Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG1216(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol

    ĠU C 418, 16.12.2015, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 418/6


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol

    (2015/C 418/03)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    1.

    IFAKKAR li taħt l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni, u li l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard, u lejn l-evitar tal-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana. Din l-azzjoni għandha tkopri wkoll il-ġlieda kontra il-flaġelli kbar tas-saħħa, billi b’mod partikolari tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa;

    L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti sostenn lill-azzjoni tagħhom. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, kif ukoll l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom;

    2.

    IFAKKAR li l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol ingħaraf bħala fattur ta’ riskju importanti stabbilit fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-Komunità Ewropea fil-qasam tas-saħħa (1) u li l-azzjonijiet biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol ġew iffinanzjati mit-tieni u t-tielet Programm tal-Unjoni fil-Qasam tas-Saħħa (2);

    3.

    IFAKKAR fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2001 dwar ix-xorb tal-alkoħol miż-żgħażagħ (3), li stiednet lill-Kummissjoni biex, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tagħmel użu sħiħ mill-politiki Komunitarji kollha biex tindirizza l-materji koperti fir-rakkomandazzjoni, fost l-oħrajn, l-iżvilupp fil-livell nazzjonali u dak Ewropew ta’ politiki komprensivi għall-promozzjoni tas-saħħa li jindirizzaw l-alkoħol;

    4.

    IFFAKAR fl-Istrateġija tal-UE li tappoġġa lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol (2006–2012) (4) kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2001 (5), 2004 (6) u 2006 (7), li jistiednu lill-Kummissjoni tressaq strateġija komprensiva mmirata lejn it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol, l-istabbiliment tal-Kumitat dwar il-Politika u l-Azzjoni Nazzjonali dwar l-Alkoħol (CNAPA) għall-appoġġ tal-implimentazzjoni ta’ tali strateġija, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2009 (8) li jistiednu lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-prijoritajiet għall-fażi li jmiss tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-alkoħol u s-saħħa wara t-tmiem tal-ewwel Strateġija tal-UE dwar l-Alkoħol fl-2012;

    5.

    JILQA’ r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija dwar l-Alkoħol tad-29 ta’ April 2015 li titlob Strateġija ġdida tal-UE dwar l-Alkoħol (2016-2022) (9), u li ttenni l-importanza ta’ impenn politiku b’saħħtu mill-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Istati Membri biex jiżdiedu l-isforzi għall-prevenzjoni tal-ħsara relatata mal-alkoħol;

    6.

    JILQA’ l-Istrateġija Globali tal-WHO biex jitnaqqas l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol (10) u l-pjan ta’ azzjoni Ewropew tal-WHO biex jitnaqqas l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol 2012–2020 (11);

    7.

    JINNOTA BI TĦASSIB li, skont ir-Rapport tal-Istatus Globali tal-WHO dwar l-alkoħol u s-saħħa (12), l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol huwa fost il-fatturi dinjija ewlenin ta’ riskju ta’ mard u diżabbiltà, u li l-Unjoni Ewropea hija r-reġjun bl-ogħla konsum ta’ alkoħol fid-dinja b’konsum medju ta’ alkoħol mill-adulti (ta’ 15-il sena jew aktar) ta’ 10,1 litri ta’ alkoħol pur fl-2012 (13);

    8.

    JINNOTA BI TĦASSIB li, skont ir-rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar “Tackling Harmful Alcohol Use - Economics and Public Health Policy” (14), ix-xorb b’mod regolari u eċċessiv qiegħed jiżdied f’xi Stati Membri, u hemm tħassib ġenerali dwar iż-żieda allarmanti fil-konsum tal-alkoħol fost iż-żgħażagħ (minuri u adulti żgħażagħ) u n-nisa f’ħafna Stati Membri, u li l-abbuż mill-alkoħol ma għandux biss impatt negattiv fuq is-saħħa tal-individwi, iżda wkoll fuq is-soċjetà b’mod ġenerali;

    9.

    JENFASIZZA li t-tnaqqis tal-piż tal-mewt, il-mard kroniku u il-feriti kroniċi, il-vjolenza, l-inugwaljanzi fis-saħħa u konsegwenzi soċjali oħra għal partijiet terzi relatati mal-alkoħol u li jistgħu jiġu evitati, kif ukoll tal-imġiba ta’ xorb riskjuża b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, sar tħassib komuni u li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-livell tal-UE jkunu ta’ valur miżjud;

    10.

    JENFASSIZA li l-prevenzjoni tal-ħsara relatata mal-alkoħol tirrapreżenta investiment neċessarju, li huwa ta’ benefiċċju għall-ekonomija peress li tippermetti l-limitazzjoni fit-tul tat-telf ekonomiku u n-nefqa fil-kura tas-saħħa, fost oħrajn permezz tat-tnaqqis tal-piż tal-mard kroniku, inkluż il-kanċer, u ż-żieda tal-produttività tal-forza tax-xogħol;

    11.

    JENFASIZZA wkoll li t-tnaqqis tal-użu ta’ ħsara tal-alkoħol għandu wkoll effett pożittiv fuq is-sigurtà pubblika u s-sigurtà fit-toroq, b’mod partikolari fuq it-tnaqqis tal-imwiet u l-korrimenti dovuti għal inċidenti tat-toroq;

    12.

    JINNOTA li t-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol jirrikjedi azzjonijiet fuq firxa ta’ oqsma ta’ politika u li jinvolvu ħafna setturi fis-soċjetà kollha, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE;

    13.

    ITENNI t-talba għal strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol espressa minn għadd kbir ta’ Ministri fil-laqgħa informali tal-Ministri għas-saħħa tal-21 ta’ April 2015 kif ukoll fil-Kunsill EPSCO tad-19 ta’ Ġunju 2015, u jissottolinja l-fatt li tali strateġija tista’ tappoġġa u tikkomplementa aktar il-politiki nazzjonali dwar is-saħħa pubblika.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    14.

    IKOMPLU jippromwovu approċċ multisettorjali fir-rigward tat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol fil-livell nazzjonali u dak tal-UE u jsaħħu jew jiżviluppaw, kif xieraq, strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali komprensivi mfassla għal tradizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi;

    15.

    JADOTTAW miżuri xierqa biex jindirizzaw il-protezzjoni taż-żgħażagħ mill-użu ta’ ħsara tal-alkoħol, b’mod partikolari fil-qasam tal-età legali tax-xorb u l-esponiment għall-kummerċjalizzazzjoni u JKOMPLU jappoġġaw l-informazzjoni u l-edukazzjoni dwar l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol u b’mod partikolari dwar imġiba ta’ xorb riskjuża.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    16.

    ISAĦĦU l-kooperazzjoni fl-identifikazzjoni ta’ miżuri effettivi u l-aħjar prattiki mmirati lejn it-tnaqqis tal-impatti fuq is-saħħa u dawk soċjali kif ukoll l-inugwaljanzi fis-saħħa li ġejjin mill-użu ta’ ħsara tal-alkoħol, filwaqt li jiffukaw b’mod partikolari fuq il-prevenzjoni ta’ imġiba ta’ xorb riskjuża fost iż-żgħażagħ, fuq in-nies li jikkunsmaw l-alkoħol f’livelli ta’ ħsara jew b’xejriet ta’ xorb ta’ ħsara, fuq il-konsum tal-alkoħol waqt it-tqala u fuq is-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol;

    17.

    IKOMPLU jappoġġaw il-ħidma tas-CNAPA, filwaqt li jieħdu kont tar-riżultati tar-rapport tal-implimentazzjoni dwar l-ewwel Strateġija tal-UE dwar l-Alkoħol (15) kif ukoll l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali u dak Ewropew biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol;

    18.

    JAGĦRFU l-ħtieġa li jitkompla l-ġbir ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE dwar l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni nazzjonali relatata mal-alkoħol, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali kif ukoll it-tradizzjonijiet soċjali u kulturali fil-livell reġjonali u dak lokali;

    19.

    JIKKUNSIDRAW, b’mod partikolari fid-dawl tar-rapport li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, il-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ tikkettar mandatorju tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, b’mod partikolari tal-valur enerġetiku, ta’ xorb alkoħoliku.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    20.

    TKOMPLI tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-ħsara relatata mal-alkoħol, filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

    21.

    TADOTTA sa tmiem l-2016, filwaqt li tirrispetta b’mod sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri, strateġija komprensiva tal-UE dedikata għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol u li tinkludi azzjonijiet fil-politiki kollha tal-UE sabiex jiġu indirizzati il-konsegwenzi ta’ saħħa, soċjali u ekonomiċi tal-użu ta’ ħsara tal-alkoħol. Din l-istrateġija dedikata tal-UE għandha tiffoka fuq inizjattivi dwar it-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol b’dimensjoni transkonfinali u valur miżjud tal-UE bħala segwitu għall-ewwel Strateġija dwar l-Alkoħol tal-UE (2006–2012) u għandha tqis il-ħidma mwettqa mis-CNAPA kif ukoll il-ħidma li saret taħt l-Istrateġija Globali dwar l-Alkoħol tal-WHO u l-pjan ta’ azzjoni Ewropew tal-WHO biex jitnaqqas l-użu ta’ ħsara tal-alkoħol 2012–2020;

    22.

    TIRRAPORTA lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-ħidma u l-progress tagħha fil-qasam tat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol.


    (1)  8756/00.

    (2)  Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3); Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2001/458/KE tal-5 ta’ Ġunju 2001 dwar ix-xorb tal-alkoħol miż-żgħażagħ, b’mod partikolari mit-tfal u l-adoloxxenti, (ĠU L 161, 16.6.2001, p. 38).

    (4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta’ Ottubru 2006, Strateġija tal-UE li tappoġġa lill-Istati Membri għat-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol, COM(2006) 625 final.

    (5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2001 (ĠU C 175, 20.6.2001, p. 2).

    (6)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar l-alkoħol u ż-żgħażagħ, 9507/04 (Presse 163).

    (7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2006, Strateġija tal-UE biex titnaqqas il-ħsara relatata mal-alkoħol, 15258/06.

    (8)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-alkoħol u s-saħħa tal-1 ta’ Diċembru 2009 (ĠU C 302, 12.12.2009, p. 15).

    (9)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2015 dwar Strateġija dwar l-Alkoħol (2015/2543(RSP)).

    (10)  Riżoluzzjoni WHA63.13, p. 27.

    (11)  Riżoluzzjoni EUR/RC61/R4.

    (12)  WHO 2014, p. 46, p. 31.

    (13)  Health at a Glance: Europe 2014 (Ħarsa fuq fuq lejn is-saħħa: Ewropa 2014)(pubblikazzjoni konġunta mill-OECD u l-Kummissjoni Ewropea), Diċembru 2014.

    (14)  Tackling Harmful Alcohol Use - Economics and Public Health Policy, Mejju 2015.

    (15)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi, L-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Alkoħol, Settembru 2009.

    (16)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


    Top