EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AG0013(02)

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 13/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox inkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

ĠU C 360, 30.10.2015, p. 37–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 360/37


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 13/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox inkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004, id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

(2015/C 360/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.   Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat proposta bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat, kif ukoll komunikazzjoni dwar “Il-miġja tar-regoli tal-vjaġġi b'kollox inkluż fl-era diġitali”.

2.   Fis-6 ta' Settembru 2013, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li adotta l-opinjoni tiegħu fil-11 ta' Diċembru 2013. Fid-19 ta' Settembru 2013, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni, li ħa d-deċiżjoni li ma jagħtix opinjoni.

3.   Il-Parlament Ewropew (PE) adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014, fejn ippropona 132 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni. F'Novembru 2014, il-PE ħatar lis-Sinjura Birgit COLLIN-LANGEN (PPE/DE) bħala relatur ġdid billi r-relatur preċedenti s-Sur Hans Peter MAYER (PPE/DE) ma reġax ħareġ għall-elezzjoni.

4.   L-eżami tal-proposta mill-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni u l-Informazzjoni tal-Konsumatur (GĦ) beda f'Settembru 2013. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ġiet eżaminata waqt l-ewwel laqgħa tal-GĦ dwar dan id-dossier. Dan l-eżami wera li d-delegazzjonijiet kienu ġeneralment sodisfatti bil-metodi u l-kriterji applikati mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha.

5.   Fl-4 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill (COMPET) adotta approċċ ġenerali li serva bħala mandat għall-Presidenza biex tibda n-negozjati mal-PE (16054/14).

6.   Saru erba' trilogi informali fl-4 ta' Frar, il-5 ta' Marzu, it-22 ta' April u l-5 ta' Mejju 2015. Waqt il-laqgħa tal-5 ta' Mejju ntlaħaq qbil proviżorju dwar pakkett ta' kompromess ġenerali mill-PE kif ukoll mill-Presidenza, li jsib bilanċ ġust bejn l-interessi differenti.

7.   F'dan il-kuntest, fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Mejju 2015, il-Kunsill (COMPET) adotta ftehim politiku, kif stabbilit fid-dokumenti 8969/15 u 8969/15 COR 1.

8.   Sussegwentement, permezz ta' ittra tas-17 ta' Ġunju 2015, il-PE informa lill-Kunsill li l-PE għandu japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill mingħajr emendi fit-tieni qari tiegħu.

II.   OBJETTIV

9.   L-objettiv ġenerali tal-proposta huwa li jitjieb l-funzjonament tas-suq intern u li jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fis-settur tal-ivvjaġġar kollox inkluż. Id-Direttiva eżistenti, li ġiet adottata fl-1990, ħolqot drittijiet għal vjaġġaturi li jixtru vaganzi kollox inkluż, li tipikament jikkonsistu fit-trasport u l-akkomodazzjoni tal-passiġġieri. Sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-2002 iċċarat li l-kunċett ta' “kombinament miftiehem minn qabel” ikopri wkoll servizzi ta' vjaġġar ikkombinati minn aġent tal-ivvjaġġar fuq talba espliċita tal-konsumatur eżatt qabel il-konklużjoni ta' kuntratt bejniethom. Minkejja din is-sentenza tal-Qorti, għadu mhux ċar sa liema punt il-metodi moderni ta' kombinazzjonijiet ta' servizzi tal-ivvjaġġar huma koperti mid-Direttiva.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.   Ġenerali

10.   Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ġiet modifikata u parzjalment abbozzata mill-ġdid bil-ftehim milħuq bejn il-Kunsill u l-PE. Sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, l-objettiv huwa li titnaqqas il-frammentazzjoni legali, sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u biex jissaħħaħ is-suq tat-turiżmu Ewropew billi sistematikament jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali.

B.   Kwistjonijiet prinċipali ta' politika

11.   Livell ta' armonizzazzjoni (l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 4)

Wara l-emenda tal-PE, il-Kunsill introduċa artikolu ġdid speċifiku dwar il-livell ta' armonizzazzjoni billi ssottolinja l-prinċipju ta' “armonizzazzjoni massima” u ssupplimentah b'paragrafu addizzjonali (mid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur) li jissalvagwardja l-liġi kuntrattwali nazzjonali. Bl-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju, l-għan huwa li jagħmel is-suq iktar trasparenti, partikolarment is-suq onlajn, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-vjaġġatur u tingħata spinta lid-domanda.

12.   Id-definizzjoni ta' pakkett — l-inklużjoni ta' “click throughs” (l-Artikolu 3(2)(b)(v) u l-Premessa 13)

Fuq talba tal-PE, il-Kunsill qabel li jżomm l-hekk imsejħa “click-throughs” inklużi fid-definizzjoni ta' pakkett. Ikun hemm “click-throughs”, meta jinxtraw mill-anqas żewġ tipi differenti ta' servizzi tal-ivvjaġġar minn negozjanti separati permezz ta' proċessi marbuta ta' prenotazzjoni online u meta l-isem, l-indirizz elettroniku u d-dettalji ta' ħlasijiet tal-vjaġġatur jiġu trasmessi bejn negozjanti f'limitu ta' żmien ta' 24 siegħa. Barra minn hekk, żdiedet klawżola ta' reviżjoni sabiex tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-effettività ta' din id-dispożizzjoni, b'mod partikolari d-definizzjoni ta' “click-throughs” u tista' toħroġ bi proposta leġislattiva.

13.   Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta — LTAs (l- Artikolu 3(5) u l-Artikolu 19)

Id-definizzjoni ta' arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTAs), li inizjalment kienet arranġamenti tal-ivvjaġġar assistiti, ġiet żviluppata aktar billi ġie speċifikat li s-servizzi tal-ivvjaġġar differenti għandhom jiġu magħżula u mħallsa separatament mill-vjaġġatur. Barra minn hekk, huwa speċifikat li l-kummerċjant irid jiffaċilita x-xiri ta' servizzi addizzjonali għall-ivvjaġġar minn kummerċjant ieħor b'mod immirat u l-kuntratt konsegwenti ma' kummerċjant ieħor bħal dan irid jiġi konkluż mhux aktar minn 24 siegħa wara l-konferma tax-xiri tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar. Din id-definizzjoni tkopri l-każ fejn vjaġġatur jixtri servizzi tal-ivvjaġġar differenti għall-istess vjaġġ jew vaganza f'tranżazzjonijiet separati fejn ix-xiri ta' dawn is-servizzi huwa ffaċilitat minn kummerċjant, iżda fejn l-ebda kriterju ta' pakkett ikun preżenti. L-għan huwa li jiġi żgurat li meta jixtri LTA, il-vjaġġatur ikun protett fil-każ ta' insolvenza tal-kummerċjant li jiffaċilita l-LTA. Għalhekk il-vjaġġatur ikollu d-dritt li jiġi ripatrijat jekk l-insolvenza tal-kummerċjant responsabbli għall-ġarr ta' passiġġieri twassal biex il-vjaġġatur jitħalla l-art fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, qabel ma jiġi konkluż kuntratt li jwassal għal LTA, il-kummerċjant għandu jinforma lill-vjaġġatur, bl-użu ta' formoli standard, li huwa mhux se jibbenefika mid-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva ħlief għal protezzjoni mill-insolvenza.

14.   Id-definizzjoni ta' pakkett — kombinazzjonijiet li jiffurmaw pakkett (l-Artikolu 3(2)(b) u l-Premessa 18)

Bil-ħsieb li jitħaffef il-piż finanzjarju u amministrattiv għan-negozji ż-żgħar, b'mod partikolari l-lukandi u l-istabbilimenti bed & breakfast, il-Kunsill iċċara d-definizzjoni ta' pakkett.

B'mod partikolari, huwa ċċarat li, meta jiġi bbukkjat servizz addizzjonali tal-ivvjaġġar u dan ma jkunx jammonta għal 25 % jew aktar tal-valur tal-kombinazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar u ma jikkostitwixxix karatteristika essenzjali tal-vjaġġ, jew jintgħażel u jinxtara servizz tal-ivvjaġġar addizzjonali biss wara t-twettiq tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar, dan m'għandux jaqa' taħt id-definizzjoni ta' pakkett.

15.   Protezzjoni mill-insolvenza (l-Artikoli 17 u 19 u l-Premessi 38 sa 44)

L-effettività tal-iskema ta' protezzjoni u d-diskrezzjoni dwar il-mod li bih il-protezzjoni mill-insolvenza għandha tiġi organizzata mill-Istati Membri kienu objettivi ewlenin tal-Kunsill. Għalhekk it-test jistipula li l-protezzjoni mill-insolvenza għandha tipprovdi kopertura adegwata f'kull ċirkostanza li tista' tirriżulta u tirrifletti l-livell ta' riskju finanzjarju rappreżentat mill-attivitajiet tan-negozjant, iżda li din ir-responsabbiltà ma għandhiex tkun bla limitu. Ir-responsabbiltà tal-iskema ta' protezzjoni mill-insolvenza għandha tiġi estiża biss għal ċirkostanzi li jirriflettu l-valutazzjoni normali tar-riskju. Madankollu, protezzjoni effettiva mill-insolvenza m'għandhiex tieħu kont ta' riskji ferm remoti peress li m'hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex wieħed jistenna li skemi jkopru spejjeż mhux prevedibbli. Għan importanti ieħor kien li jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv u finanzjarju bla bżonn għall-intrapriżi żgħar u medji. Għal din il-għan, it-test jispeċifika li l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċjali ta' kumpanniji iżgħar meta jistabbilixxu regoli dwar il-protezzjoni mill-insolvenza li għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjanti fir-rigward ta' pakketti u LTAs.

16.   Informazzjoni prekuntrattwali (Artikolu 5)

Rigward l-informazzjoni prekuntrattwali, it-test jimmira sabiex jiżgura li l-vjaġġaturi jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jagħmlu għażliet infurmati mingħajr piż żejjed għall-vjaġġatur u l-organizzatur b'ħafna rekwiżiti għal informazzjoni. Għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni ġiet simplifikata, b'mod partikolari billi tneħħa kull rekwiżit għal informazzjoni fl-istadju prekuntrattwali dwar il-perijodi approssimattivi biex jinkisbu l-viżi, peress li dawn il-perijodi jvarjaw ħafna, skont in-nazzjonalità tal-vjaġġatur, iżda ftit li xejn għandhom valur għal vjaġġaturi f'dan l-istadju. Madankollu, il-Kunsill u l-PE qablu dwar referenza għal informazzjoni ġenerali dwar ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża, inklużi l-perijodi approssimattivi biex jinkisbu l-viżi.

17.   Akkomodazzjoni fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji (l-Artikolu 13(7) u l-Premessa 35)

Fil-każ ta' ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jwasslu għal dewmien fir-ritorn tal-vjaġġatur, it-test jispeċifika li l-akkomodazzjoni f'kategorija ekwivalenti (jekk possibbli) hija limitat għal numru massimu ta' 3 iljieli sakemm il-leġislazzjoni tal-Unjoni ma tipprevedix mod ieħor.

18.   Tibdil sinifikanti fit-termini tal-kuntratt (l-Artikolu 11(2) u l-Premessa 33)

F'każ ta' tibdil sinifikanti fit-termini tal-kuntratt, l-organizzatur irid jinforma lill-vjaġġatur bil-limitu taż-żmien raġonevoli li matulu l-vjaġġatur irid jinforma lill-organizzatur bid-deċiżjoni tiegħu, inkluża l-opzjoni li jittermina l-kuntratt.

19.   Kumpens għal dannu mhux materjali (l-Artikolu 14(2) u l-Premessa 34)

Il-Kunsill ikkonferma d-dritt tal-vjaġġatur għal kumpens għal kwalunkwe dannu. Dan jinkludi wkoll kumpens għal danni mhux materjali ladarba li fi premessa hu speċifikat li l-kumpens għandu jkopri wkoll danni mhux materjali, bħal kumpens għat-telf ta' tgawdija tal-vjaġġ jew vaganza minħabba problemi sostanzjali fil-prestazzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti.

20.   L-esklużjoni ta' pakketti u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, okkażjonali u mingħajr skop ta' profitt (l-Artikolu 2(2)(b) u l-Premessa 19)

Il-Kunsill iddeċieda li jeskludi l-pakketti u l-LTAs, okkażjonali u mingħajr skop ta' profitt, mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva peress li hemm inqas ħtieġa li jiġu protetti l-vjaġġaturi f'każijiet bħal dawn. Madankollu, sabiex jippermettu lill-vjaġġaturi li jagħmlu għażliet infurmati, għandha tkun disponibbli pubblikament informazzjoni adegwata li arranġamenti bħal dawn mhumiex koperti minn din id-Direttiva.

21.   Vjaġġar fuq xogħol (Artikolu 2(2)(c))

It-test ġeneralment jeskludi vjaġġi fuq xogħol, jekk il-pakketti jew l-LTAs, li nxtraw fuq il-bażi ta' kuntratt ġenerali għal arranġament ta' vjaġġar fuq xogħol bejn kummerċjant u persuna oħra fiżika jew ġuridika li qed taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha, peress li tali vjaġġi fuq xogħol diġà jgawdu minn livell komparattiv ta' protezzjoni fir-rigward ta' pakketti ta' vaganzi.

22.   Kiri ta' karozzi (Artikolu 3(1)(c))

Kiri ta' “muturi li jeħtieġu liċenzja tas-sewqan tal-Kategorija A skont l-Artikolu 4(3)(c) tad-Direttiva 2006/126/KE” hija inkluża fuq l-istess livell ta' “kiri ta' karozzi”. Din il-kategorija ta' muturi hija riżervata għal muturi akbar b'ebda limitu fuq id-daqs jew il-qawwa tal-magna.

23.   Kuntratti konklużi bit-telefon (l-Artikolu 27(2))

Il-Kunsill issimplifika r-rekwiżiti ta' informazzjoni għal kuntratti konklużi permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod, inkluż bit-telefon, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur.

24.   Traspożizzjoni (Artikolu 28)

L-Istati Membri ser ikollhom skadenza ta' 24 u 30 xahar rispettivament għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni, minħabba l-kumplessità u l-konsegwenzi estensivi tal-leġislazzjoni proposta, b'mod partikolari għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u n-negozji.

25.   Annessi I u II

Sabiex il-kunċett ta' “arranġament tal-ivvjaġġar marbut” isir fattibbli u prattikabbli, il-Kunsill żied żewġ Annessi li jispjegaw f'lingwaġġ sempliċi u b'mod standardizzat id-drittijiet u l-obbligi ta' passiġġieri u negozjanti fir-rigward ta' pakketti u LTAs.

IV.   KONKLUŻJONI

Fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-PE fl-ewwel qari. It-test kif inhu issa jirrifletti b'mod ġust u bbilanċjat il-fehmiet differenti espressi matul in-negozjati, u għandu jiżgura li l-vjaġġaturi u n-negozji jiġu pprovduti b'qafas sempliċi iżda effettiv u validu għall-futur li jkun infurzabbli wkoll fuq il-post.


Top