ġdida, aktar profonda u multidixxiplinari tas-settur. Il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ approċċ olistiku, li huwa neċessarju biex jissokta l-iżvilupp tal-ekosistema tal-avjazzjoni.

    1.5.

    Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva politika; hija tpoġġi r-rwol multidimensjonali tal-avjazzjoni lura fil-kamp politiku, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll internazzjonalment, u hija ser tiġbed l-attenzjoni tar-regolaturi għall-ħtieġa li ssir analiżi usa’ tar-rekwiżiti tal-industrija tal-avjazzjoni — mhux biss minn perspettiva regolatorja u infrastrutturali, iżda wkoll minn perspettiva soċjali, ekonomika u ambjentali. Ir-rwoli tal-avjazzjoni jeħtieġu aktar rikonoxximent u appoġġ politiku, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

    1.6.

    Il-KESE jinsisti bil-qawwa kollha li l-Istrateġija tal-Avjazzjoni tiġi implimentata abbażi ta’ djalogu soċjali kostruttiv. Fil-livell tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkonsultaw lill-Kumitat għad-Djalogu Soċjali Settorjali għall-Avjazzjoni Civili dwar kwalunkwe inizjattiva li tikkonċerna s-settur tal-avjazzjoni. Meta dawn l-inizjattivi jkollhom impatt soċjali fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-KESE jissuġġerixxi li jiġi stabbilit djalogu bejn l-imsieħba soċjali. Il-KESE jtenni l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu mill-Opinjoni tiegħu dwar “Dumping soċjali fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni ċivili” (2).

    1.7.

    Il-KESE japprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija, proposti fl-aktar Opinjoni reċenti tiegħu dwar Politika Ewropea Integrata tal-Avjazzjoni (3). Il-KESE josserva b’sodisfazzjon li għadd ta’ proposti f’din l-Opinjoni dwar is-suq intern, kif ukoll dwar id-dimensjoni internazzjonali tal-avjazzjoni u d-dimensjoni soċjali tal-UE, ġew ikkunsidrati fid-dokument tal-Kummissjoni. Il-KESE jsostni wkoll il-pożizzjoni tiegħu espressa f’Opinjonijiet oħra tal-Kumitat dwar is-settur tal-avjazzjoni tal-UE (inklużi TEN/552 — Il-kapaċità tal-ajruporti fl-UE; CCMI/125 — Għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru; TEN/504 — L-Ajru Uniku Ewropew II +). Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li huma ugwalment rilevanti għal UE ta’ 27 kif kienu għal UE ta’ 28 Stat Membru.

    1.8.

    Il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ inizjattivi regolatorji importanti għall-avjazzjoni Ewropea, fosthom reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għal-linji tal-ajru u l-ajruporti, l-introduzzjoni ta’ pakkett tal-ajruporti, leġislazzjoni li tippromovi l-progress lejn Ajru Uniku Ewropew (SES), reviżjoni tar-regolament kontra prattiki ta’ sussidjar u ta’ prezzijiet inġusti u bosta oħrajn. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki u r-regolamenti kollha hija meħtieġa b’urġenza sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni kompleta tal-Istrateġija mill-Istati Membri, Hemm bżonn urġenti wkoll li tkompli r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) — proġett ta’ innovazzjoni żviluppat mill-UE li rnexxa ħafna, kif ukoll li tiżdied l-implimentazzjoni tal-“Clean Sky” (programm ta’ riċerka biex jiġu żviluppati teknoloġiji li jżidu b’mod sostanzjali l-prestazzjoni ambjentali tat-trasport bl-ajru). Finanzjament fil-livel tal-UE meħtieġ u mmirat sew għandu jiġi kkomplementat minn finanzjament privat u jiġġenera żviluppi transsettorjali orizzontali.

    1.9.

    Fil-qasam tal-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-fornituri tal-ATC, l-Istrateġija għandha tipprovdi orjentazzjoni ċara dwar kif għandha tiġi garantita l-liberalizzazzjoni fil-ġejjieni, filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi (kompetizzjoni ġusta). Il-konsolidazzjoni tista’ tiġi promossa, iżda bil-kundizzjoni li din tiggarantixxi livell għoli ta’ konnettività affidabbli fl-Istati Membri kollha.

    1.10.

    Il-kwistjoni tal-kompetizzjoni ġusta tinkludi wkoll ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema. Għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 17(a) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Huwa kruċjali li jkun hemm ġustizzja u reċiproċità, u l-ogħla livell possibbli ta’ sikurezza, sigurtà u standards soċjali li jistgħu jiġu infurzati. Kwalunkwe ftehim fil-qasam tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandu jfittex li jiżgura li l-prinċipji tal-ILO jiġu indirizzati u li jinstabu mezzi reċiprokament aċċettabbli biex tiġi żgurata l-konformità magħhom (4).

    1.11.

    Ir-rwol tal-Istati Membri, iżda wkoll ta’ partijiet oħrajn tan-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni, bħall-manifatturi tal-inġenji tal-ajru, tal-magni u tal-komponenti tagħhom, għandu jkompli jiġi indirizzat fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija. L-avjazzjoni tal-UE għandha tkun tista’ tibbenefika minn avjazzjoni diġitali konnessa. Għandha tikkontribwixxi b’mod sħiħ u attiv fir-rivoluzzjoni industrijali 4.0. Għall-industrija tal-manifattura ajrunawtika ċivili tal-UE, ir-rwol u l-kapaċità tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) huMa ta’ importanza strateġika sabiex tinżamm il-kompetittività fis-suq tal-avjazzjoni ċivili globali.

    1.12.

    L-avjazzjoni tal-UE teħtieġ aktar ċarezza dwar kif id-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod aktar flessibbli abbażi tar-reċiproċità, filwaqt li jiġu żgurati applikazzjoni u infurzar armonizzati madwar l-UE, u li tali kontroll ta’ dawn il-kumpaniji tal-linji tal-ajru jibqa’ jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. Fi ħdan l-UE, mingħajr paragun ma’ kwalunkwe post ieħor fid-dinja, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jinvestu fil-linji tal-ajru tal-UE mingħajr ebda restrizzjoni fuq il-perċentwal tal-kapital mixtri jew fuq il-grad u l-livell ta’ kontroll fuq dik il-linja tal-ajru. Allura l-mistoqsija hi: għaliex ma jinvestux?

    1.13.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha tipproċedi b’mod diliġenti meta tfittex appoġġ għall-proposti tagħha mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Madankollu, it-tmexxija politika tal-Kummissjoni hija ħtieġa assoluta. Il-kompiti rispettivi tal-EASA u l-Eurocontrol għandhom jiġu ddefiniti b’mod li jiżgura li ż-żewġ organizzazzjonijiet jikkomplementaw il-kompiti ta’ xulxin, biex b’hekk jiġu evitati d-duplikazzjonijiet.

    1.14.

    Il-KESE jtenni li huwa lest li jappoġġja b’mod sħiħ lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha sabiex tixpruna d-dibattitu politiku dwar l-aħjar mod kif tiġi mħarsal-kompetittività tal-avjazzjoni internazzjonali tal-Ewropa u sabiex jinħoloq u jiġi implimentat il-qafas regolatorju u leġislattiv neċessarju. Id-diskussjoni dwar “BREXIT”tat spinta ġdida lill-KESE biex jaħdem b’mod iżjed sfiq biex jikkontribwixxi għal aktar integrazzjoni tal-avjazzjoni tal-UE, li neħtieġu iżjed minn qatt qabel.

    1.15.

    Minħabba n-natura unika tal-kompożizzjoni u l-għarfien espert tiegħu, il-KESE jinsab f’pożizzjoni ideali sabiex jinjetta fid-diskussjoni politika l-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-konsegwenzi politiċi, soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-inizjattivi regolatorji fil-qasam tal-avjazzjoni, dwar l-aktar mezzi adatti u bilanċjati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija. B’hekk, il-KESE jiddeċiedi li jsegwi kontinwament l-implimentazzjoni tal-Istrateġija billi jniedi proġett separat u jalloka riżorsi u għarfien espert adatti.

    1.16.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-inklużjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni strutturata u konkreta tal-mod li bih ser tiġi implimentata l-Istrateġija. Minbarra pjan ta’ azzjoni li jelenka liema inizjattivi ser jiġu ppreżentati u meta fis-snin li ġejjin, huwa meħtieġ “pjan direzzjonali” li jiddeskrivi kif il-Kummissjoni ser tindirizza lill-partijiet ikkonċernati bil-għan li tiggarantixxi dan is-sehem kruċjali min-naħa tagħhom. Il-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati kollha tal-avjazzjoni li jaġixxu flimkien fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija hija diffiċli iżda meħtieġa.

    2.   Sfond

    2.1.

    Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jimpjega direttament bejn 1,4 miljun (Sors: Steer Davies Gleave — Study on employment and working conditions in air transport and airports (Studju dwar l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-trasport bl-ajru u l-ajruporti). Rapport Finali, 2015) u 2 miljun ruħ (Sors: Aviation: Benefits Beyond Borders (L-Avjazzjoni: Benefiċċji Lil Hinn mill-Fruntieri). Rapport imħejji minn Oxford Economics għal ATAG, April 2014) u b’kollox jappoġġja bejn 4,8 miljun u 5,5 miljun impjieg (Sors: Steer Davies Gleave — Study on employment and working conditions in air transport and airports (Studju dwar l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-trasport bl-ajru u l-ajruporti). Rapport Finali, 2015). Il-kontribuzzjoni diretta tal-avjazzjoni għall-PDG tal-UE hija ta’ EUR 110 biljun, filwaqt li l-impatt globali, inkluż it-turiżmu, huwa ta’ xejn inqas minn EUR 510 biljun permezz tal-effett ta’ multiplikatur (Sors: Steer Davies Gleave — Study on employment and working conditions in air transport and airports (Studju dwar l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fit-trasport bl-ajru u l-ajruporti). Rapport Finali, 2015). Dan juri b’mod ċar li l-potenzjal ekonomiku tal-avjazzjoni jaqbeż bil-wisq l-impatt dirett tagħha.

    2.2.

    Madankollu, huwa kritiku li jiġi rikonoxxut l-impatt globali li għandu s-settur tal-avjazzjoni fuq il-klima, mil-lat tal-emissjonijiet. Kwalunkwe Strateġija tal-Avjazzjoni għandha teżamina l-opportunitajiet biex is-settur isir iżjed sostenibbli, bħall-użu tal-bijofjuwils innovattivi u taħlitiet ġodda tal-fjuwils. Permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-Ewropa għandha tfittex li tkun fuq quddiem nett f’dan il-qasam.

    2.3.

    Minkejja ż-żieda sostanzjali fl-għadd tal-passiġġieri ttrasportati mill-kumpaniji tal-linji tal-ajru tal-UE, mill-2008 ‘l hawn, l-impjieg naqas b’rata ta’ -2,2 % fis-sena u tali tnaqqis huwa akbar minn dak osservat fl-ekonomija ġenerali (-0,7 % fis-sena); fl-istess ħin, kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd u l-forom tal-“impjiegi atipiċi” (kuntratti għal terminu fiss u part time; ħaddiema temporanji mill-aġenziji; xogħol indipendenti; kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (żero hours); ħaddiema stazzjonati; “tħallas biex taħdem”, eċċ.).

    2.4.

    Minħabba li l-kontribut tal-avjazzjoni għall-prestazzjoni globali tal-ekonomija tal-UE u l-preżenza globali tagħha huwa daqstant sinifikanti, huwa importanti ħafna li s-settur tal-avjazzjoni tal-UE jibqa’ kompetittiv, iżomm il-pożizzjoni ta’ tmexxija globali tiegħu u jkun jista’ jikber. Matul l-aħħar ftit għexieren ta’ snin, is-settur tal-avjazzjoni tal-UE kien eżempju — anke għal industriji oħrajn tal-UE — dwar kif ir-riformi jistgħu jwasslu għal aktar benefiċċji għaċ-ċittadini, l-impjegati, in-negozji u l-ambjent Ewropej.

    2.5.

    Il-KESE kien involut bis-sħiħ fil-politiki u l-leġislazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni permezz tal-adozzjoni ta’ għadd ta’ Opinjonijiet u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati u seduti pubbliċi. Il-Kumitat ippropona għadd ta’ proposti konkreti dwar diversi elementi tan-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni tal-UE, u l-organizzazzjoni u l-prestazzjoni tiegħu — inkluż appoġġ qawwi għal djalogu soċjali komprensiv (5) (il-Kumitat talab, fost affarijiet oħra, għal titjib fl-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar l-avjazzjoni fl-Ewropa, għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tabilħaqq ekwi għall-partijiet kollha tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni u għal azzjonijiet rapidi u kuraġġużi sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tal-ġejjieni fil-konfront tal-kapaċità).

    2.6.

    Ħafna partijiet ikkonċernati Ewropej — inkluż il-KESE — talbu b’urġenza sabiex ikun hemm strateġija tal-avjazzjoni tal-UE li tkun robusta, komprensiva, orjentata lejn is-suq u sostenibbli. Fl-aktar Opinjoni reċenti tiegħu dwar Politika Ewropea Integrata tal-Avjazzjoni (6), il-Kumitat identifika sitt fatturi li jiddeterminaw il-livell ta’ kompetittività tal-avjazzjoni Ewropea: is-sikurezza; is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali; il-kompetittività permezz tal-innovazzjoni; id-dimensjoni soċjali; l-eċċellenza operattiva; u l-konnettività (7). Il-KESE japprova b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-Istrateġija, li huma proposti f’din l-Opinjoni.

    2.7.

    Huma meħtieġa rieda politika, viżjoni u kuraġġ qawwija sabiex ir-rekwiżiti tas-sovranità jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa għal kompromess fil-livell tal-UE. Wara r-referendum fir-Renju Unit, dan huwa saħansitra aktar rilevanti minn qatt qabel. Ekonomikament, l-istrateġija għandu jkollha d-direzzjoni u l-mira li tixpruna l-investimenti, il-prosperità ekonomika u t-tkabbir sostenibbli madwar l-Ewropa. Legalment, il-qafas għandu jkun robust fil-livell makro u jipprevedi stabbiltà fl-ippjanar fil-livell mikro. Din l-istabbiltà għandha tħeġġeġ lill-investituri Ewropej biex jimmiraw għal aktar investiment fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE. Barra minn hekk, l-investituri tal-UE għandhom jiksbu aktar aċċess għas-swieq tat-tkabbir internazzjonali abbażi tar-reċiproċità.

    2.8.

    Fl-2014, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ikkonkluda li l-ispiża totali ta’ non-Ewropa fl-avjazzjoni hija madwar EUR 3 400 miljun fis-sena matul l-20 sena li ġejjin. Fin-nuqqas ta’ strateġija ċara u l-implimentazzjoni tagħha, is-settur tal-avjazzjoni tal-UE jitlef opportunitajiet ta’ tkabbir fil-livell internazzjonali u jispiċċa jitlef l-influwenza kompetittiva tiegħu. It-tkabbir għandu jsir sostenibbli billi jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni jkunu ġusti. Madankollu, jekk l-Istrateġija hija maħsuba biex tinkiseb viżjoni bl-għodod adatti, l-implimentazzjoni b’suċċess tagħha ser tiddependi mill-appoġġ wiesa’ tal-partijiet ikkonċernati kollha u, b’mod partikolari, tal-Istati Membri.

    2.9.

    L-Istrateġija hija bbażata fuq approċċ “olistiku” għall-avjazzjoni, minħabba li hija tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandha l-avjazzjoni fis-soċjetà: l-avjazzjoni tipprevedi l-konnettività tar-reġjuni, il-mobbiltà tal-passiġġieri u tal-merkanzija, kif ukoll benefiċċji għall-ekonomiji u innovazzjoni teknoloġika sabiex jittaffew l-effetti tagħha fuq it-tibdil fil-klima; għalhekk, l-avjazzjoni tipprevedi sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali. Il-KESE jappoġġja b’mod sħiħ tali approċċ.

    3.   L-avjazzjoni bħala ġeneratur tat-tkabbir

    3.1.

    Matul iż-żmien, subsetturi individwali tal-avjazzjoni kibru f’negozji multibiljunarji, li joperaw u jikkompetu fi swieq differenti u li flimkien jifformaw netwerk ta’ kumpaniji interdipendenti għall-ħolqien ta’ valur. L-Istrateġija — flimkien mal-implimentazzjoni tagħha — għandha tidentifika wkoll il-punti tajbin u dgħajfin u l-kapaċitajiet ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ kull parti tan-netwerk ta’ valur u tippromovi l-punti tajbin rispettivi tagħhom, sabiex b’hekk tipprovdi qafas mill-aqwa li fih is-subsetturi jkunu jistgħu jikkontribwixxu individwalment u b’mod konġunt għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità.

    3.2.

    L-approċċ olistiku usa’ għall-avjazzjoni jfittex li jmur lil hinn mill-isfidi li jiffaċċjaw il-linji tal-ajru u l-ajruporti, billi jindirizza l-isfidi tal-partijiet kollha tan-netwerk ta’ valur. L-Istati Membri jistennew konnettività mtejba, sikura, affidabbli u profittabbli għal swieq periferali iżgħar għall-kummerċ u t-turiżmu; il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru, tal-magni u tal-komponenti tagħhom jistennew kundizzjonijiet favorevoli għall-investimenti fl-impjanti u r-riċerka u l-iżvilupp; il-linji tal-ajru u l-operaturi tas-servizzi tal-avjazzjoni jistennew li jkunu kapaċi jattiraw investituri u joperaw fi swieq dejjem aktar liberalizzati u f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu livelli sostenibbli ta’ kompetizzjoni tajba. Il-kwalità tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, inkluż it-taħriġ, u d-drittijiet tal-passiġġieri għandhom ikunu rispettati.

    3.3.

    Il-Kummissjoni ġustament identifikat l-oqsma ewlenin li jeħtieġu attenzjoni regolatorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-Ajru Uniku Ewropew, ir-rekwiżit għal mandati komprensivi għan-negozjati internazzjonali sabiex ikun żgurat it-tkabbir u l-kompetizzjoni ġusta fl-UE kif ukoll is-swieqi globali. Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod korrett ukoll il-ħtieġa li jiġu żgurati standards u normi internazzjonali, li jipprevedu livelli għolja ta’ sikurezza u sigurtà u jtaffu l-effetti tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima. Biex jiġi appoġġjat il-kummerċ dinji ta’ prodotti relatati mal-avjazzjoni tal-UE, il-ftehimiet bilaterali ta’ sigurtà fl-avjazzjoni tal-UE għandu jkollhom ukoll l-għan li jilħqu rikonoxximent reċiproku tal-istandards taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà.

    3.4.

    Il-partijiet kollha tan-netwerk ta’ valur tal-avjazzjoni jiddependu minn klima politika, li jinkoraġġixxi l-investimenti. Barra minn hekk, minħabba l-ispejjeż fissi għolja tagħhom, il-linji tal-ajru u l-ajruporti jeħtieġu qafas regolatorju li jippermetti l-istabbiltà fl-ippjanar. Bħalissa qegħdin jiġu diskussi għadd ta’ kwistjonijiet regolatorji fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u fil-livell nazzjonali; ilkoll jeħtieġu gwida ċara mill-Kummissjoni u, minħabba r-rilevanza tagħhom, huma inklużi fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija (8).

    3.4.1.

    L-irfinar, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-kontroll huma importanti ħafna (formulazzjoni standard fil-ftehimiet bilaterali kollha dwar is-servizzi tal-ajru, kif ukoll fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 speċifiċi għall-UE). Dawn jikkostitwixxu pilastru essenzjali tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru internazzjonali — mingħajr dawn id-dispożizzjonijiet, il-partijiet kontraenti ma jkunux jistgħu jwasslu d-drittijiet reċiproċi li jkun intlaħaq qbil dwarhom. Il-“linji gwida interpretattivi” suġġeriti mill-Kummissjoni jistgħu ma jkunux biżżejjed bħala għodda li ssolvi kwistjonijiet sistemiċi u d-differenzi fl-applikazzjoni, iċ-ċertezza legali u l-“effettività” tad-dispożizzjonijiet. Hija meħtieġa orjentazzjoni ċara fis-settur tal-linji tal-ajru tal-UE, li qiegħed jiffaċċja konsolidazzjoni sinifikanti. Fid-dawl tal-makrorilevanza ekonomika dejjem tikber tal-attività tal-linji tal-ajru, kif ukoll il-profittabbiltà diskrepanti ta’ linji tal-ajru individwali, huma saru ta’ interess dejjem akbar għall-fondi ta’ investiment internazzjonali, kif ukoll għall-investituri strateġiċi. Il-konsolidazzjoni ma għandhiex tiġi a spejjeż tal-konnettività, speċjalment fil-livell reġjonali.

    3.4.2.

    Il-kwistjoni tal-kompetizzjoni ġusta tinkludi wkoll ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema. Għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 17(a) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas tan-negozjati ma’ pajjiżi terzi. Huwa kruċjali li jkun hemm ġustizzja u reċiproċità, u l-ogħla livell possibbli ta’ sikurezza, sigurtà u standards soċjali. Kwalunkwe ftehim fil-qasam tal-politika esterna tal-UE dwar l-avjazzjoni għandu jfittex li jiżgura li l-prinċipji tal-ILO jiġu indirizzati u li jinstabu mezzi reċiprokament aċċettabbli biex tiġi żgurata l-konformità magħhom (9).

    3.4.3.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita ftehimiet tad-djalogu soċjali, biex jiġi evitat id-dumping soċjali u ostakli fis-suq intern. Anke l-iċken azzjoni industrijali fl-avjazzjoni tista’ taffettwa għadd kbir ta’ titjiriet, passiġġieri u kumpaniji li jiddependu mit-turiżmu u l-kummerċ. Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata, jekk il-Kummissjoni trid tilħaq l-aspettattivi meta tiżviluppa approċċ “olistiku” għall-avjazzjoni.

    3.4.4.

    It-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord hija kwistjoni ta’ importanza sinifikanti u teħtieġ analiżi aktar profonda fl-Istrateġija. Il-kwistjoni ma għadhiex sempliċiment il-ħardwer (jiġifieri d-daqs u l-ispeċifikazzjonijiet operattivi tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord), iżda wkoll is-softwer u l-potenzjal tat-teknoloġija tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħidma li diġà qed twettaq l-EASA f’dan il-qasam. Madankollu, fid-dawl tal-inizjattivi regolatorji f’reġjuni oħra tad-dinja, l-influwenza tal-UE f’dan il-qasam ta’ innovazzjoni ser tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Ewropa ma titlifx is-saħħa tagħha biex tmexxi din it-teknoloġija innovattiva u tinfluwenza n-normi u l-istandards internazzjonali. Is-sikurezza u s-sigurtà tal-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord huma ta’ urġenza kbira.

    3.4.5.

    Il-Kummissjoni ġustament identifikat l-implimentazzjoni tal-SES bħala ewlenija, u ttenni l-ħtieġa li jiġi adottat u implimentat il-proġett SES II. Reġim ta’ ġestjoni tal-ispazju tal-ajru uniku għall-UE jkun fl-aħjar interess taċ-ċittadini u l-konsumaturi tal-UE, l-ambjent u l-kompetittività globali tal-avjazzjoni Ewropea. Barra minn hekk, hija meħtieġa analiżi aktar profonda sabiex jiġi vvalutat għaliex il-progress kien relattivament kajman. B’mod partikolari, il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs) naqsu bil-kbir milli jilħqu l-aspettattivi tagħhom. Ser jinħtieġ pjan ta’ komunikazzjoni komprensiv sabiex jiġu żgurati diskussjonijiet intensi, sinċieri u onesti mal-Istati Membri u mal-fornituri ta’ servizz tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs), kif ukoll proposti adattati għal Stati Membri individwali sabiex jgħinuhom jegħlbu t-tħassib u l-ostakli prevalenti meta jimmodernizzaw l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-KESE huwa konvint li, jekk l-impjegati jiġu integrati f’iżjed deliberazzjonijiet u implimentazzjoni addizzjonali, it-tħassib imqajjem mill-imsieħba soċjali jista’ jiġi indirizzat kif xieraq. Barra minn hekk, il-programm tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), bħala l-pilastru teknoloġiku tal-SES, jista’ jkompli jappoġġja b’mod effettiv l-integrazzjoni tal-ATM tal-UE billi joħloq applikazzjonijiet teknoloġiċi komuni ġodda. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa wkoll disinn integrat tan-netwerk tar-rotot Ewropej għall-operazzjonijiet siguri u effiċjenti tal-ATC.

    3.4.6.

    Huwa essenzjali li l-ajruporti jiġu kkunsidrati u inklużi bis-sħiħ biex jiġi kkompletat netwerk komprensiv ta’ trasport tal-UE, billi jiġi żgurat li l-ajruporti jiġu konnessi sew ma’ mezzi oħra tat-trasport. Il-multimodalità hija element ewlieni. L-ICT u s-soluzzjonijiet diġitali jistgħu wkoll jgħinu biex jagħmlu s-settur tal-avjazzjoni tal-UE aktar effiċjenti, u jippromovu l-multimodalità u s-sostenibbiltà.

    3.5.

    Il-manifatturi ajrunawtiċi jikkompetu f’suq globali għall-bejgħ. Ir-rivoluzzjoni industrijali 4.0 toħloq opportunitajiet eċċellenti għall-industrija tal-manifattura ajronawtika fl-UE. Is-sinerġija sħiħa tad-diversi politiki tal-UE f’dan il-qasam għandha tiġi analizzata u implimentata. Dawn il-manifatturi jinvestu f’impjanti ta’ produzzjoni madwar l-Ewropa u fid-dinja kollha. Jekk ser jiġi vvalutat l-impatt kollu tal-avjazzjoni fuq it-tkabbir, l-importanza taċ-ċertifikazzjoni tal-manifatturi mill-EASA, kif ukoll l-analiżijiet ekonomiċi ma jistgħux jiġu sottovalutati, fid-dawl tad-daqs sinifikanti ta’ dawn il-kumpaniji u l-fatt li jikkompetu fuq skala globali.

    3.6.

    L-Istrateġija hija mibnija fuq standards Ewropej u bis-saħħa ta’ negozjati miftiehma u kkoordinati għandha tħabrek biex tikseb l-aċċettazzjoni tagħhom mill-pajjiżi terzi. L-UE diġà stabbilixxiet l-arkitettura biex timplimenta u tiżviluppa aktar il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti. Id-dispożizzjonijiet inklużi hawnhekk jippermettu liż-żewġ partijiet ikomplu jiżviluppaw kunsens fuq it-tisħiħ, l-implimentazzjoni konġunta u saħansitra l-estensjoni ta’ dawn l-istandards għall-pajjiżi terzi. Għalhekk, l-Istrateġija għandha tfittex li tuża strumenti, bħall-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħala mezz biex jiġi stabbilit fehim komuni ma’ pajjiżi oħra li jaħsbuha bl-istess mod madwar id-dinja, jiġifieri li l-avjazzjoni sostenibbli tiddependi mir-rispett tal-valuri bażiċi. L-UE u l-Istati Uniti jistgħu jaqdu rwol ewlieni fil-ħolqien ta’ standards globali (inkluż SESAR/NextGen). L-UE u l-Istati Uniti għad għandhom ċans biex imexxu b’mod konġunt l-avjazzjoni globali.

    3.7.

    Is-suċċess tal-avjazzjoni Ewropea jiddependi mill-ħiliet u l-kwalifiki tal-impjegati tagħha. Għalhekk, għandhom jiġu adottati miżuri biex tiżdied l-attrazzjoni ta’ dan is-settur u jkun evitat li l-ħaddiema kkwalifikati jħallu s-settur jew ifittxu xogħol f’partijiet oħra tad-dinja.

    4.   L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-avjazzjoni — il-ġestjoni tal-bidla

    4.1.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-Kummissjoni tal-UE għandha tipproċedi b’mod diliġenti meta tfittex appoġġ għall-proposti tagħha mill-Istati Membri u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Madankollu, it-tmexxija politika tal-Kummissjoni hija ħtieġa assoluta. Tali impenn ċar huwa meħtieġ sabiex ikun jista’ jiġi liberalizzat il-potenzjal tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rrispettata l-ħtieġa tal-Istati Membri li jiżguraw konnettività affidabbli u sikura, kif ukoll li l-imsieħba soċjali jiġu riassigurati li ser ikomplu jiġu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-miżuri leġislattivi meħtieġa.

    4.2.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni indirizzat għadd ta’ kwistjonijiet li ser isiru s-suġġett ta’ inizjattivi regolatorji u hija tenniet li beħsiebha tfittex is-sehem tal-partijiet kollha kkonċernati. Madankollu, minbarra pjan ta’ azzjoni li jelenka liema inizjattivi ser jiġu ppreżentati u meta fis-snin li ġejjin, jinħtieġ pjan direzzjonali li jiddeskrivi kif il-Kummissjoni ser tindirizza lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku inġenerali bil-għan li tiggarantixxi dan is-sehem kruċjali.

    4.3.

    Il-Kummissjoni ġustament semmiet il-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu soċjali fis-settur. Il-pressjoni fuq il-forza tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni hija intensa. Taħt kundizzjonijiet bħal dawn, djalogu soċjali huwa ta’ importanza primarja għall-kontribut tal-imsieħba soċjali fil-proċess u, allura, sabiex ikun żgurat is-sehem tagħhom. Il-kwistjoni li jeħtieġ li tiġi ċċarata hija kif il-Kummissjoni qed tistenna li tistruttura djalogu soċjali dwar kwistjonijiet imnisslin mill-approċċ olistiku tagħha.

    4.4.

    Jeħtieġ li jiġu ċċarati aktar il-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħaddiema mobbli ħafna fl-avjazzjoni ċivili; jeżistu lakuni sinifikanti fil-protezzjoni soċjali tal-ekwipaġġ tal-ajru Ewropew minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tal-leġislazzjoni. Jeħtieġ li jiġu emendati r-regoli legali eżistenti u li jiġu allinjati kemm il-leġislazzjoni teknika kif ukoll dik dwar is-sigurtà soċjali.

    4.5.

    L-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura leġislattiva għandha ssir fil-kuntest tat-tibdil fil-klima. L-iżvilupp ta’ strateġija tal-avjazzjoni ma jistax isir b’mod iżolat mill-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ispejjeż assoċjati (mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali) tal-bosta effetti tat-tibdil fil-klima. Is-settur tal-avjazzjoni tal-UE għandu jkompli jikkunsidra l-isfidi marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra bħala opportunitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni.

    4.6.

    Għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-Istrateġija u l-implimentazzjoni tagħha fuq bażi kontinwa. Jeħtieġ li jiġu organizzati regolarment avvenimenti ta’ informazzjoni mmirati sewwa maħsuba għall-partijiet ikkonċernati.

    4.7.

    Barra minn hekk, l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni għall-avjazzjoni għandu jiġi espress bħala kwistjoni ta’ prijorità u konsistenza fid-djalogu mal-Istati Membri. F’xi każijiet, il-problema ewlenija tidher li hija n-nuqqas ta’ għarfien fil-livell nazzjonali tal-ħtiġijiet ġenwini tas-settur tal-avjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tappoġġja b’mod aktar attiv lis-settur tal-avjazzjoni fil-livell nazzjonali fid-diskussjonijiet mal-Istati Membri.

    4.8.

    Il-KESE jerġa’ jappella lill-partijiet interessati kollha tal-avjazzjoni jimpenjaw ruħhom b’mod attiv f’ħidma addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Huwa fl-aħjar interess ta’ kulħadd li jkun hemm settur tal-avjazzjoni b’saħħtu u sostenibbli u m’għandniex nitilfu l-opportunità pprovduta mill-Istrateġija.

    Brussell, l-14 ta’ Lulju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 110.

    (2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (3)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 169.

    (4)  ĠU C 198, 10.7.2013, p. 51.

    (5)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 17; ĠU C 451, 16.12.2014, p. 123; ĠU C 170, 5.6.2014, p. 116.

    (6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    (7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

    (8)  Għalhekk, il-KESE jtenni l-Opinjonijiet tiegħu ĠU C 241, 7.10.2002, p. 29; ĠU C 264, 20.7.2016, p. 11; u ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


    Top