Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC1208(01)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2015 li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ M.7421 – Orange/Jazztel) (notifikat bid-dokument C(2015) 3370) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU C 407, 8.12.2015, p. 18–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 407/18


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tad-19 ta’ Mejju 2015

    li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE

    (Il-Każ M.7421 – Orange/Jazztel)

    (notifikat bid-dokument C(2015) 3370)

    (it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2015/C 407/10)

    Fid-19 ta’ Mejju 2015 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u partikolarment l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html.

    I.   IL-PARTIJIET

    (1)

    Orange SA (“Orange” jew “il-Parti Notifikanti”), permezz tas-sussidjarja kompletament tagħha France Telecom España SAU li topera taħt l-isem kummerċjali tagħha Orange España, toffri telekomunikazzjoni mobbli, telefonija fissa u servizzi tal-aċċess għall-Internet lil klijenti fi Spanja. Orange hija t-tielet l-akbar Operatur tan-Netwerk Mobbli (“ONM”) fi Spanja. Biex tkun tista’ tagħti aċċess fiss għall-Internet u servizzi ta’ telefonija fissa, Orange tiddependi l-iktar fuq aċċess dirett regolat, permezz ta’ diżaggregazzjoni taċ-ċirkwiti lokali (local loop unbundling “LLU”), għan-netwerk tar-ram tal-operatur tat-telekomunikazzjoni stabbilit, Telefónica, bl-użu ta’ netwerk xDSL tiegħu stess. Hija topera wkoll in-netwerk tal-Fibra għad-Dar (“FTTH”) tagħha stess, li jkopri 800 000 unitajiet ta’ bini (“UB”) sa tmiem l-2014. Fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet, fl-2014 Orange kienet it-tielet l-akbar attur kemm bħala dħul kif ukoll bħala abbonati.

    (2)

    Jazztel plc (“Jazztel”, flimkien ma’ Orange, il-“Partijiet”) toffri telefonija fissa, aċċess għall-Internet u servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fi Spanja. Jazztel toffri aċċess fiss għall-Internet u servizzi ta’ telefonija fissa permezz tan-netwerk xDSL ta’ proprjetà tagħha li jiddependi fuq l-aċċess LLU għan-netwerk tar-ram ta’ Telefónica u permezz tan-netwerk FTTH tagħha stess, li jkopri 3 miljun UB fi Spanja. Jazztel toffri servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli bħala operatur ta’ netwerk mobbli virtwali (“MVNO”) fuq in-netwerk ta’ Orange. Fis-suq tal-konsumaturi għal servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet, fl-2014 Jazztel kienet ir-raba’ l-akbar attur kemm mid-dħul u mill-abbonati.

    II.   L-OPERAZZJONI

    (3)

    Fis-16 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet notifika formali skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha Orange għandha l-intenzjoni li takkwista l-kontroll esklussiv ta’ Jazztel permezz ta’ offerta pubblika (“it-Tranżazzjoni Proposta”).

    (4)

    Għaldaqstant il-fużjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    III.   IL-PROĊEDURA

    (5)

    Fl-4 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni Proposta tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

    (6)

    Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand ir-Renju ta’ Spanja sabiex tirreferi l-każ kollu lill-awtorità Spanjola tal-kompetizzjoni, lill-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (“CNMC”) skont l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Wara t-tnedija tal-proċedimenti permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c), ir-Renju ta’ Spanja bagħat tifkira dwar it-talba tiegħu ta’ rinviju fid-19 ta’ Mejju 2014. Fis-26 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, biex b’hekk irrifjutat it-talba ta’ rinviju.

    (7)

    Fis-6 ta’ Marzu 2014, Orange ressqet impenji lill-Kummissjoni. Wara r-riżultati tat-test tas-suq u r-rispons tal-Kummissjoni għal dawn l-impenji, Orange ppreżentat settijiet ġodda ta’ impenji fid-29 ta’ Marzu 2015 u s-6 ta’ April 2015 rispettivament. Fl-20 ta’ April 2015, Orange ressqet sett finali ta’ impenji li jagħmlu t-tranżazzjoni kompatibbli mas-suq intern.

    IV.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    A.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

    (8)

    B’konformità ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw swieq għal servizzi tat-telekomunikazzjoni fissi u mobbli, is-swieq tal-prodotti rilevanti fi Spanja għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni huma definiti kif ġej:

    (9)

    Fil-livell tal-konsumatur: (i) provvista ta’ servizzi telefoniċi fissi tal-vuċi; (ii) provvista ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet; (iii) provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli; (iv) is-suq possibbli għall-provvista ta’ servizzi multiple play.

    (10)

    Fil-livell tal-operatur: (v) terminazzjoni ta’ telefonati fuq netwerks fissi; (vi) terminazzjoni ta’ telefonati fuq netwerks mobbli; (vii) servizzi ta’ tranżitu ta’ telefonati domestiċi fuq netwerks fissi; (viii) servizzi ta’ aċċess għal broadband; (ix) konnettività mal-Internet; (x) servizzi ta’ telekomunikazzjoni globali (“GTS”); (xi) servizzi carrier internazzjonali; (xii) aċċess u oriġinazzjoni ta’ telefonati fuq netwerks mobbli; (xiii) roaming internazzjoni fuq netwerks mobbli; u (xiv) telefonati wara xulxin.

    (11)

    Aktar dettalji dwar id-definizzjoni tas-suq fir-rigward tas-suq għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet u tas-suq possibbli għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi multiple play, li huma affettwati b’mod orizzontali, li huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ, huma stabbiliti hawn taħt.

    Is-suq għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet,

    (12)

    B’konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tqis, f’dan il-każ li hemm swieq separati, fuq naħa waħda, għal konsumaturi residenzjali u kummerċjali żgħar (li huma parti mis-suq tal-provvista għall-konsum ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet) u, min-naħa l-oħra, għal konsumaturi kummerċjali kbar (li huma parti mis-suq tal-konsumaturi separat għall-konnettività tan-negozju). Il-Kummissjoni kkunsidrat f’dan il-każ segmentazzjonijiet possibbli tas-suq għal servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet ibbażati fuq il-veloċità (iktar jew inqas minn 30 Mb/s), jew it-teknoloġija tad-distribuzzjoni (ram, kejbil “HFC” tal-fibra ibridu koassjali u FTTH). Finalment, il-Kummissjoni tħalli d-definizzjoni eżatta tas-suq miftuħa f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tikkonkludi li servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet għal konsumaturi residenzjali u kummerċjali żgħar, irrispettivament minn jekk il-veloċitajiet humiex anqas jew aktar minn 30 Mb/s u rrispettivament minn x’teknoloġija tad-distribuzzjoni tintuża għall-provvista ta’ dawn is-servizzi għall-utent aħħari, jappartjenu għall-istess suq rilevanti għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet fi Spanja.

    (13)

    B’konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u l-perspettiva tal-Parti Notifikanti, l-ambitu ġeografiku ta’ dan is-suq huwa meqjus li huwa nazzjonali, jiġifieri jikkorrispondi għat-territorju tar-Renju ta’ Spanja.

    Swieq possibbli għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi multiple play

    (14)

    Is-servizzi tal-multiple play jinkludu pakkett ta’ tnejn jew aktar min dawn is-servizzi li ġejjin lil konsumaturi finali: servizzi tat-telefonija fissa, servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet, servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli u servizzi televiżivi Servizzi ta’ pakketti bħal dawn jistgħu jikkonsistu mill-hekk imsejħa pakketti dual-play, triple-play jew anki quadruple-play li jinkludu xi wħud jew is-servizzi kollha msemmija hawn fuq. F’deċiżjonijiet preċedenti (2), il-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk jeżistix suq għal servizzi multiple play li huwa separat mis-swieq għal kull komponent tal-pakketti.

    (15)

    Servizzi magħquda, li jippermettu lill-konsumaturi finali jiksbu prezzijiet aħjar u jissimplifikaw id-deċiżjonijiet ta’ xiri għall-konsumaturi, jaqdu rwol importanti fis-settur residenzjali fi Spanja. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kwistjoni tista’ titħalla miftuħa dwar jekk (i) servizzi multiple play jikkostitwixxux suq tal-prodott separat (inklużi l-kombinazzjonijiet dual-, triple- u quadruple-play kollha possibbli) jew (ii) jekk hemmx diversi swieq separati tal-prodott multiple play (inklużi kombinazzjonijiet magħżula ta’ komponenti maqgħuda, pereżempju: dual-play biss, triple-play biss, triple- u quadruple-play magħquda, quadruple-play biss), distinti għal kull wieħed mis-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni sottostanti.

    (16)

    Preċedentement (3), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-possibbiltà ta’ suq għal servizzi triple-play li jinkludu servizzi tat-telefonija fissa, servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet u servizzi televiżivi bi ħlas jkollu ambitu nazzjonali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-indikazzjoni ġeografika eżatta, sew jekk nazzjonali jew reġjonali, ta’ suq (swieq) possibbli għall-provvista għall-konsum ta’ servizzi multiple play tista’ titħalla miftuħa.

    B.   IL-VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

    (17)

    Wara l-investigazzjoni fil-fond tagħha, il-Kumissjoni kkonkludiet li t-Tranżazzjoni Proposta ma tqajjimx tħassib għall-kompetizzjoni fir-rigward ta’ swieq li ġejjin fi Spanja: (i) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi telefoniċi fissi; (ii) is-suq tal-konsumaturi għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli; (iii) is-suq tal-operaturi għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-broadband; u (iv) is-suq tal-operaturi għal servizzi fissi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati, (v) is-suq tal-operaturi għal servizzi mobbli ta’ terminazzjoni ta’ telefonati, (vi) is-suq tal-operaturi għall-provvista ta’ tranżitu ta’ telefonati domestiċi fuq netwerks fissi; (vii) is-suq tal-operaturi għal konnettività mal-Internet; (viii) is-suq għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni globali; (ix) is-suq tal-operaturi għal servizzi carrier internazzjonali; (x) is-suq tal-operaturi għal servizzi ta’ aċċess u oriġinazzjoni ta’ telefonati fuq netwerks mobbli; u (xi) is-suq tal-operaturi għal telefonati wara xulxin. Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li t-Tranżazzjoni Proposta ma tqajjimx tħassib dwar il-kompetizzjoni rigward is-swieq tal-operaturi għal servizzi ta’ roaming internazzjonali fi Franza, il-Polonja u r-Rumanija.

    (18)

    Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li filwaqt li t-Tranżazzjoni Proposta ma twassalx għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (unika) tal-entità fuża, se tirriżulta xorta f’impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-konsumaturi għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet, kif ukoll fuq is-suq possibbli għal servizzi multiple play, is-suq possibbli għal servizzi dual-play, is-suq possibbli għal servizzi triple-play, u s-suq possibbli għal servizzi triple- u quadruple-play magħquda, fi Spanja.

    a)   Suq għal servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet;

    (19)

    Attwalment hemm erba’ fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni fissa fuq livell nazzjonali fi Spanja (Telefónica, Vodafone, Orange u Jazztel). Dawn l-erba’fornituri jammontaw għal madwar 91 % tas-suq f’termini ta’ dħul, u kważi 94 % f’termini ta’ abbonati. Il-bqija tas-suq huwa moqdi (i) mit-tliet operaturi reġjonali tal-kejbil li joperaw fit-tramuntana ta’ Spanja (4) u (ii) mill-kompetituri minuri bbażati fil-biċċa l-kbira fuq is-servizzi (jiddependu l-iktar fuq bitstream jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti tat-telekomunikazzjoni fissa), bħal Másmovíl jew Pepephone.

    (20)

    L-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq turi li Orange u Jazztel kienu l-aktar l-operaturi dinamiċi tal-aċċess fiss għall-Internet f’dawn l-aħħar snin. Min-naħa l-oħra, Telefónica esperjenzat tnaqqis qawwi kemm f’abbonati kif ukoll f’sehem tad-dħul filwaqt li operaturi nazzjonali oħra, Vodafone u ONO, kellhom prestazzjoni stabbli.

    (21)

    Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni Proposta se tnaqqas in-numru ta’ atturi nazzjonali fis-suq globali għal servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet permezz tal-fużjoni taż-żewġ l-akbar operaturi b’suċċess (f’termini ta’ tkabbir tas-sehem mis-suq) f’dawn l-aħħar snin. L-ikbar impatt ikun f’medda ta’ żmien qasir fis-settur b’veloċitajiet sa 30 Mb/s, filwaqt li l-ebda konklużjoni soda ma tista’ tinsilet fis-settur ta’ Broadband Veloċi Ħafna (“VHBB”) ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet b’veloċitajiet ogħla minn 30 Mb/s minħabba l-inċertezza marbuta mal-adozzjoni u l-provvediment ta’ Aċċess għall-Ġenerazzjoni li Jmiss (“NGA”) (5) fis-snin li ġejjin.

    (22)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li kemm Orange u – b’mod partikolari – Jazztel kellhom rwol importanti biex jeżerċitaw limitazzjonijiet kompetittivi fuq xulxin u fuq il-kompetituri li fadal f’dawn l-aħħar snin. Il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol ta’ Telefónica fis-suq bħala attur importanti. Madankollu, għall-kuntrarju tal-asserzjonijiet tal-Parti Notifikanti li Telefónica huwa l-iktar operatur aggressiv tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tikkonstata li Telefónica hija aktar iffukata fuq iż-żamma tal-konsumaturi u offerti ta’ valur ogħla.

    (23)

    Barra minn hekk il-Kummissjoni tqis, abbażi prinċipalment tal-analiżi tad-dokumenti interni ta’ Orange, li l-entità fuża jkollha inqas inċentivi biex tikkompeti meta mqabbla mal-inċentivi li Orange u Jazztel ikollhom fuq bażi indipendenti. Barra dan, il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni Proposta se twassal għal telf ta’ pressjoni kompetittiva, minħabba l-għajbien tal-offerti bi prezz baxx u konverġenti ta’ Jazztel, li eżerċitaw restrizzjoni fuq l-offerti tal-operaturi stabbiliti kollha.

    (24)

    Iż-żewġ Partijiet jeżerċitaw pressjoni kompetittiva importanti fuq il-kompetituri l-oħra kollha, inkluż Telefónica u Vodafone. Il-bidla fl-inċentivi tal-entità fuża u ż-żieda possibbli fil-prezz wara l-għaqda se jnaqqsu b’mod sinifikanti din il-pressjoni fuq il-bażi ta’ konsumaturi ta’ operaturi kompetituri. Għalhekk, il-kompetituri jistgħu jsibuha aktar faċli biex iżommu l-konsumaturi eżistenti jew saħansitra biex jattiraw konsumaturi ġodda mingħand l-entità fuża. Iż-żieda fid-domanda se tagħti inċentivi lill-operaturi kompetituri li sussegwentement jgħollu l-prezzijiet tagħhom.

    (25)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa improbabbli li l-kompetituri tal-entità fuża – jiġifieri Telefónica u Vodafone – se jegħlbu ż-żieda potenzjali tal-prezz tal-entità fuża wara t-Tranżazzjoni Proposta, u li t-Tranżazzjoni Proposta se xxekkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-provvista għall-konsum ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet fi Spanja.

    b)   Is-suq possibbli għal servizzi multiple play.

    (26)

    L-attivitajiet tal-Partijiet jidħlu f’xulxin fis-suq possibbli għal servizzi multiple play kollha, fi swieq possibbli separati għal servizzi dual-play (6) u għal servizzi triple-play (7), kif ukoll fis-suq possibbli li jikkombina servizzi triple- u quadruple-play (8). Peress li Jazztel mhijiex attiva f’servizzi televiżivi bi ħlas, ma hemm l-ebda duplikazzjoni fil-provvista ta’ servizzi quadruple-play.

    Is-suq għal servizzi multiple play.

    (27)

    Il-pożizzjoni tal-Partijiet f’suq globali għal servizzi multiple play se jkun kważi identiku għall-pożizzjoni tagħhom fis-suq għal servizzi ta’ aċċess fiss għall-Internet peress li l-offerti multiple play kollha fi Spanja jinkludu servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet u s-sehem ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet ipprovdut bħala servizz għalih waħdu barra minn pakkett huwa negliġibbli (9). Għaldaqstant, valutazzjoni tal-impatt tat-Tranżazzjoni Proposta fuq is-suq possibbli għal servizzi multiple play jkollha tikkonkludi li jeżisti impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva, fir-rigward tas-suq tal-konsumatur għal servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet.

    Suq separat għal servizzi dual-play

    (28)

    Jekk suq separat għal dual-play huwa analizzat, il-Kummissjoni tqis li t-tħassib dwar il-kompetizzjoni mqajma fir-rigward ta’ dan is-suq huma inqas b’saħħithom milli għas-suq tal-konsumaturi għal servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet, iżda xorta jammontaw għal impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, f’tali suq għal servizzi dual-play, il-Partijiet huma ġeneralment anqas aggressivi iżda xorta waħda forzi kompetittivi importanti. L-analiżi kwantitattiva tipprevedi żieda inqas fil-prezzijiet iżda xorta sinifikanti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni Proposta se tneħħi żewġ forzi kompetittivi importanti u tnaqqas l-inċentivi tal-entità fuża biex tikkompeti. Dan it-telf ta’ kompetizzjoni ma jiġix ikkumpensat minn kompetituri eżistenti jew ġodda.

    (29)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Tranżazzjoni Proposta se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva anke f’każ ta’ suq possibbli separat għal servizzi dual-play.

    Suq separat għal servizzi triple-play u suq li jikkombina servizzi triple- u quadruple-play

    (30)

    Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-impatt tat-Tranżazzjoni Proposta fuq is-suq possibbli li jikkombina servizzi triple- u quadruple-play, minħabba l-uniformità tal-infrastruttura sottostanti taż-żewġt iswieq u l-bidla tas-suq attwali minn servizzi triple-play għal quadruple-play. Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni Proposta tista’ timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq u, a fortiori, f’suq possibbli separat għal servizzi triple-play, minħabba l-ishma ogħla tal-Partijiet fis-suq ta’ servizzi triple-play.

    Konklużjoni fuq servizzi multiple play

    (31)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tranżazzjoni Proposta se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq possibbli għal servizzi multiple play, fis-suq possibbli għal servizzi dual-play, fis-suq possibbli għal servizzi triple-play, u fis-suq possibbli li jinkludi servizzi triple- u quadruple-play fi Spanja.

    c)   Valutazzjoni kwantitattiva ta’ effetti orizzontali mhux ikkoordinati

    (32)

    Il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjoni ta’ kemm l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet se tiġġenera inċentiv biex iżżid il-prezz għall-entità fuża, wara li tkun saret it-tranżazzjoni. L-analiżi tal-Kummissjoni tiffoka fuq żewġ tipi ta’ prodotti, jiġifieri (i) il-prodott dual-play li jikkonsisti minn telefonija fissa u aċċess tal-Internet fiss, u (ii) l-aggregazzjoni ta’ servizzi triple- u quadruple-play li jikkonsistu fi dual-play flimkien ma’ servizzi mobbli u possibbilment tat-TV. Il-Kummissjoni tqis li dawn it-tipi ta’ prodotti huma sostituti tajbin għall-komputazzjoni ta’ analiżi kwantitattiva ta’ żidiet fil-prezzijiet fis-suq tal-konsumaturi ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet, peress li kważi t-totalità ta’ servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet huma mibjugħa bħala parti minn pakkett. Kull wieħed minn dawn it-tipi ta’ prodotti joffri aċċess fiss għall-Internet bħala parti mill-pakkett (10). L-analiżi kwantitativa li saret tindika li l-Partijiet jimponu restrizzjoni kompetittiva sinifikanti fuq xulxin, b’mod partikolari fir-rigward ta’ servizzi triple- u quadruple-play.

    (33)

    B’mod ġenerali, il-valutazzjoni kwantitattiva tal-effetti probabbli tal-eliminazzjoni ta’ kompetizzjoni orizzontali li tirriżulta mill-għaqda tindika li l-għaqda x’aktarx li twassal għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet f’żewġ xenarji bażiċi meqjusa għall-iskop tal-analiżi.

    d)   Probabbiltà limitata ta’ dħul suffiċjenti fi swieq tal-konsumaturi li jinvolvu servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet

    (34)

    Il-Kummissjoni tqis li l-ostakli għad-dħul fis-swieq tal-konsumaturi li jinvolvu servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet huma għoljin. Dan japplika kemm għas-settur VHBB, li mhuwiex regolat fi Spanja, kif ukoll għas-settur għal veloċitajiet taħt it-30 Mb/s li huwa soġġett għal regolamentazzjoni diretta u indiretta.

    e)   Probabbiltà limitata ta’ dħul suffiċjenti fi swieq multiple play tinvolvi komponent mobbli

    (35)

    Fir-rigward tad-dħul fis-swieq multiple play li jinvolvu komponent mobbli, il-Kummissjoni tinnota li, sabiex joffru servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fissi u mobbli f’pakkett, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet għandhom ikollhom aċċess għal komponenti kemm fissi u mobbli tal-pakkett. Barra minn hekk, tali aċċess għandu jingħata bi prezzijiet li jippermettu lill-operatur biex jirreplika l-prezzijiet għall-konsumaturi fis-suq u jżomm marġni pożittiv. Għalhekk, prezzijiet bl-ingrossa raġonevoli għal servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli – inkluż teknoloġija 4G – huma kruċjali. Minħabba l-inċertezza legali attwali li tinvolvi l-interpretazzjoni korretta tar-regolazzjoni attwali ta’ servizzi tal-aċċess tal-operaturi u tal-oriġinazzjoni ta’ telefonati fuq netwerks mobbli fi Spanja, minbarra s-sejbiet diġà esposti iktar ‘il fuq fir-rigward ta’ dħul fi swieq tal-konsumaturi li jinvolvu servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet, il-Kummissjoni tqis li l-ostakli għad-dħul fi swieq multiple play li jinvolvu komponent mobbli, bħal prodotti triple-play u quadruple-play, huma għoljin.

    f)   L-impatt tat-Tranżazzjoni Proposta dwar l-implimentazzjoni ta’ netwerks tat-tip NGA

    (36)

    Kemm Orange u Jazztel bħalissa jużaw netwerks FTTH tagħhom stess. Orange għandha impronta inqas estensiva, b’madwar 0,8 miljun UB koperti, meta mqabbla ma’ netwerk FTTH ta’ Jazztel ta’ 3 miljun UB.

    (37)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-introduzzjoni ta’ FTTH kombinat ta’ Orange u Jazztel f’xenarju awtonomu jkun ikbar jew daqs l-introduzzjoni tal-fibra tal-entità fuża. Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-Tranżazzjoni Proposta mhux probabbli li twassal għal xi żieda sinifikanti fil-kopertura FTTH mill-entità fuża, kif imqabbel ma’ xenarju awtonomu. Rigward it-telf potenzjali ta’ kompetizzjoni f’żoni fejn netwerks tat-tip NGA tal-Partijiet jkunu kkoinċidew fil-futur, il-Kummissjoni tqis li tali sejba ta’ telf ta’ kompetizzjoni futura ma tistax tiġi stabbilita bil-grad ta’ ċertezza meħtieġ.

    g)   L-effiċjenzi

    (38)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-effiċjenzi iddikjarati mill-Parti Notifikanti relatati ma’ (i) iż-żieda asserita fl-impronta tal-fibri wara l-fużjoni, (ii) il-pożizzjoni aħjar tagħha biex toffri prodotti quadruple-play bħala konsegwenza ta’ żieda fil-konsumaturi tagħha wara li ssir it-tranżazzjoni, u (iii) tnaqqis fil-kost marġinali tas-servizzi offruti lil konsumaturi tad-DSL tagħha billi jittrasferixxu lil dawn il-konsumaturi għall-fibra, u b’hekk jevitaw l-ispejjeż ta’ aċċess għall-infrastruttura tar-ram, la huma verifikabbli u lanqas speċifiċi għall-fużjoni u ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu rikonoxxuti. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-effiċjenzi relatati mat-tneħħija ta’ marġinalizzazzjoni doppja ta’ servizzi mobbli pprovduti minn Orange lil Jazztel ġew murija skont l-istandards meħtieġa skont il-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali u jistgħu jiġu aċċettati. Dawn l-effiċjenzi ma jikkumpensawx kompletament l-effetti antikompetittivi tal-għaqda u l-effetti netti antikompetittivi jibqgħu sinifikanti.

    V.   L-IMPENJI

    1.   Deskrizzjoni tal-impenji

    (39)

    Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni msemmija qabel, il-Parti Notifikanti ressqet sett ta’ impenji finali fl-20 ta’ April 2015 (“l-Impenji”) li jinkludu żewġ komponenti ewlenin – iċ-ċediment ta’ netwerk FTTH u aċċess bitstream bl-ingrossa għan-netwerk ADSL ta’ Jazztel (l-“Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL”) – kif ukoll aċċess mhux obbligatorju għal netwerks mobbli bl-ingrossa tal-Parti Notifikanti.

    Iċ-ċediment tan-Netwerk FTTH

    (40)

    Il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li ċċedi netwerk FTTH li jkopri madwar 720 000 UB fil-ħamest ibliet ta’ Barċelona, ta’ Madrid, ta’ Malaga, ta’ Sevilja u ta’ Valenzja. In-netwerk FTTH ċedut huwa indipendenti mill-Parti Notifikanti u jikkostitwixxi netwerk koerenti fil-livell tal-kejbils (li jiġbru bosta linji tal-fibra). Peress li n-netwerk FTTH ċedut ikopri UB li jinsabu fuq partijiet ta’ netwerk ta’ fibra distinti minn xulxin ta’ Jazztel, il-Parti Notifikanti se tkun riżervata Dritt Inderogabbli ta’ Użu (“DIU”) fuq 40 % tal-kapaċità tal-kejbils FTTH ċeduti, imkejla fil-livell ta’ kull skambju lokali. Id-DIU jingħata għal 35 sena b’tariffa ta’ darba u tariffa rikorrenti li tkopri l-ispejjeż ta’ manteniment pagabbli mill-Parti Notifikanti.

    Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL

    (41)

    Il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li tagħti lix-xerrej tan-netwerk FTTH ċedut aċċess bitstream bl-ingrossa għan-netwerk tal-ADSL ta’ Jazztel. L-aċċess huwa pprovdut bħala servizz bitstream nazzjonali b’interkonnessjoni f’punt uniku ta’ preżenza, ikkumplimentat minn punt ta’ interkonnessjoni ta’ riżerva. L-aċċess bl-ingrossa se juża bħala input l-aċċess regolat dirett tan-netwerk tar-ram ta’ Telefónica u jipprovdi aċċess għal aktar minn elf skambju lokali ta’ Telefónica, u jilħaq madwar 78 % tat-territorju Spanjol.

    (42)

    Il-Parti Notifikanti se tipprovdi s-servizz inizjalment għal perjodu ta’ 4 snin, li jista’ jiġġedded għal perjodu massimu addizzjonali ta’ 4 snin.

    (43)

    Matul il-perjodu inizjali ta’ 4 snin, ix-xerrej iħallas tariffa ta’ aċċess ta’ kull xahar għal kull linja, flimkien ma’ tariffa fissa li għandu jintlaħaq qbil dwarha bil-quddiem bejn il-Parti Notifikanti u x-xerrej. Din it-tariffa fissa ma għandhiex tkun marbuta man-numru ta’ linji eventwalment attivati jew użati mix-xerrej iżda tista’ tkun marbuta ma’ parametri tas-suq li huma lil hinn mill-kontroll tal-Parti Notifikanti jew ix-xerrej.

    (44)

    Waqt il-perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ 4 snin, ix-xerrej iħallas biss tariffa ta’ aċċess ta’ kull xahar. Tali tariffa ta’ aċċess ta’ kull xahar ma tistax taqbeż ċertu limitu massimu għal kull xahar għal kull linja.

    (45)

    L-Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL jippermetti wkoll lix-xerrej jipprovdi servizzi ta’ telefonija fissa bl-użu ta’ teknoloġija ta’ Protokoll tal-vuċi fuq l-Internet (VoIP). Fil-fatt, il-Parti Notifikanti timpenja ruħha li tipprovdi teknoloġija ta’ prijoritizzazzjoni tal-VoIP fuq in-netwerk ta’ Jazztel u li tiżgura kwalità ta’ servizz.

    Aċċess mhux obbligatorju għal servizzi mobbli bl-ingrossa

    (46)

    L-Impenji jipprovdu wkoll li, jekk ix-xerrej ma jkunx diġà jibbenefika minn aċċess għal netwerk tat-telekomunikazzjoni mobbli inklużi servizzi 2G, 3G u 4G, il-Parti Notifikanti tipprovdi lix-xerrej b’dan l-aċċess għal servizzi mobbli bl-ingrossa fuq termini kompetittivi u, f’kull każ, f’termini favorevoli daqs dawk li Orange tat lil Jazztel fil-kuntratt MVNO eżistenti tagħha. Dan l-aċċess mhux obbligatorju bl-ingrossa għal netwerks mobbli tal-Parti Notifikanti għandu jkun ta’ durata mill-inqas daqs it-terminu tal-Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL.

    2.   Valutazzjoni tal-Impenji

    (47)

    Id-deċiżjoni tikkonkludi li l-impenji jindirizzaw bis-sħiħ it-tħassib dwar il-kompetizzjoni.

    Iċ-ċediment tan-Netwerk FTTH

    (48)

    Fir-rigward tan-netwerk FTTH ċedut, il-Kummissjoni tinnota li d-daqs tiegħu jaqbeż id-duplikazzjoni attwali tan-netwerks FTTH tal-Partijiet. Barra minn hekk, il-UB ċeduti jinsabu fi 13-il skambju lokali differenti f’ħamsa mis-sitt l-ikbar bliet Spanjoli. Id-daqs u l-lokazzjoni ta’ netwerk FTTH ċedut jiżguraw li huwa negozju awtonomu li jista’ jitħaddem indipendentament minn Orange. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-ambitu tan-netwerk FTTH ċedut huwa suffiċjenti u jirrifletti l-impronta ġeografika tad-duplikazzjoni bejn in-netwerks attwali tal-fibra tal-Partijiet.

    Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL

    (49)

    Fir-rigward tal-Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL, il-Kummissjoni tqis li l-Impenji jiżguraw li din l-impriża jkollha effetti kważi strutturali u li jirriżultaw f’inċentivi simili għax-xerrej sabiex jikkompeti bħalma għandha Jazztel llum. Biex ix-xerrej ikun jista’ jikkompeti b’mod aggressiv bħalma Jazztel jew Orange jagħmlu bħalissa, l-ispejjeż varjabbli(rikorrenti) tagħha għandhom jiġu allinjati mal-ispejjeż inkrementali ta’ Jazztel jew Orange biex jingħata s-servizz. Il-Kummissjoni analizzat fid-dettall l-ispiża li Orange u Jazztel iġarrbu bħalissa meta jipprovdu servizzi bbażati fuq LLU u tqis li t-tariffa ta’ kull xahar aktarx ma taqbiżx l-ispiża inkrementali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li x-xerrej ikollu inċentivi biex jikkompeti b’mod aggressiv simili għal dawk li Jazztel u Orange għandhom illum.

    (50)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-Impenji ma jistabbilixxu l-ebda limitu fuq l-għadd ta’ abbonati li x-xerrej jista’ jakkwista u li Orange għandu l-obbligu li jaqdi. L-Impenji jiddikjaraw espliċitament li t-tariffa fissa għall-perjodu inizjali ma tiġix relatata man-numru ta’ linji eventwalment użati mix-xerrej. Għalhekk, l-Aċċess Bitstream bl-Ingrossa ADSL għandu effetti kważi strutturali.

    (51)

    Waqt il-perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ 4 snin, ix-xerrej iħallas biss tariffa ta’ aċċess ta’ kull xahar, iżda ebda tariffa fissa. Minħabba inċertezzi fuq perjodu fit-tul rigward il-kompetittività tat-teknoloġija ADSL, xerrej x’aktarx ma jikkommettix ruħu għal pagamenti bil-quddiem sinifikanti fuq perjodu ta’ 8 snin. Fl-istess ħin, l-inċentivi tax-xerrej biex jikkompeti b’mod kemm jista’ jkun aggressiv matul l-ewwel perjodu ta’ 4 snin huma ppreservati, peress li numru ogħla ta’ abbonati jnaqqas il-prezz li għandu jitħallas matul il-perjodu estiż.

    Aċċess mhux obbligatorju għal servizzi mobbli bl-ingrossa

    (52)

    Fir-rigward ta’ aċċess mhux obbligatorju għal servizzi mobbli bl-ingrossa tal-Parti Notifikanti, il-Kummissjoni tqis li x-xerrej se jkun jista’ joffri pakketti multiple play li jinkludu komponent mobbli. L-Impenji jipprevedu li Orange tipprovdi servizzi ta’ aċċess bl-ingrossa u oriġinazzjoni ta’ telefonati inklużi servizzi 4G lix-xerrej, jekk dan tal-aħħar ma jkollux diġà aċċess għalihom. It-termini jeħtieġu li jkunu kompetittivi u “favorevoli daqs dawk mogħtija lil Jazztel għal durata mill-inqas daqs il-perjodu tal-Ftehim Bitstream bl-Ingrossa ADSL”. Il-Kummissjoni tqis li din il-klawżola hija ċara biżżejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tqabbel it-termini miftiehma bejn Orange u x-xerrej mal-kuntratt MVNO eżistenti bejn Orange u Jazztel.

    VI.   KONKLUŻJONI

    (53)

    Għal dawn ir-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-deċiżjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni kif emendata bl-impenji mressqa fl-20 ta’ April 2015 mhijiex se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-Suq Intern jew f’xi parti sostanzjali minnu.

    (54)

    Konsegwentement, il-konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-Suq Intern u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE, b’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


    (1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

    (2)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Każ M.5900 – LGI/KBW, il-paragrafi 183-186; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2010 fil-Każ M.5734 – Liberty Global Europe/Unitymedia, il-paragrafi 43-48; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2012 fil-Każ M.6584 – Vodafone/Cable&Wirless, il-paragrafi 102-104; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2013 fil-Każ M.6990 – Vodafone/Kabel Deutschland, il-paragrafu 261; Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2014 fil-Każ M.7231– Vodafone/ONO, il-paragrafu 49.

    (3)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2011 fil-Każ M.5900 – LGI/KBW, il-paragrafi 183-186;

    (4)  It-tliet operaturi reġjonali tal-kejbil (Euskaltel, R Cable u Telecable) jikkompetu fir-reġjuni tat-Tramuntana ta’ Spanja biss, jiġifieri l-Pajjiż Bask, Galizja, u l-Asturjas, rispettivament.

    (5)  In-netwerks tat-tip NGA huma netwerks ta’ aċċess bil-fil li jikkonsistu għal kollox, jew f’partijiet minnhom, minn elementi ottiċi u li huma kapaċi jwasslu s-servizzi ta’ aċċess għall-broadban b’karatteristiċi mtejba (bħal throughput għola) meta mqabbla ma’ dawk fornuti permezz tan-netwerks eżistenti tar-ram.

    (6)  Servizzi dual-play jinkludu servizzi tal-aċċess fiss għall-Internet u servizzi tat-telefonija fissa.

    (7)  Servizzi triple-play jinkludu l-istess servizzi bħall-offerti dual-play, minbarra servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli.

    (8)  Servizzi quadruple-play jinkludu l-istess servizzi bħall-offerti triple-play, minbarra servizzi televiżivi bi ħlas.

    (9)  Madwar 1 % biss tas-servizzi kollha tal-aċċess fiss għall-Internet mhumiex ipprovduti bħala parti minn pakkett ma’ tal-anqas servizz tat-telefonija fissa.

    (10)  L-analiżi hija bbażata fuq il-pakketti sħaħ (u mhux biss fuq il-komponent tal-aċċess fiss għall-Internet), peress li l-konsumaturi jagħmlu għażla waħda li jabbonaw għall-pakkett sħiħ. Barra minn hekk, l-inċentiv li tgħolli l-prezzijiet jiddependi fuq il-karatteristiċi tal-pakkett sħiħ u mhux biss fuq il-komponent tal-aċċess fiss għall-Internet.


    Top