Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE4971

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012” [COM(2015) 472 final – 2015/0226 (COD)] u dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment” [COM(2015) 473 final – 2015/0225(COD)]

    ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012”

    [COM(2015) 472 final – 2015/0226 (COD)]

    u dwar

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment”

    [COM(2015) 473 final – 2015/0225(COD)]

    (2016/C 082/01)

    Relatur:

    is-Sur Daniel MAREELS

    Nhar is-27 ta’ Ottubru 2015 u nhar l-14 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni dwar it-titolizzazzjoni u li joħloq qafas Ewropew għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012”

    [COM(2015) 472 final – 2015/0226(COD)]

    u dwar

    “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment”

    [COM(2015) 473 final – 2015/0225(COD)]

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta’ Diċembru 2015.

    Matul il-513-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar 2016 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposti għal sistema ta’ titolizzazzjonijiet “sempliċi, trasparenti u standardizzati” (titolizzazzjonijiet STS) u l-adattar tal-ħtiġiet prudenzjali fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment. Il-proposti jorbtu mal-qafas usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-iżvilupp ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali  (1).

    1.2.

    Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li l-proposti għat-titolizzazzjoni ġew adottati malajr u fl-istess ħin mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. Ix-xogħol irid isir fi żmien qasir. Bis-saħħa t’hekk għandhom jiġu ġġenerati fondi addizzjonali importanti għall-finanzjament bankarju. Dan huwa importanti ħafna b’mod partikolari għall-SMEs u l-unitajiet domestiċi.

    1.3.

    Fis-sistema finanzjarja Ewropea attwali s-self mill-banek illum jirrappreżenta 75-80 % tal-finanzjament totali tal-ekonomija u bla dubju, fil-futur, l-SMEs u l-unitajiet domestiċi ser jibqgħu jiddependu aktar fuq il-finanzjament bankarju. Jekk is-suq jingħata nifs ġdid, dan jista’ jwassal għal kreditu addizzjonali disponibbli għas-settur bl-imnut ta’ valur bejn EUR 100 u 150 biljun, jew żieda ta’ 1,6 % tas-self bi kreditu lill-intrapriżi u l-unitajiet domestici. Minħabba l-importanza kbira tagħhom għall-ekonomija Ewropea, il-Kumitat diġà enfasizza l-importanza tat-titolizzazzjoni għall-SMEs.

    1.4.

    Fir-rigward tal-finanzjament bankarju l-Kumitat huwa tal-fehma li dan jimxi id f’id mal-finanzjament tas-suq, li ser ikompli jiġi żviluppat fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Iż-żewġ tipi ta’ finanzjament għandhom ikunu komplementari, u m’għandhomx jitqiesu bħala kompetituri ta’ xulxin.

    1.5.

    Il-Kumitat iqis li għandha tingħata prijorità lil approċċ komprensiv. Il-qafas il-ġdid tat-titolizzazzjoni jitlob li l-ħidma ssir b’mod sostenibblisod u li jsir sforz għal bilanċ ġust u adatt. Fil-livelli kollha għandhom jitqiesu l-għanijiet meħtieġa kollha u l-interessi tal-partijiet interessati kollha. F’dan il-kuntest ikunu apprezzati kemm l-isforzi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kif ukoll l-approċċ fejn l-investituri jkollhom kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet.

    1.6.

    Nifs ġdid lit-titolizzazzjonijiet jitlob li tinħoloq regolazzjoni ġdida mifruxa biżżejjed. Il-kriterji tal-STS għandhom ikunu realistiċi u fattibbli għall-banek kollha, kemm jekk huma kbar kif ukoll jekk huma żgħar u lokali, li huma involuti fil-finanzjament ta’ kreditu. It-titolizzazzjonijiet għandhom ikunu attraenti wkoll għall-investituri. B’hekk, jekk jiskbu suċċess, ikun jista’ jsir kontribut importanti għal finanzjament aħjar tal-ekonomija, għal iktar investiment u biex jiġi xprunat it-tkabbir. Fl-istess ħin, għandu jkun hemm ċarezza dwar ir-riskji possibbli u min iġorrhom, b’tali mod li titqies il-katina sħiħa, mill-emittent sal-investitur. L-isfida issa hija li ma jiġux ripetuti l-iżbalji tal-passat.

    1.7.

    Il-prinċipji tas-sigurtà, it-trasparenza u l-infurzar għandhom jagħmlu parti mir-regoli l-ġodda sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fis-swieq il-ġodda. Il-monitoraġġ għandu jissaħħaħ, kemm mill-BĊE kif ukoll mis-superviżuri nazzjonali, u d-dimensjoni internazzjonali m’għandhiex tiġi injorata.

    1.8.

    Minħabba l-kumplessità u r-riskji relatati, il-Kumitat jaqbel mal-idea li t-titolizzazzjonijiet ma jkunux aċċessibbli għall-investituri ż-żgħar u l-konsumaturi. Madankollu, il-Kumitat iqis li l-approċċ volontarju attwali mhuwiex suffiċjenti u jitlob li fit-test tiddaħħal espliċitament projbizzjoni formali.

    1.9.

    Huwa previst li s-sistema tiġi evalwata wara perjodu ta’ 4 snin. Il-Kumitat iqis li jkun aħjar li ssir valutazzjoni iktar malajr. Perjodu ta’ sentejn jidher partikolarment adatt.

    1.10.

    Fil-fehma tal-Kumitat huwa ferm importanti li l-persuni li jfasslu l-politika fl-Ewropa jaqdu rwol kruċjali fid-dibattitu internazzjonali u globali dwar it-titolizzazzjonijiet biex il-kisbiet Ewropej jiġu salvagwardjati u biex tiġi garantita armonizzazzjoni suffiċjenti fil-livell internazzjonali.

    2.   Sfond

    2.1.

    Mill-bidu nett tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Juncker stabbilixxiet għaliha tliet prijoritajiet assoluti: it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment.

    2.2.

    Biex tikseb dan ħejjiet plan ta’ investiment għall-Ewropa bi tliet partijiet:

    il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti ta’ ammont ta’ mill-inqas EUR 315-il biljun fi żmien tliet snin;

    appoġġ għall-investimenti fl-ekonomija reali;

    il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-investiment  (2).

    2.3.

    Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali tat-30 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni tixtieq li fl-istess ħin timmobilizza l-kapital fl-Ewropa u toħloq suq ġenwin tal-kapital iżda wkoll twettaq parti importanti tat-tielet parti tal-pjan ta’ investiment sal-2019.

    2.4.

    Fl-istess ħin tal-Pjan ta’ Azzjoni tressqu l-proposti dwar it-titolizzazzjoni  (3). Dawn inġabru f’pakkett leġislattiv ta’ żewġ proposti, li jindirizzaw kull aspett separatament:

    2.4.1.

    fuq naħa waħda, proposta dwar it-titolizzazzjoni. Il-proposta għal Regolament tinkludi l-iżvilupp ta’ qafas sostantiv komuni għat-titolizzazzjoni għall-parteċipanti kollha f’dan is-suq u tidentifika subsett ta’ tranżazzjonijiet li jissodisfaw ċerti kriterji ta’ eliġibbiltà: “titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata” jew “titolizzazzjonijiet STS”  (4)  (5)

    2.4.2.

    min-naħa l-oħra, proposta biex jiġi modifikat il-qafas regolatorju attwali fir-rigward tar-rekwiżiti kapitali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti ta’ investiment (ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti kapitali – RRK) intiża biex issaħħaħ it-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjonijiet STS (6), sabiex jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet partikolari tagħhom.

    2.4.3.

    L-ewwel proposta mhux biss tirregola għadd ta’ dispożizzjonijiet li japplikaw għat-titolizzazzjonijiet kollha, iżda b’mod partikolari toħloq qafas għat-titolizzazzjonijiet STS. B’hekk issir referenza għall-proċess li bih tiġi strutturata t-titolizzazzjoni u mhux għall-kwalità kreditizja sottostanti tal-assi involuti.

    2.4.4.

    It-tieni proposta tirreferi b’mod komplementari għat-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjonijiet, li jirrappreżentaw il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn is-swieq b’mod aħjar. B’mod partikolari jiġu indirizzati r-rekwiżiti kapitali għall-pożizzjonijiet fit-titolizzazzjonijiet kif ukoll trattament iktar sensittiv għar-riskji tat-titolizzazzjonijiet STS.

    3.   Osservazzjonijiet u kummenti

    3.1.

    Il-KESE jinnota b’sodisfazzjon li l-proposti għat-titolizzazzjoni ġew adottati malajr fl-istess ħin mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali. Ix-xogħol irid isir fi żmien qasir. Fil-fatt, l-ekonomiji fl-Ewropa għadhom dipendenti sew mill-finanzjament bankarju. Fis-sistema finanzjarja Ewropea s-self mill-banek jirrappreżenta 75-80 % tal-finanzjament globali tal-ekonomija (7). Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-finanzjament bankarju u dak tas-suq għandhom jimxu id f’id u għandhom jitqiesu li huma komplementari għal xulxin.

    3.2.

    Barra minn hekk, anke l-livell ta’ investiment għadu ‘l bogħod milli kien qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika. Filwaqt li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) u l-konsum privat fl-UE kienu fit-tieni kwart tal-2014 bejn wieħed u ieħor fl-istess livell bħal fl-2007, l-investiment totali kien madwar 15 % inqas miċ-ċifri tal-2007 (8).

    3.3.

    Il-Kumitat diġà enfasizza l-importanza tat-titolizzazzjoni speċjalment fir-rigward tal-SMEs, li għall-finanzjament tagħhom għadhom jiddependu ħafna mill-finanzjament bankarju (9). L-SMEs jaqdu rwol importanti fl-ekonomija Ewropea peress li jirrappreżentaw aktar minn 98 % tan-negozji Ewropej, jipprovdu aktar minn 67 % tal-impjiegi fis-settur privat u jipproduċu 58 % tal-valur miżjud gross li jinħoloq min-negozji fl-UE (10).

    3.4.

    Minn dan ir-rapport jidher li t-titolizzazzjoni għas-self lill-SMEs bħalissa hija ferm limitata, bil-kontra tat-titolizzazzjoni għall-bini, li tidher li ftit li xejn intlaqtet mill-kriżi finanzjarja. Bħalissa biss 8 % tas-suq tat-titolizzazzjonijiet tikkonċerna lill-SMEs meta mqabbla ma’ 58 % għall-RMBS (11). Għalhekk, il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha ssir enfasi partikolari fuq it-titolizzazzjoni relatata mal-SMEs fil-qafas tal-istrateġija għall-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali.

    3.5.

    Importanti li jingħata nifs ġdid lis-suq tat-titolizzazzjonijiet, u iktar u iktar lis-segment tal-SMEs. Fil-Pjan ta’ Investiment Ewropew, il-ħolqien ta’ suq sostenibbli għal titolizzazzjoni ta’ kwalità tressaq bħala wieħed mill-ħames oqsma li fihom kellha tittieħed azzjoni fil-perjodu l-qasir. Jekk is-suq tat-titolizzazzjonijiet jirritorna għal-livell medju ta’ ħruġ ta’ qabel il-kriżi u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jużaw ħruġ ġdid sabiex jipprovdu kreditu ġdid, dawn ikunu jistgħu jipprovdu ammont addizzjonali ta’ kreditu lis-settur privat li jvarja bejn EUR 100 u 150 biljun. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 1,6 % fil-kreditu lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi fl-UE (12).

    3.6.

    Il-KESE kien talab li jingħata nifs ġdid, iżda taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-Kumitat iqis li biex jiġu evitati ċerti żbalji li saru fil-passat fl-Istati Uniti, l-użu tat-titolizzazzjoni għandu jiġi regolat sew (13). Bl-istess mod huwa propost li suq tat-titolizzazzjoni sostenibbli ta’ kwalità għolja għandu jippromovi strutturi fundamentali bi ktajjen qosra ta’ intermedjarji bil-għan li jabbina direttament is-selliefa mal-faddala (14).

    3.7.

    Għall-Kumitat illum huwa importanti li l-ħidma ssir b’approċċ komprensiv u sostenibbli u li jiġu kkunsidrati l-għanijiet kollha meħtieġa u l-interessi tal-partijiet interessati kollha u li jsir sforz biex jinstab bilanċ ġust u adatt bejniethom. Kull azzjoni għandu jkollha impatt pożittiv u favorevoli kemm għall-finanzjament tal-ekonomija (ara iktar ‘il fuq), l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kif ukoll għall-interessi tal-investituri u l-azzjonisti.

    3.8.

    Fil-fehma tal-Kumitat, l-għażla ta’ “regolament” biex titwettaq din l-inizjattiva hija għażla tajba sabiex verament jiġi żviluppat suq uniku. Għalhekk, dan ir-regolament għandu jkun ambizzjuż u attraenti biżżejjed għall-investituri sabiex ikunu jistgħu jiksbu suċċess ġenwin fil-prattika.

    3.9.

    Il-Kumitat qed jiffoka fuq l-isforzi għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-potenzjal li għandha għall-investituri. B’hekk hemm għadd ta’ rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-proposti u dawn jiffaċilitaw tifrix usa’ u effiċjenti tar-riskju b’bosta atturi minn ġewwa u barra s-settur finanzjarju.

    3.10.

    Il-KESE jqis li dawn ir-rekwiżiti ta’ trasparaenza huma importanti, billi n-nuqqas ta’ trasparenza u standardizzazzjoni huma fost l-ikbar ostakli għall-iżvilupp tas-suq tat-titolizzazzjoni. Il-prinċipju fundamentali ta’ differenza bejn id-diversi kategoriji tal-prodotti titolizzati u tal-implimentazzjoni ta’ prodotti sempliċi, trasparenti u standardizzati jitqies ukoll bħala mezz adegwat biex tiżdied il-fiduċja tal-azzjonisti u biex jingħata nifs ġdid lis-suq.

    3.11.

    Ir-rekwiżit taż-żamma tar-riskju jimplika li l-partijiet li jinvestu stess għandhom iżommu riskju minimu fil-portafoll, u l-Kumitat iqis li dan huwa prinċipju adatt. Ta’ min jinnota wkoll li ma nistgħux immorru lura għall-mudelli “originate to distribute” (oriġina u ddistribwixxi).

    3.12.

    L-investituri u l-azzjonisti għandhom kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet. Waħda mir-responsabbiltajiet li għandhom l-azzjonisti, fost oħrajn, hija d-dmir tad-diliġenza dovuta fir-rigward tat-titolizzazzjonijiet li fihom ser ikunu jinvestu. Li tinbidel id-direzzjoni u li r-responsabbiltà tgħaddi għand ir-regolaturi u l-gvernijiet jimplika li titfaċċja kwistjoni mhux mixtieqa ta’ periklu morali.

    3.13.

    It-tranżazzjonijiet u s-swieq tat-titolizzazzjoni f’ċerti ċirkostanzi jistgħu jħaddnu ċerti riskji bħalma ħareġ b’mod ċar dan l-aħħar u fejn saru ċerti żbalji. Dan jimplika li fl-għoti ta’ nifs ġdid li qed isir bħalissa, l-iżbalji tal-passat m’għandhomx jiġu ripetuti, bħalma enfasizzat, barra minn hekk, il-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Investiment ippubblikat fi tmiem l-2014. Fl-ambjent il-ġdid għandu jkun hemm ċarezza dwar ir-riskju li jista’ jiġi assoċjat u min ser iġorru. Bis-saħħa ta’ armonizzazjoni tal-istandards tar-rappurtar, l-għoti ta’ informazzjoni iktar strutturata u l-użu ta’ mudelli stabbiliti tkun tista’ tissaħħaħ il-fiduċja tal-azzjonisti u tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju. Flimkien ma’ kwalità mtejba tal-informazzjoni dan għandu jgħin biex l-intervent ta’ aġenziji tal-valutazzjoni tal-kreditu jsir superfluwu kemm jista’ jkun.

    3.14.

    Il-prinċipji tas-sigurtà, it-trasparenza u l-infurzar għandhom jagħmlu parti mir-regolament il-ġdid, li jfisser ukoll li tinkiseb fiduċja fis-swieq il-ġodda. Il-monitoraġġ għandu jiġi żviluppat b’mod adatt u d-dimensjoni internazzjonali m’għandhiex tiġi injorata.

    3.15.

    Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-prinċipju li dawn it-tranżazzjonijiet u s-swieq ikunu biss għall-azzjonisti professjonali u dawk istituzzjonali, il-banek u azzjonisti oħra li jinvestu fit-tul. Fl-abbozz, il-punt imressaq huwa li l-investituri ż-żgħar u l-konsumaturi m’għandux ikollhom aċċess għalihom. Minħabba l-kumplessità tal-kwistjoni u r-riskji assoċjati, dan huwa l-approċċ it-tajjeb, iżda l-Kumitat iħeġġeġ li din il-projbizzjoni tiddaħħal fit-testijiet b’mod formali.

    3.16.

    Il-Kumitat huwa konxju li t-testijiet attwali għadhom limitati jippromovu l-armonizzazzjoni ta’ għadd ta’ elementi ċentrali fis-swieq tat-titolizzazzjoni u ma jantiċipawx l-armonizzazzjoni addizzjonali mmexxija mis-suq ta’ proċessi u prattiki f’dawn is-swieq. Kull sforz f’dan il-qasam għandu jingħata attenzjoni, jiġi monitorjat u evalwat.

    3.17.

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni prevista erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din l-inizjattiva, il-Kumitat huwa favur li jiġi stabbilit perjodu iqsar ta’ sentejn, sabiex jingħata ċans kemm jista’ jkun li jinkiseb suċċess.

    3.18.

    Barra minn hekk, huwa importanti li l-persuni li jfasslu l-politika Ewropea jaqdu rwol kruċjali fid-dibattitu internazzjonali, u b’mod partikolari fit-taħditiet f’Basel (15), dwar l-iżvilupp ta’ qafas prudenzjali għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni suffiċjenti fil-livell internazzjonali.

    Brussell, l-20 ta’ Jannar 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali” ippubblikata fit-30 ta’ Settembru 2015, COM(2015) 468 final. Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1447000363413&uri=CELEX%3A52015DC0468

    (2)  Ara s-sit tal-Internet tal-Kummissjoni Ewropea http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/index_mt.htm.

    (3)  Fil-proposta għal regolament, it-titolizzazzjonijiet jiġu deskritti kif ġej (Premessa 1): It-titolizzazzjoni tinvolvi tranżazzjonijiet li jippermettu lil mutwanti – normalment istituzzjoni ta’ kreditu – jirrifinanzja sett ta’ self jew skoperturi bħal self għal proprjetà immobbli, kirjiet ta’ karozzi, self lill-konsumatur jew karti ta’ kreditu, billi jibdilhom f’titoli negozjabbli. Il-mutwanti jippulja u jerġa’ jippakkja portafoll tas-self tiegħu, u jqassamhom f’kategoriji ta’ riskju differenti għal investituri differenti, biex b’hekk jagħti aċċess lill-investituri għal investimenti f’self u skoperturi oħrajn li normalment ma jkollhomx aċċess dirett. Ir-redditi għall-investituri huma ġġenerati mill-flussi tal-flus tas-self sottostanti.

    (4)  Proposta għal Regolament dwar it-titolizzazzjoni (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna).

    (5)  It-taqsira STS tiġi mill-Ingliż: “simple, transparent and standardised” securitisations.

    (6)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti ta’ investiment. Ara http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52015PC0473&qid=1445963164202=MT.

    (7)  Ara “Bank deleveraging, the move from bank to market-based financing, and SME financing”, OECD 2012. Disponibbli f’dan is-sit: http://www.oecd.org/finance/financial-markets/Bank_deleveraging-Wehinger.pdf.

    (8)  Skeda informattiva 1 Għalfejn l-UE teħtieġ pjan ta’ investiment? Dokument konġunt tal-Kummissjoni tal-UE u l-BEI. Ara http://ec.europa.eu/priorities/jobs-growth-investment/plan/docs/factsheet1-why_mt.pdf.

    (9)  Ara r-rapport ta’ informazzjoni “L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs”, EESC-2014-06006-00-01-RI-TRA, punt 1.2.5 u l-Opinjoni “Il-fondi għan-negozju: investigazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ provvista alternattivi” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 20) punt 1.5.

    (10)  Rapport Annwali dwar l-SME Ewropej, 2013/2014, kif jidher fir-Rapport ta’ Informazzjoni “L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs”, EESC-2014-06006-00-01-RI-TRA.

    (11)  Residential Mortgage-Backed Securities – Titoli abbażi ta’ ipoteka residenzjali.

    (12)  Proposta għal Regolament dwar it-titolizzazzjoni.

    (13)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 91), punt 3.3.2.

    (14)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “Green Paper –Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali” (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 64), punt 3.9.

    (15)  Konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) dwar il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u kumparabbli. Il-konsultazzjoni saret bejn il-11 ta’ Diċembru 2014 u t-13 ta’ Frar 2015.


    Top