Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XX0525(02)

Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali (ECRIS, European Criminal Records Information System)

ĠU C 186, 25.5.2016, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/7


Sommarju eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali (ECRIS, European Criminal Records Information System)

[It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-KEPD www.edps.europa.eu]

(2016/C 186/05)

L-estensjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali fl-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCN, third country national) fl-ECRIS (Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali) kienet prevista għal żmien twil mil-leġiżlatur tal-UE. Il-Proposta biex l-ECRIS tiġi estiża għat-TCN ġiet aċċelerata mill-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà, li rrikonoxxiet li l-ECRIS “ma taħdimx b’mod effettiv għal persuni li mhumiex ċittadini tal-UE kkundannati fl-UE”.

Il-qafas tal-ECRIS attwalment juża ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ persuni li nstabu ħatja bħala punt ċentrali fl-iskambju ta’ informazzjoni. Huwa għalhekk li l-ħolqien ta’ sistema parallela hija ġġustifikata għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għażlet li timplimenta l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’sistema deċentralizzata, permezz tal-użu ta’ filtru indiċi għal kull Stat Membru parteċipant. Il-filtru indiċi sejjer jiġi aġġornat b’informazzjoni speċifika kull darba li ċittadin ta’ pajjiż terz jinstab ħati u jintbagħat fl-Istati Membri l-oħrajn.

Il-KEPD analizza bir-reqqa l-Proposta leġiżlattiva u ressaq rakkomandazzjonijiet bil-għan li jassisti l-leġiżlatur u jiżgura li l-miżuri l-ġodda jkunu konformi mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Filwaqt li l-KEPD jilqa’ l-proposta dwar sistema deċentralizzata tal-UE għall-ipproċessar tad-dejta relatata ma’ rekords kriminali tat-TCN, ibbażata fuq element ta’ tiftix “hit/no hit” u bl-użu ta’ miżuri tekniċi maħsuba biex jillimtaw l-interferenzi fid-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-dejta personali, il-KEPD iqajjem tliet kwistjonijiet ewlenin u rakkomandazzjonijiet addizzjonali oħrajn, li huma deskritti f’aktar dettall fl-Opinjoni.

L-ewwel nett, għandha tiġi stabbilita sistema korrispondenti għat-TCN bħal dik eżistenti għaċ-ċittadini tal-UE dwar l-ipproċessar tal-marki tas-swaba’, li tqis l-ispeċifiċità tas-sistemi kriminali nazzjonali, u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u proporzjonalità tal-ipproċessar tad-dejta personali.

It-tieni, it-test tal-Proposta jirreferi b’mod impreċiż għall-informazzjoni fil-filtru indiċi bħala li hija “anonima”. Il-KEPD jirrakkomanda l-kjarifika li l-informazzjoni pproċessata għall-finijiet ta’ ECRIS-TCN tkun dejta personali, li tkun għaddiet minn proċess ta’ psewdonimizzazzjoni u mhux dejta anonima.

It-tielet, il-KEPD iqis li l-ħolqien ta’ tip differenti ta’ sistema għall-ipproċessar tad-dejta għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom ċittadinanza ta’ pajjiż terz minbarra dik stabbilita għaċ-ċittadini tal-UE ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ neċessità fil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u jista’ jwassal għal diskriminazzjoni. Għalhekk, il-KEPD jirrakkomanda li l-miżuri fil-Proposta jirreferu biss għat-TCN u mhux anki għaċ-ċittadini tal-UE li għandhom ukoll ċittadinanza ta’ pajjiż terz.

I.   INTRODUZZJONI U SFOND

I.1.   Konsulatazzjoni tal-KEPD

1.

Fid-19 ta’ Jannar 2016 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (1) (“il-Proposta”). Il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali qabel il-pubblikazzjoni tal-Proposta. Madankollu, il-KEPD jiddispjaċih li ma rċeviex talba għal Opinjoni wara l-pubblikazzjoni tal-Proposta.

I.2.   Objettiv tal-Proposta

2.

L-ECRIS hija sistema elettronika għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti mogħtija kontra persuna speċifika mill-qrati kriminali fl-UE għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali kontra persuna, u, jekk il-liġi nazzjonali tippermetti dan, għal skopijiet oħrajn. Is-sistema hija bbażata fuq id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (2) (“id-Deċiżjoni Qafas”) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI (3).

3.

Skont il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-Proposta, il-prinċipju sottostanti tal-ECRIS huwa li tista’ tinkiseb informazzjoni sħiħa dwar kundanni preċedenti ta’ ċittadin tal-UE mill-Istat Membru li din il-persuna għandha ċ-ċittadinanza tiegħu, li fuq talba jista’ jipprovdi informazzjoni aġġornata eżawrjenti dwar ir-rekords kriminali taċ-ċittadini tiegħu, irrispettivament minn fejn ingħataw il-kundanni tal-UE. Bħalissa din l-arkitettura tagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet biex jiskambjaw informazzjoni dwar kundanni li jirrigwardaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (minn hawn ‘il quddiem: TCN) permezz tal-ECRIS, billi t-“TCN m’għandhom l-ebda ċittadinanza ta’ Stat Membru”, u “biex tinkiseb ħarsa ġenerali kompluta tal-istorja tar-rekords kriminali ta’ individwu partikolari, it-talbiet iridu jintbagħtu lill-Istat(i) Membru/i kollha li joħorġu kundanna” (4).

4.

Għalhekk, l-objettiv tal-Proposta huwa li titjieb l-effiċjenza tal-ECRIS fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tat-TCN.

5.

Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jiddeskrivi s-sistema li ntgħażlet biex jinkiseb dan l-objettiv. Is-sistema sejra tiġi organizzata b’mod deċentralizzat, jiġifieri ma jkunx hemm bażi ta’ dejta unika li tinkludi l-informazzjoni rilevanti, iżda kull Stat Membru ser ikollu fajl tad-dejta. L-Istati Membri sejrin ikollhom joħorġu d-dejta tal-identità mir-rekord kriminali tagħhom u jitfgħuha f’fajl separat — “il-filtru indiċi”, kull meta TCN jinstab ħati. Id-dejta sejra tiġi kkonvertita f’“locks u keys”. Il-filtru indiċi sejjer jitqassam lill-Istati Membri kollha, u dan jippermettilhom ifittxu b’mod indipendenti fil-bini tagħhom stess. Is-sistema sejra tippermetti lill-Istati Membri jqabblu d-dejta tagħhom stess mal-fajl u jiskopru jekk jeżistux entrati oħra fir-rekords kriminali fi Stati Membri oħrajn (sistema “hit/no hit”).

II.   KONKLUŻJONI

37.

Kif diġà ntqal fl-Opinjoni tal-KEPD 2006 dwar il-Proposta tal-ECRIS, “għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jista’ jkun hemm bżonn ta’ sistema alternattiva”, peress li “għal raġunijiet ovvji, is-sistema pproponuta ma tistax taħdem f’dawk il-każijiet” (5). Għalhekk nilqgħu l-Proposta attwali u nirrikonoxxu l-importanza ta’ skambju effiċjenti ta’ informazzjoni estratta mir-rekords kriminali ta’ persuni li nstabu ħatja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà (6).

38.

Wara li analizza l-Proposta bir-reqqa, il-KEPD iressaq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, sabiex jiżgura konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta:

1)

Fir-rigward tal-użu obbligatorju tal-marki tas-swaba’ għat-TCN, għandha tinħoloq sistema korrispondenti għat-TCN bħal dik li teżisti għaċ-ċittadini tal-UE, f’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-ġbir tal-marki tas-swaba’ fil-livell nazzjonali;

2)

Ir-referenzi għal dejta anonima għandhom jitneħħew mill-Proposta u ssostitwiti b’referenzi preċiżi għall-proċess tal-psewdonimizzazzjoni;

3)

Id-dejta li għandha tinħażen fil-livell nazzjonali dwar iċ-ċittadini tal-UE li nstabu ħatja u dwar TCN li nstabu ħatja ma għandhiex tiġi kklassifikata b’mod differenti, billi l-istess sistema li teżisti attwalment għaċ-ċittadini tal-UE tiġi estiża (pereżempju “dejta fakultattiva”, “dejta addizzjonali”) għat-TCN ukoll;

4)

L-użu tas-sistema ta’ filtru indiċi għandu jkun limitat biss għal dejta personali tat-TCN, kategorija ta’ persuni li ma għandhiex tinkludi ċittadini tal-UE li għandhom ukoll ċittadinanza ta’ pajjiż terz.

39.

Barra minn hekk, il-KEPD iressaq ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li jistgħu jsaħħu l-protezzjoni ta’ dejta personali pproċessata għall-finijiet tal-ECRIS-TCN:

1)

Il-Preambolu tal-Proposta għandu jinkludi referenza għad-DPD, li tiċċara r-relazzjoni bejn l-istrumenti;

2)

Għandhom jiġu pprovduti aktar salvagwardji għall-ipproċessar tal-marki tas-swaba’ fl-Atti Implimentattivi li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni, dwar il-proċess tar-reġistrazzjoni, b’enfasi fuq il-livell ta’ preċiżjoni u l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ rimedju;

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2016) 7 finali, 2016/0002 (COD), Strasburgu, id-19 ta’ Jannar 2016.

(2)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-Applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).

(4)  Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta, p. 3.

(5)  Opinjoni tal-KEPD dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri tal-informazzjoni meħuda mill-kondotta kriminali (COM(2005) 690 finali) (ĠU C 313, 20.12.2006, p. 26, para 15 u 18).

(6)  “Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà” — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta’ April 2015, COM(2015) 185 finali.


Top