Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62016CN0279

    Kawża C-279/16 P: Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2016 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-3 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-675/14, Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 279, 1.8.2016, str. 18—19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 279/18


    Appell ippreżentat fid-19 ta’ Mejju 2016 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-3 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-675/14, Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-279/16 P)

    (2016/C 279/25)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. J. García-Valdecasas Dorrego, aġent)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Latvja

    Talbiet

    tilqa’ dan l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

    tiddikjara, fis-sentenza l-ġdida, in-nullità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/458/UE, tad-9 ta’ Lulju 2014 (1), dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), fir-rigward tal-infiq imwettaq mir-Renju ta’ Spanja li jammonta għal EUR 2 713 208,07.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    Żball ta’ liġi bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tiddeċiedi dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni peress li dan il-motiv kien ifformulat b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tadotta pożizzjoni.

    2.

    Żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni peress li l-motivi li fuqhom il-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha ma humiex kompatibbli maċ-ċarezza u mal-inekwivokabbiltà neċessarji li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jkollha sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE. Il-motivazzjoni tal-att la kienet inekwivoka u lanqas ċara u b’dan il-mod kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru.

    3.

    Żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali żnaturat manifestament il-fatti meta kkonstatat, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, li “r-Renju ta’ Spanja ma weriex li ċerti stabbilimenti ma kienu suġġetti għal ebda wieħed mill-obbligi li fir-rigward tagħhom kienu ġew identifikati nuqqasijiet”. L-ewwel nett, dan għaliex din l-affermazzjoni tmur kontra n-natura tas-sistema ta’ kundizzjonalità peress li, f’dan il-qasam, stabbilimenti speċifiċi biss jistgħu jkunu ta’ riskju, jiġifieri dawk li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi li fir-rigward tagħhom ġew identifikati nuqqasijiet. It-tieni nett, dan għaliex ir-Renju ta’ Spanja pprovda lill-Kummissjoni data konkreta li turi li stabbilimenti speċifiċi ma kinux suġġetti għall-obbligi speċifiċi.

    4.

    Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa u ċ-ċaħda tal-korrezzjoni proposta mir-Renju ta’ Spanja.

    4.1

    Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) għaliex din id-dispożizzjoni teħtieġ bħala element prinċipali li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dannu finanzjarju kkawżat. Peress li dan kien ġie stmat b’mod preċiż mir-Renju ta’ Spanja ma kienx possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa li hija applikabbli biss meta ma jkunx possibbli li jintuża metodu ieħor iktar xieraq.

    4.2

    Żball ta’ liġi, ukoll, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li l-metodu użat mill-Kummissjoni wassal għal korrezzjoni b’rata fissa li kienet madwar 530 % ogħla mill-kalkolu magħmul mir-Renju ta’ Spanja. Il-kalkolu magħmul mir-Renju ta’ Spanja kien jieħu inkunsiderazzjoni data reali dwar sanzjonijiet imposti fis-snin sussegwenti li fihom in-nuqqasijiet fir-rigward tal-kundizzjonalità kienu ġew ikkorreġuti. L-ammont li jirriżulta mill-korrezzjoni b’rata fissa huwa assolutament sproporzjonat u l-kopri li għandhom iħallsu ma għandhomx jieħdu responsabbiltà għal korrezzjonijiet li huma ssopravalutati.

    5.

    Żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 u fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ġie kkunsidrat possibbli l-kumulu ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa u ta’ korrezzjoni finanzjarja speċifika għall-istess intestatura tal-baġit għas-sena 2008. Dan għaliex, skont id-dokument AGRI-2005-64043-ES il-korrezzjonijiet ma għandhomx jiġu applikati fir-rigward ta’ ammonti li diġà kienu s-suġġett ta’ korrezzjoni għall-istess motivi; għaliex il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti l-kumulu biss meta r-riskju għall-Fond ma jkunx jista’ jiġi kopert biss permezz ta’ korrezzjonijiet analitiċi; u għaliex jinkiseb riżultat sproporzjonat u mhux iġġustifikat peress li, li kieku kienet ġiet applikata biss il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa, l-ammont li kien ikollu jitnaqqas kien ikun inqas minn dak li rriżulta mill-għadd taż-żewġ korrezzjonijiet finanzjarji.


    (1)  ĠU L 205, p. 62.


    Góra