Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE1875

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi” [COM(2016) 87 final]

    ĠU C 389, 21.10.2016, p. 74–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/74


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi”

    [COM(2016) 87 final]

    (2016/C 389/10)

    Relatur:

    is-Sur Cillian LOHAN

    Nhar l-4 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi”

    [COM(2016) 87 final].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Ġunju 2016.

    Matul il-518-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2016 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’143 vot favur mingħajr astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u bi pjaċir jinnota l-inklużjoni ta’ għadd ta’ proposti ewlenin stabbiliti fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni.

    1.2.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma l-approċċ olistiku, inkluża alleanza dinjija li tinvolvi l-pajjiżi ta’ provenjenza, tranżitu u destinazzjoni, huwa pilastru fundamentali fil-ġlieda kontra l-impatti diretti u indiretti tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi.

    1.3.

    Il-KESE jidentifika azzjonijiet prijoritarji differenti għal-livelli differenti tal-katina tal-provvista fit-traffikar.

    Fil-livell komunitarju fil-pajjiżi ta’ provenjenza, il-prijorità għandha tkun kemm l-għarfien kif ukoll il-ħolqien ta’ sorsi sostenibbli ta’ impjiegi u dħul.

    Fil-livell tal-kriminalità organizzata, il-prijorità hija kemm l-infurzar ta’ sistema ta’ kontrolli u sanzjonijiet komuni, effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għal azzjoni mill-pulizija.

    Fil-livell tad-domanda, kemm mill-perspettiva tan-negozji kif ukoll tal-konsumaturi, il-prijorità għandha tkun is-sensibilizzazzjoni, it-traċċabbiltà u t-tikkettar. Dan għandu jiġi applikat b’mod speċifiku fil-livell Ewropew.

    Fil-livell ġudizzjarju, il-prijorità għandha tkun iffukata fuq l-infurzar permezz tat-taħriġ iffukat tal-imħallfin sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza u proporzjonalità meta jingħataw is-sentenzi.

    1.4.

    Il-KESE huwa tal-fehma li d-djalogu strutturat u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi għandhom jiġu infurzati permezz tal-inklużjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi bħala prerekwiżit għal kull ftehim tal-UE ta’ kummerċ bilaterali u multilaterali. L-impatt tal-politiki barranin tal-UE mmirati lejn l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi terzi ser ikollu jitkejjel l-ewwel u qabel kollox mil-lat ta’ kwalità tal-ħajja u s-sorsi sostenibbli alternattivi ta’ dħul u ta’ impjieg għall-popolazzjonijiet rurali, b’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU.

    1.5.

    Il-Kumitat, b’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Londra, jenfasizza l-ħtieġa ta’ sistema ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà li tiggarantixxi li l-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi jkun legali u sostenibbli.

    1.6.

    Il-Kumitat jiddeplora l-assenza fil-proposta tal-Kummissjoni ta’ kwalunkwe referenza għat-theddida li jirrappreżenta t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi għas-saħħa pubblika u għall-ispeċijiet indiġeni tal-annimali u l-pjanti. Il-Kumitat jenfasizza li s-sistemi msemmijin hawn fuq ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà, flimkien ma’ mekkaniżmu adegwat ta’ kontroll veterinarju u tas-saħħa tal-pjanti, jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-bidu u t-tixrid ta’ mard fuq skala dinjija.

    1.7.

    Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tagħti aktar importanza lill-impatt li l-kummerċ elettroniku għandu fuq it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u timplimenta miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-kummerċ legali u sostenibbli ta’organiżmi selvaġġi fil-konfront tal-kummerċ illegali, li jsir permezz tal-użu ħażin ta’ siti web tal-kummerċ elettroniku u l-midja soċjali jew permezz ta’ netwerks illegali speċifiċi maħluqa fid-deep web.

    1.8.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-17-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP17) għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), u jħeġġeġ lill-UE biex tieħu pożizzjoni b’saħħitha biex tappoġġja l-għanijiet ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja t-talba għall-għeluq tas-swieq domestiċi għall-avorju bħala kontribut kruċjali għall-prevenzjoni tat-theddida tal-estinzjoni tal-iljunfanti Afrikani.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi mhux fenomenu ġdid (1) iżda l-iskala, in-natura u l-impatt tiegħu nbidlu b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin (2). It-tkabbir mgħaġġel u mifrux tiegħu jagħmel it-traffikar tal-organiżmi selvaġġi wieħed mill-agħar forom ta’ kriminalità organizzata, flimkien mat-traffikar tal-bnedmin u dak tad-drogi u tal-armi, b’fatturat stmat bejn EUR 8 u EUR 20 biljun fis-sena.

    2.2.

    It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi sar wieħed mill-aktar attivitajiet profitabbli illegali fid-dinja minħabba d-domanda kbira (3) u r-riskju baxx (detezzjoni u sanzjonijiet). Meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ kriminalità, jingħata livell ferm iżjed baxx ta’ prijorità u jiġu allokati ħafna inqas riżorsi biex jiġi miġġieled. Is-sanzjonijiet applikati huma inkonsistenti u mhumiex applikati b’mod uniformi, anke fi ħdan l-UE, ħaġa li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali biex jiċċaqilqu lejn pajjiżi b’sanzjonijiet inqas severi jew fejn l-awtoritajiet kompetenti huma inqas effettivi.

    2.3.

    L-impatt tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jista’ jitkejjel u huwa viżibbli, u mhux biss minn perspettiva ambjentali (4). Għal din ir-raġuni, it-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni (5), l-estinzjoni potenzjali tal-aktar speċijiet ikoniċi (6) u t-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut (7) huma biss konsegwenza parzjali ta’ fenomenu iżjed perikoluż.

    2.4.

    It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa marbut mill-qrib ma’ attivitajiet oħra illegali ta’ organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali, inklużi l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni, kif enfasizzat fir-rapport reċenti tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) (8).

    2.5.

    It-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa theddida għas-sigurtà globali. Huwa jinkoraġġixxi l-konflitti u jhedded is-sigurtà nazzjonali u reġjonali billi jipprovdi sors ta’ finanzjament għal gruppi tal-milizja u netwerks terroristiċi (9).

    2.6.

    It-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi jirrappreżenta theddida għas-saħħa pubblika u għall-ispeċijiet indiġeni tal-annimali u l-pjanti. L-evitar ta’ kontrolli tas-saħħa tal-pjanti adegwati jesponi lill-ispeċijiet indiġeni għal riskji konsiderevoli ta’ mard li jittieħed minn patoġeni ġodda (10). Huwa stmat li 75 % tal-mard li jittieħed emerġenti joriġina mill-annimali u li l-biċċa l-kbira tiegħu joriġina mill-organiżmi selvaġġi (11).

    2.7.

    Is-serq ta’ speċijiet mhedda huwa problema rilevanti oħra li ma ġietx enfasizzata biżżejjed. Fil-ġonna żooloġiċi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġonna Żooloġiċi u l-Akwarji (EAZA) (12), insterqu 739 annimal minn fost 44 speċi mill-2000 ‘l hawn, u ħafna minnhom qatt ma nstabu. L-ispeċijiet fil-perisklu fost il-primati u l-għasafar huma miri popolari, u dan joħloq problemi ta’ benessri u ta’ bijodiversità għall-programmi tat-tgħammir ta’ dawn l-ispeċijiet rari.

    2.8.

    CITES hija kruċjali fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Fl-2013, in-NU nediet kampanja politika b’saħħitha (13) dwar dan is-suġġett li wasslet għall-ewwel Riżoluzzjoni speċifika adottata mill-Assemblea Ġenerali f’Lulju 2015 (14). B’riżultat ta’ dan, il-komunità internazzjonali bdiet inizjattiva parallela bl-għan li tinħoloq alleanza dinjija li tinvolvi l-pajjiżi ta’ provenjenza, tranżitu u destinazzjoni tal-organiżmi selvaġġi, li wasslet għall-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta’ Londra (15) fi Frar 2014

    2.9.

    L-UE, bħala waħda mid-destinazzjoni ewlenin għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi ta’ oriġini illegali, kif ukoll ċentru kruċjali tat-traffikar li joriġina fl-Afrika, l-Amerika Latina u l-Asja, għandha rwol ewlieni x’taqdi. Fl-2014, il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal pjan ta’ azzjoni tal-UE biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu fl-organiżmi selvaġġi (16). Il-frott ta’ dan kien Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (17) li kienet appoġġjata bis-sħiħ mill-KESE f’Opinjoni (18).

    2.10.

    Is-setturi tan-negozju huma direttament jew indirettament milqutin mit-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi, kemm l-intrapriżi involuti fil-kummerċ legali u sostenibbli tal-organiżmi selvaġġi (jiġifieri, l-indutrija tal-prodotti ta’ lussu, is-settur tal-annimali domestiċi u l-mediċina Ċiniża tradizzjonali) kif ukoll l-intrapriżi involuti indirettament (jiġifieri l-kumpaniji tat-trasport, il-kurjers u l-kumpaniji fi-qasam tal-kummerċ onlajn). B’rikonoxximent ta’ dan, ħafna kumpaniji introduċew firxa ta’ inizjattivi kontra t-traffikar illegali tal-organiżmi selvaġġi bħal skemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) f’livell ta’ kumpanija individwali jew kumpaniji multipli (19).

    3.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

    3.1.

    Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu l-għan li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha kkonċernati, jagħmel użu aktar effettiv tal-għodod u l-politiki eżistenti, u jsaħħaħ is-sinerġiji bejniethom. Ir-riżultati ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni ser jiġu vvalutati fl-2020.

    3.2.

    Il-miżuri huma bbażati fuq tliet prijoritajiet:

    il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

    l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti;

    it-tisħiħ tas-sħubijiet globali bejn il-pajjiżi ta’ provenjenza, konsum u tranżitu.

    3.3.

    Sabiex jiġu indirizzati l-kawżi tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, l-UE ser tiffoka fuq erba’ oqsma:

    it-tnaqqis tad-domanda;

    is-sehem tal-komunitajiet rurali fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi;

    iż-żieda fil-kontribut tas-settur tan-negozju;

    l-indirizzar tal-korruzzjoni.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni u huwa tal-fehma li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa għodda essenzjali biex jiġi indirizzat dan il-fenomenu perikoluż u vast. L-analiżi tan-nuqqas min-naħa tal-istrutturi eżistenti li jiġġieldu ż-żieda fit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Proposta għandha tgħin biex tinforma kwalunkwe valutazzjoni u azzjoni addizzjonali fil-ġejjieni (20).

    4.2.

    Il-Kumitat bi pjaċir jinnota l-inklużjoni ta’ għadd ta’ proposti ewlenin stabbiliti fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar it-traffikar ta’ organiżmi salvaġġi (21).

    4.3.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-approċċ olistiku huwa aspett kruċjali tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE minħabba d-dimensjonijiet kumplessi multidimensjonali tat-traffikar tal-organiżmi salvaġġi u l-impatt dirett u indirett tiegħu.

    4.4.

    Il-KESE jaqbel li l-punt tat-tluq tal-istrateġija ser ikun ir-rispett, it-tisħiħ u l-koordinazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali (b’mod partikolari CITES), tal-liġijiet, ir-regolamenti, il-politiki u l-istrumenti ta’ infurzar li jeżistu diġà, fil-forma ta’ integrazzjoni iżjed mill-qrib tas-setturi rilevanti kollha – il-ħarsien ambjentali, il-kontroll tad-dwana, il-qrati, l-interessi tan-negozju, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, eċċ. – u kooperazzjoni iżjed effettiva bejn l-awtoritajiet fil-pajjiżi ta’ provenjenza, tranżitu u destinazzjoni tal-organiżmi selvaġġi.

    4.5.

    Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-UE mhux ser tkun tista’ tiġġieled b’mod effettiv kontra l-kriminalità organizzata marbuta mal-organiżmi selvaġġi jekk ma jintlaħqux ċerti għanijiet (imsemmija fl-Anness għall-proposta):

    l-Istati Membri kollha għandhom jikkonformaw kemm jista’ jkun malajr mal-leġislazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-organiżmi selvaġġi;

    isir titjib f’mekkaniżmu konġunt ta’ kooperazzjoni, koordinazzjoni, komunikazzjoni u fluss ta’ data bejn l-aġenziji kompetenti tal-infurzar fl-Istati Membri, permezz ta’ strateġija speċifika dwar operazzjonijiet u investigazzjonijiet transkonfinali, inkluż l-iżvilupp ta’ reġistru komuni tat-traffikanti.

    titwaqqaf sistema adegwata ta’ taħriġ omoġenju u regolari u kampanja ta’ sensibilizzazzjoni maħsuba għall-katina kollha ġudizzjarji/tal-infurzar involuta fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, inklużi esperti fil-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u l-flussi finanzjarji illeċiti relatati.

    Jeħtieġ li l-Istati Membri jarmonizzaw il-leġislazzjoni tagħhom ma’ ftehimiet internazzjonali, biex b’hekk jiżguraw li t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jkun reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn erba’ snin u li jiġi inkluż fost ir-reati koperti minn miżuri li jiġġieldu l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.

    4.6.

    Il-proposta għall-ħolqien ta’ alleanza dinjija kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi sabiex jiġi stabbilit djalogu strutturat u kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ sors, ta’ tranżitu u ta’ konsum, inklużi l-gvernijiet nazzjonali, il-komunitajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat, ser tappoġġja l-għanijiet tal-Pjan.

    4.7.

    Il-KESE jidentifika azzjonijiet prijoritarji differenti għal-livelli differenti tal-katina tal-provvista fit-traffikar.

    Fil-livell komunitarju fil-pajjiżi ta’ provenjenza, il-prijorità għandha tkun kemm l-għarfien kif ukoll il-ħolqien ta’ sorsi sostenibbli ta’ impjiegi u dħul.

    Fil-livell tal-kriminalità organizzata, il-prijorità hija kemm l-infurzar ta’ sistema ta’ kontrolli u sanzjonijiet komuni, effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għal azzjoni mill-pulizija.

    Fil-livell tad-domanda, kemm mill-perspettiva tan-negozji kif ukoll tal-konsumaturi, il-prijorità għandha tkun is-sensibilizzazzjoni, it-traċċabbiltà u t-tikkettar. Dan għandu jiġi applikat b’mod speċifiku fil-livell Ewropew.

    Fil-livell ġudizzjarju, il-prijorità għandha tkun iffokata fuq l-infurzar permezz tat-taħriġ iffukat tal-imħallfin sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza u proporzjonalità meta jingħataw is-sentenzi.

    4.8.

    Il-KESE jaqbel li jinħtieġu aktar fondi u aktar inizjattivi mmirati fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ organiżmi salvaġġi fil-pajjiżi ta’ provenjenza. Pereżempju, il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi ssir prerekwiżit għall-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali kollha tal-UE.

    4.9.

    Il-KESE huwa tal-fehma li r-rwol tas-soċjetà ċivili fl-indirizzar u l-prevenżjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi huwa fundamentali kemm fil-pajjiżi ta’ provenjenza kif ukoll dawk ta’ destinazzjoni. B’mod partikolari, il-Kumitat jemmen li hu importanti s-sehem attiv u konxju tal-konsumaturi u tas-settur privat sabiex jinkoraġġixxu sorsi sostenibbli ta’ prodotti tal-organiżmi selvaġġi, bl-appoġġ tal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ tikkettar u traċċabbiltà.

    4.10.

    Il-KESE jemmen li l-popolazzjonijiet rurali għandhom jiġu involuti fi strateġiji ta’ żvilupp effettivi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi (pereżempju l-ekoturiżmu). It-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli fil-pajjiżi terzi għandha titkejjel u tiġi evalwata l-ewwel u qabel kollox mil-lat tal-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet ta’ impjieg, u ser ikollha tikkonforma mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU kif ukoll mal-Għanijiet relatati ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

    4.11.

    Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-popolazzjonijiet tal-pajjiżi terzi involuti fl-iżjed stadji bikrin tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jiġu pprovduti b’sorsi sostenibbli alternattivi ta’ dħul u impjieg. Dan jista’ jieħu l-forma tal-ekoturiżmu jew tabilħaqq billi jsir l-aqwa użu mill-opportunitajiet tad-dħul mis-servizzi tal-ekosistema tal-ħabitats u l-organiżmi selvaġġi lokali.

    4.12.

    Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal involviment mas-settur tan-negozju biex jiġu ffaċilitati diskussjoni u fluss ta’ informazzjoni miż-żewġ naħat sabiex jiġi żgurat li s-settur tan-negozju jaqdi rwol pożittiv fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Kwalunkwe strateġija biex tindirizza dawn il-problemi ma tistax isseħħ f’vakwu li jeskludi n-negozju privat.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1.

    Il-KESE jipproponi li ssir kampanja ta’ sensibilizzazzjoni wiesgħa fil-livell Ewropew sabiex jiġu involuti l-konsumaturi u s-settur privat biex jitnaqqsu l-provvista u d-domanda tal-prodotti illegali tal-organiżmi selvaġġi. Minħabba d-definizzjoni wiesgħa tat-terminu “traffikar ta’ organiżmi selvaġġi”, il-Kumitat jirrakkomanda li l-fokus ikun il-pjanti u l-annimali nonikoniċi (22) u l-prodotti derivati (23) wkoll.

    5.2.

    Il-KESE jtenni r-rieda tiegħu li jappoġġja u jipparteċipa f’inizjattivi li l-UE tixtieq tieħu, pereżempju abbażi tan-netwerk UE-Afrika tal-atturi ekonomiċi u soċjali stabbilit fi ħdan il-Kumitat. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kwalunkwe inizjattiva mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit forum għad-diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u huwa miftuħ ukoll għall-għażla li jospita avveniment dwar dan.

    5.3.

    Kif jingħad fid-Dikjarazzjoni ta’ Londra, il-KESE jitlob għal miżuri speċifiċi biex is-settur privat jieħu azzjoni b’mod responsabbli u għal sistema ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà li tiggarantixxi li l-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi jkun legali u sostenibbli, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll ambjentali u mill-perspettiva tal-komunitajiet lokali. Għal dan il-għan jistgħu jintużaw bħala referenza s-sistemi fis-seħħ bħalissa għall-kummerċ tal-kavjar u tal-injam tropikali (24). Is-sistema għall-ġestjoni tal-informazzjoni żooloġika (ZIMS – Zoological Information Management System) użata mill-EAZA) tista’ jkun referenza tajba għal sistema komuni ta’ traċċabilità għall-annimali ħajjin.

    5.4.

    Il-Kumitat jiddeplora l-assenza fil-proposta tal-Kummissjoni ta’ kwalunkwe referenza għat-theddida li jirrappreżenta t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi għas-saħħa pubblika u għall-ispeċijiet indiġeni tal-annimali u l-pjanti. Din il-kwistjoni hija rilevanti ħafna u għaldaqstant il-KESE jħeġġeġ li din tiġi inkluża fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE. Il-Kumitat jenfasizza li s-sistemi msemmijin hawn fuq ta’ tikkettar u ta’ traċċabbiltà, flimkien ma’ mekkaniżmu adegwat ta’ kontroll veterinarju u tas-saħħa tal-pjanti, jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-bidu u t-tixrid ta’ mard fuq skala dinjija. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

    5.5.

    Il-fruntiera l-ġdida tal-kummerċ illegali tal-ispeċijiet selvaġġi huwa l-kummerċ elettroniku. Il-KESE jinnota li jeżistu bosta għodod elettroniċi illegali bħalma huma l-użu ħażin ta’ siti web kummerċjali u forums tal-midja soċjali jew pjattaformi onlajn speċjalizzati li jkunu ristretti u stabbiliti fid-deep-web. Rigward l-ewwel każ, il-Kumitat jenfasizza għadd ta’ prattiki tajbin li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra, bħall-ftehim iffirmat f’Ġunju 2013 bejn il-Korp Taljan tal-Forestrija u ż-żewġ portali ewlenin tar-reklami onlajn “eBay annunci” u “Subito.it” (25); jinħtieġ aktar tagħrif għall-benefiċċju tal-konsumaturi, u l-offerti meqjusin suspettużi jistgħu jitneħħew malajr. Il-ftehim jippermetti wkoll li jiġu ffiltrati r-reklami, u b’hekk jiġu awtorizzati biss dawk li jiggarantixxu t-traċċabbiltà tal-oġġett għall-bejgħ. Fir-rigward tad-deep-web, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ task force speċifika bl-appoġġ ta’ esperti taċ-ċiberkriminalità.

    5.6.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tas-17-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP17) għal CITES, li ser issir f’Settembru/Ottubru 2016 fl-Afrika t’Isfel. L-UE għandha 28 vot u għandha tirrifletti l-pożizzjonijiet b’saħħithom meħuda minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Xi wħud mill-proposti li diġà tressqu mill-Kummissjoni ser jgħinu fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, fosthom iż-żieda ta’ għadd akbar ta’ speċijiet relevanti għal-lista ta’ CITES. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja t-talba għall-għeluq tas-swieq domestiċi għall-avorju bħala kontribut kruċjali għall-prevenzjoni tat-theddida tal-estinzjoni tal-iljunfanti Afrikani.

    Brussell, l-14 ta’ Lulju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Id-definizzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi tkopri l-kummerċ illegali internazzjonali u mhux internazzjonali fl-annimali, il-pjanti u l-prodotti derivati selvaġġi, u reati marbutin mill-qrib bħalma huma l-kaċċa illegali.

    (2)  Bejn l-2007 u l-2013, il-kaċċa illegali żdiedet b’tali mod li xejnet ir-ripopolazzjoni li twettqet matul l-aħħar tliet deċennji, u rrrappreżentat theddida reali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u għall-iżvilupp sostenibbli. Pereżempju, kull sena jinqatlu bejn 20 000 u 25 000 iljunfant fl-Afrika għall-avorju, u sa 100 000 minnhom sfaw maqtula bejn l-2010 u l-2012 biss.

    (3)  It-traffikar qed jiżdied, xprunat minn domanda dejjem tikber għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi bħall-avorju, il-qrun tar-rinoċeronti u l-għadam tat-tigri, speċjalment f’xi pajjiżi Asjatiċi (pereżempju, iċ-Ċina u l-Vjetnam).

    (4)  L-impatt tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fuq in-natura jista’ jiġi amplifikat minn fatturi oħra bħalma huma l-konsum globalizzat, l-użu mhux sostenibbli tal-art, it-tibdil fil-klima, l-użu eċċessiv tal-pjanti mediċinali u t-turiżmu intensiv, li jinvolvi l-kaċċa.

    (5)  Il-qtugħ illegali tas-siġar jammonta għal 30 % tal-kummerċ dinji tal-injam u jikkontribwixxi għal iktar minn 50 % tad-deforestazzjoni fl-Afrika Ċentrali, ir-Reġjun tal-Amażonja u x-Xlokk tal-Asja, biex b’hekk qed iċaħħad lill-popolazzjonijiet indiġeni minn opportunitajiet importanti ta’ żvilupp sostenibbli.

    (6)  Minħabba l-kaċċa illegali tar-rinoċeronti, ir-Rinoċerente Iswed tal-Punent ġie ddikjarat estint mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura u tar-Riżorsi Naturali (IUCN) fl-2011.

    (7)  Huwa kkalkulat li s-sajd illegali jilħaq volum ta’ 19 % tal-valur iddikjarat tal-qbid.

    (8)  UNODC, World Wildlife Crime Report: Trafficking in protected species, 2016.

    (9)  Il-Kummissjoni Ewropea, Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, COM(2016) 50 final.

    (10)  ĠU C 424, 26.11.2014, p. 52.

    (11)  Rapport tad-WWF – http://awsassets.panda.org/downloads/wwffightingillicitwildlifetrafficking_french_lr.pdf

    (12)  L-EAZA hija l-organizzazzjoni ewlenija f’dan is-settur, b’377 istituzzjoni membru fi 43 pajjiż madwar l-Ewropa u l-Lvant Nofsani.

    (13)  Riżoluzzjoni, adottata fl-2013 mill-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Penali u approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, identifikat it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi bħala forma ta’ “kriminalità organizzata serja” kommessa mill-istess tipi ta’ gruppi kriminali organizzati globali, bħal dawk responsabbli għal attivitajiet bħat-traffikar tal-bnedmin, id-drogi u l-armi.

    (14)  Riżoluzzjoni 69/314 tan-NU, “Il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi”, 30 ta’ Lulju 2015 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (15)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Londra kienet iffirmata mill-Kapijiet ta’ Stat, il-Ministri u r-rappreżentanti minn 46 pajjiż fil-Konferenza dwar il-Kummerċ Illegali tal-Organiżmi Selvaġġi fl-2014. Id-dikjarazzjoni tistabbilixxi standards ġodda għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, fosthom il-modifika tal-leġislazzjoni fis-seħħ biex il-kaċċa illegali u t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi jiddaħħlu fost ir-“reati gravi”, il-projbizzjoni tal-użu tal-ispeċijiet mhedda bl-estinzjoni, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali u l-koordinazzjoni tan-netwerks tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi.

    (16)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2014 dwar kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi (2013/2747(RSP)).

    (17)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Approċċ tal-UE kontra t-traffikar ta’ Organiżmi Salvaġġi – COM(2014) 64 final.

    (18)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

    (19)  Ricardo Energy & Environment “Strengthening cooperation with business sectors against illegal trade in wildlife” (It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ setturi tan-negozju kontra l-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi”). Rapport għad-DĠ Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea, 2015.

    (20)  Il-Kummissjoni Ewropea, Analysis and Evidence in support of the EU Action Plan against Wildlife Trafficking, Commission Staff Working Document, SWD (2016) 38 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (21)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

    (22)  CITES għandha tliet appendiċijiet, li jelenkaw kategoriji ta’ speċijiet skont il-livell ta’ ħarsien meħtieġ, jiġifieri skont kemm huma mhedda mill-kummerċ internazzjonali. L-appendiċijiet fihom madwar 5 600 speċi ta’ annimali u 30 000 speċi ta’ pjanti, li jipproteġuhom kontra l-isfruttament żejjed permezz tal-kummerċ internazzjonali. Dan ifisser li speċijiet inqas magħrufa u inqas ikoniċi bħall-pangolini – waħda mill-iżjed speċijiet traffikati – huma mhedda wkoll mill-kummerċ illegali.

    (23)  Il-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi jista’ jinvolvi annimali u pjanti ħajjin iżda wkoll firxa ta’ prodotti derivati minħabba l-bosta użi potenzjali tagħhom (ingredjenti għal mediċina tradizzjonali, ikel, fjuwil, għalf, materjali tal-bini, ħwejjeġ u ornamenti, eċċ.). http://www.traffic.org/trade/

    (24)  Fl-ambitu ta’ CITES, teżisti sistema ta’ tikkettar universali għall-identifikazzjoni tal-kavjar, li l-importazzjoni tiegħu hija permessa biss wara li jkunu nxtraw awtorizzazzjonijiet apposta mill-awtoritajiet kompetenti (www.cites.org/common/resource/reg_caviar.pdf). Għal dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-forestrija, il-leġislazzjoni tal-UE ssostni l-għan li jiġi skoraġġut it-traffikar ta’ injam tropikali billi tappoġġja l-introduzzjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ traċċabbiltà.

    (25)  “eBay annunci” u “Subito.it” jimmaniġġjaw 90 % tar-reklami tal-kummerċ elettroniku Taljan http://www.corpoforestale.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/7388.


    Top