This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016XX0525(03)
Executive Summary of the Recommendations of the European Data Protection Supervisor on the proposed European Border and Coastal Guard Regulation
Sommarju Eżekuttiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta
Sommarju Eżekuttiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta
ĠU C 186, 25.5.2016, p. 10–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.5.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 186/10 |
Sommarju Eżekuttiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta
[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u l-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu]
(2016/C 186/06)
Sommarju Eżekuttiv
L-Ewropa llum hija affaċċjata bi kriżi ta’ migrazzjoni urġenti u b’żieda ta’ theddid terroristiku. Għalhekk, l-UE trid issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha. F’dan il-kuntest, ir-Regolament propost dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta jimmira li jistabbilixxi prinċipji ġenerali tal-ġestjoni intergrata tal-fruntieri Ewropea u se jsaħħaħ il-mandat tal-aġenzija Frontex.
Il-KEPD jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni u għar-rinfurzar tas-sigurtà interna, u dan jeħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali. Madanakollu, il-Proposta tal-Kummissjoni tista’ toħloq ukoll intrużjoni serja fid-drittijiet tal-migranti u tar-refuġjati, grupp vulnerabbli ta’ nies bi bżonn partikolari għall-protezzjoni.
Din l-Opinjoni tindirizza l-ħames tħassibiet ewlenin tal-protezzjoni tad-data u titlob għal aktar titjib tat-test propost biex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data. Il-KEPD iqis li din il-konformità se tkun kruċjali għas-suċċess tal-inizjattiva u għall-abilità tagħha li tiflaħ għall-iskrutinju legali. Aħna nirrakkomandaw b’mod speċifiku:
— |
fuq l-iskopijiet tal-Proposta, valutazzjonijiet separati tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri biex jiġu ssodisfati ż-żewġ miri identifikati ta’ migrazzjoni u sigurtà, filwaqt li jiġi nnutat li l-miri sejrin jiġġeneraw l-applikazzjoni ta’ regoli tal-protezzjoni tad-data differenti; |
— |
fuq il-ġbir tad-data personali, kjarifika tal-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet ta’ pproċessar mill-Aġenzija, peress li l-Proposta attwali timplika li l-Aġenzija l-ġdida se tinbidel f’hub ta’ data personali fejn ikun hemm ammonti massivi ta’ informazzjoni personali; |
— |
delineazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-Aġenzija l-ġdida u l-Istati Membri tal-UE sabiex ma jkun hemm l-ebda sfukar tal-kontabilità fl-obbligi tal-protezzjoni tad-data ta’ kull kontrollur; |
— |
kjarifiki fuq it-trasferimenti ta’ data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li dawn it-trasferimenti għandhom ikunu bbażati jew fuq valutazzjoni tal-adegwatezza jew fuq l-użu ta’ salvagwardji xierqa; |
— |
fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u tar-refuġjati, garanziji fuq il-bażi li l-migranti u r-refuġjati jiġu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom b’mod li jkunu jistgħu jifhmu u jeżerċitaw dawk id-drittijiet b’mod raġonevoli. |
B’mod ġenerali, l-Aġenzija l-ġdida għandha tkun mgħammra b’mod suffiċjenti u kapaċi twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data u tissalvagwardja l-interessi u d-drittijiet tal-individwi li għalihom tirrelata d-data personali li tkun qed tiġi pproċessata.
1. Kuntest tal-Proposta
1. |
Fil-15 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ħarġet sett ta’ miżuri importanti magħruf aħjar bħala l-“Pakkett tal-Fruntieri” (Borders Package) (1), bl-għan li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u tipproteġi b’mod aħjar iż-żona Schengen. L-inizjattiva ewlenija ta’ dan il-pakkett hija l-Proposta għal regolament li jistabbilixxi Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta (2) (minn hawn 'l quddiem “il-Proposta”), li jipprevedi għall-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u li huwa segwitu għall-Aġenda tal-Kummissjoni stess dwar il-migrazzjoni (3) u sa ċertu punt għall-Aġenda tagħha dwar is-Sigurtà (4), it-tnejn imressqa qabel fir-Rebbiegħa tal-2015. |
2. |
Fis-17 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill Ewropew sejjaħ għal adozzjoni rapida tal-Proposta u talab lill-Kunsill tal-UE biex jintlaħaq ftehim politiku qabel it-terminu tal-Presidenza attwali (5). Il-koleġiżlaturi aċċelleraw id-deliberazzjonijiet tagħhom dwar il-Proposta. Il-Presidenza Netherlandiża għandha l-intenzjoni li tissodisfa l-iskadenza mitluba (6), filwaqt li l-Parlament Ewropew skeda b’mod tentattiv seduta plenarja biex jiskrutinizza l-Proposta fil-bidu ta’ Ġunju (7). |
3. |
Il-KEPD jirrikonoxxi l-kriżi tal-migrazzjoni u t-theddid terrositiku li llum il-ġurnata qed tiffaċċja l-UE, u l-importanza li jittieħdu miżuri rapidi u sinifikanti sabiex tingħeleb din is-sitwazzjoni fil-livell tal-UE. Hu jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi malajr għall-iżvilupp ta’ każijiet attwali. Madankollu, huwa l-irwol tal-KEPD li jfakkar l-importanza li jiġi rispettat id-dritt fundamentali tal-protezzjoni tad-data u li jagħti pariri dwar modi aħjar biex jiġu inklużi salvagwardji tal-protezzjoni tad-data f’miżuri leġiżlattivi ġodda, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (8) (minn hawn 'il quddiem “il-Karta”) u l-Artikolu 16 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Aħna jiddispjaċina li l-aġenda msemmija hawn fuq ma ppermettietx għall-konsultazzjoni tal-KEPD fi stadju aktar bikri tal-proċess leġiżlattiv. |
4. |
F’din l-Opinjoni, il-KEPD identifika ħames oqsma ewlenin ta’ tħassib li jeħtieġu aktar titjib tat-test propost sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-qafas tal-protezzjoni tad-data. Huwa se jiffoka l-kummenti tiegħu fuq l-iskopijiet ta’ din il-Proposta, il-ġbir tad-data personali, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tad-data personali, it-trasferimenti tad-data personali lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-refuġjati. Fl-aħħar huwa sejjer jenfasizza l-aspetti tal-Proposta fejn huma meħtieġa kjarifiki importanti. |
8. Konklużjoni
Il-KEPD jilqa’ diversi aspetti tal-Proposta, speċjalment il-fatt li xi salvagwardji ġew inklużi fit-test, pereżempju sabiex jiġu limitati l-perjodi taż-żamma tad-data. Madankollu, meta jitqies l-impatt tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-migranti u r-refuġjati, il-KEPD iqis b’mod aktar ġenerali li għandha titwettaq valutazzjoni separata tan-neċessità u l-proporzjonalità tal-attivitajiet tal-ipproċessar previsti għal kull skop tal-Proposta. Il-kompatibilità bejn l-iskopijiet differenti għall-ipproċessar previsti fl-Artikolu 45(1) tal-Proposta għandha tiġi vverifikata wkoll.
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-KEPD jirrakkomanda, b’mod partikolari, li t-titjib u l-kjarifiki li ġejjin jiġu introdotti fit-test finali tal-inizjattiva:
— |
L-ispeċifikazzjoni u l-limitazzjoni tal-iskop
|
— |
Responsabbiltajiet tal-Aġenzija
|
— |
Kwalità u sigurtà tad-data
|
— |
Trasferimenti
|
— |
Id-drittijiet tas-suġġetti tad-data
|
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Marzu 2016.
Giovanni BUTTARELLI
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) Il-Pakkett tal-Fruntieri jinkludi b’kollox 13-il dokument leġiżlattiv: proposta biex tiġi stabbilita l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta akkumpanjata minn Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, proposta biex jiġi emendat il-Kodiċi ta’ Fruntieri ta’ Schengen biex jiġu introdotti kontrolli sistematiċi obbligatorji fuq ċittadini tal-UE li jidħlu u jħallu l-UE, proposta biex jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali, Manwal Prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri, Rapport tal-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fil-Greċja, Rapport tal-Progress dwar l-implimentazzjoni tal-hotspots fl-Italja, proposta għal sospensjoni temporanja tal-obbligi tal-Iżvezja taħt il-mekkaniżmu tar-rilokazzjoni tal-UE, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal skema volontarja ta’ ammissjoni umanitarja mat-Turkija, Rapport dwar is-segwitu għal-Laqgħa tal-Mexxejja dwar il-fluss tar-refuġjati tul ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent, proposta biex jiġi emendat l-att li jistabbillixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u proposta biex jiġi emendat l-att tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. Id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/securing-eu-borders/index_en.htm
(2) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (COM(2015) 671 final).
(3) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”, Brussell, 13 ta’ Mejju 2015, COM(2015) 240 final; f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni diġà kienet identifikat li: “Iż-żieda fl-azzjoni fil-Mediterran tesponi r-realtà li l-ġestjoni tal-fruntieri esterni qed issir dejjem aktar responsabbiltà kondiviża. Minbarra Sistema Ewropea ta’ Gwardji tal-Fruntiera, dan ikopri approċċ ġdid għal funzjonijiet tal-gwardjakosta fl-UE, li jħares lejn inizjattivi bħall-kondiviżjoni tal-assi, l-eżerċizzji konġunti u l-użu doppju tar-riżorsi kif ukoll il-possibbiltà li wieħed jimxi lejn Gwardjakosta Ewropea.”
(4) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, Stasburgu, 28 ta’ April 2015, COM(2015) 185 final.
(5) Ara l-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u tat-18 ta’ Diċembru 2015 disponibbli fuq: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-28-2015-INIT/en/pdf
(6) Ara r-riżultati ewlenin tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-25 ta’ Frar 2016 disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill fuq: http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/jha/2016/02/25/
(7) Ara l-paġna web dedikata għall-fajl dwar L-Osservatorju Leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew: http://www.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=&reference=2015/0310(COD)
(8) Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1).