EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IR0487

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020

ĠU C 195, 12.6.2015, p. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/30


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-titjib tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020

(2015/C 195/05)

Relatur

:

Is-Sur Woźniak (PL/PPE), President tar-Reġjun ta' Wielkopolska

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li, mill-bidu nett, l-Aġenda Territorjali tal-UE kkonsistiet f'qafas politiku orjentat lejn l-azzjoni intiża biex tippromovi l-iżvilupp territorjali poliċentriku tal-UE. Ir-responsabbiltà tal-azzjoni politika hija prinċipalment f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet Ewropej;

2.

ifakkar li l-għan tal-Aġenda Territorjali huwa li tipprovdi linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp territorjali, li tappoġġja l-integrazzjoni tad-dimensjoni territorjali f'oqsma differenti ta' politika, fil-livelli kollha ta' governanza, u li tiżgura l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 skont il-prinċipju tal-koeżjoni territorjali (1);

3.

jiddeplora l-fatt li l-Aġenda Territorjali ma baqgħetx valida għal diversi snin fil-qasam politiku, iżda jilqa' l-interess muri f'din il-kwistjoni mit-Triju ta' Presidenzi attwali tal-Italja-il-Latvja-il-Lussemburgu;

4.

jenfasizza li l-approċċ territorjali (ibbażat fuq il-post) huwa l-uniku mudell politiku adatt li permezz tiegħu l-Unjoni tista' tissodisfa l-istennijiet taċ-ċittadini Ewropej (2). Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol akbar, bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ta' partijiet interessati oħra billi tiżviluppa approċċi bbażati fuq il-post li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni effettiva tal-Aġenda Territorjali tal-UE;

5.

jenfasizza l-ħtieġa ta' ppjanar strateġiku konġunt għat-territorju tal-Ewropa, ibbażat fuq viżjoni ta' żviluppi futuri sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tal-politiki tal-Unjoni, u b'hekk jiġu ġenerati sinerġiji bejn is-setturi. Barra minn hekk għandu jiġi indikat b'mod ċar liema istituzzjonijiet huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.

f'dan il-kuntest, iqis li sabiex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli u soċjalment inklużiv, apparti l-mekkaniżmi ta' ppjanar u koordinazzjoni, jinħtieġu wkoll miżuri ta' sensibilizzazzjoni u ta' għoti ta' informazzjoni u għajnuna metodoloġika lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. F'dan ir-rigward għad hemm ħidma sinifikanti xi ssir biex tinkiseb data paragunabbli fil-livell lokali u sottolokali fl-UE kollha;

7.

jitlob li tiġi żviluppata strateġija integrata għall-iżvilupp tal-ispazju fil-livell Ewropew filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rispettati s-setgħat eżistenti tal-ippjanar fil-livell lokali u reġjonali (3);

8.

jirrakkomanda li fil-qafas tal-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Ewropa 2020 u miżuri oħra, tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali b'mod partikolari billi jitqies l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE; għal dan l-għan, jirrakkomanda li jitnieda proċess ta' eżami tal-politiki settorjali f'termini tal-impatt territorjali tagħhom u li fil-proċedura tal-adozzjoni tal-atti legali relatati mad-diversi politiki tal-UE, u b'mod partikolari tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020, tiddaħħal b'mod permanenti l-valutazzjoni tal-impatt territorjali, li tkun wieħed mill-elementi bażiċi tal-valutazzjoni tal-impatt tar-regolamentazzjoni;

9.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu monitorjati l-passi essenzjali meħuda fil-livell tal-UE sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet reġjonali dejjem jiżdiedu madwar l-Ewropa fil-kuntest tal-kriżi reċenti, peress li jirrappreżentaw theddida serja għall-koeżjoni territorjali;

Osservazzjonijiet ġenerali

10.

jistqarr li l-UE teħtieġ strateġija tal-iżvilupp multidimensjonali għal riżultati konkreti sabiex issaħħaħ l-isforzi f'din id-direzzjoni fil-qafas tal-pakkett leġislattiv ġdid tal-politika ta' koeżjoni. Fi kliem ieħor, il-politika ta' koeżjoni għandha tikseb bilanċ bejn il-prinċipju tal-kundizzjonalità u dak tas-sussidjarjetà, filwaqt li tagħti aktar attenzjoni lil dan tal-aħħar;

11.

ifakkar li l-politiki territorjali tal-Unjoni għandhom jieħdu kont tal-impatt tal-istrateġiji politiċi differenti tal-UE fuq ir-reġjuni, il-bliet u ż-żoni urbani u li l-isfidi attwali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod komprensiv, mhux biss għall-fondi strutturali u ta' investiment sabiex jiġu koperti, biex insemmu ftit eżempji oħra, il-politiki tal-UE fil-qasam tal-ambjent, it-trasport u s-suq intern, u l-Aġenda Diġitali b'impatt territorjali ċar. Id-dimensjoni territorjali għandha tiġi kkunsidrata fit-tfassil tal-politiki, sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji, jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' żvilupp u jiġu evitati politiki konfliġġenti;

12.

mill-ġdid jirrakkomanda li jinħoloq “Kunsill għall-Politika ta' Koeżjoni” biex tissaħħaħ is-sistema ta' monitoraġġ u jkun hemm garanzija ta' bilanċ. Dan il-kunsill ikun magħmul mill-ministri tal-Istati Membri għall-iżvilupp reġjonali fil-livell tal-gvern kif ukoll minn rappreżentant tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bħala koordinatur tal-kooperazzjoni. F'dan ir-rigward, jiddikjara li jinsab lest biex jipparteċipa b'mod attiv f'diskussjonijiet politiċi dwar il-ħolqien ta' din l-istruttura sabiex ikun żgurat li jitqiesu b'mod sħiħ il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

13.

jenfasizza li s-sħubija hija rekwiżit essenzjali biex tittejjeb l-effiċjenza tal-politika ta' koeżjoni u li hija biss sistema ta' governanza f'diversi livelli li tista' tiżgura rabta effettiva bejn il-linji gwida strateġiċi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u l-kompiti reġjonali u lokali (4);

14.

itenni l-appoġġ tiegħu għal mekkaniżmi jew strumenti ġodda biex jissaħħaħ l-approċċ territorjali permezz ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u investiment territorjali integrat (ITI). Dan joffri opportunitajiet eċċellenti sabiex l-awtoritajiet lokali, il-bliet u r-reġjuni jingħataw is-setgħa jużaw il-fondi tal-UE biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità, u ritorn għat-triq lejn il-konverġenza. Għalhekk jiddispjaċih li, filwaqt li ħafna Stati Membri kkunsidraw li jimplimentawhom fil-prattika, l-użu tagħhom qiegħed jixxekkel mill-ostakoli regolatorji li jibqgħu fir-Regolamenti tal-UE u n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet amministrattivi li jħallu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jfasslu l-politiki;

15.

minħabba l-livell varjat ħafna tal-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti fl-Istati Membri, is-sistemi ta' amministrazzjoni, implimentazzjoni, monitoraġġ u kontroll ta' dawn l-istrumenti li jappoġġjaw l-iżvilupp territorjali għandhom ikunu razzjonalizzati u kkoordinati kemm jista' jkun;

16.

madankollu, jirrimarka li l-approċċ territorjali għall-iżvilupp imur ferm lil hinn minn dawn l-istrumenti u għandhom jiġu integrati l-aspetti kollha tal-politika ta' koeżjoni;

17.

jappella għal rispett ikbar tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali. Dan l-Artikolu jistabbilixxi li l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti, u jagħti attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni milqutin minn tranżizzjoni industrijali u lir-reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi kbar u permanenti, bħal dawk l-aktar mbiegħda fit-Tramuntana b'densità demografika baxxa u r-reġjuni gżejjer, transkonfinali u muntanjużi. Fil-fatt wieħed mill-elementi ewlenin għas-suċċess possibbli tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020 ikun li dawn it-territorji jkunu jistgħu jgħelbu l-iżvantaġġi strutturali tagħhom għall-iżvilupp;

18.

jenfasizza wkoll il-każ speċifiku tar-reġjuni ultraperiferiċi, li għalihom għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet u r-restrizzjonijiet identifikati fl-Artikolu 349 tat-TFUE sabiex jippermettu lil dawn it-territorji biex jegħlbu l-ostakli strutturali għall-iżvilupp tagħhom, u biex b'hekk isiru wieħed mill-elementi ewlenin għas-suċċess tal-Aġenda Territorjali 2020;

19.

barra dan, għandhom jiġu kkunsidrati sfidi demografiċi oħrajn li għandhom impatt kbir fuq ir-reġjuni bħad-depopulazzjoni, it-tixjiħ u popolazzjonijiet imxerrda ħafna. Jappella lill-Kummissjoni biex hija u timplimenta l-politika ta' koeżjoni tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-iżjed żvantaġġati mil-lat ġeografiku u demografiku (5);

20.

jitlob li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar il-kejl tal-kwalità tal-ħajja b'indikaturi li jmorru lil hinn mill-PDG (“GDP and beyond”), filwaqt li jenfasizza li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jikkomplementa dak tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u għalhekk ma jistax jitkejjel biss permezz ta' indikaturi ekonomiċi. It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-UE jittratta iktar minn sempliċiment it-tkabbir tal-PDG. Għandhom jiġu inklużi wkoll aspetti territorjali, soċjali, kulturali u, b'mod partikolari, dawk ambjentali, li huma partikolarment sinifikanti fir-reġjuni rurali u dawk b'popolazzjoni inqas baxxa. F'dan ir-rigward, it-tfassil ta' infrastruttura ekoloġika rurali u urbana ttejjeb il-kwalità u tnaqqas il-vulnerabbiltà tat-territorju. Meta jintgħażlu l-indikaturi, importanti li wieħed jinnota li d-disponibbiltà tad-data statistika fil-livell reġjonali hija limitata fl-Istati Membri kollha;

21.

jitlob l-introduzzjoni ta' indikaturi u indiċijiet komparabbli u affidabbli li jistgħu jintużaw għall-kejl, l-appoġġ u l-monitoraġġ tal-koeżjoni territorjali, l-iżvilupp territorjali komprensiv, il-problemi strutturali, l-isfidi u l-opportunitajiet għar-reġjuni tal-UE, kif ukoll l-impatt territorjali għal diversi livelli ġeografiċi u tipi ta' reġjuni (6). Dan jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati rigward l-ippjanar territorjali, b'konformità mar-rekwiżiti tal-proporzjonalità;

22.

iqis li hu essenzjali li jitqiesu t-tibdil fil-klima u r-riskji ambjentali u l-impatt territorjali tagħhom;

23.

jindika wkoll il-ħtieġa li jingħata bidu għal dibattitu dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020, u li dan id-dibattitu għandu janalizza b'mod partikolari jekk intlaħqux l-għanijiet inizjali fir-rigward tal-approċċ immirat għall-appoġġ territorjali speċifiku iżda wkoll li jitqies jekk il-metodoloġija attwali ta' allokazzjoni għall-FSIE hijiex konsistenti għalkollox mal-għanijiet tal-politika u tikkunsidrax biżżejjed id-diversità territorjali;

Żvilupp territorjali poliċentriku

24.

jinnota li l-iżvilupp poliċentriku tal-UE huwa kruċjali għall-koeżjoni territorjali, billi jikkontribwixxi għal sistema ta' bliet aktar strutturata u għal provvista aħjar ta' prodotti u servizzi ta' koeżjoni soċjali għar-reġjun kollu;

25.

ifakkar li l-effikaċja u l-kwalità Ewropea jiddependu minn netwerking bejn bliet ta' kull daqs – mil-livell lokali għal dak globali – kif ukoll mir-responsabbilizzazzjoni taċ-ċittadini u l-implimentazzjoni ta' azzjoni lokali għall-promozzjoni tal-vantaġġi tagħhom fuq skala Ewropea u dinjija;

26.

jenfasizza li l-ftuħ lejn pajjiżi ġirien u l-bqija tad-dinja huwa prerekwiżit għall-bliet u r-reġjuni Ewropej kollha li jixtiequ jisfruttaw l-opportunitajiet ta' żvilupp offruti minn tkabbir globali u l-progress teknoloġiku. F'dan il-kuntest, l-appoġġ għall-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-fruntieri esterni tal-UE, huwa strument li wera l-effikaċja tiegħu. L-iżvilupp fit-tul tal-Ewropa jiddependi minn apprezzament globali u użu ikbar tal-vantaġġi kompetittivi ta' kull belt u reġjun fit-tlestija tas-suq uniku u t-twaqqif ta' strateġiji ta' żvilupp konġunti u effettivi, b'mod partikolari fi ħdan is-Sħubija Ewro-Mediterranja u s-Sħubija tal-Lvant u dik Trans-Atlantika (7);

27.

jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-iktar bliet u reġjuni żviluppati tiżgura valur miżjud u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ambjent usa' tagħhom. Għalhekk jenfasizza li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-opinjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati, peress li jintlaqtu direttament mill-politiki tal-UE;

Ir-rwol tal-bliet ta' daqs medju, iż-żoni urbani ż-żgħar u ta’ daqs medju u taż-żoni rurali

28.

jenfasizza l-vantaġġi tal-approċċ poliċentriku għall-iżvilupp reġjonali, u jindika l-importanza tar-rabtiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

29.

jitlob għal approċċ politiku li jwassal għall-iżvilupp ta' reġjuni funzjonali, kemm fi ħdan il-pajjiżi u fil-livell transkonfinali, li bħala żoni funzjonali jinkludu żoni urbani u rurali u jirreferi għar-rwol tagħhom fiż-żamma tal-massa kritika għall-iżvilupp u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għax-xokkijiet esterni, ħaġa li ġiet enfasizzata iktar minn darba fl-analiżijiet ekonomiċi u tal-ippjanar tal-ispazju;

30.

jinnota li l-konċentrazzjoni spazjali tal-esklużjoni soċjali sseħħ fiż-żoni urbani, suburbani u rurali, li spiss jinsabu biswit postijiet b'livell deċenti ta' għajxien. Fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet sottoreġjonali;

31.

jitlob lill-UE tiffoka l-politiki u l-fondi tagħha iktar fuq konnessjonijiet effiċjenti u effettivi bejn ir-reġjuni urbani, b'kunsiderazzjoni tal-fenomenu tal-espansjoni urbana u l-forom ġodda ta' okkupazzjoni tat-territorju, tiffaċilita l-aċċessibbiltà għall-għarfien u l-edukazzjoni, u tistabbilixxi netwerks effettivi bejn il-bliet u ż-żoni funzjonali (8), bil-għan li jkun jista' jsir skambju tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet politiċi u proġetti effettivi;

32.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-Aġenda Territorjali 2020 il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet (inklużi bliet iż-żgħar u ta' daqs medju) huma mistiedna biex jikkontribwixxu għall-prijoritajiet territorjali Ewropej komuni, iżda fl-istess ħin jiddispjaċih li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għadhom mhumiex trattati l-istess bħal atturi oħra fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet. Għandhom isiru sforzi sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jwieġbu b'mod aktar effettiv għall-isfidi territorjali ewlenin fl-Ewropa;

33.

jagħraf li l-funzjonament effettiv tal-bliet iż-żgħar u ta' daqs medju u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji rurali huma elementi essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Aġenda Territorjali. F'dan il-kuntest, l-istrateġiji għandhom jiffokaw primarjament fuq aċċess ġust għas-servizzi ta' interess ekonomiku u soċjali ġenerali, l-espansjoni taż-żoni funzjonali (abbażi tal-inizjattivi għall-iżvilupp taż-żoni rurali u urbani li diġà ġew implimentati) kif ukoll il-promozzjoni tal-aċċessibbiltà u l-interkonnessjoni tal-bliet iż-żgħar u ta' daqs medju (9);

34.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jaqdu ż-żoni urbani ż-żgħar u ta' daqs medju bħala wieħed mill-elementi fl-iżvilupp territorjali poliċentriku. F'dan il-kuntest bi pjaċir jinnota li din it-tema komuni ġiet adottata mit-Triju ta' Presidenzi fil-qasam tal-bliet iż-żgħar u ta' daqs medju fiż-żoni urbani li tikkonċerna l-analiżi tar-rabtiet urbani-rurali u li tippreżenta mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn id-diversi oqsma u li tikseb żvilupp territorjali iktar bilanċjat. Huwa essenzjali li jissaħħu l-valuri ta' identità tat-territorju (il-pajsaġġ, il-patrimonju kulturali u ambjentali) bħala assi ta' kompetittività u ta' divrenzjar fis-suq globali;

35.

iż-żoni urbani ż-żgħar u ta' daqs medju jaqdu rwol attiv sabiex jiżguraw il-benesseri u l-prosperità anke għall-abitanti tal-irħula li jinsabu qribhom, huma ċentri ta' servizzi, ta' impjieg, ċentri ta' trasport lokali, u joħolqu domanda dejjem ikbar għall-mobbiltà eċċ. Għalhekk huma għandhom rwol biex jillimitaw id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u urbani. Madankollu, huma jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp taż-żoni metropolitani, permezz ta' parteċipazzjoni f'netwerk poliċentriku komuni. Huma jgħinu biex jindirizzaw l-aspetti ambjentali u tal-kwalità li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni eċċessiva tal-popolazzjoni fil-bliet il-kbar;

36.

għalhekk jitlob li d-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni tiġi żviluppata iktar u kkoordinata aħjar ma' politiki oħra li jolqtu ż-żoni urbani fil-qafas ta' aġenda urbana integrata u li tissaħħaħ is-sistema formali ta' kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani Ewropej u l-intern rurali tagħhom (10); itenni t-talba tiegħu għal White Paper għal aġenda urbana integrata;

Ir-rabtiet bejn ir-reġjuni Ewropej: il-perspettiva territorjali

37.

iqis il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, li taħdem bl-appoġġ minn inizjattivi transkonfinali, interreġjonali jew transnazzjonali (pereżempju r-REKT), u l-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali bħala strumenti li jippermettu implimentazzjoni aħjar tal-Aġenda Territorjali; għalhekk, bi pjaċir jilqa' l-pjan tat-Triju ta' Presidenzi għall-analiżi tal-ħtiġiet relatati mad-dispożizzjonijiet legali għall-ħolqien taż-żoni transkonfinali integrati kif ukoll il-ħolqien ta' grupp ta' ħidma fil-Kunsill biex jiġi segwit il-progress tal-istrateġiji makroreġjonali. Jinnota li għandha titkompla l-parteċipazzjoni tal-entitajiet sottonazzjonali fit-tħejjija u l-ġestjoni ta' dawn l-istrumenti, kif ukoll fil-grupp ta' ħidma msemmi, peress li dan huwa aspett fundamentali biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha;

38.

iqis li jeħtieġ li jiġi promoss it-tkabbir poliċentriku, bilanċjat ġeografikament bejn żoni differenti, fost l-oħrajn permezz ta' azzjonijiet biex jingħalaq id-distakk diġitali, il-kollaborazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, il-klima u l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-attraenza tat-territorji u permezz ta' politika tat-trasport sostenibbli bbażata fuq strateġija adattata għall-ispeċifiċitajiet territorjali;

39.

jenfasizza r-rwol tal-infrastruttura tat-trasport bħala strument għall-koeżjoni territorjali. Ir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi jeħtieġu attenzjoni partikolari f'dan ir-rigward (11). F'dan il-kuntest, jirrimarka li r-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali jistgħu jintużaw bħala għodda li tappoġġja r-rabtiet transkonfinali inklużi dawk ma' pajjiżi terzi, u jistgħu jintużaw ukoll diversi strumenti ta' finanzjament bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

40.

jitlob lill-Kummissjoni tkompli u żżid l-isforzi tagħha sabiex jitlesta n-netwerk prinċipali tat-TENT-T, b'mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-ostakli, l-iffaċilitar tal-konnessjonijiet transkonfinali u t-tisħiħ tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pjattaformi tal-kurituri;

41.

jenfasizza, bħalma hemm indikat fis-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni, li l-linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport stabbilew l-għan li jkun hemm netwerk multimodali ġenwin fil-livell tal-UE, inklużi l-ferroviji, il-bini ta' infrastruttura addizzjonali, billi tinħoloq infrastruttura ġdida iżda wkoll billi tittejjeb dik eżistenti. F'dan il-kuntest, il-Kumitat iqis il-bżonn li jkunu disponibbli mezzi tat-trasport li jkunu sostenibbli, kompetittivi u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi, li jippromovu l-intermodalità, l-użu komplementari tal-mezzi differenti tat-trasport kif ukoll it-twettiq ta' proġetti infrastrutturali f'żoni inqas żviluppati, reġjuni transkonfinali u reġjuni li jiffaċċjaw ostakli fiżiċi għas-suq intern u li għandhom problemi ta' koeżjoni territorjali;

L-Aġenda Territorjali u l-Istrateġija Ewropa 2020

42.

jinnota li l-Aġenda Territorjali tal-UE 2020 tafferma mill-ġdid l-importanza ta' approċċ territorjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għandu jittieħed vantaġġ mill-opportunità tar-reviżjoni tal-Istrateġija biex fiha tiġi inkluża dimensjoni territorjali iktar b'saħħitha. Għalhekk, l-għanijiet tal-UE definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020 jistgħu jinkisbu biss jekk tiġi kkunsidrata d-dimensjoni territorjali tal-istrateġija, peress li l-opportunitajiet ta' żvilupp tar-reġjuni individwali jvarjaw (12);

43.

itenni t-talba tiegħu għal White Paper dwar il-koeżjoni territorjali abbażi ta' analiżi dwar ir-relazzjoni bejn l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020 u l-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali dejjem jiżdiedu fl-UE (13);

44.

jirrakkomanda li l-politika ta' koeżjoni tal-UE, bl-għanijiet tagħha ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, tkompli tagħti kontribut sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 anki fil-ġejjieni. Bit-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-għanijiet tat-tkabbir u tal-konverġenza, il-politika ta' koeżjoni tista' tagħti kontribut biex jonqsu d-disparitajiet fl-Unjoni Ewropea u b'hekk jinkisbu l-miri prinċipali tal-Istrateġija u kisbiet fuq perjodu twil f'termini ta' prosperità fl-Ewropa kollha. Dan il-potenzjal għandu jiġi sfruttat b'mod sistematiku billi fil-politika ta' koeżjoni jintuża approċċ ibbażat fuq is-sħubija sabiex jiġi żgurat li l-istrateġiji stabbiliti fil-livell reġjonali jindirizzaw speċifikament iċ-ċirkustanzi u l-potenzjal lokali;

45.

għalhekk jappoġġja l-idea tal-proposta ta' Kodiċi tal-Kondotta dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 (14), abbażi tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija, li ser tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati l-oħra jkunu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni fit-tul ta' dokumenti strateġiċi li jaffettwaw l-iżvilupp territorjali;

Viżjoni għar-Reġjun Ewropew

46.

jenfasizza l-azzjoni meħuda minn ESPON, bil-għan li jiġi żviluppat sett ta' indikaturi u indiċijiet għall-iżvilupp territorjali Ewropew li jista' jintuża biex jiġu appoġġjati dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-kejl u l-monitoraġġ tal-koeżjoni territorjali; jitlob b'mod espliċitu li jitfasslu indikaturi li jirriflettu l-mod kif l-isfidi territorjali u demografiċi (bħat-tixrid, id-densità baxxa, it-tnaqqis u t-tixjiħ tal-popolazzjoni) jaffettwaw it-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv;

47.

jemmen li huwa urġenti li tiġi żviluppata data statistika komparabbli dwar żoni lokali u sottolokali kif ukoll li l-klassifikazzjoni urbana-rurali eżistenti tal-OECD u tal-Kummissjoni tissarraf f'kategoriji tal-Eurostat li, abbażi ta' informazzjoni affidabbli mil-livell lokali, jistgħu jgħinu kemm fit-tfassil kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-politiki tal-UE;

48.

iqis li l-bini ta' Ewropa poliċentrika u miftuħa huwa l-aktar strateġija territorjali koeżiva għat-tkabbir u l-kompetittività, il-koeżjoni soċjali u l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli promossi mill-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Territorjali 2020 għad-deċenji li jmiss (15). Huwa jesprimi l-appoġġ tiegħu għal strateġija li tgħaqqad l-iżvilupp u l-koeżjoni, u toħloq postijiet pjaċevoli għall-għajxien;

49.

jirrikonoxxi l-bżonn ta' ppjanar strateġiku konġunt tat-territorju Ewropew, ibbażat fuq viżjoni globali tal-iżvilupp futur biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki Ewropej tal-iżvilupp reġjonali (16).

Brussell, 17 ta' April 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn Ewropa ta' Diversi Reġjuni Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli

(2)  Ir-rapport Barca, p. 108.

(3)  Making Europe Open and Polycentric f“Scenarios and Vision for European Territory 2050”, ESPON.

(4)  CdR 2012/1683.

(5)  CdR 2014/4896.

(6)  Making Europe Open and Polycentric f“Scenarios and Vision for European Territory 2050”, ESPON.

(7)  Making Europe Open and Polycentric f“Scenarios and Vision for European Territory 2050”, ESPON.

(8)  How to strengthen the Territorial dimension of Europe 2020 and the EU cohesion Policy.

(9)  How to strengthen the Territorial dimension of Europe 2020 and the EU cohesion Policy.

(10)  “L-iżvilupp territorjali poliċentriku fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali” – diskussjoni round table fil-laqgħa tal-COTER f'Fabriano, 10 ta' Lulju 2014.

(11)  Għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi, ara l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-mobilità fir-reġjuni bi sfidi ġeografiċi u demografiċi (CdR 1691/2014).

(12)  L-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn soċjetà inklużiva, intelliġenti u sostenibbli Ewropa sostenibbli ta' reġjuni differenti.

(13)  CoR 2014/2333.

(14)  Pjan ta' Azzjoni rivedut għall-Istrateġija Ewropa 2020.

(15)  Making Europe Open and Polycentric f'Scenarios and Vision for European Territory 2050, ESPON.

(16)  Making Europe Open and Polycentric f'Scenarios and Vision for European Territory 2050, ESPON.


Top