Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE5067

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija” [COM(2015) 339 final]

    ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 82/22


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”

    [COM(2015) 339 final]

    (2016/C 082/04)

    Relatur:

    is-Sur Lutz RIBBE

    Nhar l-14 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”

    [COM(2015) 339 final].

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2016.

    Matul il-513 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 vot favur, 4 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa’ l-analiżi tal-Kummissjoni, u jappoġġja l-proposti tagħha. Il-konsumaturi jmisshom ilhom li tqiegħdu fil-qalba tal-politika Ewropea dwar l-enerġija, biex jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod sħiħ u attiv.

    1.2.

    L-ostakli msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li ma jħallux lill-“konsumaturi … jiġġeneraw l-elettriku u jikkunsmawh huma stess” għalhekk joħolqu problema li għandha tiġi solvuta b’mod urġenti. Sfortunatament, id-dokument ma jsemmix biżżejjed fejn u kif dawn l-ostakoli joriġinaw fil-prattika u x’jeħtieġ li jsir biex dawn jingħelbu. Il-Kummissjoni tista’ tfassal dokument separat għal dan il-għan.

    1.3.

    Il-KESE jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni – biex jiġu rikonoxxuti u jingħataw aktar attenzjoni l-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll biex l-involviment tal-atturi tas-suq lokali jiġi promoss – huwa ġust.

    1.4.

    Il-kwistjoni ta’ kif għandhom jitfasslu sistemi tal-enerġija hija ta’ importanza strateġika. Jeħtieġ li ssir kompetizzjoni għad-disinn tal-aktar sistema effiċjenti globalment. Dan imur lil hinn mill-produzzjoni u mill-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali.

    1.5.

    Ir-reazzjoni għad-domanda ser ikollha rwol ċentrali. Għal dan l-għan, il-kundizzjonijiet tekniċi (“miters intelliġenti”, “netwerks intelliġenti”), l-ewwel għandhom jiġu stabbiliti mil-lat tal-konsumatur u għandhom jinfiehmu u jiġu ffinanzjati bħala parti mill-iżvilupp tan-netwerk.

    1.6.

    Is-sistemi ta’ ġestjoni tar-reazzjoni għad-domanda jistgħu jintużaw mill-konsumaturi mhux biss biex jadattaw il-konsum tal-enerġija tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jiffrankaw il-flus. Il-Kummissjoni ġustament semmiet li “Il-kombinazzjoni ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata u għażliet ta’ ħżin ma’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tgħin lill-konsumaturi biex isiru fornituri tagħhom infushom u jimmaniġġjaw (parti mill-) il-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom, isiru produtturi u konsumaturi u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom”  (1) (l-hekk imsejħa “prosumaturi”).

    1.7.

    Għandhom jiġu żviluppati skemi ta’ inċentivi ġodda li jippremjaw l-isforzi għat-tfassil tal-awtokonsum, il-provvista diretta, il-ħżin ta’ enerġija żejda u d-disponibbiltà tar-regolazzjoni tal-enerġija, kif ukoll il-ġestjoni attiva tal-piż tal-atturi kollha tas-suq, b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għas-sistema.

    1.8.

    Il-vantaġġi deskritti mill-Kummissjoni tal-approċċ il-ġdid tal-prosumaturi juru li dawn huma aktar minn sempliċiment komplement għas-“sorsi ta’ ġenerazzjoni ċentralizzati”. Dan jittratta dwar il-libertà tal-għażla tal-utent – jiġifieri l-intraprendituri, iċ-ċittadini, il-ħaddiema taċ-ċivil eċċ. – li jista’ jkollhom rwol attiv fis-sistema tal-enerġija tal-futur permezz ta’ produzzjoni attiva, l-awtokonsum, il-ħżin u l-awtokummerċjalizzazzjoni.

    1.9.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni adegwata tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. L-eżempji juru li għandha fehim limitat tal-approċċ tal-prosumatur. Fil-fehma tal-KESE l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum għandhom jiġu interpretati b’mod usa’ minn sempliċi elettriku awtoġenerat u awtokonsmat minn ġeneratur privat li jitwaħħal wara l-miter.

    1.10.

    Qed jitfaċċjaw strutturi usa’ tal-prosumaturi fil-komunità, iżda dawn qed jiġu mfixkla sew. L-implimentazzjoni ta’ mudelli kummerċjali innovattivi ttejjeb ir-rwol il-ġdid attiv tal-konsumaturi u tiftaħ opportunitajiet ta’ valur kompletament ġodda. Huwa kruċjali li dawn jitqiesu fil-“Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija”.

    1.11.

    Forom oħra ta’ awtoġenerazzjoni u awtoprovvista definiti b’mod iktar ġenerali, li jużaw in-netwerk pubbliku – bi ħlas, naturalment – jagħmluha possibbli wkoll li l-kerrejja, l-intrapriżi ż-żgħar jew il-membri ta’ kooperattivi jaqdu rwol attiv u reponsabbli fis-suq tal-enerġija u jaqilgħu u/jew jiffrankaw il-flus. Definizzjoni stretta tal-kunċett tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum hija għalhekk soċjopolitikament inġusta u diskriminatorja mil-lat tal-politika ekonomika.

    1.12.

    Is-sistema deċentralizzata tal-enerġija tal-Kummissjoni teħtieġ ukoll approċċi deċentralizzati (2). Il-konsumatur m’għandux biss ikun ħieles li jagħżel lid-distributuri, iżda anke l-produtturi tal-enerġija.

    2.   Introduzzjoni (kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni)

    2.1.

    L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija “hija waħda ta’ Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq, u fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti”  (3).

    2.2.

    Filwaqt li s-settur tal-enerġija fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin inbidel radikalment, il-konsumaturi, jiġifieri l-unitajiet domestiċi privati, in-negozji u l-industrija – kienu u għadhom imċaħħda milli jisfruttaw il-benefiċċji sħaħ tat-transizzjoni attwali fis-settur tal-enerġija, jiġifieri li jikkontrollaw il-konsum tal-enerġija tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom. Il-fatturi li qed jikkawżaw dan huma:

    nuqqas ta’ trasparenza fl-ispejjeż, il-konsum u l-offerta tal-prodotti;

    proporzjon li qed jikber ta’ tariffi, taxxi u b’mod partikolari dazji tan-netwerk fuq il-kontijiet finali tal-elettriku;

    kompetizzjoni insuffiċjenti f’ħafna swieq tal-bejgħ bl-imnut, nuqqas ta’ kumpens għal parteċipazzjoni attiva u d-diffikultà li jinbidel il-fornitur;

    swieq mhux żviluppati biżżejjed għas-servizzi tal-enerġija residenzjali u r-rispons għad-domanda;

    ostakli għall-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum;

    aċċess inugwali għall-informazzjoni u ostakli kbar għad-dħul għall-kompetituri l-ġodda, li jxekklu l-adozzjoni ta’ teknoloġiji u prattiki avvanzati disponibbli (bħall-miters intelliġenti, l-apparat domestiku intelliġenti, is-sorsi ta’ enerġija deċentralizzati u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika).

    2.3.

    Ir-ristrutturar tas-suq tal-elettriku (4), l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija ġodda u innovattivi għandhom jagħmluha possibbli li l-konsumaturi kollha jipparteċipaw bis-sħiħ fit-transizzjoni fil-qasam tal-enerġija, bil-ħsieb li l-konsum tagħhom jiġi ġestit aħjar permezz ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġu ffrankati l-flus billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’mod ġenerali.

    2.4.

    Fl-istess ħin ir-rwol tal-utenti ser jinbidel: l-offerta u s-servizzi tal-enerġija mhux biss ser ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar u b’hekk ikunu iktar flessibbli iżda jkunu jistgħu anke jieħdu rwol attiv bħala produtturi tal-enerġija.

    2.5.

    Il-Kummissjoni titkellem dwar strateġija ta’ “tliet pilastri”, li tirriżulta minn

    a)

    kooperazzjoni attiva mal-konsumaturi,

    b)

    innovazzjonijiet teknoloġiċi fil-qasam tad-djar u n-netwerks intelliġenti,

    c)

    attenzjoni speċjali lill-ġestjoni u l-protezzjoni tad-data

    u li għandha tiġi implimentata bi pjan ta’ 10 miżuri.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-analiżi tal-Kummissjoni, u jappoġġja bil-qawwa l-proposti li għamlet. Il-konsumaturi jmisshom ilhom li tqiegħdu fil-qalba tal-politika tal-enerġija Ewropea u dik tal-Istati Membri, peress li progress sinifikanti fuq ħafna oġġettivi fit-triq lejn provvista tal-enerġija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jista’ jiġi aċċettat u jinkiseb biss jekk il-konsumaturi minn kull qasam tas-soċjetà jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv u responsabbli bis-sħiħ fir-rigward tal-għanijiet ġenerali tal-enerġija u l-ambjent.

    3.2.

    Il-KESE jinnota li f’ħafna sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri, l-importanza strutturali u strateġika tal-konsumaturi huma limitati ħafna minħabba qafas regolatorju insuffiċjenti. Dan il-qafas jirrifletti nuqqas ta’ fehim politiku dwar ir-rwol attiv tal-konsumaturi. F’dan il-kuntest, il-proposti jidhru li huma adatti għall-implementazzjoni tal-għanijiet stabbiliti (inkluż it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ iktar effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, il-bidla mill-produzzjoni tal-enerġija għal sorsi ta’ enerġija nodfa, l-adattament aħjar tal-konsum għal varjazzjonijiet akbar fl-output tal-enerġija fil-futur, it-tnaqqis tal-piż fuq in-netwerk u ż-żieda fl-effiċjenza tan-netwerk permezz tal-ġestjoni tad-domanda, żieda fid-diversità tal-atturi) b’mod trasparenti u kosteffettiv għall-konsumatur.

    3.3.

    Madankollu, l-għoti ta’ aktar drittijiet u opportunitajiet lill-konsumaturi jfisser ukoll li jiġu spjegati li dawn jerfgħu wkoll ir-responsabbiltà u jridu jaċċettaw il-ħtieġa għal adattament. Dan huwa kunċett ġdid għal ħafna nies.

    3.4.

    Din ir-responsabbiltà ma tistax tiġi imposta, trid tiġi mgħallma u żviluppata fil-prattika mill-partijiet interessati kollha (inklużi dawk li jfasslu l-politika). Għalhekk, hemm bżonn urġenti li l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi tiġi estiża fid-deċiżjonijiet rigward l-enerġija, u fl-investiment fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, fin-netwerks tal-enerġija (inklużi l-applikazzjonijiet tan-netwerks intelliġenti) u fil-ħżin u l-ġestjoni tagħhom.

    3.5.

    L-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi għandhom ikunu kemm affordabbli (il-problema tal-kompettitività u l-faqar enerġetiku) kif ukoll ġusti (għal distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u l-benefiċċji). Il-prezzijiet u t-teknoloġiji tal-enerġija fil-passat spiss kienu jiffavorixxu dawk b’għarfien u kompetenzi speċifiċi, ħiliet u riżorsi finanzjarji u tekniċi u bil-ħila li japplikawhom. Sistema li ma tipprovax tindirizza dan l-iżbilanċ iddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq.

    3.6.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-faqar enerġetiku – problema soċjali li qed tikber – l-aħjar tiġi indirizzata direttament minn miżuri soċjopolitiċi. Madankollu, huwa importanti li l-Patt il-Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija jkollu l-għan ukoll li jelimina l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi fis-suq.

    3.7.

    Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi ġustament b’mod ċar ħafna li – apparti l-aċċess għall-informazzjoni, il-fattur determinanti għad-deċiżjoni tal-utent huwa l-prezz finali (gross). Anki jekk fost ħafna ċittadini hemm aktar kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, kif ukoll attitudni pożittiva lejn l-enerġija rinnovabbli, huwa primarjament il-prezz li jiddetermina jekk l-enerġija tiġix iffrankata jew le, jekk il-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġux implimentati u jekk jintużawx sorsi ta’ enerġija favur l-ambjent. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi partikolarment vulnerabbli ma jkunux esposti għal qabżiet estremi fil-prezzijiet, iżda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi (tekniċi) li jgħaddulhom il-benefiċċji mixtieqa kważi awtomatikament.

    3.8.

    Hemm żvilupp ġdid, fejn il-konsumaturi mhux biss qed jitolbu prodotti agrikoli reġjonali, iżda wkoll elettriku reġjonali mill-faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli. Ir-reġim regolatorju kważi b’mod ġenerali qed iżomm lil din iż-żieda fid-domanda milli tiġi sodisfatta mill-kumpaniji tal-enerġija – speċjalment dawk li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom impatt dirett fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali, bħall-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità jew ċerti servizzi tal-gvern lokali.

    3.9.

    Dan mhuwiex sodisfaċenti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, ir-riżultat tas-suq huwa ineffiċjenti peress li l-preferenzi u l-ħtiġiet tal-konsumaturi mhumiex koperti. Min-naħa l-oħra l-offerti tal-enerġija ekoloġika reġjonali jtejbu l-perċezzjoni tal-enerġija b’mod ġenerali u jħeġġu lill-utenti tal-enerġija biex jiffrankaw u jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jużaw għażliet flessibbli biex jikkumpensaw għall-fluttwazzjonijiet fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

    3.10.

    Il-KESE jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni – li l-kundizzjonijiet lokali jinfiehmu, jitqiesu iktar u jingħataw aktar attenzjoni, u li l-involviment tal-atturi lokali jiġi appoġġjat b’mod iktar intensiv, parzjalment biex ikunu jistgħu jiġu offruti prezzijiet reali determinati fl-istadju tal-konsum, minflok l-istadju tal-produzzjoni – huwa importanti.

    3.11.

    Il-kwistjoni ta’ kif għandhom jitfasslu sistemi tal-enerġija hija ta’ importanza strateġika. Ikun utli li ssir kompetizzjoni għad-disinn tal-aktar sistema effiċjenti. Dan imur lil hinn mill-produzzjoni u mill-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali. Għalhekk, id-deċiżjonijiet unilaterali għal ċerti konfigurazzjonijiet tas-suq jew is-sistema, kif jagħmlu Stati Membri individwali, ħafna drabi jkunu prematuri. B’mod partikolari, huwa importanti li nitbiegħdu mit-tendenza li nqisu l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni separatament, kif ukoll mid-diviżjoni settorjali bejn l-elettriku, it-tisħin u t-trasport.

    3.12.

    Is-sistemi tal-enerġija għandhom jiġu evalwati sa liema punt huma konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti. Fir-rigward tat-tisħin u t-trasport – b’kuntrast mal-konsum tal-elettriku – il-konsumaturi minn dejjem kienu aktar integrati fil-proċessi reġjonali korrispondenti. Għaldaqstant, il-progress lejn l-għanijiet tal-enerġija u l-ambjent ser jinkiseb aħjar jekk ikun hemm ir-rieda li s-sistemi tal-enerġija jiġu konfigurati abbażi tal-integrazzjoni tal-konsumaturi u l-parteċipazzjoni u l-konverġenza tas-setturi tal-elettriku, it-tisħin u t-trasport. F’dan il-kuntest hemm ħafna punti vantaġġużi tas-sistemi ta’ enerġija deċentralizzati. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar It-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija (5).

    3.13.

    Għandha ssir enfasi qawwija fuq il-funzjonament tas-sistemi l-ġodda; iridu jkunu sempliċi u trasparenti u m’għandhomx ikunu ta’ piż fuq il-konsumatur. Ir-riżorsi tekniċi huma disponibbli biex jiżguraw dan.

    3.14.

    L-ewwel nett, madankollu, jeħtieġ li fl-Ewropa jiġi stabbilit qafas komuni li permezz tiegħu l-ispejjeż kollha assoċjati mal-produzzjoni tal-enerġija, inklużi l-ispejjeż esterni, jiġu integrati b’mod sħiħ fil-prezz tal-enerġija. Huwa rakkomandat (6) li jkun hemm trasparenza assoluta fil-prezzijiet. Il-konsumatur irid jifhem il-prezzijiet tal-bejgħ faċilment u b’mod affidabbli. Ir-regolazzjoni tas-suq, tkun kemm tkun trasparenti, flessibbli u miftuħa, ma tistax tikkumpensa għas-sinjali tal-prezzijiet ħżiena li jirriżultaw mis-sussidji diretti jew indiretti għal sorsi ta’ enerġija partikolari.

    4.   Pilastru 1: Kooperazzjoni attiva tal-konsumaturi

    4.1.   Kummenti ġenerali

    4.1.1.

    Ir-rwol tal-konsumatur fis-settur tal-enerġija jista’ jinbidel b’mod radikali fis-snin li ġejjin, jekk ikun hemm ir-rieda politika. Għaldaqstant, huwa xieraq li din it-taqsima tingħata l-akbar prijorità fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dan ma jittrattax biss kwistjonijiet tekniċi u kummerċjali, iżda l-bidliet strutturali fundamentali li jwasslu għal proċessi tal-enerġija iktar demokratiċi.

    4.1.2.

    Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tagħhom flimkien ma’ informazzjoni aħjar jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. Fejn il-konsum individwali s’issa jkun għadu mhux determinat (u b’hekk fatturat) is-sitwazzjoni trid tissolva malajr kemm jista’ jkun. Fejn jeħtieġ li jiġu installati miters ġodda dawn għandhom ikunu awtomatikament “miters intelliġenti”.

    4.1.3.

    L-istatistika dwar il-konsum għandha tittejjeb malajr, b’konformità mal-ideat tal-Kummissjoni, li jeħtieġu wkoll li t-28 % ta’ konsumaturi li x’aktarx mhux ser ikollhom aċċess għall-“miters intelliġenti” wara l-2020, jingħataw id-dritt li japplikaw għal wieħed. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi ser jiġu stabbiliti biss jekk l-iffrankar potenzjali jibqa’ kompletament għall-konsumatur finali u ma jiġix ikkumpensat minn imposti ġodda b’rata fissa.

    4.1.4.

    Sabiex ikun hemm penetrazzjoni rapida ta’ miters intelliġenti, din għandha tkun newtrali mil-lat tal-ispejjeż għall-konsumatur. L-ispejjeż tal-installazzjoni għandhom jiġu inklużi fl-ispejjeż tan-netwerk. Għandhom jiġu stabbiliti oqfsa armonizzati u stretti għall-produtturi dwar il-protezzjoni tad-data u l-protokolli ta’ trasmissjoni.

    4.1.5.

    Madankollu, in-newtralità fl-ispejjeż hija biss kriterju essenzjali u meħtieġ biex l-utenti jaċċettaw il-miters intelliġenti. Għandu jkun hemm ukoll livell għoli ta’ fiduċja fl-operaturi tan-netwerk, il-fornituri u d-distributuri li jiġbru u janalizzaw id-data. Iktar ma l-konsumaturi jkunu mbiegħda minn dawn il-kumpaniji, iktar ser ikun diffiċli li jistabblixxu din il-fiduċja. Għall-KESE, huwa ċar li għandu jkun hemm l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data għall-konsumaturi, li fost affarijiet oħra tfisser li d-data tkun kompletament aċċessibbli għalihom.

    4.1.6.

    Il-konsumaturi diġà għandhom għadd ta’ għażliet fis-swieq eżistenti għal offerti aktar favorevoli. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “l-bidla jeħtieġ li tkun teknikament faċli, rapida u affidabbli” għandha tkun ovvja f’Ewropa li nħolqot sabiex tippromovi l-moviment ħieles tal-prodotti. Għal din ir-raġuni, l-abolizzjoni ta’ ħlasijiet u penali fil-każ ta’ bidla m’għandhiex “titqies”  (7) iżda tiġi implimentata!

    4.1.7.

    Il-possibbiltà ta’ għażla tal-fornituri u n-negozjar tat-termini tal-kuntratti huma elementi prinċipali tal-kompetizzjoni fis-suq. Wieħed mill-indikaturi f’dan ir-rigward huwa l-frekwenza ta’ tibdil. It-tibdil isir frekwenti, iżda f’ħafna Stati Membri r-rati ta’ tibdil huma baxxi ħafna (8). Din hija konsegwenza ta’ informazzjoni inadegwata għall-konsumaturi u ostakli oħra tas-suq.

    4.1.8.

    Għalkemm it-tibdil tal-fornitur huwa għodda importanti għall-konsumaturi, ma jistax jiġi determinat kemm il-kompetizzjoni qed tiffunzjona biss abbażi tar-rati tat-tibdil u l-prezzijiet. Is-sodisfazzjon tal-klijent, ir-rabtiet lokali u l-involviment soċjali tal-fornituri tal-unitajiet lokali diġà jaqdu rwol dejjem akbar fl-għażla ta’ provveditur, kif ukoll il-preżenza lokali tar-rappreżentant tal-fornitur. Kulma jmur l-utenti mhumiex biss interessati kif l-elettriku huwa prodott, iżda wkoll fejn u minn min. Għalhekk huwa importanti li l-konsumaturi mhux biss ikunu jistgħu jagħżlu lid-distributuri b’mod ħieles iżda wkoll il-produtturi.

    4.1.9.

    Għalhekk, ser ikun hemm kompetizzjoni tal-prezz u tal-kwalità. Jekk l-ispejjeż tan-netwerk u l-ispejjeż tal-produzzjoni jkunu trasparenti, l-elettriku li kien marġinalment ogħla biex jiġi prodott, iżda li għandu spejjeż tat-trasport iktar baxxi, fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun irħas. Iżda dan jeħtieġ prezzar skont id-distanza fil-komponent tal-ispiża tan-netwerk, kif ukoll il-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni immedjata u personali tal-elettriku awtoġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli b’kundizzjonijiet kompetittivi ġusti.

    4.1.10.

    Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-għanijiet soċjali, strutturali u tal-politika reġjonali ma jistgħux jinkisbu minn prezzijiet tal-enerġija kontrollati jew regolati mill-Istat.

    4.1.11.

    Il-KESE jemmen li l-istqarrijiet dwar ir-“rispons għad-domanda”, dwar “l-awtoġenerazzjoni u awtokonsum” u “żieda fil-parteċipazzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ intermedjazzjoni u skemi kollettivi”, huma kruċjali minħabba li dawn jiftħu żviluppi kompletament ġodda.

    4.2.   Ir-rispons għad-domanda

    4.2.1.

    Ir-riżultati deskritti fid-dokument tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tar-rispons għad-domanda eżistenti, fost oħrajn permezz tal-ipprezzar dinamiku (fil-kuntratti għall-provvista tal-elettriku) u sistema flessibbli awtomatizzata għar-rispons għad-domanda, huma eżempji tajba tad-dikjarazzjoni li “l-effiċjenza tal-enerġija u rispons tad-domanda ta’ spiss huma għażliet aħjar sabiex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda milli huma l-bini jew it-tħaddim ta’ aktar impjanti tal-enerġija jew linji tan-netwerk.” (9).

    4.2.2.

    Iżda ser ikun hemm parteċipazzjoni attiva mill-konsumaturi finali biss jekk il-benefiċċji tat-tariffi flessibbli jikkumpensaw l-ispejjeż tal-investiment meħtieġ fi żmien raġonevoli. Għalhekk, is-sinjali tal-prezzijiet iridu jkunu korretti, jiġifieri l-perjodi ta’ provvista ta’ enerġija għolja u domanda iktar baxxa (pereżempju matul perjodu ta’ riħ jew ta’ xemx) jew ta’ domanda għolja u provvista ridotta jridu jkunu riflessi fil-prezzijiet li jistgħu jintgħażlu mill-konsumatur aħħari.

    4.2.3.

    Is-sinjali tal-prezzijiet – kemm jista’ jkun awtomatizzati – għandhom ikunu komunikati lill-konsumatur biex ikun jista’ jagħmel użu minnhom. Jeħtieġ li kemm jista’ jkun is-sistemi jkunu awtoregolati. Inkella jibbenefikaw biss il-klijenti b’għarfien tekniku. Id-deċiżjoni dwar kemm il-konsumatur jixtieq jieħu sehem f’dawn is-swieq għandha titħalla f’idejh.

    4.2.4.

    Għandu jiġi mistenni li l-konsumaturi attivi l-ġodda jieħdu sehem b’mod iktar intensiv fir-rispons għad-domanda iktar ma jkunu involuti direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-miżuri ta’ infrastruttura u f’investimenti u l-ġestjoni tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni, netwerks u ħżin. Għal din ir-raġuni, kull forma ta’ parteċipazzjoni ċivika jew enerġija ċivika jew strutturi oħra ta’ prosumaturi organizzati soċjalment huma elementi iktar rilevanti fis-suq tal-elettriku. Iżda dawn il-kwistjonijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

    4.3.   L-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum – Il-prosumaturi fix-xena tal-enerġija tal-futur

    4.3.1.

    Il-konsumaturi jistgħu jagħmlu iktar milli sempliċiment jadattaw il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni ġustament semmiet li “Il-kombinazzjoni ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata u għażliet ta’ ħżin ma’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tgħin lill-konsumaturi biex isiru fornituri tagħhom infushom u jimmaniġġjaw (parti mill-) il-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom, isiru produtturi u konsumaturi u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom”  (10).

    4.3.2.

    Madankollu, dan ser ikun possibbli biss jekk ikun hemm disinn ġenwinament ġdid tas-suq adattat għall-għanijiet formali u ma jsir l-ebda tentattiv biex is-sistema eżistenti tiġi trasformata sabiex enerġiji ġodda jkunu jistgħu jiġu inkorporati fiha (11).

    4.3.3.

    Għandhom jiġu żviluppati skemi ta’ inċentivi ġodda li jippremjaw l-isforzi għat-tfassil tal-awtokonsum, il-provvista diretta, il-ħżin ta’ enerġija żejda u d-disponibbiltà tar-regolazzjoni tal-elettriku b’mod li jkun ta’ benefiċċju għas-sistema. Dan jirrikjedi mhux biss li l-kriterji jiġu definiti mill-ġdid iżda li jitfassal kunċett ġdid ta’ x’tista’ tkun sistema tal-enerġija tal-futur f’kuntest ta’ enerġija dejjem iktar deċentralizzata. Fi kwalunkwe każ mhuwiex aċċettabbli li nintrabtu ma’ kunċett ta’ sistema li ntirtet minn żmien meta l-impjanti konvenzjonali nukleari u tal-faħam kienu jipprovdu karga bażika fuq bażi permanenti.

    4.3.4.

    Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta vantaġġi oħra ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-kapaċità li jitnaqqas it-telf tan-netwerks u l-konġestjoni, u b’hekk jistgħu jiġu ffrankati l-flus fuq medda twila ta’ żmien. Il-KESE jaqbel ma’ din l-idea, iżda dawn il-benefiċċji fl-Istati Membri s’issa għadhom ma ġewx identifikati u kkunsidrati biżżejjed.

    4.3.5.

    Id-deskrizzjoni dettaljata tal-benefiċċji ta’ dan l-approċċ il-ġdid f’dokument ta’ ħidma (12) mehmuż mal-Komunikazzjoni turi li dan l-approċċ ta’ prosumatur huwa iktar minn sempliċiment komplement utli għas-sorsi ta’ ġenerazzjoni ċentralizzati. Dan jittratta l-libertà tal-għażla tal-konsumatur li jagħżel li jaqdi rwol attiv fis-sistema tal-enerġija tal-futur permezz ta’ awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum, il-ħżin u l-awtokummerċjalizzazzjoni.

    4.3.6.

    Iżda fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tatx definizzjoni adegwata tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. Id-dokument ta’ ħidma mehmuż mal-Komunikazzjoni jelenka ħafna eżempji (13) li juru, madankollu, li għandha fehim limitat tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. Fil-fehma tal-KESE dawn għandhom jiġu interpretati b’mod usa’ minn sempliċiment elettriku awtoġenerat minn ġeneratur privat imwaħħal wara l-miter, bħal pereżempju elettriku PV minn sistema tal-bejt tad-dar; jiġifieri elettriku ġenerat mingħajr l-użu tan-netwerk pubbliku jew it-trażmissjoni minnu. L-identifikazzjoni tal-operatur tas-sistema mal-utent aħħari għandha tiġi abbandunata, peress li din tkopri biss forma partikolari ta’ awtoprovvista.

    4.3.7.

    Qed jiġu żviluppati strutturi ta’ prosumaturi definiti b’mod usa’, iżda dawn bħalissa qed jiġu mfixkla sew. Dan jinkludi pereżempju l-mudell tan-negozju fejn il-kooperattivi tal-enerġija jirreklamaw l-elettriku tagħhom direttament mal-membri jew fejn il-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità jipprovdu l-elettriku tagħhom lill-konsumaturi fiż-żona lokali, mingħajr ma jgħaddu mis-suq jew id-distributuri tal-enerġija. L-implimentazzjoni ta’ tali mudelli tavvanza sew ir-rwol attiv il-ġdid tal-konsumatur u tiftaħ mudelli tan-negozju kompletament ġodda meqjusa f’“Patt Ġdid” għall-konsumaturi tal-enerġija.

    4.3.8.

    It-twessigħ tad-definizzjoni tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum huwa importanti wkoll peress li l-interpretazzjoni limitata użata s’issa (ibbażata fuq l-identità tal-operaturi u l-konsumaturi finali) hija mmirata biss lejn gruppi partikolari ta’ konsumaturi attivi. Fil-fatt, l-uniċi konsumaturi li jistgħu jwettqu l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum huma dawk b’kapital biżżejjed biex jinvestu f’faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni, jew, iktar importanti, b’biżżejjed spazju (pereżempju ġol-bini jew fuqu) biex jinstallawhom. Mil-lat prattiku, il-kerrejja, pereżempju, ikunu esklużi; l-istess problema tapplika għall-konsumaturi industrijali, l-iktar għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk li m’għandhomx sit kbir.

    4.3.9.

    Mill-banda l-oħra, il-forom ta’ awtoġenerazzjoni u awtoprovvista definiti b’mod usa’, li jużaw in-netwerk pubbliku – bi ħlas, naturalment – jikkostitwixxu mudelli li bis-saħħa tagħhom, il-kerrejja, l-intrapriżi ż-żgħar, il-membri ta’ kooperattivi eċċ., jaqdu rwol attiv u reponsabbli bħala prosumaturi fis-suq tal-enerġija u jaqilgħu u/jew jiffrankaw il-flus. Definizzjoni stretta tal-kunċett tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum hija għalhekk inġusta mil-lat tal-politika soċjali u diskriminatorja mil-lat tal-politika ekonomika.

    4.4.   Il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ intermedjazzjoni u skemi kollettivi

    4.4.1.

    Il-Kummissjoni ssemmi wkoll li “Qed joħorġu dejjem aktar skemi kollettivi u inizjattivi Komunitarji f’għadd ta’ Stati Membri. Aktar u aktar konsumaturi jinvolvu rwieħhom fi skemi kollettivi ta’ awtoġenerazzjoni u ta’ kooperazzjoni biex jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Din l-innovazzjoni mill -konsumaturi qed tirriżulta wkoll f’innovazzjoni għall- konsumaturi u toħloq mudelli ġodda ta’ negozju. Kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, aggregaturi, sensara, kumpaniji ta’ ġestjoni tad-dejta, kumpaniji intermedjarji oħra u, ta’ spiss, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, qegħdin ifeġġu biex jgħinu lill-konsumaturi jiksbu l-aqwa kundizzjonijiet fis-suq tal-enerġija filwaqt li jeħilsuhom minn proċeduri amministrattivi kumplessi u riċerka żejda. Dan jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal komunitajiet lokali u l-awtoritajiet regjonali li l-inizjattivi tal-enerġija lokali tagħhom jistgħu jipprovdu rabta pożittiva bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iċ-ċittadini u l-innovaturi fil-livell lokali”  (14).

    4.4.2.

    L-istudju mwettaq mill-KESE dwar l-enerġija ċivika (15) jagħmilha ċara li hemm għadd ta’ benefiċċji oħra li jistgħu jiġu elenkati (eż. aċċettazzjoni ikbar mill-pubbliku għal faċilitajiet ġodda, opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali u l-finanzjament tal-investiment). Fl-Istati Membri kollha li nżaru, il-KESE identifika livell għoli ta’ rieda min-naħa tas-soċjetà ċivili biex tappoġġja lis-settur privat u/jew mudelli tal-komunità u/jew li timplimentahom hi stess. Madankollu, dawn spiss ifallu minħabba rekwiżiti legali, burokratiċi jew oħrajn, b’riżultat ta’ diskriminazzjoni konxja jew mhux konxja.

    4.4.3.

    Pereżempju: ċittadini li joperaw turbina tar-riħ kollettivament, ta’ spiss ma jkunux jistgħu jaċċessawha direttament u jużaw l-elettriku tagħhom stess. Minflok iridu jbiegħu lid-distributuri u jixtruh mingħandhom. Dan mhuwiex dak li l-KESE jifhem b’parteċipazzjoni attiva fis-suq.

    4.4.4.

    Fil-parti introduttorja tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tgħid li l-ostakli li minħabba fihom “il-konsumaturi ma jitħallewx jiġġeneraw l-elettriku u jikkunsmawh huma stess” huma problema li trid tiġi indirizzata, iżda mingħajr ma jissemma b’mod konkret kif u min joħloq dawn l-ostakli u xi jrid isir biex jitneħħew. L-esperjenza minn ħafna Stati Membri turi li l-korpi regolatorji nazzjonali ħafna drabi effettivament jipprevjenu l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum, l-awtoprovvista jew il-provvista diretta, jew tal-inqas joħolqu ostakli ekonomiċi jew burokratiċi; pereżempju nistgħu nsemmu Spanja u l-Ġermanja. Għalhekk il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tfassal karta speċifika biex tiddaħħal fil-proċess ta’ konsultazzjoni u tibni fuq id-Dokument ta’ Ħidma (16) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni li tiddeskrivi liema żvantaġġi ppjanati jew mhux ippjanati jiltaqgħu magħhom l-approċċi tal-prosumaturi, liema ostakli burokratiċi jeżistu u kif id-diskriminazzjoni eżistenti għandha tiġi eliminata.

    Dan ifisser ukoll li l-Kummissjoni għandha twettaq analiżi awtokritika tagħhom dwar jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Diġà jista’ jiġi nnutat li fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u s-sussidji tal-enerġija (17) għall-awtokonsum, l-awtoprovvediment u l-forniment dirett ma ġewx valutati biżżejjed.

    4.4.5.

    Id-diskussjoni dwar l-indipendenza tan-negozjanti l-kbar għandha tinkludi wkoll ir-rwol tal-intermedjarji. Sabiex dan jiġi ppreservat, ikun utli li ssir diskussjoni ulterjuri tal-mudelli ta’ negozju tal-intermedjarji u l-kwistjoni dwar min huma l-klijenti tagħhom!

    5.   Pilastru 2: Djar u netwerks intelliġenti

    5.1.

    L-istrateġija l-ġdida dwar l-enerġija qed tikber minn isfel għal fuq. It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk isir djar intelliġenti, li jsiru bini intelliġenti, u dawn min-naħa tagħhom isiru elementi attivi tan-netwerk. Id-djar intelliġenti huma kważi l-bażi tas-sistemi tal-enerġija l-ġodda; u anke sors ta’ tagħlim u esperjenza għall-konsumaturi l-ġodda attivi. Jeħtieġ li jkunu infurmati aħjar dwar l-opportunitajiet eżistenti.

    6.   Pilastru 3: il-ġestjoni u l-protezzjoni tad-data

    6.1.

    Id-direttivi dwar il-protezzjoni ta’ data konsistenti u affidabbli huma l-bażi u l-kundizzjoni tat-tifrix rapidu u li jqis il-ġejjieni tas-sistemi moderni ta’ komunikazzjoni. Dawn il-punti li ġejjin għandhom jiġu speċifikati:

    liema data hija assolutament neċessarja sabiex jiġi żgurat l-aħjar tħaddim?

    id-data għandha tkun f’forma kriptografika?

    fejn u għal kemm żmien tista’ tinħażen?

    u min jista’ jordna t-tħassir?

    6.2.

    Għall-KESE, huwa essenzjali li l-konsumatur ikun u jibqa’ s-sid tad-data tiegħu u li jibqa’ jkollu kontroll u aċċess sħiħ għad-data b’tali mod li jkun jista’ jivverifikaha, jikkoreġiha u jħassarha, u li jkun jista’ jittrasferiha f’każ li jbiddel il-provveditur.

    Brussell, l-20 ta’ Jannar 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  COM(2015) 339 final.

    (2)  TEN/577: “It-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija” – ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  COM(2015) 80 final, p. 2.

    (4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (6)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (8)  Ara ACER/CEER: Annual Report on the Results of Monitoring the Internal Electricity and Natural Gas Markets in 2013, Ottubru 2014, p. 69.

    (9)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (10)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (11)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (12)  SWD(2015) 141 final, 15.7.2015.

    (13)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

    (14)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (15)  KESE: Inbiddlu l-futur tal-enerġija: is-soċjetà ċivili bħala l-attur prinċipali fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli (EESC-2014-04780-00-04-TCD-TRA(EN)).

    (16)  SWD(2015) 141 final, 15.7.2015.

    (17)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


    Top