Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2507

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007 (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1343/2011 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005” [COM(2016) 134 final – 2016/0074 (COD)]

    ĠU C 389, 21.10.2016, p. 67–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 389/67


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007 (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1343/2011 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005”

    [COM(2016) 134 final – 2016/0074 (COD)]

    (2016/C 389/09)

    Relatur:

    is-Sur Gabriel Sarró Iparraguirre

    Nhar is-7 u l-11 ta’ April 2016, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1098/2007 (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1343/2011 u (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005

    [COM(2016) 134 final – 2016/0074 (COD)].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Ġunju 2016.

    Matul il-518-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2016 (seduta tat-13 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’74 vot favur u astensjoni waħda (1).

    1.   Konklużjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-bżonn li tiġi aġġornata u ssemplifikata s-sistema attwali ta’ governanza tal-miżuri tekniċi, li għandha tkun ibbażata fuq strateġija fit-tul dwar il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi.

    1.2.

    Diversi mill-emendi ġodda u t-tibdil propost għandhom jikkontribwixxu direttament għall-adattament tal-flotta tas-sajd għall-obbligu ta’ ħatt l-art u r-rendiment massimu sostenibbli. Il-KESE ma jistax ħlief jilqa’ dan b’mod favorevoli, peress li dawn ir-riformi ser jipprovdu aktar flessibbiltà operattiva u għandhom jippromovu aktar selettività tal-irkaptu tas-sajd.

    1.3.

    Madankollu, xi wħud mill-proposti ppreżentati ma jqisux bis-sħiħ il-kundizzjonijiet prattiċi tal-attivitajiet tas-sajd u ma jivvalutawx l-impatt soċjali u ekonomiku. Il-Kumitat mhuwiex konvint li dawn il-proposti huma kompromess raġonevoli bejn li jiġu salvagwardjati l-interessi tas-settur tas-sajd fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien u li jiġu protetti r-riżorsi tas-sajd. F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq li tingħata attenzjoni speċjali lill-aspetti li ġejjin:

    1.3.1.

    Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex terġa’ tqis il-bidliet proposti fid-daqsijiet tal-malji u li jintużaw il-malji ta’ referenza li jkunu ntużaw mill-flotta għas-sajdiet differenti, mingħajr żidiet jew tnaqqis inġustifikat jew bla bżonn.

    1.3.2.

    Il-Kumitat itenni l-importanza li l-proposta ma tintroduċix bidliet fid-daqsijiet minimi li jiġu applikati għal ċerti speċijiet, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa.

    1.3.3.

    Il-Kumitat iqis li għandhom jiġu introdotti standards li jippermettu l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-valur għall-qabdiet mhux mixtieqa.

    1.3.4.

    Il-Kumitat iħeġġeġ aktar flessibbiltà fir-rigward tal-limiti fuq il-kapaċità tas-sajd imkejla f’tunnellaġġ gross (TG) imposti fuq l-Istati Membri mill-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) biex il-bastimenti jiġu adati għall-obbligu ta’ ħatt l-art u sabiex jitħeġġeġ it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord.

    1.4.

    Il-Kumitat jitlob lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu djalogu ġenwin mas-sajjieda u r-rappreżentanti tagħhom qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni dwar il-proposti. Sabiex l-istandards jiġu rispettati hemm bżonn il-ftehim taċitu u l-kooperazzjoni tas-sajjieda. Dan huwa aktar probabbli li jsir jekk is-sajjieda jkunu involuti bis-sħiħ fid-dibattitu.

    1.5.

    Il-Kumitat jappella li jinżamm dan l-impenn għad-djalogu mal-partijiet interessati matul il-proċess kollu ta’ reġjonalizzazzjoni.

    2.   Sfond

    2.1.

    Il-miżuri tekniċi huma ġabra wiesgħa ta’ regoli li jirregolaw kif, fejn u meta jistgħu jitwettqu attivitajiet tas-sajd. Attwalment, hemm għadd kbir ta’ regolamenti, bidliet, regoli ta’ implimentazzjoni u miżuri tekniċi temporanji applikabbli kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll għall-bastimenti tal-UE li joperaw barra mill-ilmijiet tal-UE. Fil-prattika, aktar minn 30 regolament jinkludu miżuri tekniċi; ir-regolamenti li japplikaw għall-Atlantiku (1), il-Baħar Mediterran (2) u l-Baħar Baltiku (3) huma partikolarment importanti.

    2.2.

    Fil-passat kien hemm żewġ tentattivi mingħajr suċċess biex jiġi rivedut u aġġornat dan il-qafas legali kumpless ta’ miżuri tekniċi fuq proposta mill-Kummissjoni.

    2.3.

    Hemm ħtieġa urġenti li l-leġislazzjoni u l-politiki tal-UE dwar is-sajd jiġu adattati għall-bidliet ġodda introdotti mill-PSK, jiġifieri l-obbligu ta’ ħatt l-art u l-ksib gradwali u inkrementali tar-rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet kollha sa mhux aktar tard mill-2020. L-introduzzjoni ta’ dawn l-objettivi huwa sfida ewlenija għall-industrija tas-sajd fl-UE.

    2.4.

    Għandu jiġi nnutat ukoll li sa ftit taż-żmien ilu d-deċiżjonijiet rigward il-politika tas-sajd kienu ttieħdu esklużivament mill-Kunsill. Dan wassal sabiex il-miżuri tekniċi ġew adottati fid-dettall bħala Regolamenti tal-UE, minflok regoli mfassla fuq bażi reġjonali li jakkomodaw l-ispeċifiċitajiet ta’ kull baċir u sajda. F’dan il-kuntest, l-approċċ komprensiv ta’ mikroġestjoni, flimkien mar-rieda tal-istituzzjonijiet tal-UE li jiġbru d-dettalji tekniċi kollha fil-forma ta’ emendi, wasslu għal sistema legali kumplessa li ma tantx tħalli marġni ta’ manuvra u li l-industrija ssibha diffiċli li tifhem u tikkonforma magħha.

    2.5.

    Issal-Kummissjoni qed tipproponi Regolament qafas ġdid (4) li jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali u regoli komuni kif ukoll standards ta’ referenza (skont ir-reġjun) li jaġixxu bħala miżuri prestabbiliti sakemm jitfasslu u jiġu introdotti miżuri reġjonali fil-liġi tal-UE.

    3.   Sommarju tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1.

    B’din il-proposta, il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet ewlenin tal-PKS il-ġdida b’mod flessibbli u fuq bażi reġjonali. B’mod partikolari tiġi enfasizzata l-ħtieġa li jonqos il-qbid ta’ ħut żgħir u ta’ ħut riproduttiv tal-ispeċijiet tal-baħar, tiżdied l-għażla tat-tagħmir tas-sajd, jiġi evitat il-qbid ta’ speċijiet protetti, jonqos il-qbid skartat u jiġu minimizzati l-impatti fuq l-ambjent.

    3.2.

    Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni ressqet test li l-għan tiegħu huwa li tiġi ssemplifikata s-sistema attwali ta’ governanza tal-miżuri tekniċi, ibbażata fuq strateġija fit-tul dwar il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi. Fil-Proposta għal Regolament, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-qbid skartat, ir-reġjonalizzazzjoni, l-involviment akbar tal-partijiet interessati u żieda fir-responsabbiltà tas-sajjieda.

    3.3.

    L-elementi ġodda u l-bidliet l-aktar importanti huma dawn li ġejjin:

    Il-konsolidazzjoni u l-aġġornament ta’ għanijiet, miri, limiti ta’ qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi, prinċipji ta’ governanza tajba u definizzjonijiet li qabel kienu rregolati minn regoli differenti.

    L-istabbiliment ta’ regoli u miżuri tekniċi komuni li japplikaw għall-baċiri kollha tal-baħar u li huma meqjusa bħala permanenti. Dawn il-miżuri jinkludu t-tagħmir tas-sajd u prattiki projbiti, kundizzjonijiet u restrizzjonijiet ġenerali marbutin mal-użu ta’ rkaptu rmunkat u xbieki statiċi, protezzjoni ta’ speċijiet u ħabitats sensittivi, daqsijiet minimi għal skopijiet ta’ konservazzjoni u miżuri komuni biex jitnaqqas il-qbid skartat.

    L-iżvilupp tar-reġjonalizzazzjoni billi jiġu stabbiliti miżuri ta’ referenza, prinċipalment fl-annessi għall-proposta, li għandhom japplikaw fin-nuqqas ta’ miżuri reġjonali. Barra minn hekk, il-kompetenzi għar-reġjonalizzazzjoni tal-miżuri tekniċi ser jiġu stabbiliti permezz tal-adozzjoni ta’ pjani pluriennali, pjani temporanji ta’ qbid skartat u miżuri ta’ konservazzjoni. Hemm inkluża wkoll klawżola ta’ salvagwardja f’każ ta’ miżuri ta’ emerġenza biex jiġu protetti l-ispeċijiet tal-baħar.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1.    Rimarki ta’ introduzzjoni

    4.1.1.

    Ir-regoli attwali dwar il-miżuri tekniċi huma l-aktar qafas legali antikwat li jeżisti llum, u għalhekk il-KESE jemmen li huwa ta’ importanza kbira li dan ir-Regolament il-ġdid semplifikat jiġi adottat malajr kemm jista’ jkun sabiex is-settur jadatta b’mod prattiku u vijabbli għall-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom.

    4.1.2.

    Il-Kumitat jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu adottati wara li l-partijiet interessati jiġu kkonsultati b’mod dirett u sodisfaċenti. Dawn għandhom ikunu aktar flessibbli u reattivi għall-ħtiġijiet speċifiċi u adottati permezz ta’ proċess mgħaġġel u effiċjenti ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li jippermetti li jkun hemm adattament għall-iżviluppi ġodda.

    4.1.3.

    Ir-riforma tal-PKS introduċiet strateġija innovattiva għall-ġestjoni tas-sajd, abbażi ta’ bidla lejn approċċ ibbażat fuq ir-riżultati u l-introduzzjoni tar-reġjonalizzazzjoni. Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ ma’ dan l-approċċ ġdid.

    4.2.    Konservazzjoni

    4.2.1.

    Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-istrateġija tal-Kummissjoni li tneħħi jew tissemplifika (madwar nofs) dawk iż-żoni għall-protezzjoni ta’ ħut żgħir li huma magħluqa jew ristretti għas-sajd li m’għadhomx operattivi jew huma antikwati, minħabba l-isforzi tal-industrija, l-irkupru tal-istokkijiet jew it-tibdil ambjentali.

    4.2.2.

    Il-Kumitat jappoġġja wkoll li l-isforzi kollha jsiru biex jitjiebu l-miżuri tekniċi bħala mod kif jitjieb l-istat taż-żoni tas-sajd u sabiex tiġi ffaċilitata l-konservazzjoni tagħhom, abbażi tal-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u fid-dawl tal-kummenti tal-Istati Membri, is-settur tas-sajd u l-partijiet interessati l-oħra.

    4.3.    Impatti ekonomiċi u soċjali

    4.3.1.

    Huwa ċar li ħafna mir-regoli proposti jeħtieġu bidliet sinifikanti fil-metodi u t-tagħmir tas-sajd, li jirriżultaw f’impatt reali mill-perspettiva soċjali u ekonomika. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-isfidi l-ġodda tal-PSK ser ikollhom impatt konsiderevoli fuq perjodu qasir ta’ żmien fuq is-settur tas-sajd; madankollu, dan is-settur ser jibbenefika fuq perjodu twil ta’ żmien. Madankollu, sal-lum il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda tentattiv biex jiġu stmati l-ispejjeż soċjali u ekonomiċi li, fuq perjodu qasir ta’ żmien, jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proposta. Il-Kumitat iqis li n-nuqqas ta’ din l-informazzjoni jimpedixxi milli jiġi determinat jekk il-proposta tikkostitwixxix bilanċ raġonevoli bejn li jiġu salvagwardjati l-interessi tas-settur tas-sajd fuq perjodu qasir u medju ta’ żmien u li jiġu protetti r-riżorsi tas-sajd.

    4.3.2.

    Biex jiġu miġġielda l-effetti negattivi fuq perjodu qasir ta’ żmien (pereżempju, it-tnaqqis ta’ qabdiet ta’ speċijiet fil-mira u nefqa ġdida għax-xiri ta’ tagħmir), kemm għas-sidien tal-bastimenti kif ukoll għas-sajjieda, il-Kumitat iqis xieraq li jiġi appoġġjat is-settur tal-qbid permezz tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS).

    4.3.3.

    Il-KESE jemmen li l-proposta ma toffri l-ebda evalwazzjoni tal-impatt dwar is-sigurtà fuq il-baħar. Il-politiki l-ġodda tas-sajd jistgħu jkunu ta’ periklu għas-sigurtà tal-ekwipaġġ (pereżempju, żieda fis-sigħat tax-xogħol għall-ipproċessar tal-qabdiet inċidentali) u għas-sigurtà tal-bastiment (pereżempju, l-istabbiltà tad-dgħajsa minħabba ż-żieda fil-qabdiet inċidentali), li għandhom jiġu analizzati u kkunsidrati.

    4.4.    Implimentazzjoni u infurzar

    4.4.1.

    Ir-Regolament bażiku l-ġdid tal-PKS (5) jipprevedi miżuri differenti tekniċi u marbutin mal-konservazzjoni sabiex jinkisbu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. L-iktar miżura importanti biex jintlaħaq dan l-għan hija l-pjani pluriennali, li ser jistabbilixxu l-qafas għall-isfruttar sostenibbli tal-istokkijiet u l-ekosistemi tal-baħar ikkonċernati u, b’mod partikolari, għandhom jinkludu miżuri tekniċi xierqa (Art. 10(1)(f)).

    4.4.2.

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-proposta hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali waqt li l-pjani pluriennali ta’ ġestjoni ma jkunux approvati, peress li din il-proposta hija soluzzjoni tranżitorja biex is-sistema legali attwali tiġi adattata għar-rekwiżiti l-ġodda tal-PKS fir-rigward tal-miżuri tekniċi. Il-KESE jemmen li din it-tranżizzjoni hija neċessarja.

    4.4.3.

    Il-Kumitat iqis li, għall-iżvilupp tajjeb u l-implimentazzjoni tar-reġjonalizzazzjoni, il-KE għandha tipproponi pjani pluriennali u pjani għall-ħut skartat fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti ppreżentati mill-Istati Membri sabiex jevitaw li jaqgħu lura fuq il-mikroġestjoni. Il-KE għandha tillimita r-rwol tagħha għas-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-kompatibilità tal-proposti mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. B’dan il-mod ser jiġi żgurat li dawn il-miżuri sabiex ikun hemm adattament għar-realtajiet il-ġodda tas-sajd jiġu adottati malajr, permezz ta’ approċċ “minn isfel għal fuq”, li b’hekk ikunu aċċettati iktar mill-industrija.

    4.5.    Ir-reġjonalizzazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

    4.5.1.

    Il-Kumitat jaqbel li huwa essenzjali li jinżammu xi miżuri bażiċi komuni applikabbli għas-sajd u għar-reġjuni kollha, li jkunu limitati sabiex jitfasslu definizzjonijiet, prinċipji u għanijiet komuni f’konformità mal-PKS il-ġdida sabiex tiġi evitata lakuna legali.

    4.5.2.

    Madankollu, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li, ladarba l-fażijiet leġislattivi suċċessivi tal-obbligu ta’ ħatt l-art jidħlu fis-seħħ, il-mudell attwali tal-ġestjoni tas-sajd ser jinbidel drasatikament. L-approċċ ma jibqax jiffoka fuq il-ħatt tal-ħut u jibda jiffoka fuq il-qabdiet. Għalhekk huwa ta’ importanza kbira li l-koleġislaturi jevitaw li jirrepetu l-iżbalji tal-passat u jaċċettaw li l-miżuri tekniċi regolatorji tal-UE jiġu deċiżi f’livell reġjonali, f’konsultazzjoni mill-qrib ma’ dawk li jridu jimplimentaw u jirrispettaw ir-regoli fuq bażi ta’ kuljum.

    4.5.3.

    Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tippromovi ambjent ta’ fiduċja, li jippermetti lis-sajjieda li jkunu fil-libertà li jagħżlu l-aktar għodod xierqa sabiex jiksbu selettività ikbar u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali. M’għandux jintesa li s-sajjieda ser ikunu totalment responsabbli għall-qabdiet li jsiru u mhux għal dak li jħottu l-art; għalhekk għandhom jitħallew jiddeċiedu dwar l-aħjar miżuri selettivi.

    4.5.4.

    Sfortunatament, il-Kummissjoni ma applikatx dan l-approċċ b’mod armonizzat fir-rigward tal-għażla ħielsa ta’ daqsijiet ottimali tal-malji, u hemm differenzi fit-test dwar id-daqs tal-malji ta’ speċijiet żgħar ta’ pelaġiċi u ta’ demersali. Għall-ispeċijiet pelaġiċi, kien hemm tnaqqis kbir fid-daqs tal-malja filwaqt li għad-demersali, id-daqs żdied. Dan ir-Regolament ma għandux jintuża biex jiżdiedu d-daqsijiet minimi tal-malji użati attwalment mis-sajjieda mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. M’għandniex ninsew li s-sajjieda qed ifittxu l-benefiċċju ekonomiku massimu mill-bejgħ tal-ispeċijiet li jaqbdu u jippruvaw jevitaw il-qabda ta’ speċijiet mhux intenzjonati u ħut zgħir peress li dawn jitnaqqsu mill-kwoti tagħhom u jistgħu jinbiegħu biss biex jiġi prodott il-ħut mitħun, iż-żejt jew prodotti simili b’valur baxx ħafna mal-ewwel bejgħ.

    4.5.5.

    Ir-reġjonalizzazzjoni timplika involviment akbar tal-partijiet interessati. Hemm ħafna vantaġġi meta leġislazzjoni tittieħed f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kunsilli konsultattivi, dawk li jaħdmu fl-industrija tas-sajd, xjenzati u partijiet interessati oħra, inklużi: regoli aktar ċari u sempliċi li huma adattati għall-karatteristiċi ta’ kull baċir u pixkerija; livell għoli ta’ konformità fost is-sajjieda; applikazzjoni aktar faċli mill-ispetturi, kredibbiltà u leġittimità akbar tal-politiki, allinjament aħjar mal-għanijiet ambjentali u selettività aħjar tas-sajd. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li l-miżuri tekniċi dwar l-irkaptu tas-sajd jiġu żviluppati u adottati fil-livell lokali u reġjonali.

    4.5.6.

    Eżempju tajjeb sabiex jintwerew l-effetti negattivi li ma jkunx hemm konformità mal-approċċ ta’ hawn fuq jista’ jinsab fil-flotta Mediterranja, li esperjenzat diffikultajiet serji kkawżati mill-introduzzjoni ta’ regoli obbligatorji speċifiċi (6), bħat-tnaqqis fil-ħxuna tal-ispag. Din il-miżura teknika ħolqot problemi għas-sigurtà u l-irmunkar tal-bastimenti; żieda sinifikanti fit-tiċrit fix-xbieki minħabba li kienu aktar dgħajfa u inqas reżistenti; tnaqqis fil-prezz tal-qabda u żieda bla bżonn fil-qabdiet skartati minħabba d-deterjorament ikkważat mill-użu ta’ spag tant fin u li jaqta’.

    4.6.    Inċentivi għas-sajjieda: eliminazzjoni, tnaqqis u prevenzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa

    4.6.1.

    Il-Kumitat jemmen li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-industrija tas-sajd fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, permezz tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u t-trejdjunjins tagħha, ser taġixxi bħala inċentiv kbir biex jintlaħqu livelli għoljin ta’ konformità u fehim aħjar tar-regoli.

    4.6.2.

    Il-premessa 21 tal-proposta tistipula li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri biex jappoġġjaw lis-settur tal-qbid fl-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art, bħall-ħżin u t-tiftix ta’ opportunitajiet kummerċjali għall-ispeċijiet mhux mixtieqa. Madankollu jissemma biss l-appoġġ għall-investiment fil-kostruzzjoni u l-adattament ta’ postijiet tal-ħatt. Il-Kumitat jaħseb li għandha ssir referenza wkoll għall-investimenti abbord għall-ħażna, l-ipproċessar u l-valur aggregat tal-qabdiet mhux mixtieqa.

    4.6.3.

    Barra minn hekk, l-adattament tal-bastimenti sabiex jiġi pprojbit il-qbid skartat huwa mxekkel mil-limiti tad-daqs imposti mill-PKS, għaliex, irrispettivament miż-żieda fis-selettività tal-irkaptu tas-sajd użat, il-projbizzjoni tar-rimi ser twassal għal żieda fl-għadd ta’ qabdiet mhux mixtieqa li għandhom jiġu maħżuna jew proċessati abbord. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat jipproponi sistema aktar flessibbli (7). Għalhekk jirrakkomanda li kull meta l-bastiment jiġi rinnovat jew mibdul biex jiżdied id-daqs tiegħu (bl-installazzjoni ta’ ħżin jew tagħmir addizzjonali għall-ipproċessar ta’ qabidet mhux mixtieqa), dan jiddaħħal f’reġistru separat jew f’linja separata tat-total ta’ tunnellaġġ tal-basitmenti tas-sajd.

    4.6.4.

    Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li ż-żieda fil-volum ma għandhiex titqies bħala żieda fil-kapaċità tas-sajd. Għalhekk, il-proċedura deskritta fil-punt preċedenti għandha tapplika wkoll, fil-każ ta’ rinnovazzjoni tal-bastiment, għal żieda fil-volum minħabba l-miżuri li ttieħdu biex tittejjeb is-sigurtà tal-ekwipaġġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-akkomodazzjoni abbord, dejjem sakemm din iż-żieda fil-volum ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut.

    4.6.5.

    L-industrija tas-sajd għamlet sforzi kbar f’dawn l-aħħar snin biex tiżviluppa metodi tas-sajd b’teknoloġija avvanzata bil-għan li jitnaqqa-su kemm jista’ jkun possibbli l-qabdiet skartati u l-impatt possibbli tagħhom fuq l-ambjent. Fil-fatt, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd enfasizza diversi drabi li nkiseb ħafna mil-lat tat-titjib fis-selettività fl-aħħar erba’ snin milli fl-għoxrin sena preċedenti. Il-Kumitat jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jsiru aktar sforzi u jkun hemm aktar finanzjament fis-sajd demersali sabiex jiġu promossi żviluppi teknoloġiċi fis-selettività.

    4.6.6.

    Il-KESE jtenni l-importanza li dan ir-Regolament ma jintużax biex jinbidlu, mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, id-daqsijiet minimi li huma applikati għal ċerti speċijiet. Minn naħa hemm każijiet fejn qed jiżdied id-daqs bħal, pereżempju, tal-paġella ħamra tal-Baħar Mediterran, filwaqt li dan id-daqs qiegħed jiġi estiż f’żoni fejn ma kienx hemm pjani li jiġi applikat (ibħra tal-Punent). Fil-każ tal-ispnott, id-daqs miżjud approvat fl-aħħar tal-2015 għal ċerti żoni (ibħra tal-Majjistral) qiegħed jiġi estiż għal żoni li ma kinux inklużi f’din il-leġislazzjoni (ibħra tal-Lbiċ).

    5.   Kummenti speċifiċi dwar l-Artikoli individwali

    5.1.    Artikolu 6

    Minħabba l-konfużjoni li joħolqu ħafna definizzjonijiet allegati fis-settur ikkonċernat, il-KESE jemmen li meta dawn ikunu relatati mal-irkaptu tas-sajd, jew parti minnu, għandhom jirreferu lill-qarrejja għal Anness bi grafika li tagħmilha aktar faċli li jinftiehem is-sens, metodu użat mill-Kummissjoni stess fil-Figura 2 tal-Appendiċi I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005, li ser jitħassar minn dan ir-Regolament il-ġdid ta’ miżuri tekniċi.

    5.2.    Artikolu 13

    Il-punt 2 ta’ dan l-Artikolu jikkonkludi billi jiddikjara li “il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-mitigazzjoni ta’ effetti negattivi kkaġunati mill-ispostament tal-attività tas-sajd għal żoni sensittivi oħrajn”, li jista’ jinftiehem fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ ħabitats sensittivi; għalhekk ser ikun hemm bżonn ta’ mappa taż-żoni li għandhom jiġu protetti sabiex jitjieb l-għarfien dwar qiegħ il-baħar, iżda mhux il-projbizzjoni ġenerali tal-attività tal-flotta, li tiġi mġiegħla ssib postijiet għas-sajd ġodda tal-ispeċijiet li taqbad, ħaġa li tinkoraġġixxi l-politika l-ġdida tal-obbligu ta’ ħatt l-art. Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha twettaq mappjar komprensiv taż-żoni marittimi vulnerabbli kollha bil-għan li tkun taf eżattament x’qed jiġi protett u għal liema għan. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà sħiħa, huwa importanti mhux biss li jittaffew l-effetti ambjentali iżda wkoll l-effetti soċjoekonomiċi tal-għeluq potenzjali taż-żoni tas-sajd.

    5.3.    Artikolu 17

    Il-Kumitat huwa mħasseb bil-kontenut tal-Artikolu 17(2) tal-proposta, peress li l-flotta Ewropea fl-istess ħin taqbad għadd ta’ speċijiet mhux soġġetti għall-iskema tal-qabda totali permissibbli u għall-kwoti ta’ valur kummerċjali li jikkontribwixxu sabiex l-intrapriżi jibbenefikaw b’mod finanzjarju mill-vjaġġi tas-sajd imwettqa mill-bastimenti tas-sajd tagħhom. Għalhekk huwa rrakkomandabbli ħafna li jitqies li dawn l-ispeċijiet (8), minkejja li mhumiex soġġetti għall-qabda totali permissibbli, jiffurmaw parti mill-qabdiet normali tal-flotta u, għalhekk, huma speċijiet ta’ interess.

    5.4.    Artikolu 37

    Il-Kummissjoni Ewropea ma tagħmel l-ebda referenza għall-investimenti abbord għall-ħżin, l-ipproċessar u l-valur miżjud tal-ħut mhux mixtieq; barra minn hekk, fir-realtà tipprojbixxi kwalunkwe opportunità ta’ proċessar fiżiku jew kimiku għall-produzzjoni abbord ta’ ħut mitħun jew żejt tal-ħuta. Hemm ftit inċentivi għas-sajjieda biex iżommu l-ħut mhux mixtieq abbord meta l-prezz tal-bejgħ għall-konsum mhux mill-bniedem huwa madwar ċenteżmu ta’ euro għal kull kilo. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat ikun favur it-tħassir tal-Artikolu 54a kif propost f’dan l-Artikolu.

    6.   Kummenti speċifiċi dwar l-Annessi

    6.1.    Ilmijiet tal-Majjistral (parti B tal-Anness VI)

    6.1.1.

    L-UE għandha tippromovi ambjent ta’ fiduċja, li jippermetti lis-sajjieda li jkunu fil-libertà li jagħżlu l-aktar għodod xierqa sabiex jiksbu selettività ikbar u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali. M’għandux jintesa li s-sajjieda ser ikunu totalment responsabbli għall-qabdiet li jsiru u mhux għal dak li jħottu l-art; għalhekk għandhom jitħallew jiddeċiedu dwar il-miżuri prinċipali ta’ għażla.

    6.1.2.

    Fl-Anness, il-Kummissjoni Ewropea tistenna li t-trawlers jibdew jużaw irkaptu rmunkat b’manek ta’ 120 mm, li bla dubju ser iwassal biex din il-flotta tisparixxi, peress li b’malji ta’ 100 mm (użati fiż-żona bijoloġikament sensittiva), il-qbid jonqos b’35 % meta mqabel mal-użu ta’ malja ta’ 80 mm.

    6.1.3.

    Il-Kumitat ma jistax jaqbel mal-introduzzjoni ta’ żoni ġodda għall-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni għaċ-ċetaċji, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, u lanqas mal-inklużjoni, mingħajr diskussjoni ulterjuri, ta’ miżuri biex jiġu evitati qabdiet inċidentali tat-tajr tal-baħar, peress li dan jeħtieġ aktar analiżi u ġustifikazzjoni xjentifika.

    6.2.    Ilmijiet tal-Lbiċ (parti B tal-Anness VII)

    6.2.1.

    Il-Kumitat ma jaqbilx maż-żieda fid-daqs minimu tal-malja tal-manka sabiex jinqabdu l-ispeċijiet demersali kollha. Jekk id-daqs tal-malja jiżdied minn 70 mm għal 100 mm huwa daqslikieku tistieden lill-bastimenti biex ma joħorġux jistadu u tkun kaġun li jisparixxu. Il-metodu ta’ ħidma, l-iskarsezza ta’ qabdiet skartati f’dan is-sajd u l-varjetà ta’ speċijiet immirati huma kollha argument favur li tinżamm il-malja ta’ 70 mm.

    6.2.2.

    Fir-rigward tal-miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-qabdiet inċidentali taċ-ċetaċji u tat-tajr tal-baħar fis-sottożoni VIII u IXa tal-ICES, il-Kumitat huwa tal-fehma li, qabel jiġu adottati, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-ġustifikazzjonijiet xjentifiċi meħtieġa, peress li dawn il-miżuri diġà nċaħdu minħabba n-nuqqas jew il-preżenza limitata taċ-ċetaċji u tat-tajr tal-baħar f’dawn l-ibħra.

    6.3.    Il-Baħar Mediterran (parti B tal-Anness IX)

    6.3.1.

    Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-użu ta’ xbieki li l-ħxuna tal-ispag tagħhom tkun ta’ iżjed minn 3 mm, il-Kumitat jemmen li, abbażi tar-riżultati tal-istudju xjentifiku li sar mill-Istitut Spanjol tal-Oċeanografija (IEO), din il-ħxuna għandha tinbidel għal 5 mm, peress li ż-żamma ta’ tali ħxuna mhix iġġustifikata mill-perspettiva tal-konservazzjoni tar-riżorsi u tikkawża biss ħsara ekonomika peress li x-xbieki jitqattgħu aktar ta’ spiss.

    6.3.2.

    Fir-rigward tal-projbizzjoni li abbord jinġarru jew li jkunu ssettjati aktar minn 250 nassa għal kull dgħajsa biex jinqabdu l-krustaċji tal-fond (inklużi l-plesionika spp.), il-Kumitat jemmen li, għal dan it-tip ta’ gambli, għandu jkun possibbli li jinżamm l-għadd ta’ nases awtorizzati llum, jiġifieri 1 500 nassa. L-istudji xjentifiċi eżistenti jindikaw li l-livell attwali ta’ qbid jippermetti bijomassa totali li huwa ogħla mill-bijomassa tar-rendiment massimu sostenibbli, u juru li, taħt il-kundizzjonijiet attwali, l-attività hija sostenibbli u titwettaq b’mod responsabbli.

    Brussell, it-13 ta’ Lulju 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar, li jkopri l-Grigal tal-Atlantiku (u l-Baħar l-Iswed mill-2012 ‘l hawn) (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 9).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound (ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1).

    (4)  COM(2016) 134 final.

    (5)  Regolament (UE) Nru 1380/2013, Artikolu 7.

    (6)  Regolament (KE) Nru 1967/2006.

    (7)  F’konformità mal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-ispeċijiet pelaġiċi V1 2015 04 18.

    (8)  Nirreferu, pereżempju, għall-gallinetta (Triglidae), il-klamari (Loligo spp), il-gringu (Conger conger), is-siċċ (Sepia officinalis), il-Pixxi San Pietru (Zeus faber), il-barbun ilsien il-kelb (Glyptocephalus cynoglossus), il-pixxiluna (Brama brama), il-klamar tal-pinen qosra (Illex spp), iċ-ċinturin iswed (Aphanopus carbo), u anke l-arzella tal-pellegrini (Pecten maximus).


    Top