EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016TN0116

Kawża T-116/16: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2016 – Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 175, 17.5.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/23


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2016 – Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-116/16)

(2016/C 175/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Port autonome du Centre et de l’Ouest SCRL (La Louvière, il-Belġju), Port autonome de Namur (Namur, il-Belġju), Port autonome de Charleroi (Charleroi, il-Belġju), Port autonome de Liège (Liège, il-Belġju), Région wallonne (Jambes, il-Belġju) (rappreżentanti: J. Vanden Eynde, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti u konsegwentement tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni bir-referenza SA.38393(2015/E) – tassazzjoni tal-portijiet fil-Belġju;

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqis bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet Belġjani, u b’mod partikolari l-portijiet tal-Wallonie, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni la huma sostnuti mill-fatti u lanqas iġġustifikati fid-dritt.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-bidla apparenti tagħha fil-ġurisprudenza meta mqabbla mad-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2004 (N520/2003).

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-attivitajiet tal-portijiet huma ssussidjati sa fejn huma ma humiex profittabbli mod ieħor fil-kuntest ekonomiku Belġjan; barra minn hekk, il-fatt li tariffi stabbiliti unilateralment, li ma jkoprux l-investimenti mwettqa, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala attivitajiet ekonomiċi.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjoni li s-sistema ta’ referenza Belġjana hija t-taxxa fuq il-kumpanniji ma hijiex iġġustifikata fid-dritt.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-dikjarazzjoni li t-taxxa ta’ persuni ġuridiċi, li l-portijiet huma suġġetti għaliha, tikkostitwixxi vantaġġ peress li l-attivitajiet sussidjarji ekonomiċi eventwali tagħhom ma humiex intaxxati, ma hijiex ipprovata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma identifikatx liema attivitajiet għandhom, fl-opinjoni tagħha, jiġu intaxxati, u lanqas dawk li jikkostitwixxu servizzi ta’ interess ġenerali.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċirkustanzi konkreti għandhom jawtorizzaw l-applikazzjoni tat-taxxa tal-persuni ġuridiċi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħsieb wara s-sistema legali Belġjana li tiddistingwi t-trattament fiskali ta’ servizzi ta’ interess ġenerali u tal-attivitajiet kummerċjali.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam ta’:

definizzjoni ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi;

definizzjoni tat-tassazzjoni diretta;

obbligu li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ interess ġenerali neċessarji għall-koeżjoni soċjali u ekonomika;

organizzazzjoni diskrezzjonali ta’ servizzi ta’ interess ġenerali.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-attivitajiet essenzjali tal-portijiet interni tal-Wallonie huma servizzi ta’ interess ġenerali li ma humiex irregolati, konformement mal-leġiżlazzjoni Ewropea, bir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Artikolu 107 TFUE.

9.

Id-disa’ motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li jekk l-attivitajiet essenzjali tal-portijiet interni tal-Wallonie jaqgħu taħt servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huma rregolati bir-regoli tal-Artikoli 93 u 106(2) TFUE u r-regoli tal-kompetizzjoni ma japplikawx għalihom.

10.

L-għaxar motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-kriterji Ewropej għad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex issodisfatti.


Top