Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(27)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 ta' Franza

ĠU C 299, 18.8.2016, p. 114–118 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/114


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 ta' Franza u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 ta' Franza

(2016/C 299/27)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lil Franza bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, Franza għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għal Franza ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamlet Franza fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress li għamlet Franza lejn il-miri nazzjonali tagħha ta' Europa 2020. Dan inkluda wkoll l-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li Franza qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, bit-tkabbir moderat u inflazzjoni baxxa, Franza għandha dejn pubbliku għoli u li qed jiżdied flimkien ma' sistema ta' kompetittività ddeterjorata. Il-bżonn ta' azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti avversi fuq l-ekonomija Franċiża u, meta wieħed iqis id-daqs tagħha, ta' effetti negattivi konsegwenzjali għall-unjoni ekonomika u monetarja, huwa partikolarment importanti.

(3)

Fid-29 ta' April 2016, Franza ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tagħha u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Bħalissa Franza qiegħda fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2016, il-Gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2017, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2015. Id-defiċit nominali huwa ppjanat li jonqos iktar għal 1,2 % tal-PDG fl-2019. L-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 0,4 % tal-PDG — huwa ppjanat li jinkiseb sal-2018. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jilħaq il-quċċata bi 96,5 % tal-PDG fl-2017 qabel ma jonqos għal 93,3 % tal-PDG fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa ġeneralment plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ppjanati mill-2017 'l quddiem għadhom ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, id-defiċit nominali huwa pproġettat li jilħaq 3,4 % tal-PDG fl-2016, f'konformità mal-defiċit irrakkomandat mill-Kunsill fl-2015. Għall-2017, mingħajr tibdil fil-politika, id-defiċit nominali huwa pproġettat li jilħaq 3,2 % tal-PDG, li għalhekk jipperikola l-konformità mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. L-isforz fiskali rakkomandat mhuwiex ipproġettat li ser jintlaħaq fl-2016 u l-2017 minħabba li l-istrateġija ta' konsolidament segwita minn Franza tiddependi primarjament fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet ċikliċi u l-kontinwazzjoni tal-ambjent b'rati tal-imgħax baxxi, li huma barra mill-kontroll tal-awtoritajiet, u b'hekk dan jinvolvi r-riskji ta' konformità. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà, u meta titqies il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2016, il-Kunsill huwa tal-fehma li, minkejja li huwa proġettat li ser tilħaq il-mira nominali fl-2016, jeżisti r-riskju li Franza ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għalhekk, jinħtieġu iktar miżuri biex jiżguraw korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv sal-2017.

(6)

Il-proporzjon tan-nefqa pubblika mal-PDG fi Franza huwa wieħed mill-ogħla fl-Unjoni u, minkejja tnaqqis żgħir fl-2015, hija tibqa' b'mod sinifikanti 'l fuq mill-medja taż-żona tal-euro. Franza qed timplimenta pjan biex titnaqqas in-nefqa pubblika b'EUR 50 biljun meta mqabbel mat-tendenza tat-tkabbir bejn l-2015 u l-2017 fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika, iżda dan jista' jkun insuffiċjenti biex jintlaħaq tnaqqis sinifikanti fin-nefqa pubblika. Dettaljar tal-miżuri li jirfdu t-tnaqqis fin-nefqa, filwaqt li jiġi żgurat li l-miżuri ta' tfaddil iqisu l-inflazzjoni viċin iż-żero, għandu jgħin biex tiżdied l-effiċjenza ta' dan il-pjan.

(7)

Jibqgħu l-isfidi biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tal-infiq kif kien ippjanat, peress li l-proċess tal-identifikazzjoni ta' żoni kbar ta' tfaddil potenzjali ma tax biżżejjed riżultati u r-rieżami tal-infiq kellhom riżultati modesti s'issa. Fis-settur tad-djar, Franza tonfoq kważi d-doppju mill-pari Ewropej tagħha mingħajr riżultati aktar evidenti fis-suq tal-abitazzjoni. L-effett kumplessiv tal-implimentazzjoni ta' dan it-tnaqqis ippjanat f'għotjiet lill-awtoritajiet lokali mill-gvern ċentrali u l-kontroll iktar sod tan-nefqa tal-gvern lokali, b'mod partikolari bil-konteniment taż-żieda fil-kostijiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali, jista' jippreserva l-kapaċità tagħhom għall-investiment. L-analiżi tan-nefqa tista' sservi ta' għodda xierqa biex jiġu identifikati tfaddil ta' dan it-tip. Barra minn hekk, ir-riforma reċenti tal-amministrazzjoni lokali għandha l-potenzjal li żżid l-effiċjenza tas-sistema fuq tul ta' żmien medju u twil.

(8)

Tfaddil imdaqqas fuq terminu qasir ma jistax jintlaħaq mingħajr trażżin b'mod sinifikanti taż-żieda fin-nefqa tas-sigurtà soċjali, li tirrappreżenta aktar minn nofs in-nefqa tal-amministrazzjoni pubblika. Is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tjiebet permezz tal-ftehim dwar skemi ta' pensjonijiet komplementari fl-2015 iżda tista' tkompli tiffaċċa defiċits fuq terminu ta' żmien qasir sa medju, speċjalment taħt kundizzjonijiet makroekonomiċi negattivi. Barra minn hekk, l-aħħar riformi tal-pensjonijiet huma mistennija li jnaqqsu l-livell għoli attwali tal-proporzjon tan-nefqa pubblika għall-pensjonijiet wara l-2025. Franza għandha tistabbilixxi miri ambizzjużi għall-2016 u l-2017 biex jiġi limitat it-tkabbir fin-nefqa tas-saħħa. Dawn il-miri jistgħu jiġu kkomplementati b'aktar sforzi sabiex jiġu identifikati kisbiet fl-effiċjenza fuq terminu medju sa twil.

(9)

Ittieħdu miżuri ta' politika biex jitnaqqsu l-kostijiet lavorattivi u jitjieb il-marġni ta' profitt tal-kumpaniji permezz tal-kreditu tat-taxxa ta' EUR 20 biljun għall-kompetittività u l-impjiegi u tnaqqis addizzjonali ta' EUR 10 biljun f'kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegaturi skont il-patt ta' responsabbiltà u solidarjetà. It-tfassil ta' dawn il-miżuri, li jammontaw għal 1,5 % tal-PDG u jikkontribwixxu biex inaqqsu d-distakk bejn Franza u l-medja taż-żona tal-euro f'termini tal-kost lavorattiv, jista' jfixkel l-effettività tagħhom. Ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet ippjanati ta' dawn il-miżuri ta' tnaqqis tal-kostijiet ser jikkontribwixxu għal kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tfassil futur ta' dawn l-iskemi, biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri jissodisfaw l-objettivi tagħhom f'termini ta' effiċjenza. L-effett fuq il-formazzjoni tal-pagi u tal-impjiegi huwa ta' interess partikolari għal dawn l-evalwazzjonijiet.

(10)

Fil-kuntest attwali ta' qgħad għoli, hemm riskji li l-kost lavorattiv fuq il-paga minima jfixkel l-impjieg ta' persuni bi kwalifiki baxxi. Filwaqt li l-paga minima hija għolja meta mqabbla mal-paga medja, il-kost lavorattiv fuq il-paga minima tnaqqas bl-eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali. Żidiet fil-paga minima jikkawżaw żidiet fil-pagi għall-ħafna mill-kategoriji tal-ħaddiema u għandhom ir-riskju li joħolqu l-kompressjoni tal-pagi 'l fuq. Minħabba li l-mekkaniżmu tal-indiċjar tal-pagi minimi, jeżistu ċ-ċirki vizzjużi bejn iż-żidiet fil-pagi medji u bidla fil-paga minima, li jdewmu l-aġġustament tal-paga meħtieġa b'rispons għal sitwazzjoni ekonomika dgħajfa.

(11)

Riformi reċenti ħolqu flessibbiltà limitata biss għall-impjegaturi biex imorru lil hinn minn ftehimiet mifruxa fuq il-fergħat. Dan jikkonċerna l-aspetti kollha tal-impjieg, inklużi l-kundizzjonijiet ta' pagi, il-ħin tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg u jillimita l-possibilitajiet għall-kumpaniji li l-forza tax-xogħol tiġi adattata skont il-bżonnijiet tagħhom. Fil-preżent, fergħat jistgħu jipprevjenu kumpanniji milli jiddeterminaw, abbażi ta' każ b'każ, u wara negozjati mas-sħab soċjali, il-kundizzjonijiet li taħthom il-ħin tax-xogħol jista' jitbiegħed minn ftehimiet tal-fergħat. L-adozzjoni ta' derogi minn ftehimiet ta' fergħa u dispożizzjonijiet ġenerali legali dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, permezz ta' ftehimiet fil-livell tal-kumpaniji, jista' jiġi faċilitat, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali.

(12)

Fl-2015, ir-rata tal-qgħad żdiedet għal 10,4 %. Il-qgħad huwa ogħla fost iż-żgħażagħ, il-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, u l-ħaddiema inqas kwalifikati. L-istruttura tas-suq tax-xogħol qed tippreżenta livell dejjem ogħla ta' polarizzazzjoni, b'ħaddiema b'edukazzjoni għolja impjegati fuq kuntratti għal żmien indeterminat u proporzjon kostanti ta' impjiegi bi ftit kompetenzi professjonali li qed issir dejjem aktar prekarja. Il-proporzjon ta' kuntratti għal terminu fiss ta' inqas minn xahar b'impjiegi totali tela' għal kważi 70 % fl-2015. Il-qafas legali li jirregola l-kuntratti tax-xogħol, b'mod partikolari fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar is-sensja għal kuntratti għal żmien indeterminat, jista' jikkontribwixxi għal segmentazzjoni għolja tas-suq tax-xogħol. Il-perjodu twil ta' deterjorament fis-suq tax-xogħol tefa' pressjoni fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad. Fi Frar 2016, id-defiċit kien proġettat li jkun ta' EUR 4,5 biljun fl-2015, EUR 4,2 biljun fl-2016 u EUR 3,6 biljun fl-2017. Dan ikompli jżid fis-sistema tad-dejn minn EUR 25,8 biljun fl-2015 għal EUR 30,0 biljun fl-2016 u EUR 33,6 biljun fl-2017. Il-kalkolu tal-benefiċċju jiffavorixxi suċċessjoni ta' impjiegi full-time għal perjodu qasir fuq l-impjiegi part-time fit-tul u joħloq inċentivi għal min iħaddem biex joffri xogħol għal perjodu qasir biex jiġu kkumplementati minn benefiċċji fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, it-tfassil tas-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u d-digressività tal-benefiċċji, tista' ddgħajjef l-inċentivi biex wieħed jerġa' lura għax-xogħol.

(13)

It-transizzjoni mill-iskola għax-xogħol tibqa' diffiċli u ż-żgħażagħ l-inqas kwalifikati huma dawk l-aktar milquta. Ir-rikors għal apprendistat qed jonqos fost il-kategoriji bi kwalifiki baxxi f'kuntest ta' strateġiji reġjonali differenzjati u kapaċità limitata tas-sistema biex tadatta għal ħtiġijiet ekonomiċi ġodda. L-offerta ta' taħriġ għall-persuni qiegħda, il-ħaddiema anqas kwalifikati u impjegati tal-SMEs għadha mhijiex biżżejjed. Ir-r-riformi ta' taħriġ vokazzjonali, inkluż dawk dwar il-governanza, l-inċentivi, il-pariri u l-pjan il-ġdid immirat ta' taħriġ ta' persuni għadhom iridu jiġu implimentati b'mod sħiħ u għandhom jissaħħu. Il-kooperazzjoni insodisfaċenti bejn id-diversi atturi involuti f'taħriġ vokazzjonali kontinwu tostakola l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Il-kont ta' attività personali futur jista' jgħin biex jibbilanċja mill-ġdid l-aċċess.

(14)

L-ambjent kummerċjali Franċiż għadu ta' livell medju, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-oneru ta' regolazzjoni mill-gvern, fejn Franza tikklassifika ħażin fil-paraguni internazzjonali. Il-programm ta' simplifikazzjoni qed isir kif ippjanat iżda l-progress fl-implimentazzjoni huwa irregolari, speċjalment fir-rigward ta' miżuri mmirati lejn kumpaniji, u għad hemm sfidi f'għadd ta' oqsma.

(15)

L-ekonomija Franċiża għandha sehem sproporzjonatament għoli ta' negozji iżgħar meta mqabbel ma' Stati Membri oħra u dan jillimita l-livell ta' produttività tagħhom. Inizjattivi reċenti biex jittaffa' l-impatt ta' rekwiżiti marbuta mad-daqs mhumiex mistennija li jaffettwaw b'mod sinifikanti t-tkabbir tal-kumpaniji, b'mod partikolari minħabba l-kamp ta' applikazzjoni limitat tagħhom u n-natura temporanja ta' xi miżuri. Bħala konsegwenza, l-effetti ta' limitu ser ikomplu jillimitaw it-tkabbir tal-kumpaniji Franċiżi.

(16)

Il-kompetizzjoni fis-servizzi tjieb f'xi setturi, iżda għad hemm ostakli oħrajn, b'mod partikolari fis-servizzi tan-negozju, minħabba li proporzjon sinifikanti ta' dawn is-servizzi ma ġiex affettwat minn riformi reċenti, u l-industriji tan-netwerk. Għadd ta' ostakli għad-dħul u regolamenti, kif ukoll tariffi, jillimitaw l-attività ekonomika fil-professjonijiet regolati u jxekklu l-produttività tas-setturi l-oħra li jużaw dawn is-servizzi. L-adozzjoni tal-Liġi Macron fl-2015 naqqset xi restrizzjonijiet iżda għadhom meħtieġa xi sforzi oħra. Problemi oħra jirriżultaw mill-applikazzjoni restrittiva tar-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni.

(17)

Franza għadha lura meta mqabbla mal-mexxejja tal-innovazzjoni tal-UE, minkejja l-ġenerożità tal-appoġġ pubbliku f'dan il-qasam. Kien hemm inflazzjoni u instabbiltà tal-iskemi pubbliċi biex jappoġġjaw l-innovazzjoni tul dawn l-aħħar 15-il sena, u dan iqajjem tħassib fir-rigward tal-koordinazzjoni, il-konsistenza u l-effiċjenza ta' dawn l-iskemi. Dan jaffettwa lill-SMEs b'mod partikolari.

(18)

Il-proporzjon tat-taxxa mal-PDG huwa wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu ma twassalx għat-tkabbir ekonomiku peress li dan jitfa' piż sinifikanti fuq il-fatturi tal-produzzjoni iżda relattivament ftit fuq il-konsum. It-taxxi fuq korporazzjonijiet bdew jonqsu gradwalment fl-2014 u Franza bdiet tnaqqas id-diskrepanza mal-medja tal-UE f'termini ta' tassazzjoni ambjentali, iżda d-dħul mill-VAT għadu baxx kemm bħala sehem tal-PDG kif ukoll bħala perċentwal tat-total ta' tassazzjoni minħabba rati baxxi, l-applikazzjoni mifruxa ta' rati mnaqqsa u l-okkorrenza għolja ta' eżenzjonijiet meta mqabbla mal-medja tal-UE. Lil hinn mill-eliminazzjoni gradwali tas-soprataxxa ta' solidarjetà fuq il-kumpaniji u t-trażżin tat-taxxa eċċezzjonali fuq id-dħul tal-kumpanniji, għadhom iridu jiġu speċifikati b'mod sħiħ passi konkreti biex jintlaħaq l-objettiv imħabbar li titnaqqas ir-rata statutorja tal-introjtu korporattiv għal 28 % fl-2020.

(19)

Is-sistema tat-taxxa hija kumplessa ħafna. Għad fadal numru kbir ta' taxxi ineffiċjenti li jipproduċu ftit li xejn jew l-ebda dħul u t-tassazzjoni fuq id-dħul personali hija partikolarment kumplessa, li tfisser kost amministrattiv sinifikanti. Minkejja l-introduzzjoni fil-liġi ta' programmazzjoni tal-finanzi pubbliċi 2014-2019 tar-rekwiżit ta' valutazzjoni u monitoraġġ regolari tan-nefqa tat-taxxa, it-tnaqqis proġettat fin-nefqa fiskali għall-2016 huwa modest wara bosta snin ta' żieda.

(20)

B'mod ġenerali, l-ostakli għall-investiment privat huma moderati, u l-ostakli ewlenin huma l-piż regolatorju kbir u l-livell għoli tar-rati tat-taxxa korporattiva. L-ambjent tal-investiment jista' jitjieb bit-tisħiħ tal-ambjent tan-negozju, it-tnaqqis ta' taxxi fuq il-produzzjoni u d-dħul korporattiv billi tiġi ssimplifikata s-sistema tat-taxxa. Il-miżuri kollha li jittieħdu għat-titjib tal-kompetittività tal-kostijiet u mhux tal-kostijiet tal-kumpaniji Franċiżi għandhom il-potenzjal li jżidu l-livelli ta' investiment u biex jingħata inċentiv lill-impriżi biex jinvestu fil-kapital fiżiku u uman, bl-għan li titjieb il-produttività. Il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul huwa limitat ukoll minn investiment imrażżan f'attivitajiet ta' innovazzjoni.

(21)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Franza u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Franza fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għas-sostenibbiltà tal-politika fiskali u soċjoekonomika fi Franza imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt.

(22)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(23)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Franza tieħu azzjoni fil-perjodu 2016–2017 sabiex:

1.

Tiżgura korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv sal-2017 billi tieħu l-miżuri strutturali meħtieġa u billi tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn. Tispeċifika t-tnaqqis fin-nefqa ippjanat għal dawn is-snin li ġejjin u żżid l-isforzi biex jiżdied l-ammont ta' tfaddil iġġenerat mil-analiżi tal-infiq, inkluż l-infiq tal-gvern lokali, sa tmiem l-2016. Issaħħaħ l-evalwazzjonijiet indipendenti tal-politika pubblika sabiex jiġu identifikati żidiet fl-effiċjenza fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.

2.

Tiżgura li t-tnaqqis tal-kost lavorattiv ikun sostnut u li l-iżviluppi tal-paga minima jkunu konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Tirriforma l-liġi tax-xogħol biex tipprovdi aktar inċentivi għall-impjegaturi biex jimpjegaw b'kuntratti indefiniti.

3.

Ittejjeb ir-rabtiet bejn is-settur tal-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi tirriforma l-apprendistati u t-taħriġ vokazzjonali, b'enfasi fuq persuni b'livell baxx ta' ħiliet. Sa tmiem l-2016, tieħu azzjoni biex tirriforma s-sistema tal-benfiċċju tal-qgħad biex treġġa' s-sistema lura għas-sostenibbiltà baġitarja u tipprovdi aktar inċentivi għar-ritorn lura lejn ix-xogħol.

4.

Tneħħi l-ostakli għal attività fis-settur tas-servizzi, b'mod partikolari fis-servizzi tan-negozji u l-professjonijiet regolati. Tieħu passi biex tissimplifika u ttejjeb l-effiċjenza tal-iskemi tal-politika tal-innovazzjoni. Sa tmiem l-2016, tirriforma aktar il-kriterji marbuta mad-daqs fir-regolamenti li jxekklu t-tkabbir tal-kumpaniji u tkompli tissimplifika r-regoli amministrattivi, fiskali u tal-kontabbiltà billi tkompli l-programm ta' simplifikazzjoni.

5.

Tieħu azzjoni biex tnaqqas it-taxxi fuq il-produzzjoni u r-rata statutorja tal-introjtu korporattiv, filwaqt li twessa' l-bażi tat-taxxa fuq il-konsum, b'mod partikolari fir-rigward tal-VAT. Tneħħi nefqiet tat-taxxa ineffiċjenti, tneħħi t-taxxi li qed jipproduċu ftit li xejn jew l-ebda dħul u tadotta riforma tat-taxxa fuq l-introjtu personali sa tmiem l-2016.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top