Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0053

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel (2014/2922(RSP))

ĠU C 285, 5.8.2016, p. 13–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 285/13


P8_TA(2014)0053

Is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2014 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel (2014/2922(RSP))

(2016/C 285/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan t'Isfel, b’mod partikolari dik tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-23 ta' Jannar 2014 u tal-10 ta' Mejju 2014 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-28 ta' Awwissu 2014 u tal-31 ta' Ottubru 2014 tal-kelliem tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/449/PESK tal-10 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2155 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2014),

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li tqassam sabiex jiġi diskuss mill-panel għas-27 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Lulju 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 u tas-17 ta' Marzu 2014 dwar is-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Settembru 2014 tal-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Ottubru 2014 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni maħruġa mit-28 Summit Straordinarju tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-IGAD fis-7 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat tal-24 ta' April 2012 tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan t'Isfel, li ġie ppreżentat fis-26-27 ta' Ġunju 2014 f'Malabo, il-Ginea Ekwatorjali,

wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kunflitt politiku beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jwettaq tali kolp ta' stat;

B.

billi skont stimi tan-NU, mietu aktar minn 10 000 ruħ matul xhur ta' ġlied, u billi ġew irrapportati b'mod wiesa' atti straordinarji ta' krudeltà u vjolenza etnika li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

C.

billi s-Sudan t'Isfel huwa l-istat l-aktar żagħżugħ u l-aktar fraġli tad-dinja u huwa kklassifikat it-tieni fl-Indiċi Finali tal-Kummissjoni dwar il-Vulnerabbiltà Globali u l-Valutazzjoni tal-Kriżijiet Umanitarji;

D.

billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD;

E.

billi fit-23 ta' Jannar 2014 ġie ffirmat ftehim ta' waqfien mill-ġlied li ġie kkonfermat mill-ġdid fid-9 ta' Mejju 2014, iżda dan għadu qed jinkiser mingħajr ma jittieħdu miżuri punittivi;

F.

billi t-taħdidiet ta' paċi ma tantx taw frott fir-rigward tas-sejbien ta' soluzzjoni dejjiema, u billi l-koordinatur għall-għajnuna umanitarja tan-NU indika li ma tantx jidher li hemm possibbiltajiet ta' paċi sostenibbli fil-livell politiku u fil-livell interkomunitarju;

G.

billi, madankollu, fis-7 ta' Novembru 2014 il-Gvern tas-Sudan t'Isfel u l-fazzjoni armata tal-oppożizzjoni tal-Armata/Moviment għal-Liberazzjoni tal-Poplu Sudaniż iffirmaw ftehim fejn impenjaw ruħhom mill-ġdid favur il-waqfien mill-ġlied, bir-riskju ta' sanzjonijiet mir-reġjun IGAD jekk il-ftehim ma jiġix irrispettat;

H.

billi l-ġlied bejn il-forzi tal-President Kiir u r-ribelli leali lejn Riek Machar diġà reġa' beda hekk kif intemm l-istaġun tax-xita u x'aktarx li jiżdied matul l-istaġun xott jekk ma tinstabx soluzzjoni politika;

I.

billi r-Riżoluzzjoni 2155 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2014) tesprimi tħassib kbir dwar l-ispostament fuq skala kbira ta' persuni u l-kriżi umanitarja li qed dejjem tiżdied; billi hemm riskju li din il-kriżi umanitarja taffettwa reġjun ferm usa' f'żona li diġà hija suxxettibbli għall-instabbiltà, hekk kif gruppi ribelli Sudaniżi u truppi Ugandiżi diġà ħadu sehem fil-ġlied; billi din l-instabbiltà tista' tiġi indirizzata biss jekk jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin, fosthom il-faqar estrem, it-tibdil fil-klima, l-interessi u l-interventi ġeostrateġiċi tal-UE u dawk internazzjonali, it-tqassim inġust tal-ġid u l-isfruttar tar-riżorsi;

J.

billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni tgħix fi stat ta' faqar flagranti minkejja l-fatt li l-pajjiż għandu ħafna żejt u riżorsi naturali, bl-esportazzjonijiet taż-żejt jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-PDG u madwar 90 % tad-dħul tal-gvern; billi d-dħul iġġenerat mill-industrija taż-żejt kompla qawwa l-kunflitti vjolenti;

K.

billi l-kunflitt wassal għal vjolenza sesswali orribbli fuq skala allarmanti, kif deskritt mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali fil-kunflitt, is-Sa Zainab Bangura; billi qed ikomplu jaslu rapporti mhux konfermati dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal fis-Sudan t'Isfel, u billi t-tfal jikkostitwixxu nofs il-popolazzjoni tas-Sudan t'Isfel;

L.

billi n-NU ddikjaraw livell ta' emerġenza 3 għas-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, li hu l-agħar livell ta' kriżi umanitarja;

M.

billi 3,5 miljun ruħ fis-Sudan t'Isfel ingħataw għajnuna umanitarja mill-bidu tas-sena 'l hawn; billi, bis-saħħa kemm ta' mekkaniżmi ta' adattament lokali u kemm ta' għajnuna umanitarja internazzjonali, ġiet evitata l-karestija; billi madankollu l-perspettiva tas-sigurtà tal-ikel għall-pajjiż ma tagħtix wisq x'wieħed jittama jekk ikompli l-ġlied speċjalment f'Bor u Bentiu, fejn 2,5 miljun ruħ mistennija jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' sigurtà tal-ikel f'livell ta' kriżi u ta' emerġenza; billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli għan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, hekk kif 57 % tal-unitajiet domestiċi fis-siti protetti huma mmexxija minn nisa; billi l-aġenziji tal-għajnuna ewlenin, inklużi Oxfam, CARE u Cafod, wissew li l-karestija tista' tolqot partijiet mis-Sudan t'Isfel kmieni s-sena d-dieħla jekk ikompli l-ġlied;

N.

billi madwar 3,8 miljun ruħ mis-Sudan t'Isfel jeħtieġu għajnuna umanitarja, 1,4 miljun ruħ huma spostati internament u aktar minn 470 000 ruħ qed ifittxu rifuġju f'pajjiżi ġirien;

O.

billi l-ħtiġijiet umanitarji l-aktar urġenti huma l-ikel, l-ilma nadif, il-kura tas-saħħa, il-kenn, is-sanità, l-iġjene, ir-reazzjoni għall-epidemiji (bħall-kolera, il-malarja, il-kala-azar u l-epatite), u l-protezzjoni; billi jinħtieġ appoġġ psikosoċjali akbar għal min ikun ġarrab vjolenza sesswali;

P.

billi l-aċċess għall-persuni fil-bżonn qed ikompli jixxekkel mill-ostilità u l-vjolenza, li huma diretti wkoll kontra l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u l-provvisti; billi madwar 80 % tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u dawk bażiċi kollha huma pprovduti minn organizzazzjonijiet nongovernattivi;

Q.

billi f'Settembru 2014 il-Ministru tax-Xogħol tas-Sudan t'Isfel qal li l-ħaddiema barranin kollha jkollhom jitilqu sa nofs Ottubru, dikjarazzjoni li rtiraha aktar tard;

R.

billi l-adozzjoni ta' “liġi dwar l-NGOs” bil-għan li tillimita l-ispazju li fih l-NGOs u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jaħdmu fis-Sudan t'Isfel ġiet posposta għal Diċembru 2014; billi, jekk l-abbozz ta' “liġi dwar l-NGO” jiġi implimentat, jista' jkollu konsegwenzi ewlenin fuq l-operazzjonijiet ta' għajnuna f'dan il-mument kritiku meta l-komunità internazzjonali qed tiġġieled biex tevita li tfaqqa' karestija;

S.

billi r-riżorsi umanitarji internazzjonali waslu fil-limitu tagħhom minħabba diversi kriżijiet globali u li ilhom għaddejjin; billi l-komunità internazzjonali mhijiex se tkun tista' tkompli tirreaġixxi għal kriżi fit-tul, la b'mod finanzjarju u lanqas b'mod operazzjonali;

T.

billi l-UE pprovdiet aktar minn terz (38 %) tal-kontribuzzjonijiet internazzjonali kollha b'reazzjoni għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel, u l-Kummissjoni waħedha żiedet il-baġit tagħha ta' għajnuna umanitarja għall-kriżi għal aktar minn EUR 130 miljun fl-2014;

U.

billi l-Unjoni Afikana ħatret kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-atroċitajiet tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrapportati b'mod wiesa';

V.

billi fl-10 ta' Lulju 2014 l-UE ħabbret l-ewwel sensiela ta' miżuri diretti kontra individwi responsabbli għat-tfixkil tal-proċess ta' paċi, għall-ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied u għat-twettiq ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem; billi nżamm l-embargo fuq l-armi min-naħa tal-UE kontra s-Sudan t'Isfel;

W.

billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali, li twitti t-triq għall-istituzzjonijiet miftiehma demokratikament biex jibnu l-istat il-ġdid li nħoloq wara r-referendum dwar l-indipendenza; billi l-paċi sostenibbli, il-bini tal-istat wara l-kunflitt, u l-isforzi biex tingħeleb il-fraġilità jeħtieġu perspettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;

1.

Jiddenunzja bil-qawwa d-diżastru allarmanti kkaġunat mill-bniedem fis-Sudan t'Isfel, li jikkontradixxi l-valuri u l-iskop tal-moviment ta' liberazzjoni tal-pajjiż;

2.

Jikkundanna bil-qawwa t-tkomplija tal-vjolenza u l-ksur ripetut fil-passat tal-ftehim dwar it-tmiem tal-ostilitajiet, fatti li wasslu għal imwiet, danni u feruti fost il-popolazzjoni ċivili u għal spustament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni fis-Sudan t'Isfel, pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli; jiddispjaċih bil-kbir dwar il-kmand u l-kontroll dgħajfa tal-forzi armati, billi dan iżid il-probabbiltà ta' frammentazzjoni addizzjonali tal-forzi tal-ġlied, u potenzjalment iwassal għal aktar vjolenza u nuqqas ta' konformità mal-ftehimiet ta' paċi;

3.

Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun, u timmobilizza r-riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel; jilqa' f'dan ir-rigward il-kontribut tal-UE għall-kriżi umanitarja fis-Sudan t'Isfel, u jitlob lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni biex jiffinanzjaw l-għadd dejjem jikber ta' kriżijiet, skont l-impenji internazzjonali tagħhom;

4.

Iħeġġeġ lill-UE tipprogramma mill-ġdid l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-poplu tas-Sudan t'Isfel, u tappoġġa tranżizzjoni lejn il-paċi u l-istabbiltà; jilqa' għalhekk is-sospensjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp permezz ta' appoġġ baġitarju għas-Sudan t'Isfel, bl-eċċezzjoni ta' azzjonijiet li jipprovdu appoġġ dirett lill-popolazzjoni jew appoġġ dirett għat-tranżizzjoni demokratika u għall-għajnuna umanitarja, u jitlob li l-għajnuna tingħata permezz tal-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali;

5.

Itenni li l-prospetti fit-tul għal koeżistenza paċifika u l-iżvilupp jitolbu riformi istituzzjonali komprensivi li jipprovdu lill-pajjiż bi proċess governattiv li jiggarantixxi l-istat tad-dritt; jenfasizza li t-tranżizzjoni ta' wara l-kunflitt x'aktarx tieħu s-snin u se tirrikjedi impenn sostnut u fit-tul mill-komunità internazzjonali;

6.

Jiddenunzja d-deterjorament fir-relazzjonijiet bejn il-komunità umanitarja u l-partijiet kollha fil-kunflitt, inkluża t-tassazzjoni illegali tal-għajnuna u l-fastidju u saħansitra l-qtil ta' ħaddiema umanitarji b'impunità; jinnota li għadd ta' aġenziji ta' għajnuna barranin diġà rtiraw mis-Sudan t'Isfel u li dawk li baqgħu qed jitħabtu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni ċivili spustati;

7.

Jinsisti li l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tal-ikel iridu jiġu pprovduti lil min hu l-iktar vulnerabbli purament fuq bażi tal-ħtiġijiet, u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel dwar l-obbligu tagħhom li jirrikonoxxu u jirrispettaw in-newtralità, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ħaddiema umanitarji, li jiffaċilitaw l-assistenza li ssalva l-ħajjiet għall-persuni fil-bżonn, irrispettivament mill-affiljazzjonijiet politiċi u l-etniċità tagħhom, u li jwaqqfu minnufih kull fastidju lill-ħaddiema umanitarji, ir-rekwiżizzjoni tal-beni umanitarji u d-devjazzjoni tal-għajnuna; jitlob ukoll li l-“liġi dwar l-NGOs” tiġi rtirata jew irrifjutata;

8.

Jinsisti li l-għajnuna umanitarja, speċjalment fil-forma ta' servizzi bażiċi u għajnuna tal-ikel, m'għandhiex tiġi devjata lejn il-gruppi armati;

9.

Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel fis-Sudan t'Isfel, li ġiet ikkawżata mill-kunflitt u li marret għall-agħar minħabba d-diżastri naturali rikorrenti, u li mistennija tmur lura drammatikament jekk jerġa' jibda l-ġlied;

10.

Jinsisti li ftehim ta' paċi jkun jippermetti lin-nies jerġgħu lura lejn il-farms li telqu, jerġgħu jiftħu s-swieq u jerġgħu jibnu djarhom;

11.

Jikkundanna bil-kbir il-qtil extraġudizzjarju u tal-massa, l-attakki ppjanati fuq iċ-ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem (inklużi dawk li jaffettwaw lir-rifuġjati u lill-persuni spustati, in-nisa, persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli u l-ġurnalisti), l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, l-għajbien sfurzat, it-trattament ħażin u t-tortura mwettqa mill-partijiet kollha; huwa tal-fehma li l-President Kiir u Riek Machar għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex iwaqqfu lis-suldati taħt il-kontroll tagħhom milli jwettqu tali abbużi kontra l-poplu;

12.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jaħdmu mal-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa biex jagħtu u jippromwovu l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, drittijiet sesswali u riproduttivi u servizzi tal-kura tas-saħħa għall-bniet u n-nisa, inkluż l-aċċess għall-kontraċezzjoni u għall-ittestjar u t-trattament tal-HIV/AIDS;

13.

Jiddeplora l-fatt li l-kunflitt ħarbat ħafna servizzi soċjali bażiċi, b'mijiet ta' eluf ta' tfal ma jattendux skola; jinsab allarmat dwar il-fatt li t-tfal qed ikomplu jġorru l-piż tal-vjolenza, qed ibatu minn trawma psikoloġika u minn nuqqas ta' aċċess għas-servizzi, inkluża l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet itemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-forzi armati u ksur gravi ieħor kontra t-tfal;

14.

Jinsab imħasseb ħafna dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizza li meta wieħed jippova jikseb il-poter permezz tal-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi, ikun qed imur kontra l-istat tad-dritt demokratiku;

15.

Jitlob li jsiru investigazzjonijiet kredibbli, trasparenti u komprensivi li jissodisfaw l-istandards internazzjonali, partikolarment mill-kummissjoni ta' inkjesta tal-Unjoni Afrikana, fir-rigward tal-allegazzjonijiet kollha ta' delitti serji minn kwalunkwe parti fil-kunflitt; iħeġġeġ it-twaqqif ta' mekkaniżmi tranżitorji ta' ġustizzja, bl-appoġġ internazzjonali meħtieġ kollu, biex jippromwovu kemm ir-rikonċiljazzjoni u kemm l-għoti ta' rendikont; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jaderixxi għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mill-aktar fis possibbli;

16.

Jilqa' t-tisħiħ tal-kapaċità ta' investigazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan t'Isfel (UNMISS), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.

Jappoġġa f'dan ir-rigward it-twaqqif ta' tribunal ibridu speċjali b'involviment internazzjonali sabiex il-mexxejja jinżammu responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq miż-żewġ naħat fil-kunflitt, kif ippropona s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon u kif rakkomandat mir-rapport dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UNMISS;

18.

Ifakkar li l-għajnuna umanitarja hija fundamentali, iżda ma tistax issolvi problema politika, u li r-responsabbiltà ewlenija tal-ħarsien tal-persuni ċivili hija f'idejn il-Gvern; jitlob għalhekk li l-ġid tal-pajjiż jitqiegħed direttament għad-dispożizzjoni tal-benessri tal-poplu tas-Sudan t'Isfel; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jonoraw il-ftehim u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni fit-taħdititet ta' paċi f'Addis Ababa, bil-ħsieb li l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied jiġi implimentat bis-sħiħ u jerġgħu jibdew malajr it-taħdidiet sabiex jifforma gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali, li hija l-unika soluzzjoni fit-tul, u biex ikun hemm rikonċiljazzjoni nazzjonali fl-interess tal-poplu tas-Sudan t'Isfel kollu kemm hu;

19.

Jiddispjaċih li minkejja l-isforzi kontinwi tal-IGAD biex tintervjeni fit-taħdidiet ta' paċi bil-għan li tistabbilixxi gvern tranżitorju ta' unità nazzjonali, ma sar l-ebda progress sinifikanti;

20.

Jilqa', madankollu, l-ftehim milħuq fis-7 ta' Novembru 2014 u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u immedjata tiegħu; ikompli jappoġġa l-medjazzjoni mmexxija mill-IGAD u l-isforzi tagħha biex twitti t-triq għal djalogu politiku inklużiv, u jitlob lill-UE tkompli tassisti lill-IGAD kemm mil-lat sostantiv u kemm mil-lat finanzjarju, u tkompli tikkontribwixxi persunal għall-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u verifika tal-waqfien mill-ġlied;

21.

Jenfasizza li l-bini ta' istituzzjonijiet xierqa u qafas ġuridiku għall-ġestjoni tal-ġid miż-żejt fi ħdan il-federaliżmu etniku tiegħu huma fundamentali għall-iżvilupp paċifiku tiegħu; jistieden b'mod partikolari lill-UE tappoġġa strateġija għall-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien twil fir-rigward tas-Sudan t'Isfel li tippermetti l-ħolqien ta' sistema b'saħħitha ta' governanza tajba, trasparenza u għoti ta' rendikont (partikolarment fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi), u l-iżvilupp tal-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-programmi tas-saħħa u ta' benessri soċjali bl-użu tad-dħul miż-żejt u mill-għajnuna għall-iżvilupp;

22.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tas-Sudan t'Isfel jiżguraw li d-dħul miż-żejt ikun ta' benefiċċju għall-poplu; jistieden lill-partijiet kollha li qed jieħdu sehem fin-negozjati sabiex fil-ftehim ta' paċi jinkludu l-kwistjoni ta' trasparenza u ta' skrutinju pubbliku fis-settur taż-żejt, u dan b'mod li d-dħul iġġenerat minn din ir-riżorsa jkun jista' jintuża għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiż u biex jitjieb il-livell tal-għajxien tal-popolazzjoni;

23.

Jiddispjaċih dwar l-ineffikaċja tas-sanzjonijiet immirati imposti mill-UE u jitlob lill-IGAD, lill-Unjoni Afrikana u lill-komunità globali jimponu sanzjonijiet immirati; jappoġġa t-tkomplija tal-embargo fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel u jħeġġeġ l-adozzjoni ta' embargo fuq l-armi min-naħa tan-NU kontra s-Sudan t'Isfel u r-reġjun kollu;

24.

Jappoġġa u jqis bħala essenzjali l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fin-negozjati għall-paċi;

25.

Iwissi dwar l-effetti konsegwenzjali u destabilizzanti tal-kunflitt fuq reġjun li diġà hu instabbli, speċjalment minħabba l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati fil-pajjiżi ġirien; jappella għalhekk lill-pajjiżi ġirien kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali biex jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun, u biex isibu t-triq lejn soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jenfasizza li b'mod partikolari l-kooperazzjoni mas-Sudan tkun tirrappreżenta titjib fir-rabtiet;

26.

Jitlob l-istabbiliment ta' grupp ta' kuntatt dwar is-Sudan t'Isfel li jinvolvi protagonisti ewlenin, biex b'hekk tissaħħaħ il-ħidma tal-IGAD u tiġi żgurata koeżjoni internazzjonali;

27.

Jilqa' l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika, Alexander Rondos; jirrakkomanda li l-isforzi kollha tiegħu jkollhom l-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema;

28.

Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel jirratifika l-Ftehim ta' Cotonou bejn l-UE u l-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP);

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0042.

(2)  ĠU L 203, 11.7.2014, p. 100.


Top