Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(26)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Portugall u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Portugall

    ĠU C 299, 18.8.2016, p. 109–113 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/109


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Lulju 2016

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Portugall u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Portugall

    (2016/C 299/26)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lill-Portugall bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, il-Portugall għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

    (2)

    Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għall-Portugall ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Portugall biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tal-Portugall lejn il-miri Europa 2020 nazzjonali tiegħu. Dan kien fih ukoll l-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassal biex wieħed jikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, stokkijiet kbar ta' obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku u proporzjon għoli ta' self improduttiv huma vulnerabbiltajiet f'kuntest ta' qgħad għoli. Għad hemm lakuni ta' politika dwar is-swieq tal-prodotti u s-servizzi, ir-ristrutturar tad-dejn korporattiv, kwistjonijiet fiskali u oqsma partikolari tas-suq tax-xogħol.

    (3)

    Fid-29 ta' April 2016, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tiegħu u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tiegħu. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. Il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-Portugall juri biżżejjed ambizzjoni biex jindirizza l-iżbilanċi eċċessivi, jiddeskrivi miżuri rilevanti biex titrawwem il-kompetittività u jnaqqas id-dejn privat u jsemmi l-isfidi fir-rapport tal-pajjiż tal-2016 u r-rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro li jiffukaw fuq il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-investimenti u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Jekk jiġu implimentati bis-sħiħ u bil-ħeffa, dawn il-miżuri jgħinu lill-Portugall biex jirranġa l-iżbilanċi makroekonomiċi. Abbażi tal-valutazzjoni tal-impenji ta' politika tal-Portugall, f'dan l-istadju m'hemmx bżonn li tiġi intensifikata l-proċedura tal-iżbilanċi makroekonomiċi.

    (4)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perijodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jekk ikun meħtieġ biex isostni l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex janalizza u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif ser tuża din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda.

    (5)

    Bħalissal-Portugall qiegħed fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Portugall ma kkoreġiex id-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2015 u ma għamilx l-isforz fiskali rakkomandat mill-Kunsill. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2016, il-Gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv u li jilħaq defiċit nominali ta' 2,2 % tal-PDG fl-2016. Ladarba tinkiseb korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv, il-Portugall isir soġġett għall-parti preventiva u għar-regola tranżitorja tad-dejn. Il-bilanċ strutturali (rikalkulat (5)) huwa mistenni li jitjieb biss b'madwar 0,35 % tal-PDG kull sena, li huwa taħt il-livell meħtieġ ta' 0,6 % tal-PDG, bejn l-2016 u l-2020, u l-objettiv baġitarju fit-terminu medju — surplus strutturali ta' 0,25 % tal-PDG — mhuwiex mistenni li jintlaħaq matul iż-żmien tal-Programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG hu mistenni li jinżel għal 124,8 % fl-2016 u li jkompli jonqos għal 110,3 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li huwa l-bażi ta' dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa pjuttost ottimist. Barra minn hekk, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2017 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li jilħaq 2,7 % tal-PDG fl-2016, inqas mill-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG tat-Trattat, u 2,3 % tal-PDG fl-2017. Billi d-defiċit strutturali huwa projettat li jiżdied bi ftit fl-2016 u l-2017, l-isforz fiskali mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, il-Portugall mhux imbassar li jkun konformi mar-regola tranżizzjonali fl-2017. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2016, il-Kunsill hu tal-opinjoni li hemm riskju li l-Portugall ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant ser ikunu meħtieġa aktar miżuri biex jiżguraw il-konformità fl-2016 u fl-2017.

    (6)

    Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kummissjoni ser timmonitorja b'mod regolari l-implimentazzjoni tal-azzjoni meħuda mill-Portugall b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2013 skont l-Artikolu 126(7) TFUE, għalhekk il-Kummissjoni ser tirrakkomanda lill-Kunsill il-passi xierqa li għandhom jittieħdu fil-qafas tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

    (7)

    Implimentazzjoni f'waqtha u b'mod strett tal-liġi qafas tal-baġit, tal-liġi dwar il-kontroll tal-impenji u aktar titjib fil-ġbir tad-dħul u l-kontroll tan-nefqa tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jinkiseb l-aġġustament fiskali meħtieġ. Il-Portugall qed jiffaċċa l-isfida doppja li jikseb sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistema tal-kura tas-saħħa filwaqt li fl-istess ħin iżomm il-livell ta' aċċess għall-kura tas-saħħa billi jtejjeb l-effiċjenza tas-sistema. Għalkemm il-Portugall bħalissa għandu waħda mill-iżgħar proporzjonijiet tan-nefqa pubblika fin-nefqa totali għas-saħħa fl-Unjoni, iż-żieda projettata ta' 2,5 % tal-PDG fin-nefqa pubblika għall-kura tas-saħħa sal-2060 hija l-ogħla waħda. Għadhom ma ttieħdux miżuri komprensivi maħsuba biex jippromwovu kemm il-prevenzjoni tal-mard kif ukoll il-politiki tas-saħħa pubblika, kif ukoll biex jiżguraw li tingħata kura tas-saħħa primarja fi stadju bikri u irħas sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sostenibbiltà fit-tul fis-settur tas-saħħa. Fuq terminu qasir, l-ippjanar u l-implimentazzjoni baġitarji bir-reqqa fl-isptarijiet biex jiġu kklerjarti l-arretrati għadhom sfida importanti. Filwaqt li s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet ġiet indirizzata fir-riformi reċenti, l-isfidi tas-sostenibbiltà tagħha fuq terminu qasir sa medju għadhom ma ġewx indirizzati. Is-sistema pubblika tal-pensjonijiet hija kkaratterizzata minn dipendenza kbira fuq trasferimenti tal-baġit u inugwaljanzi bejn il-ġenerazzjonijiet. Id-dewmien fl-eżekuzzjoni u l-lakuni ta' politika għadhom qed ixekklu s-sostenibbiltà fiskali tal-intrapriżi tal-Istat b'mod partikolari fis-settur tat-trasport. It-tisħiħ tal-miżuri li jżidu l-effiċjenza fil-pjanijiet tar-ristrutturar tagħhom għadu ta' importanza kruċjali biex jinkiseb iffrankar fiskali.

    (8)

    Saru sforzi konsiderevoli biex jiġu kkontrollati l-evażjoni tat-taxxa billi kompliet titjieb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Qed jittieħdu miżuri biex tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa, biex jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji u biex jissaħħaħ il-qafas ta' kontra l-ħasil tal-flus. Minkejja l-progress li sar, għad hemm lok fejn tkompli tissaħħaħ il-konformità tat-taxxa. Riformi fl-amministrazzjoni tat-taxxa biex jagħmluha aktar effiċjenti jkunu ta' għajnuna wkoll biex jitħeġġeġ l-investiment.

    (9)

    L-iżviluppi kumplessivi fil-pagi kienu moderati, b'mod konsistenti mal-livell għoli ta' qgħad u l-bżonn li jiġi promoss r-riekwilibrar estern, u f'konformità mat-tkabbir fil-produttività fuq terminu medju. In-negozjar kollettiv fil-livell settorjali sostna din ix-xejra, għalkemm il-karatteristiċi tas-sistema ta' negozjar kollettiv għadhom jillimitaw l-iskop ta' aġġustament fil-livell ta' kumpanija. F'kuntest ta' inflazzjoni baxxa u qgħad għoli, f'Jannar 2016 il-paga minima żdiedet minn EUR 505 għal EUR 530 kull xahar u huwa ppjanat li jkompli tiżdied b'mod gradwali sa EUR 600 fix-xahar fl-2019 (imħallsa 14-il darba fis-sena). Il-Portugall jinsab fin-nofs tal-klassifika tal-UE għall-pagi minimi bħala perrċentwal tal-pagi medji, iżda fost il-pajjiżi bl-ogħla paga minima bħala perċentwal tal-paga medjana. Dan jindika li d-distribuzzjoni tal-pagi fil-Portugall hija inklinata ħafna lejn pagi aktar baxxi, u li aktar żidiet fil-paga minima jistgħu jespandu rapidament il-proporzjon ta' ħaddiema li jintlaqtu minn dawn iż-żidiet, li fl-2016 laħaq kważi kwart tal-impjegati kollha. Filwaqt li dan jista' jgħin biex titnaqqas l-intensità tal-faqar fost dawk li jaħdmu, dan jirriżulta wkoll biex l-istruttura tal-pagi tiġi kompressa aktar u titpoġġa pressjoni 'l fuq fuq il-pagi b'mod ġenerali. Jekk dan ma jkunux ikkumpensat minn żieda fil-produttività, dan jirriskja li jkun ta' ħsara għall-impjiegi u l-kompetittività, speċjalment għall-industriji li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Dan jirriskja wkoll li jnaqqas l-inċentiv li wieħed jinvesti fil-ħiliet.

    (10)

    Is-suq tax-xogħol Portugiż kompla jirkupra fl-2014 u l-2015 u saru sforzi sostanzjali biex jiġu rriformati l-politiki ta' attivazzjoni, jiġi mmodernizzat is-servizz pubbliku tal-impjiegi u jiżdied l-ilħiq lejn żgħażagħ mhux irreġistrati, għalkemm għad fadal xi sfidi ta' implimentazzjoni. Minħabba d-deterjorament reċenti tas-sitwazzjoni soċjali, speċjalment fir-rigward tal-livell li qed jiżdied tal-faqar fost it-tfal, ittieħdu miżuri importanti biex tissaħħaħ l-għajnuna soċjali, notevolment fl-oqsma tal-iskema ta' introjtu minimu, il-benefiċċji tat-tfal u pensjonijiet baxxi. L-impatt ta' dawn il-miżuri biex tonqos l-intensità tal-faqar għandu bżonn jiġi vvalutat. Madankollu, l-assorbiment tal-grupp kbir ta' persuni qiegħda fit-tul għadu diffiċli u qed jaffettwa b'mod negattiv it-tkabbir ekonomiku u s-sitwazzjoni soċjali. Hemm lok għal aktar attivazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul, permezz ta' politiki tas-suq tax-xogħol immirati u aktar koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-impjieg u dawk soċjali. Għalkemm l-irkupru ġab miegħu ħafna impjiegi ġodda b'kuntratti permanenti, is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha sinifikanti. Il-proporzjon ta' impjegati b'kuntratt definit għadu fost l-ogħla fl-Ewropa, u r-rata ta' transizzjoni minn kuntratti temporanji għal permanenti hija baxxa.

    (11)

    Id-dejn għoli tas-settur privat għadu qasam ewlieni ta' dgħufija għall-ekonomija Portugiża u l-kondizzjonijiet ta' finanzjament għan-negozji żgħar u medji għadhom diffiċli. Sar xi progress biex jitnaqqas id-dejn korporattiv eċċessiv u sabiex is-settur privat ikun jista' jnaqqas l-ingranaġġ, iżda s-settur privat tal-Portugall għadu fost l-aktar midjuna fl-Unjoni. Dan huwa ostaklu ewlieni għall-investiment u għat-tkabbir potenzjali fil-produzzjoni. Il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji qed jaġġustaw il-karti tal-bilanċ tagħhom, iżda mhux daqs kemm qed jagħmlu l-unitajiet domestiċi. Livelli għoljin u dejjem jiżdiedu ta' self improduttiv fis-settur tan-negozju qed ikun ta' piż fuq il-karti tal-bilanċ kemm tas-settur mhux finanzjarju kif ukoll tas-settur finanzjarju u huwa ostaklu ewlieni għall-investiment. Ittieħdet azzjoni f'livelli differenti biex tindirizza d-dejn korporattiv, iżda r-riżultati qed jieħdu ż-żmien biex jaslu. L-inklinazzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni korporattiva għadha għolja. F'dawn l-aħħar snin, il-Gvern ipprova jindirizza din il-problema billi introduċa regoli għas-sottokapitalizzazzjoni u benefiċċju għall-ekwità korporattiva. Madankollu, fl-2015, id-differenza fil-kost tal-kapital (qabel u wara t-tassazzjoni) bejn id-dejn u l-investimenti finanzjati bl-ekwità baqgħet waħda fost l-ogħla fl-Unjoni. L-aċċess għall-kreditu għadu għali u diffiċli għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji u dawk li għadhom jibdew. Sorsi alternattivi ta' finanzjament bħall-ekwità privata, kapital ta' riskju, finanzjament kollettiv u investituri informali għadhom marġinali u sottożviluppati sew.

    (12)

    Minkejja l-progress li sar, ostakli regolatorji u kapaċità istituzzjonali dgħajfa għadhom qed ifixklu t-tkabbir tan-negozju, il-kompetittività u l-investiment. L-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja tal-Portugall għadha batuta, partikolarment meta tittratta tilwim relatat mat-taxxa. L-akkwist pubbliku huwa fil-biċċa l-kbira trasparenti fil-Portugall. Madankollu, skont id-data tal-pjattaforma onlajn dedikata “BASE”, l-awtoritajiet kontraenti fil-Portugall ta' spiss jużaw proċedura ta' għoti dirett, li matul il-perijodu 2013-2015 kien jgħodd għal medja ta' 87,3 % tal-kuntratti pubbliċi kollha, li jirrappreżentaw 47 % tat-total tal-ammonti kuntrattati. It-trasparenza għadha sfida għall-kuntratti ta' konċessjonijiet u għal sħubiji pubbliċi privati, partikolarment fil-livelli lokali u reġjonali. Filwaqt li t-taskforce tal-Ministeru tal-Finanzi għas-sħubijiet pubbliċi privati (UTAP) tissorvelja xi sħubijiet pubbliċi privati mmaniġġjati mill-amministrazzjoni ċentrali ħlief il-konċessjonijiet, is-sħubiji pubbliċi privati reġjonali u lokali mhumiex soġġetti għall-monitoraġġ tagħha. Ir-riformi fis-settur tal-portijiet għadhom isofru minn dewmien fl-implimentazzjoni u ostakli għad-dħul ta' atturi ġodda. Sar aktar faċli li tirreġistra negozju, iżda l-liċenzjar għadu kkumplikat, u proċeduri amministrattivi kumplessi huma ta' detriment għall-fiduċja tal-investituri. Għadhom jeżistu diffikultajiet fir-rigward tal-proċeduri għall-aċċess tas-suq tal-bini, il-kisba ta' permess tal-bini u fejn tidħol l-implimentazzjoni effettiva ta' regoli simplifikati tal-liċenzji ambjentali. L-ostakli regolatorji f'xi setturi tas-servizzi tan-negozju jipprevjenu milli jiġu allokati riżorsi b'mod effiċjenti, b'mod speċjali fir-rigward tas-servizzi legali. Id-digrieti li jirregolaw il-korpi professjonali, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-istatuti u r-regoli interni tagħhom, huma restrittivi u jistgħu jxekklu kemm lill-persuni fiżiċi kif ukoll lill-persuni ġuridiċi milli jaċċedu għal professjonijiet rilevanti. Dan jaffettwa b'mod partikolari l-professjonijiet legali, fejn fost l-oħrajn huma prevalenti restrizzjonijiet fuq ir-reklamar u fuq l-attivitajiet multidixxiplinarji.

    (13)

    Il-Portugall ma għandux livell tajjeb biżżejjed ta' kooperazzjoni bejn ix-xjenza u d-dinja tan-negozju u lanqas fil-kummerċjalizzazzjoni tal-għarfien. Hemm ħafna diffikultajiet għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u s-settur tan-negozju, kemm minħabba ostakli regolatorji u burokratiċi kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' inċentivi għall-kooperazzjoni fis-sistema akkademika. Dan huwa ta' detriment għall-impjegabbiltà tal-gradwati u għall-innovazzjoni. It-tnedija ta' korsijiet tekniċi ġodda ta' livell għoli b'ċiklu qasir ipprovdiet opportunitajiet ġodda għal kooperazzjoni bejn l-istituti politekniċi u l-atturi ekonomiċi reġjonali, iżda l-programmi universitarji għadhom mhumiex fil-proċess ta' modernizzazzjoni.

    (14)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Portugall iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) ta' hawn taħt.

    (15)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    (16)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) ta' hawn taħt,

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2016 u fl-2017 biex:

    1.

    Jiżgura korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv, f'konformità mad-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, billi jieħu l-miżuri strutturali meħtieġa u billi juża l-qligħ mhux mistenni kollu biex inaqqas id-defiċit u d-dejn. Wara li jagħmel hekk, jilħaq aġġustament fiskali annwali ta' mill-inqas 0,6 % tal-PDG. Sa Frar 2017, iwettaq analiżi komprensiva tan-nefqa u jsaħħaħ il-kontroll tan-nefqa, il-kosteffettività u bbaġitjar adegwat fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Jiżgura sostenibbiltà fit-tul tas-settur tas-saħħa, mingħajr ma jikkomprometti l-aċċess għall-kura tas-saħħa primarja. Inaqqas id-dipendenza tas-sistema tal-pensjoni fuq it-trasferimenti baġitarji. Sa tmiem l-2016, terġa' tingħata attenzjoni lill-pjanijiet ta' ristrutturar fis-seħħ tal-intrapriżi tal-Istat.

    2.

    B'konsultazzjoni mas-sħab soċjali jiżgura li l-pagi minimi jkunu konsistenti mal-objettivi ta' promozzjoni tal-impjiegi u l-kompetittività fis-setturi kollha.

    3.

    Jiżgura attivazzjoni effettiva ta' dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil u jtejjeb il-koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-impjieg u dawk soċjali. Isaħħaħ inċentivi biex il-kumpaniji jħaddmu b'kuntratti permanenti.

    4.

    Jieħu miżuri, sa Ottubru 2016, biex jiffaċilita t-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u jiġi indirizzat il-livell għoli ta' self improduttiv. Inaqqas l-inklinazzjoni lejn id-dejn fit-tassazzjoni tal-kumpaniji u jtejjeb l-aċċess għall-finanzi għal negozji li jkunu għadhom qed jibdew u għall-intrapriżi żgħar u medji permezz tas-suq kapitali.

    5.

    Iżid it-trasparenza u l-effiċjenza fl-akkwist pubbliku fir-rigward tas-sħubijiet pubbliċi privati u tal-konċessjonijiet. Sa tmiem 2016 itejjeb u jaċċellera l-proċeduri amministrattivi u tal-liċenzjar, jgħaġġel il-litigazzjonijiet dwar it-taxxa u jnaqqas l-ostakli regolatorji, speċjalment fis-servizzi tan-negozju. Jinċentiva l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u s-settur tan-negozju.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (5)  Il-bilanċ strutturali kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta' Stabbiltà, skont il-metodoloġija komunement miftiehma.

    (6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.


    Top