Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex
Dokument 52016AE0351
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission — Investing in jobs and growth — maximising the contribution of European Structural and Investment Funds’ (COM(2015) 639 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” (COM(2015) 639 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej” (COM(2015) 639 final)
ĠU C 303, 19.8.2016, str. 94—102
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 303/94 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej”
(COM(2015) 639 final)
(2016/C 303/13)
Relatur: |
Is-Sur Dimitris DIMITRIADIS |
Nhar l-14 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Ninvestu f'impjiegi u tkabbir — nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej”
([COM(2015) 639 final).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ April 2016.
Matul il-517-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ Mejju 2016 (seduta tal-25 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’182 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-approċċ il-ġdid skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (1) li jiġbor fil-qosor u jippreżenta r-riżultati tan-negozjati bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri (SM) u l-imsieħba tagħhom sabiex tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet ewlenin ta’ dan il-proċess. Il-KESE jemmen li dan joffri l-punt tat-tluq neċessarju għall-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-użu effettiv u effikaċi tar-riżorsi skarsi disponibbli għall-perjodu finanzjarju 2014-2020 u għal monitoraġġ aħjar tal-prestazzjoni u tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-indikatur. |
1.2 |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li timmassimizza l-impatt tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u jappoġġja l-fehma li din għandha tkun il-prijorità ewlenija fil-perjodu ta’ wara l-kriżi. Madankollu, huwa jwissi li hemm ħtieġa partikolari, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, li tittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji, u għal immirar aktar preċiż sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tagħhom. |
1.2.1 |
F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob involviment aktar mill-qrib ta’ u kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati fil-ħidma tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti Indipendenti dwar is-Simplifikazzjoni tal-Monitoraġġ għall-Benefiċjarji tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (2), u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura komunikazzjoni aktar effettiva u trasparenti dwar il-kompożizzjoni u l-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli. Il-KESE huwa konvint li l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra jistgħu jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni ta’ prattiki kemm tajbin kif ukoll ħżiena u jgħinu fl-introduzzjoni ta’ għażliet ta’ semplifikazzjoni fl-Istat Membru tagħhom. |
1.3 |
Il-KESE jilqa’ r-regolamenti ġodda tal-FSIE (3) billi dawn jistabbilixxu konċentrazzjoni tematika u fokus fuq il-modi possibbli biex jittaffew l-effetti negattivi tal-kriżi. Il-KESE japprezza b’mod partikolari l-istrumenti u l-approċċi l-ġodda, bħall-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-fond il-ġdid għall-ġlieda kontra l-faqar (4). |
1.4 |
Fl-istess ħin, il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar kwistjonijiet li għadhom ambigwi fir-Regolamenti li jsawru l-użu tal-FSIE. |
1.4.1 |
Il-KESE jwissi li kull meta d-deċiżjonijiet u r-riskji involuti jiġu mgħoddija lill-SM, hemm probabbiltà kbira li huma jadottaw approċċ konservattiv biex jiġu evitati sanzjonijiet possibbli mill-Kummissjoni, u b’hekk ixekklu proporzjon kbir ta’ benefiċjarji eliġibbli milli jiksbu aċċess għall-FSIE. |
1.4.2 |
Il-KESE jitlob għal proċeduri ssemplifikati għall-eżenzjonijiet ta’ kategorija mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità u l-gruppi ta' benefiċjarji fil-pożizzjonijiet vulnerabbli. |
1.5 |
Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli għamlet pass ’il quddiem fl-adozzjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (5), li jirregola l-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħrajn fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FSIE. |
1.6 |
Min-naħa l-oħra, il-KESE għandu xi tħassib dwar il-mod kif dawn ir-regolamenti u l-istrumenti u l-approċċi ġodda jiġu applikati fl-Istati Membri, minħabba li l-prattiki differenti użati fil-livell nazzjonali jpoġġu lill-imsieħba soċjali f’pożizzjoni inugwali. Pereżempju, il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija mhuwiex implimentat u rrispettat għalkollox mill-Istati Membri kollha: l-imsieħba soċjali mhumiex rikonoxxuti b’mod adegwat fl-implimentazzjoni tal-YEI u l-importanza tal-azzjoni konġunta tagħhom mhijiex rikonoxxuta għalkollox mill-Istati Membri kollha, kif rifless fin-nuqqas li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom sabiex jaffrontaw l-effetti negattivi tal-kriżi, jimmaniġġjaw aħjar il-bidla industrijali u joħolqu l-impjiegi u t-tkabbir. Il-KESE jipproponi lill-Kummissjoni l-adozzjoni ta' miżuri legali u prattiċi biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta' sħubija u l-kodiċi ta' kondotta sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016 u li jiddaħħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet u miżuri aktar speċifiċi biex jiġu evitati dawn il-prattiki differenti fil-livell nazzjonali. |
1.7 |
Il-KESE jitlob għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-regolamenti li jirregolaw l-investiment permezz tal-FSIE u speċjalment ta’ dawk li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat (6), billi dawn jiġġeneraw l-akbar ammont ta’ inċertezza – kemm għall-SM kif ukoll għall-benefiċjarji – u huma s-sors ewlieni tar-riskju ta’ korrezzjoni finanzjarja. Din għandha tkun parti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2014-2020. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżomm it-triq stabbilita fil-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni Juncker (7), li jiddikjaraw li “l-ambjent tal-investiment għandu jittejjeb u l-assorbiment tal-fondi jeħtieġ li jissaħħaħ”. |
1.8 |
L-akkwist pubbliku huwa qasam ieħor ta’ inċertezza u problemi kostanti, u l-KESE jesprimi d-dispjaċir tiegħu li matul l-aħħar għaxar snin baqgħet ma nstabet ebda soluzzjoni fattibbli, valida għall-Istati Membri kollha, li tipprevedi mod trasparenti ħafna, rapidu u effikaċi ta’ kif jintgħażlu s-subkuntratturi meta jintużaw il-FSIE. Ir-regolamenti nazzjonali speċifiċi dwar l-akkwist pubbliku jkomplu jżidu l-kumplessità f’dan il-qasam. |
1.9 |
Il-KESE jemmen li l-fondi tal-UE għandhom jintużaw primarjament mhux biss sabiex jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020 iżda anki għal aktar investimenti fl-ekonomija reali. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi evalwazzjoni kwantifikata tal-effettività u l-effiċjenza tal-kontribuzzjoni tal-fondi diġà investiti. |
1.10 |
Fl-aħħar nett, iżda mhux l-inqas, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar sforzi biex testendi l-kopertura tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fil-livelli nazzjonali u reġjonali u biex tobbliga lill-SM biex jimplimentawh, speċjalment fejn jidħol l-investiment tal-FSIE. |
2. L-isfond u l-bażi leġislattiva
2.1 |
L-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (8) jinkariga lill-Kummissjoni sabiex tiġbor fil-qosor u tippreżenta r-riżultati tan-negozjati bejn l-awtoritajiet tal-SM u l-imsieħba tagħhom, bil-għan li tiġi pprovduta ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet ewlenin ta’ dan il-proċess. |
2.2 |
L-isforzi tal-Kummissjoni sabiex timmassimizza l-impatt tal-FSIE u sabiex ittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji huma msaħħa wkoll bil-ħolqien tal-Grupp ta’ Livell Għoli (9) dwar is-semplifikazzjoni tal-monitoraġġ għall-benefiċjarji tal-FSIE. |
2.3 |
Ġew adottati regolamenti ġodda tal-FSIE (10) sabiex jipprovdu regolamentazzjoni aħjar għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u sabiex jistabbilixxu konċentrazzjoni tematika. Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-SM u l-imsieħba soċjali, żviluppat strumenti u approċċi ġodda, bħall-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-fond il-ġdid għall-ġlieda kontra l-faqar (11). |
2.4 |
Il-Kummissjoni adottat il-Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (12), li jirregola l-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ partijiet interessati oħrajn fl-istadji kollha tal-programmazzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom kemm fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-FSIE. |
3. Kummenti ġenerali dwar l-investimenti tal-FSIE fil-kuntest soċjoekonomiku tal-lum
3.1 Il-FSIE bħala mutur tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u sors ta’ investiment pubbliku.
3.1.1 |
Matul żmien ta’ kriżi, huwa naturali li r-rwol tal-FSIE jkun qed jikber, speċjalment fl-Istati Membri li huma l-aktar affettwati mill-kriżi. Madankollu, il-FSIE ma għandhom bl-ebda mod jieħdu post l-investiment pubbliku u, b’mod partikolari, dak privat, iżda minflok għandhom joħolqu l-kundizzjonijiet sabiex tingħata spinta lil dan l-investiment. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex itejbu l-investiment privat u l-ambjent tan-negozju, kif diġà ġie spjegat fir-rigward tat-tielet fergħa tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa (13) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li jsiru għodda ta’ żvilupp importanti biss jekk ikunu jistgħu jaħdmu mal-FSIE. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kif l-investimenti tal-fond jaffettwaw l-investimenti privati u tikkalkula l-ko-effiċjent tal-effett ta' spinta fis-settur reali. |
3.1.2 |
Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni attwali tittratta biss l-eżitu tan-negozjati għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u la tiġbor fil-qosor u lanqas tibni fuq il-lezzjonijiet meħuda mill-imgħoddi. Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa l-impatt reali tal-investiment tal-fondi tal-UE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti u li tislet konklużjonijiet speċifiċi ħafna rigward l-esperjenzi pożittivi u negattivi bħala punt tat-tluq sabiex jiżdied il-valur tal-proċess tal-investiment. |
3.1.3 |
Il-KESE għandu l-impressjoni li għalkemm il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza “ninvestu f'impjiegi u tkabbir” fit-titolu, it-test tad-dokument ma jagħmel ebda enfasi speċjali fuq ix-xogħol u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tiġbed aktar attenzjoni għall-impatt tal-politiki differenti fuq il-promozzjoni tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad, sabiex tkun tista’ tivvaluta jekk u kemm il-fondi investiti kellhom impatt reali fuq is-suq tax-xogħol. |
3.2 Qafas għal FSIE aktar effettivi
3.2.1 |
Kif ġie ddikjarat diġà f’opinjonijiet riċenti (14), il-KESE huwa tal-fehma li d-definizzjoni antikwata u estremament wiesgħa ta’ SMEs tfisser li l-użu ta’ dan it-terminu jwassal għal enfasi wiesgħa żżejjed tal-politika, li timpedixxi l-kisba ta’ riżultati tanġibbli u speċifiċi. Barra minn hekk, sakemm ma jiġux applikati kriterji ta’ segmentazzjoni aktar preċiżi, ir-rappurtar tar-riżultati miksuba jkun qarrieqi, minħabba li, skont id-definizzjoni attwali, l-SMEs jammontaw għal 98 % tan-negozji Ewropej. L-użu ta’ tali kriterji ta’ segmentazzjoni wiesgħa jagħmilha impossibbli li tinġabar u tiġi pproċessata l-informazzjoni bil-għan li jiġi vvalutat it-titjib reali fis-sitwazzjoni għall-gruppi differenti ta’ kumpaniji vulnerabbli li huma importanti għall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u li jeħtieġu appoġġ qawwi biex jagħmlu dan – pereżempju, negozji mikro u kumpaniji f’żoni remoti u rurali. Tali kumpaniji, anki jekk ma jkunux innovattivi, kompetittivi ħafna jew sofistikati, madankollu jagħmlu kontribut siewi għall-iżvilupp reġjonali u għall-koeżjoni. |
3.2.1.1 |
Il-KESE jitlob bil-qawwa aġġornament immedjat tad-definizzjoni ta' SMEs sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza, distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' SMEs sabiex jiġu indirizzati aħjar il-bżonnijiet tagħhom u jiġi estiżi u diversifikati s-sorsi ta' informazzjoni għalihom, u titjib fil-koordinazzjoni tas-sorsi u l-metodi ta' ġbir ta' informazzjoni dwar diversi SMEs u l-metodi ta' pproċessar u analiżi tad-dejta statistika bejn l-Istati Membri. |
3.2.2 |
L-użu rrakkomandat ħafna tal-istrumenti finanzjarji qed jiġi mminat minn ħafna każijiet ta’ użu ħażin minħabba nuqqas ta’ informazzjoni u monitoraġġ effettiv fil-livell tal-Istati Membri. Pereżempju, l-istrumenti finanzjarji maħsuba biex jipprovdu self b’imgħax baxx lill-SMEs f’ħafna każijiet ma jaslux għand dawk l-SMEs li ma għandhomx finanzjament, iżda minflok jintużaw minn SMEs iffinanzjati sewwa sabiex ikomplu jnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament tagħhom. L-istess jgħodd għall-garanziji finanzjarji għall-SMEs. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din is-sitwazzjoni lanqas biss hija rikonoxxuta minħabba nuqqas ta’ mekkaniżmi ta’ valutazzjoni adegwati u ta’ sistema għall-ġbir tar-rispons mill-utenti finali. |
3.2.3 |
L-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji ta' min ifaħħarhom, iżda s-semplifikazzjoni ma għandhiex titwettaq mingħajr il-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji finali. F’dan ir-rigward, hija ħasra li l-metodi użati mill-Istati Membri sabiex jirċievu rispons mingħand il-benefiċjarji huma burokratiċi wisq u mmirati b’mod wiesa’ żżejjed. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn jonqsu milli jesploraw fil-fond il-kawża reali tal-problemi u, għalhekk, jonqsu milli jagħtu soluzzjonijiet fattibbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm f'moħħha li l-SMEs għandhom bżonnijiet differenti: aċċess aktar faċli għal finanzjament, aċċess akbar għall-miżuri ta' akkumpanjament, ikkowċjar u konsulenza, eċċ. |
3.2.4 |
Wieħed mill-ostakoli ewlenin li jiffaċċjaw il-kumpaniji huwa n-nuqqas ta’ informazzjoni xierqa u f’waqtha. Il-Kummissjoni kontinwament tgħid li l-informazzjoni għandha tkun kompleta u affordabbli u li l-proċeduri kollha għandhom ikunu trasparenti iżda effettivi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnifisha għamlet l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament pjuttost ikkumplikat. In-negozji, speċjalment l-impriżi mikro u żgħar għandhom ikunu jafu fejn iridu jfittxu għall-informazzjoni dwar id-diversi programmi u proġetti li huma appoġġjati direttament mill-Kummissjoni. Filwaqt li l-portals tal-informazzjoni ċentrali għall-programmi operazzjonali u l-istrumenti finanzjarji kollha huma disponibbli fl-Istati Membri, għandu jkun hemm portal bħal dan fil-livell tal-UE wkoll. |
3.2.4.1 |
L-informazzjoni pprovduta għandha tkun faċli għall-utent biex tiżgura komunikazzjoni effiċjenti u b'tali mod li tkun tista' tinftiehem b'mod sħiħ mill-parteċipanti rilevanti kollha fil-proċess ta' finanzjament. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tipprova tevita gwida għas-sejħiet ikkumplikata u tagħti opportunità lil proġetti b'potenzjal għoli ppreparati mill-kumpaniji stess, mhux minn kittieba tal-applikazzjonijiet professjonali. Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħidma tal-uffiċċju ta' kuntatt Ewropew tagħha u biex tieħu miżuri urġenti fejn ikun hemm ineffiċjenza, peress li l-uffiċjali ta' spiss jipprovdu informazzjoni differenti, konfuża u konsegwentment informazzjoni mhux ċara, li xi drabi hija wkoll kontradittorja. |
3.2.5 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tiżviluppa u tistabbilixxi portal faċli għall-utent li jipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tal-għażliet ta’ finanzjament kollha fil-livell tal-UE u links għall-paġna web ta’ kull programm individwali. Il-Kummissjoni diġà kisbet esperjenza siewja bil-portal tat-TED, li huwa faċli għall-utenti u jipprovdi ħafna informazzjoni. |
3.2.6 |
L-istess japplika għar-rappurtar dwar il-proġetti li diġà ġew approvati jew saħansitra kkompletati. Il-Kummissjoni ma għandha ebda statistika pubblika miġbura fil-qosor dwar il-proġetti diġà approvati għall-finanzjament mill-pajjiżi taħt il-programmi individwali. L-informazzjoni hija inkompleta u frammentata bejn diversi formati elettroniċi. |
3.2.7 |
Għandu jkun hemm analiżi dettaljata tal-impatt tal-proġetti li ġew implimentati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, inklużi l-fallimenti u l-punt sa fejn il-fondi investiti kkontribixxew sabiex jintlaħqu l-għanijiet Ewropej. Ma saret ebda valutazzjoni tal-effett tal-FSIE fuq l-SMEs u tal-kontribut tagħhom sabiex tingħata spinta lill-kompetittività. L-SM u l-Kummissjoni ta’ spiss jinsew li l-ġeneratur ewlieni ta’ impjiegi ġodda huwa l-SMEs u li dawn jeħtieġu aktar appoġġ u appoġġ immirat aħjar. |
3.2.8 |
Il-KESE huwa kkonċernat dwar il-punt sa fejn l-awdituri li jaħdmu mal-Kummissjoni qegħdin jadottaw is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-ispejjeż. Sikwit jista’ jiġi osservat approċċ amministrattiv formali żżejjed, li jindika li l-awdituri jridu aktar esperjenza prattika tas-settur ivverifikat. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda komunikazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta’ semplifikazzjoni bejn l-esperti fid-DĠ differenti u l-awdituri tal-Kummissjoni, billi r-regoli għall-infiq tal-finanzjament ta’ spiss jiġu interpretati b’mod differenti. |
3.2.9 |
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu introdotti għażliet ta’ spejjeż issemplifikati taħt il-FSE. Pereżempju, skont l-Artikolu 14(1), il-kompitu tad-definizzjoni tal-għażliet ta’ spejjeż issemplifikati jiġi ddelegat mill-Kummissjoni lill-SM, li mhuwiex xieraq (15). Skont il-linji gwida għall-applikazzjoni tal-għażliet ta' spejjeż issemplifikati skont l-Artikolu 14(1), l-SM jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-definizzjoni tal-ispiża semplifikata abbażi tar-riċerka tagħhom u mbagħad il-Kummissjoni tadotta att delegat, li madankollu, jikkomplika l-proċedura bla bżonn u jdgħajjef id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri. Soluzzjoni hija li l-Kummissjoni tiddefinixxi skali standard ta’ spejjeż unitarji u somom f’daqqa għal attivitajiet tipiċi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), li l-kalkolu tagħhom ma jkunx soġġett għal verifika. |
3.2.10 |
Il-KESE jemmen li jkun utli li jkomplu jitnaqqsu l-indikaturi fil-programmi operazzjonali (PO). L-introduzzjoni ta’ indikaturi komuni kienet punt tat-tluq tajjeb, iżda ċerti PO għad għandhom għadd kbir ta’ indikaturi speċifiċi, li wħud minnhom ġew introdotti b’mod artifiċjali mill-Kummissjoni matul il-proċess tan-negozjati. Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jiġu mmonitorjati l-PO, l-attenzjoni għandha tgħaddi mill-indikaturi speċifiċi għall-indikaturi komuni, billi dan jippermetti li jsir paragun aħjar bejn PO uniċi fi Istati Membri differenti. |
3.2.11 |
Il-KESE jilqa’ l-użu akbar tal-indikaturi tal-eżiti (kuntrarju għal dawk tal-produzzjoni) fost il-FSIE kollha u jħeġġeġ ukoll sabiex issir enfasi fuq il-kontribut diskret tal-FSIE għat-tkabbir u l-iżvilupp ta’ indikaturi ambjentali biex jaqbdu l-enfasi trasversali ġdida fuq l-ambjent. |
3.2.12 |
Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-fatt li qegħdin jiġu offruti aktar flessibbiltà u lok għal manuvri lill-benefiċjarji mill-għodod tal-iżvilupp lokali (bħall-Investiment Territorjali Integrat u l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità) (16). Madankollu, il-KESE jistaqsi kemm dawn l-istrumenti jistgħu tabilħaqq jintużaw fil-prattika, minħabba l-kumplessità kbira tagħhom u n-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi u d-diviżjoni tal-finanzjament, tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet bejn il-programmi operazzjonali differenti. |
4. Il-kisbiet mistennija tal-programmi tal-FSIE
4.1 L-iżvilupp tar-R&I, tal-ICT u tal-SMEs
4.1.1 |
Sa fejn huma kkonċernati r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I), il-KESE jinsisti li l-ambjent u x-xejriet ekonomiċi u teknoloġiċi internazzjonali għandhom jiġu osservati u ssorveljati mill-qrib ħafna u jittieħdu direttament f’kunsiderazzjoni meta titfassal azzjoni speċifika fil-livell tal-UE u li din l-informazzjoni għandha mbagħad tingħadda għal-livell tal-SM. Barra minn hekk, minħabba li l-iżviluppi jiżvolġu estremament malajr f’dawn l-oqsma, jeħtieġ li jitfassal qafas li joffri livell għoli ħafna ta’ flessibbiltà sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu adattati. |
4.1.2 |
Jeħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra eżattament x’tip ta’ inkubaturi u ċentri teknoloġiċi twaqqfu matul l-aħħar perjodu ta’ programmazzjoni u kemm dawn kienu sostenibbli, filwaqt li tiddetermina eżattament x’riżultati nkisbu permezz tal-kontribut tagħhom għar-R&I fl-UE – permezz ta’ paragun mal-kompetituri globali ewlenin – qabel tkompli tappoġġja dawn l-arranġamenti. Hemm ħafna tħassib dwar il-valur miżjud tal-inkubaturi u taċ-ċentri tat-teknoloġija għall-promozzjoni tal-R&I u dwar it-trasparenza tal-finanzjament tagħhom b’mod ġenerali. Il-KESE jitlob analiżi fil-fond u miżuri ta' investiment vs benefiċċju fil-livell operazzjonali, u fir-rigward tar-redditu fuq l-investiment, valur miżjud u riżultati sostenibbli. |
4.1.3 |
Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-isforzi għall-promozzjoni tas-suq uniku diġitali u l-kisbiet ikkwotati, li huma stmati li jaffettwaw 14,6 miljun familja u 18,8 miljun ruħ. Madankollu, ikun utli jekk isir magħruf jekk dawn il-figuri relatati mal-familji u n-nies humiex ibbażati fuq analiżi xierqa, li tinkludi perċentwali attwali tal-popolazzjoni u l-familji Ewropej totali. Il-KESE ma jistax jkejjel jekk l-appoġġ previst għall-kumpaniji huwiex ser ikun biżżejjed jew le sabiex ikun garantit li jintlaħqu dawn il-miri u, għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, li għandha tinkludi wkoll indikaturi ta’ titjib f’termini ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar u tal-benesseri u l-livelli tal-għajxien taċ-ċittadini Ewropej. Id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi mhux bilfors tfisser li l-impjiegi li jinħolqu jkunu diċenti u ta’ kwalità tajba. In-nuqqas ta’ riċerka fil-fond dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-suq tax-xogħol jipperikola l-possibbiltà li jintlaħqu l-miri ta’ Ewropa 2020. F’opinjonijiet riċenti, il-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar id-diġitalizzazzjoni u l-influwenza tagħha fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali (17). |
4.1.4 |
Il-KESE jqis li l-proporzjon ta’ SMEs appoġġjati u l-għadd ta’ impjiegi li mistennija jinħolqu huma totalment inadegwati u jixtieq jara kisbiet aktar b’saħħithom f’dan ir-rigward. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi punti ta’ riferiment Ewropej u tivvaluta u tissorvelja mill-qrib il-prestazzjoni tal-SM fl-isfond tagħhom. |
4.1.5 |
Il-KESE għandu xi tħassib dwar il-mod kif jiġi allokat il-finanzjament bejn il-kumpaniji għal programmi li huma direttament iffinanzjati mill-Kummissjoni, billi l-kumpaniji f’ċerti SM ovvjament jinsabu f’pożizzjoni aħjar. Pereżempju, skont l-istatistika uffiċjali, tressqu total ta’ 36 732 proposta eliġibbli taħt Orizzont 2020. L-ewwel 100 sejħa jinqasmu kif ġej: 29 794 proposta sħaħ f’sejħiet fi stadju wieħed, 5 617-il proposta fil-qosor fl-ewwel stadju tas-sejħiet f’żewġ stadji u 1 321 proposta sħaħ fit-tieni stadju tas-sejħiet f’żewġ stadji. Madankollu, l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet ġew mill-akbar ħames Stati Membri: ir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Spanja u Franza. Dawn huma pajjiżi b’għadd kbir ta’ proġetti approvati, filwaqt li pajjiżi oħrajn għandhom rati ta’ suċċess baxxi ħafna. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li ssir analiżi bir-reqqa ta’ din is-sitwazzjoni fi żmien qasir, u li jiġu żviluppati u implimentati miżuri li jtejbu t-tixrid tal-informazzjoni u jippromovu l-aċċess ugwali u jiżguraw bilanċ ġeografiku. |
4.1.6 |
Is-sitwazzjoni hija l-istess bil-proġetti fuq skala kbira u bl-evalwaturi maħtura, fejn hemm rata ta’ parteċipazzjoni ferm aktar baxxa fost l-Istati Membri l-ġodda. Dan jispjega għaliex xi pajjiżi għandhom profil ta' innovazzjoni batut: huma ma għandhom ebda aċċess għal finanzjament ġdid li jkun ġej direttament mill-UE. Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti u effikaċi. |
4.2 L-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija u t-trasport
4.2.1 |
Il-KESE jilqa’ l-kontribut stmat għall-effiċjenza enerġetika, iżda jixtieq li dawn l-estimi jiġu espressi f’termini relattivi, sabiex b’hekk tingħata stampa aktar ċara tal-kisba globali tal-għanijiet relatati mal-ħarsien ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. |
4.2.2 |
Il-Komunikazzjoni tinnota li sitt SM qegħdin jippjanaw li jużaw madwar EUR 2 biljun għal infrastruttura tal-gass u l-elettriku intelliġenti. Il-kwistjoni hija jekk il-Kummissjoni żguratx li dawn il-pjani joħolqu sinerġiji u valur miżjud fil-livell tal-UE, u mhux ikollhom nuqqas ta' koordinazzjoni. |
4.2.3 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta’ metodoloġija, analiżi u valutazzjoni ta’ kemm huma effettivi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u kif l-użu tagħhom jindirizza t-tibdil fil-klima. Mhuwiex ċar jekk it-tibdil fil-klima huwiex dovut għat-tniġġis mill-użu ta’ sorsi tal-enerġija konvenzjonali, għall-produzzjoni industrijali jew għaż-żieda fit-traffiku tal-karozzi u l-gassijiet li dan jarmi fl-ambjent. L-introduzzjoni ta’ sorsi alternattivi tal-enerġija tista’ taffettwa ħażin it-tkabbir ekonomiku, minħabba li l-enerġija prodotta tkun aktar għalja. Bil-għan li tiġi evitata din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet fejn kulħadd joħroġ rebbieħ. |
4.2.3.1 |
Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni tal-kompetittività, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq analiżi tal-impatt reali tal-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-livell ta’ tniġġis prodott minn kull sors konvenzjonali. B’hekk, il-finanzjament allokat għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jista’ jiġi mmirat b’mod aktar effettiv, pereżempju, għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għal karozzi nodfa bi spiża baxxa u b’livell għoli ta’ sikurezza. |
4.3 L-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni
4.3.1 |
Il-KESE josserva b’dispjaċir kbir li għad ma hemm ebda politika koerenti u integrata dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati. L-eluf ta’ żgħażagħ u tfal li daħlu fit-territorju Ewropew matul dawn l-aħħar sentejn wasslu għal sitwazzjoni fejn hemm riskju għoli ta’ nies li jaqgħu taħt il-linja tal-faqar tal-UE. L-istrumenti u l-politiki f’dan il-qasam ivarjaw ukoll fost l-Istati Membri differenti. |
4.3.2 |
Il-KESE jqis l-integrazzjoni tar-refuġjati bħala kwistjoni ta’ politika urġenti u importanti, iżda l-politika reġjonali u l-fondi reġjonali mhumiex biżżejjed sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kumplessa: jeħtieġ li jiġu introdotti politika u fondi speċifiċi. |
4.3.3 |
Kien hemm dewmien twil fl-implimentazzjoni tal-YEI. Il-KESE dejjem inkoraġġixxa l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili f’din il-ħidma, u b’mod partikolari nkomplu nħeġġu lill-SM sabiex jinkludu lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lis-servizzi taż-żgħażagħ fit-twettiq tal-YEI. Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jsiru analiżijiet ulterjuri sabiex jiġu ddeterminati r-raġunijiet għall-bidu kajman tal-YEI. Minħabba li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa problema serja għas-swieq tax-xogħol ta’ ħafna pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni għandha tiżgura implimentazzjoni aktar effikaċi tal-YEI. Soluzzjoni possibbli hija li tkompli tiġi estiża l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 22(a) tar-Regolament Nru 779/2015. Il-linja gwida għall-verifika ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2015, li ma jippermettix biżżejjed żmien biex l-SM jadottaw l-istrutturi tal-ġestjoni tagħhom bil-għan li jilħqu l-iskadenza. |
4.3.4 |
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi portal tal-web speċjali għall-implimentazzjoni tal-YEI u turi l-istatistika għall-miri diġà milħuqa. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiġbor informazzjoni mingħand l-SM, minħabba li diġà għaddew sentejn minn meta tnediet l-inizjattiva. |
4.3.5 |
Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun konxja mill-fatt li l-persuni żgħażagħ inattivi mhumiex grupp omoġenju u għalhekk jeħtieġu livelli differenti ta' appoġġ u intervent biex jipparteċipaw b'mod sħiħ fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi. Dan kollu għandu jkun f'konformità mal-ħtiġijiet attwali tas-suq tax-xogħol rispettiv, sabiex jiġu żgurati prospetti aħjar għall-impjiegi tal-futur. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda involviment akbar taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-impjegaturi potenzjali u l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fl-implimentazzjoni tal-YEI u li ma jibqax jintuża approċċ purament amministrattiv li ma jagħtix lok għal flessibbiltà fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tal-YEI. |
4.3.6 |
L-edukazzjoni hija l-mezz ewlieni kemm għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp tal-Istati Membri fil-ġejjieni, kif ukoll għaż-żieda tal-kompetittività tal-UE fost swieq dinjin oħrajn. In-nuqqas ta’ ħaddiema b'kwalifiki għoljin fl-SM kollha għandu effetti negattivi serji ħafna. Barra minn hekk, id-diskrepanza bejn il-provvista u d-domanda hija kkonċentrata f’bosta setturi – l-inġinerija, it-teknoloġiji avvanzati, it-telekomunikazzjoni, eċċ. Il-KESE jemmen li d-diskrepanza li qiegħda tikber bejn ir-realtajiet tas-suq tax-xogħol u s-sistema tal-edukazzjoni ser toħloq ostakoli strutturali speċifiċi għall-produzzjoni fl-10-15-il sena li ġejjin. Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament għall-edukazzjoni għandu jkun iffokat aktar fuq iż-żieda tal-attrazzjoni u l-kwalità tal-korsijiet ta’ edukazzjoni/taħriġ vokazzjonali u li jsiru riformi sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun immirata b’mod aktar effettiv għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u skont il-ħtiġijiet tal-SM għall-professjonisti, dixxiplini, setturi u industriji differenti. Il-Kummissjoni għandha tinvesti aktar fl-edukazzjoni tal-adulti wkoll peress li l-adulti huma l-akbar grupp ta' persuni qiegħda u impjegati u jeħtieġu ħiliet avvanzati u li jaġġornaw l-għarfien tagħhom, speċjalment fit-teknoloġiji l-ġodda. |
4.4 It-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti
4.4.1 |
Għandhom jitwettqu analiżijiet funzjonali f’kull SM bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u għandha tiġi stabbilita pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-informazzjoni. Ir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika u tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri għandhom ikunu ppreċeduti minn valutazzjoni tal-impatt għall-finanzjament minfuq matul il-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti. |
4.4.2 |
Il-KESE huwa mħasseb li, matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni implimentat forma ta’ kundizzjonalità ex-post. Il-miżuri l-ġodda jintroduċu kundizzjonalità ex-ante matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, billi jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-fondi humiex fis-seħħ qabel jiġu ddeterminati l-impenji tal-investiment, kif ukoll forma aktar kontenzjuża tal-kundizzjonalità makro-ekonomika. Fil-każ tal-aħħar, l-allokazzjoni tal-finanzjament tiddependi fuq gvernijiet nazzjonali u reġjuni li diġà għandhom tkabbir ekonomiku b’saħħtu, amministrazzjonijiet organizzati sewwa u servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tissospendi l-finanzjament jekk dawn il-prekundizzjonijiet ma jiġux issodisfati. |
4.4.3 |
Il-KESE tqis is-semplifikazzjoni bħala wieħed mill-aktar fatturi importanti għas-suċċess fl-implimentazzjoni tal-programm. Għalkemm hemm biżżejjed inċentivi fi ħdan il-qafas regolatorju għal dan il-perjodu ta’ programmazzjoni sabiex jitħaffef il-proċess, xorta waħda għad hemm lok għal appoġġ aktar adatt mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Il-fehma tal-Kummissjoni rigward l-aċċettabbiltà ta’ prattiki differenti għandha tiġi espressa b’mod aktar ċar, sabiex dawk l-SM b’inqas esperjenza jiġu megħjuna jagħmlu użu mill-għażliet differenti għas-semplifikazzjoni (pereżempju, għażliet ta’ spejjeż issemplifikati), bil-għan li jkun hemm aktar fiduċja fir-riżultati finali. Il-KESE huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Komunikazzjoni ssemmi 750 kundizzjonalità ex-ante li jridu jiġu ssodisfati mill-Istati Membri (18). |
5. Kooperazzjoni territorjali Ewropea/INTERREG
Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tistabbilixxi aktar indikaturi mhux ibbażati fuq il-PDG għall-kejl tal-kwalità tal-ħajja u tal-kwalità tat-tkabbir ekonomiku.
5.1 |
Il-KESE huwa mħasseb dwar kemm ser ikunu effettivi l-programmi, meta wieħed iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għad għandhom id-dejn, għalkemm iż-żieda fid-dejn pubbliku ġejja primarjament mill-attivitajiet tal-awtoritajiet ċentrali. Dan ifisser li xi reġjuni jew muniċipalitajiet huma esklużi mill-finanzjament. |
5.2 |
Ir-regolament tal-FSIE huwa pjuttost konservattiv u jistabbilixxi limiti legali fuq ir-riprogrammazzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija eżistenti. Dan l-approċċ ma tantx huwa prattiku u mhux ser ikun fattibbli jekk isseħħ kriżi oħra. Il-proċeduri onerużi jxekklu l-flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-FSIE u jistgħu jimpedixxu l-kisba tal-għanijiet ta’ Ewropa 2020. |
5.3 |
Il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali għandhom ikunu miftuħa b’mod aktar wiesa’ għall-awtoritajiet lokali, billi l-prinċipji tad-diviżjoni amministrattiva tal-SM individwali jiġu applikati b’mod inqas strett. Dan minħabba li ħafna komunitajiet li jaqgħu taħt l-awtorità ta’ muniċipalitajiet jew żoni amministrattivi ma jistgħux jipparteċipaw fis-sejħiet indipendentement minħabba li jkunu jridu jiksbu l-approvazzjoni ta’ awtorità ogħla. Dan ifixkel l-iżvilupp tal-komunitajiet żgħar, b’mod partikolari dawk f’żoni muntanjużi. |
6. Skedi tal-pajjiżi
6.1 |
Il-Kummissjoni għandha tkun aktar assertiva fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f'SM individwali u mhux l-inqas fl-iżgurar tal-promozzjoni tagħhom u impenn għall-proċess fi SM oħrajn. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kollha għandhom jiġu implimentati b’involviment akbar mill-imsieħba soċjali. Ta’ min jinnota li fis-snin riċenti kien hemm livell dejjem jikber ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon bir-riformi li għaddejjin f’ħafna pajjiżi. Ir-riformi ta’ spiss jiġu imposti mingħajr ma jittieħdu f’kunsiderazzjoni t-tradizzjonijiet ta’ nazzjonijiet differenti. Il-leġislazzjoni adottata fil-livell Ewropew tiġi implimentata b’mod liberali ħafna f’xi SM u b’mod konservattiv ħafna f’oħrajn. Huwa għalhekk li hija meħtieġa sjieda akbar min-naħa tal-partijiet interessati soċjali. |
6.2 |
L-Istati Membri jiffaċċjaw proċedura kkumplikata ħafna għall-programmazzjoni mill-ġdid li ser twassal għal aktar burokrazija, minħabba li tinvolvi l-istess rekwiżiti bħat-tħejjija ta’ ftehim ta’ sħubija (l-indikaturi tal-prestazzjoni, il-kundizzjonijiet, eċċ.), li jfisser li jiġu involuti aktar esperti u tiġi maqbula nefqa addizzjonali. L-impożizzjoni ta’ wisq obbligi addizzjonali fuq l-impjegati attwali tista’ twassal biex dawn ikunu inqas effettivi f’ħidmiethom – l-oppost tal-effett mixtieq. |
6.3 |
L-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra rrappreżentati fuq il-kumitati tal-monitoraġġ tal-PO ta’ spiss jilmentaw dwar is-setgħa tal-amministrazzjoni nazzjonali meta jittieħdu d-deċiżjonijiet, u dwar il-pressjoni sabiex jiġu ppreżentati l-figuri finanzjarji minflok l-iffokar fuq titjib reali. Huma jilmentaw ukoll dwar in-nuqqas ta’ analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. |
Brussell, il-25 ta’ Mejju 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2015, C(2015) 4806 final.
(3) ĠU L 270, 15.10.2015, p. 1; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259; ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(4) COM(2012) 727 final; COM(2013) 144 final; ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1; ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1.
(6) ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1; ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11; ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9;
(7) https://ec.europa.eu/priorities/publications/president-junckers-political-guidelines_mt.
(8) Ara n-nota nru 1 f'qiegħ il-paġna.
(9) Il-grupp huwa inkarigat sabiex jidentifika prattiki kemm tajbin kif ukoll ħżiena u jgħin sabiex jinxterdu l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-ħidma tiegħu ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-inizjattiva “baġit iffokat fuq ir-riżultati”, COM(2015) 639, p. 6.
(10) Ara nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.
(11) Ara nota nru 3 f’qiegħ il-paġna.
(12) Ara nota nru 4 f’qiegħ il-paġna.
(13) Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, COM (2014) 903 final.
(14) Green Paper dwar il-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali; L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; In-Negozji tal-Familja fl-Ewropa bħala sors ta’ tkabbir imġedded u impjiegi aħjar.
(15) L-Artikolu 14(1) tar-Regolament 1304/2013 jgħid: “Minbarra l-għażliet msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tista' tħallas lura n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni”.
(16) L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD)
(17) ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.
(18) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, COM(2015) 639 final, p. 14.