Vyberte pokusně zaváděné prvky, které byste chtěli vyzkoušet

Tento dokument je výňatkem z internetových stránek EUR-Lex

Dokument 52015IR0642

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-futur tas-settur tal-prodotti tal-ħalib

ĠU C 195, 12.6.2015, s. 15—21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/15


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Il-futur tas-settur tal-prodotti tal-ħalib

(2015/C 195/03)

Relatur

:

René Souchon, President tar-Reġjun ta’ Auvergne (FR/PSE)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

I.   ANALIŻI TAL-KUNTEST

Dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti tal-ħalib

1.

jinnota li fir-rapport tagħha COM(2014) 354 final tat-13 ta’ Ġunju 2014, imfassal abbażi tad-data disponibbli f’nofs Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li s-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib hija favorevoli, fuq medda qasira u medja ta' żmien, u li t-tneħħija tal-kwoti għandha sseħħ. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għad baqa’ xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati, iżda tikkunsidra li, f’dan l-istadju, għadu kmieni wisq biex jitkejjel l-impatt ta’ tmiem il-kwoti, u tixtieq tistenna sal-2018 biex tħejji proposti leġislattivi ġodda;

2.

iqis li sa minn Marzu 2014, dan l-iżvilupp favorevoli ħafna tas-suq u l-prezzijiet inqaleb taħt l-influwenza ta' tliet fatturi: produzzjoni dinjija qawwija, id-domanda globali li naqset u l-embargo Russu. F’kuntest ta’ żieda kbira fil-produzzjoni Ewropea, dawn it-tliet elementi diġà qed jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti fil-prezz tal-ħalib;

3.

jinnota li t-tbassir għall-ewwel nofs tal-2015 juri tnaqqis fil-prezzijiet u ħażniet ta’ prodotti tal-ħalib li jistgħu jaqbżu lil dawk tal-2009 b'differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri, u kultant anki fi ħdan l-istess Stati Membru;

Dwar l-implementazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib

4.

jinnota li fir-rapport tal-Kummissjoni s-sistema ta’ kuntrattar għadha marġinali fil-volum u dan idgħajjef l-ibbilanċjar mill-ġdid tal-poter favur il-produtturi. Il-kooperattivi, li huma responsabbli għal aktar minn 60 % tal-ħalib fl-Ewropa, kienu eżentati mis-sistema ta' kuntrattar u l-kontroll tal-produzzjoni, billi ħabbru minn qabel li huma ser jiġbru l-ħalib kollu tal-produtturi membri tagħhom. Dan kollu jillimita serjament l-ambitu tal-miżuri tal-“pakkett tal-ħalib”;

5.

jinnota li ż-żieda qawwija ħafna fil-produzzjoni u l-ġbir fl-Unjoni Ewropea kollha fl-2014 turi tajjeb li s-sistema ta' kuntrattar ma kellhiex – u mhux se jkollha –effett fuq il-kontroll tal-provvista globali fl-UE, peress li l-azjendi tal-ħalib ormaj huma f’kompetizzjoni miftuħa ma’ xulxin;

6.

jinnota li s-settur tal-kummerċjalizzazzjoni, l-aħħar ħolqa fil-katina alimentari tal-ħalib, ta' spiss juża l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib destinati biex jinbiegħu lill-konsumatur bħala lixka, hekk kif jiġu offruti bi prezzijiet baxxi u jgħaddi dan it-tnaqqis lura tul il-katina lis-settur tal-produzzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar huwa dak li jbati l-konsegwenzi ta’ dawn il-politiki kummerċjali aggressivi, bir-riżultat li f’ħafna każijiet il-produttur jirċievi ammont li ma jkoprix l-ispejjeż tiegħu tal-produzzjoni;

7.

jinnota li l-miżuri speċifiċi, mhux previsti fil-“pakkett tal-ħalib”, adottati wara l-embargo tar-Russja, huma b’mod ċar insuffiċjenti minħabba t-telf imġarrab minn Awwissu 2014 'l hawn;

8.

jinnota li l-possibbiltà ta' ġestjoni tal-provvista għad-denominazzjoni protetta tal-oriġini (DPO), permessa mill-“pakkett tal-ħalib”, jidher li għadha qed tintuża ftit li xejn (tliet ġobnijiet fi Franza u tnejn l-Italja), u jixtieq ikollu aktar informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropew dwar l-applikazzjonijiet pendenti u jitlob għall-promozzjoni ta' din il-possibbiltà fl-Istati Membri u li l-Kummissjoni tissimplifika l-aċċess għall-iskemi tad-denominazzjoni protetta ta' oriġini (DPO) u tal-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP);

Prospetti għall-wara l-kwota

Fuq medda qasira ta’ żmien:

L-impatt fuq il-produzzjoni tal-ħalib fil-livell tal-Unjoni Ewropea

9.

jinnota li l-analiżi mwettqa għall-konferenza “Is-settur tal-ħalib Ewropew: l-iżvilupp lil hinn mill-2015” tal-24 Settembru 2013, kif ukoll ir-rapport COM 2014-2024 juru li ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib tal-UE tiddependi l-ewwel nett mis-suq dinji, li jirrappreżenta biss 7 % tal-produzzjoni dinjija iżda hija kompetittiva ħafna. It-trab tal-ħalib jikkostitwixxi żewġ terzi ta’ tunnellati fornuti minn tliet esportaturi prinċipali: l-UE, in-New Zealand u l-Istati Uniti. L-OECD u l-FAO jbassru li d-domanda globali għall-prodotti tal-ħalib se tikber b’madwar 2 % fis-sena sal-2023. Hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu identifikati u żviluppati swieq ġodda, jikber is-sehem tas-suq globali tal-UE, jiġi żgurat aċċess ġust għall-esportaturi tal-UE u jiġi stimolat it-tkabbir fl-esportazzjoni. It-titjib fit-trasferiment tal-għarfien, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-miżuri għat-titjib tal-kwalità u t-tikkettar ser iġibu aktar valur miżjud għall-prodotti tal-ħalib tal-UE u jżidu l-kompetittività tagħhom fis-suq intern u fis-suq dinji;

10.

jinnota li din l-analiżi ta’ Settembru 2013 tipprevedi li, maż-żmien, ammont dejjem jikber ta’ ħalib prodott fl-Unjoni Ewropea se jinbidel fi prodotti b’valur miżjud ogħla, aspejjeż ta’ produzzjoni tal-massa mhux ipproċessata;

11.

jinnota li l-analiżi tirrikonoxxi l-iżbilanċ li qed jikber fid-distribuzzjoni tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ħalib, favur il-proċessuri;

12.

jinnota li huwa ġeneralment rikonoxxut li t-tneħħija tal-kwoti ser twassal għal aktar konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f’azjendi agrikoli ikbar u f'ċerti reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

13.

iqis li l-UE m’għandhiex għodod operattivi biex tillimita l-volatilità tal-prezzijiet tal-ħalib mir-razzett;

14.

jinnota wkoll li parti kbira mill-investimenti reċenti fis-settur tal-ħalib Ewropew jiffokaw iktar fuq it-torrijiet għat-tnixxif tat-trab tal-ħalib milli fuq l-ipproċessar tal-ħalib fi prodotti b’valur miżjud għoli bħall-ġobnijiet (50 % fuq it-trab tal-ħalib kontra l-20 % fuq il-ġobnijiet (1));

15.

iqis din il-konċentrazzjoni ta’ produzzjoni fl-azjendi agrikoli ikbar fiha nnifsha mhux garanzija tal-effettività jew id-dħul, kif juri l-eżempju Daniż;

L-impatti territorjali prevedibbli u l-effetti sekondarji tagħhom

16.

jinnota li, għall-perjodu ta wara l-kwoti, diversi studji (2) jikkonfermaw il-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib fl-aktar żoni produttivi li għandhom l-akbar densità tal-produzzjoni tal-ħalib u l-ispejjeż tal-ġbir l-aktar baxxi, u t-tnaqqis jew l-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib f’reġjuni kkunsidrati bħala żvantaġġati jew vulnerabbli. Jinnota li f’dawn ir-reġjuni, kemm jekk huma periferiċi, muntanjużi jew dawk ultraperiferiċi, il-produzzjoni tal-ħalib hija attività ekonomika diffiċilment sostitwibbli, li għandha wkoll rwol importanti fil-livell soċjali u ambjentali;

17.

jiddispjaċih li m'hemm l-ebda studju speċifiku, jew inkella ftit, dwar id-destin ta’ żoni żvantaġġati f’każ ta’ abbandun gradwali tal-produzzjoni tal-ħalib, bir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib li jinnota li għadu kmieni wisq biex jitkejjel l-impatt tiegħu fuq iż-żoni żvantaġġati.

18.

jiddispjaċih, b’mod partikolari, li m'hemmx studji speċifiċi li jiffokaw fuq ir-reġjuni fejn il-produzzjoni tal-ħalib hija determinanti għall-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi, kif ukoll hija lieva strateġika għal setturi ekonomiċi oħra bħat-turiżmu. Dawn iż-żoni rarament huma kkalkulati bħala għadd ta’ rziezet u impjiegi lokali, u qatt ma jkunu kkalkulati mil-lat tal-kontribut għall-beni pubbliċi (il-kwalità tal-ilma u l-pajsaġġi, il-bijodiversità, il-kwalità tal-prodotti, it-turiżmu ekoloġiku u s-swieq reġjonali, eċċ.) jew għal setturi ekonomiċi oħra;

19.

jinnota li l-iżjed studji reċenti tal-Kummissjoni u l-esperti jipprevedu aċċellerazzjoni tal-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (bl-eċċezzjoni tal-Polonja), meta tqis li t-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib ħafna drabi hija l-attività agrikola ewlenija; dan huwa ta' ħsara għall-kapaċità li ż-żoni rurali jżommu l-popolazzjoni tagħhom;

20.

iqis ukoll li huwa urġenti li, għaż-żoni “intermedjarji” għall-kultivazzjoni tar-raba' u t-trobbija tal-bhejjem, jiġi kkwantifikat it-telf totali ta’ impjiegi li jirriżulta mill-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib favur iċ-ċereali;

21.

jenfasizza li l-miżuri tax-xibka ta’ sikurezza eżistenti bħall-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat mhumiex għodod adegwati biex tiġi indirizzata l-volatilità persistenti jew il-kriżi fis-settur tal-ħalib, li ġiet aggravata aktar mill-embargo Russu, li affettwa partikolarment il-pajjiżi Baltiċi u l-Finlandja;

Fuq medda medja ta' żmien:

22.

jinnota li l-aħħar tbassir ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, minkejja tmiem il-kwoti, juri żieda limitata tal-produzzjoni Ewropea, b’mod partikolari minħabba restrizzjonijiet ambjentali dejjem aktar akuti f’xi Stati Membri. Madankollu, iż-żieda fil-produzzjoni fl-2014 turi li t-taħlita ta’ prezz tajjeb tal-ħalib u sena favorevoli għall-għalf wasslet għal eċċess konsiderevoli u għalkollox imprevist ta' ħalib;

23.

jinnota li, skont il-Kummissjoni, il-prezz medju tal-ħalib għandu jkun ta’ madwar EUR 350 għal kull tunnellata matul il-perjodu 2016-2024, b’varjazzjonijiet bejn it-EUR 300 u l-EUR 400 kull tunnellata matul tmien snin minn għaxra, u dawn għandhom ikunu aktar severi matul sentejn minn għaxra;

24.

iqis li din il-volatilità, it-taqlib konsiderevoli li din ser toħloq, kif ukoll l-inċertezza li ser tqiegħed fuq is-settur tal-ħalib fit-territorju Ewropew huma inkompatibbli ma’ investimenti sinifikanti fl-irziezet u l-introduzzjoni ta’ produtturi ġodda, u ser ikunu partikolarment sensittivi fiż-żoni muntanjużi jew ir-reġjuni ultraperiferiċi, karatterizzati minn limitazzjonijiet akbar u inqas possibbiltajiet ta' ekonomiji ta' skala;

25.

barra minn hekk jinnota li l-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw kompetizzjoni minn esportaturi dinjija oħrajn, li huma ftit iżda b’saħħithom (New Zealand, l-Istati Uniti u l-Awstralja,) li għandhom aċċess storiku għas-swieq Asjatiċi u għandhom influwenza deċiżiva fuq il-prezzijiet tas-suq dinji tal-prodotti tal-ħalib;

26.

iqis li ma għandniex infixklu t-tkabbir tas-suq dinji maż-żieda fid-domanda dinjija – peress li din tal-aħħar hija pjuttost regolari fuq medda medja u twila ta’ żmien billi s-suq dinji jimxi b'mod aktar imprevedibbli, u huwa responsabbli biss għal 7 % tal-produzzjoni u għal xi produzzjoni żejda f’ċerti pajjiżi;

27.

iqis li huwa inaċċettabbli li l-prezzijiet tal-ħalib mill-azjenda agrikola fl-Ewropa jkunu marbuta tant mill-qrib mal-prezzijiet dinjija, meta wieħed iqis li 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni Ewropea tinbiegħ fis-suq Ewropew;

Rigward ir-riskji u l-opportunitajiet għas-settur tal-prodotti tal-ħalib fl-Ewropa marbuta mal-ftehimiet kummerċjali li qed jiġu diskussi

28.

iqis li d-domanda għall-prodotti tal-ħalib u l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni se jiġu esposti għall-effetti ta’ diversi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles u ftehimiet kummerċjali reġjonali li qed jiġu negozjati;

29.

jinnota li r-riskju ewlieni assoċjat ma’ dawn il-ftehimiet għat-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib fl-industrija Ewropea, u għall-konsumatur, huwa li jitbaxxew l-istandards tal-kwalità u s-sigurtà tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej, iżda wkoll in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-DPO kif mitlub mill-industrija tal-ħalib;

30.

jikkunsidra wkoll li l-ftehim li qed jiġi nnegozjat bħalissa mal-Istati Uniti dwar l-armonizzazzjoni u t-tnaqqis sostanzjali fid-dazju, imsemmija fil-mandat tan-negozjati tal-UE, jirrappreżenta opportunitajiet iżda wkoll riskji għas-settur tal-ħalib, notevolment marbuta mad-dazji doganali għall-prodotti tal-ħalib, normalment ħafna ogħla mil-livell Ewropew, filwaqt li s-sostenn għall-produtturi tal-ħalib huwa msaħħaħ mill-Farm Bill tal-Istati Uniti 2014-2018;

31.

jinnota li l-UE qiegħda fil-proċess li tikkonkludi Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Afrika tal-Punent dwar it-tneħħija ta’ dazji tad-dwana ma' dan il-grupp ta' pajjiżi, għal mill-inqas 75 % tal-esportazzjonijiet tagħha, fosthom it-trab tal-ħalib. Madankollu, esportazzjonijiet kbar tal-Unjoni Ewropea se jdgħajfu l-iżvilupp tat-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib u l-iżvilupp ta’ azjendi żgħar tal-ħalib f’dawn il-pajjiżi u jħaffu l-migrazzjonijiet tal-popolazzjonijiet rurali lejn il-bliet u lejn l-Ewropa;

II.   PROPOSTI U RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Nisfruttaw bis-sħiħ l-għodod disponibbli fil-livell Ewropew

Inżidu l-livell tax-xibka ta’ sikurezza

32.

jinnota li taħt il-PAK il-ġdida (2014-2020), is-settur tal-prodotti tal-ħalib jibbenefika minn xibka ta’ sikurezza marbuta ma' qafas regolatorju li jippermetti li l-Kummissjoni tirreaġixxi f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

33.

iqis li l-livell tax-xibka attwali ta’ sikurezza (EUR 217/t) huwa baxx wisq biex jikkostitwixxi protezzjoni fil-każ ta' tnaqqis fil-prezz tal-ħalib;

34.

jipproponi lill-Kummissjoni biex tassigura li l-prezz tax-xiri b'intervent jirrifletti aħjar l-ispejjeż tal-produzzjoni u jadatta aħjar għal tibdil fis-suq. Il-prezz tax-xiri b'intervent attwali, li ma nbidilx mill-2008, jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-input dejjem jiżdiedu u għandu jiġi rivedut fuq bażi regolari;

Titjib tal-għodda tal-“pakkett tal-ħalib”

35.

Jinnota, għal dawk il-pajjiżi li jkunu ddeċidew li jagħmlu obbligatorji l-kuntratti tal-ħalib, li l-ħolqien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma rnexxilux jilħaq l-iskop li għalih inħoloq, peress li l-proċessuri komplew jinnegozjaw kuntratti b’mod dirett mal-produtturi billi imponew fuqhom tul ta’ żmien qasir ħafna ta’ kuntratti u mingħajr garanzija tal-prezzijiet tal-ħalib; għalhekk jipproponi li tingħata prijorità, minflok kuntratti diretti bejn il-produtturi u l-imħaleb, l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi reġjonali u territorjali, mhux dipendenti fuq maħleb wieħed, fuq l-istess linji ta’ dak li jeżisti u jaħdem fil-Quebec, u li jirċievu ħafna aktar setgħa għan-negozjar;

36.

iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex dawn jaqdu rwol ekonomiku ċar fil-ġestjoni tal-prezz u l-ġestjoni tal-provvista;

37.

jipproponi li tittejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ kuntratti billi tiġi estiża l-iskema għas-settur kollu, inklużi b'mod speċjali l-bejjiegħa kbar;

38.

iħeġġeġ lill-produtturi sabiex jipparteċipaw u jidħlu f'organizzazzjonijiet li jkunu kapaċi jipproċessaw il-ħalib, waqt li jitnaqqas in-numru ta' ħoloq fil-katina tal-ħalib;

39.

iħeġġeġ li jiġi promoss il-konsum intern tal-prodotti tal-ħalib fl-UE, u li jiġu adottati r-regoli dwar it-tikkettar li jipprovdu informazzjoni sħiħa dwar l-oriġini, il-metodu ta' produzzjoni, il-proċessi industrijali użati, eċċ.

40.

jipproponi li s-settur tal-kummerċjalizzazzjoni jiġi pprojbit milli juża prattiki li jinvolvu t-trivjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib bil-għan li ma jintużawx bħala lixka fil-politiki kummerċjali tiegħu.

41.

jipproponi li jittejjeb il-funzjonament tal-Osservatorju Ewropew tal-Ħalib (European Milk Market Observatory), u jkunu disponibbli l-mezzi neċessarji biex jiġi żgurat li l-Osservatorju jsir strument ġenwin ta’ tmexxija u mhux biss ta' osservazzjoni a posteriori. Għal dan l-għan, fl-osservatorju għandha tiġi stabbilita sistema ta' twissija bikrija effiċjenti għal kriżijiet emerġenti tas-suq. Għal dan l-għan, huwa essenzjali li l-Osservatorju jipprovdi data kull xahar u f’livell aktar dettaljat minn dak tal-Istati Membri, sabiex jikkunsidra d-diversità tas-sitwazzjonijiet bejn ir-reġjuni Ewropej; Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati t-twissijiet bikrija u immedjatament tieħu il-miżuri kollha meħtieġa;

Nottimizzaw il-miżuri tal-Pilastru I

42.

ifakkar li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu għajnuna akkoppjata fakultattiva għall-produtturi tal-ħalib, sa ċertu perċentwal tal-pakkett nazzjonali tagħhom tal-Pilastru I, u jistgħu jagħtu pagament sa 5 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom għal żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali. Għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet POSEI (“Il-Programm ta' Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità”) huma mfassla biex iqisu l-iżvantaġġi ġeografiċi u ekonomiċi ta’ dawn iż-żoni, iżda mhux biex jittrattaw kriżijiet ikkawżati mid-deregolamentazzjoni tas-suq tal-ħalib;

43.

iqis li sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ nfiq żejjed fil-produzzjoni u l-ipproċessar fir-reġjuni ultraperiferiċi, hemm bżonn ta' riżorsi addizzjonali għall-programm POSEI, li jippermettu li jiġu kkumpensati l-produtturi tal-ħalib għall-effetti li jirriżultaw mid-deregolamentazzjoni tas-swieq u li jagħtuhom il-garanzija li jibqgħu kompetittivi meta mqabbla mal-produtturi fil-bqija tal-Ewropa;

44.

jibża’, madankollu, li jekk kull pajjiż jista' jagħmel l-għażla tiegħu, ser ikun hemm firxa wiesgħa ta’ tipi u livelli ta’ appoġġ fost il-bdiewa fl-Unjoni Ewropea u li r-riallokazzjonijiet jibqgħu ta' spiss wisq baxxi meta mqabbla mad-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni;

Nottimizzaw il-miżuri tal-Pilastru II

45.

jinnota li l-Istati Membri jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur tal-ħalib b’approċċ strateġiku billi jfasslu sottoprogrammi tematiċi mfassla apposta u maħsuba biex, pereżempju, jiġi limitat ir-ristrutturar tas-settur tal-prodotti tal-ħalib;

46.

jinnota li l-appoġġ għal żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali u restrizzjonijiet speċifiċi oħra jipprevedi aktar ħlasijiet ta’ kumpens għal dħul mitluf u spejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni;

47.

iqis li dan għandu japplika wkoll għall-produtturi tal-ħalib fil-każ li jkunu jinsabu f’żona soġġetta għal restrizzjonijiet naturali. Dawn il-ħlasijiet huma partikolarment importanti biex jiġi evitat l-abbandun ta’ art agrikola u l-eżodu miż-żoni rurali;

48.

jinnota, madankollu, tnaqqis sinifikanti fir-riżorsi baġitarji disponibbli għall-politika ta’ żvilupp rurali fil-livell tal-Unjoni Ewropea, li jista’ jkollu l-effett ta' dewmien fil-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli żgħar, li ma jħallihomx jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali;

49.

għal futur aktar vijabbli, jinkoraġġixxi investiment sostenibbli fl-irżieżet u attivitajiet ta' estensjoni agrikola sabiex jitjiebu r-rendimenti tal-ħalib u l-effiċjenzi fir-razzett, eżempju permezz ta' faċilitajiet tal-ħlib aħjar, tgħammir imtejjeb, sistemi tal-ICT u biex jiġi żgurat post tax-xogħol aktar sigur; għaldaqstant jappoġġja l-miżuri addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI biex jiġu njettati l-investiment u l-likwidità fl-industrija;

50.

jibża’ li l-obbligu tal-kofinanzjament applikabbli għall-miżuri tal-Pilastru II ser iwassal għal differenzi kbar mil-lat ta' riżorsi baġitarji disponibbli fl-Istati Membri individwali;

51.

jirrikonoxxi l-bżonn ta' konsistenza tal-politiki tal-UE fl-indirizzar tal-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u s-sigurtà alimentari u jirrakkomanda l-appoġġ tas-sistemi ta' produzzjoni tal-ħalib l-iktar effiċjenti fl-emmissjonijiet tal-karbonju u ambjentalment sostenibbli;

52.

jirrakkomanda, fil-qafas ta' approċċ strateġiku fit-tul, l-iżvilupp tal-appoġġ marbut mal-produzzjoni tal-ħalib f'reġjuni żvantaġġati, b'qafas legali msaħħaħ;

Miżuri oħra

53.

jipproponi t-tisħiħ tal-programm “L-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi” u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea fil-Programm ta’ Ħidma tagħha tal-2015 biex tissospendi l-proposta leġislattiva li attwalment hija s-suġġett ta’ diskussjoni dwar din il-kwistjoni fil-Parlament Ewropew u l-Kunsill sakemm tistenna r-riżultati ta' valutazzjoni ġdida tal-iskemi tal-Frott għall-Iskejjel u l-Ħalib għall-Iskejjel;

54.

jikkunsidra li d-distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel jista’ jkollha impatt reali fuq livell reġjonali, billi tipprovdi provvista mmirata tal-prodotti lokali bi kwalità ambjentali għolja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ ktajjen qosra tal-provvista u billi tippermetti li t-tfal ikollhom rabta mill-ġdid mal-agrikoltura;

55.

jinnota li għandhom jintużaw bis-sħiħ il-miżuri tar-riċerka għall-iżvilupp ta' prodotti tal-ħalib innovattivi ta' valur għoli, fi swieq bi tkabbir għoli, bħall-prodotti nutrizzjonali mediċinali u l-prodotti nutrizzjonali għat-tfal żgħar u l-atleti;

56.

Iqis li għandha tingħata prijorità lir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-proċessuri jkunu jifilħu għall-kompetizzjoni internazzjonali.

Eżempji ta’ għodod disponibbli barra l-Unjoni Ewropea

57.

jinnota li fl-Istati Uniti, l-Att Agrikolu tal-2014 irreveda l-mekkaniżmu ta’ appoġġ għas-settur tal-ħalib. Il-programm il-ġdid tal-protezzjoni tal-marġni għall-produtturi tal-ħalib joffri kumpens meta d-differenza bejn il-prezz tal-ħalib u l-ispejjeż tal-għalf tal-annimali taqa’ taħt ċertu livell. Marġini minimu fuq l-ispiża tal-għalf huwa garantit mill-fondi pubbliċi; livelli ta' marġini ogħla jistgħu jintgħażlu għall-ispiża tal-produtturi. Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda mingħajr limiti għall-merħliet il-kbar ser jgħinu biex iżidu l-produzzjoni u l-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti;

58.

jinnota li fil-Kanada, l-aġġustament tal-produzzjoni għas-suq intern u l-indiċjar tal-prezz tal-ħalib huma bbażati fuq l-ispiża tal-produzzjoni reali aktar milli fuq il-prezzijiet globali. Dan il-mekkaniżmu jirriżulta fi prezz tal-ħalib ħafna aktar stabbli u ogħla milli dak fl-Ewropa. Dan l-istrument ta' kontroll tal-provvista jiddependi minn organizzazzjoni tal-produtturi miġbura f'uffiċċju wieħed biss għat-tqegħid fis-suq skont il-provinċja;

59.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tibni fuq dawn il-mudelli sabiex jiġi kkunsidrat mill-ġdid it-tip ta’ appoġġ u s-sistema ta’ organizzazzjoni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-ħalib skont żoni ta’ produzzjoni kbar;

Proposti fformulati fil-livell Ewropew

60.

jinnota li l-Kumitat għall-Agrikoltura tal-Parlament Ewropew adotta fit-23 u t-24 ta’ Jannar 2013 emenda ta’ kompromess dwar ir-rapport ta’ Dantin (dwar OKS unika) dwar strument li jipprovdi, fil-każ ta’ kriżi serja, appoġġ lill-produtturi li volontarjament inaqqsu l-produzzjoni tagħhom;

61.

jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ osservatorju Ewropew tal-installazzjoni li janalizza d-data relatata mal-installazzjoni fis-settur tal-ħalib;

62.

jinnota li l-programm għall-awtonomizzazzjoni tas-suq, propost mill-European Milk Board, maħsub biex jiġi applikat meta s-suq tal-ħalib ikun mhedded, huwa proposta flessibbli u kosteffettiva li għandha tiġi eżaminata u vvalutata dwar il-fattibbiltà u l-effettività tagħha billi l-2014 tittieħed bħala sena ta' eżaminazzjoni;

63.

billi l-kodiċijiet tal-prattika volontarji mhux qed jaħdmu, jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti biex tiżgura li dawk kollha involuti fil-katina tal-provvista alimentari, inkluż il-ħalib likwidu u l-prodotti tal-ħalib, jistgħu jiġu ttrattati b’mod ġust u biex tillimita kwalunkwe prattiċi antikompetittivi li mhumiex konsistenti maż-żamma ta’ ktajjen ta’ provvista sostenibbli;

64.

jistaqsi b’mod partikolari dwar il-possibbiltajiet offruti mill-OKS, b’mod partikolari fl-Artikoli 219, 221 u 222, sabiex tiġi implimenta proposta bħal din;

Konklużjoni

65.

jinnota li f’ħafna Stati Membri u reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija pilastru essenzjali tal-ekonomija reġjonali u tal-valur miżjud agrikolu. L-ipproċessar tal-ħalib f’ħafna tipi ta' ġobon, permezz ta’ tradizzjonijiet speċifiċi għal kull reġjun u nazzjon Ewropew u li jmorru lura eluf ta' snin, jikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-identità tar-reġjuni u jgħin għall-immaġni pożittiva tal-industrija agroalimentari Ewropea madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk, is-settur tal-produzzjoni tal-ġobon jikkontribwixxi għaż-żamma tal-impjiegi f’żoni rurali, jiżgura l-ħarsien tal-pajsaġġi u jillimita t-telf ta’ art agrikola minħabba l-urbanizzazzjoni;

66.

jissuġġerixxi lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżviluppaw b'mod urġenti strumenti flessibbli addizzjonali u effettivi għall-istabilizzazzjoni tas-suq tal-ħalib u, b'hekk, tad-dħul tal-produtturi tal-ħalib fi żmien ta' kriżi; b'mod speċjali permezz tal-estensjoni tal-effikaċja tal-miżuri għall-ġestjoni tar-riskji partikolarment fir-rigward tal-istabbilizzazzjoni tad-dħul kontra l-volatilità tal-prezzijiet tas-suq u l-garanzija tal-prezz tal-ħalib; sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għandna bżonn is-semplifikazzjoni, inqas burokrazija u tinqata' l-burokrazija żejda;

67.

jirrakkomanda lill-korpi tal-Unjoni Ewropea biex jippromovu l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi ta' prodotti Ewropej tal-ħalib b’simboli uffiċjali ta’ kwalità (IGP, AOP, eċċ.) biex jitħeġġu l-investimenti fi pjattaformi loġistiċi għall-esportazzjoni, biex jiġi appoġġjat it-taħriġ ta’ professjonisti, jiġu promossi azzjonijiet ta’ promozzjoni mmirati lejn swieq emerġenti;

68.

jirrakkomanda lill-korpi tal-UE, li jsaħħu l-protezzjoni tal-prodotti DPO u IĠP Ewropej fil-kuntest ta’ ftehimiet internazzjonali li qed jissawru anke fid-dawl tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar u kontra l-imitazzjonijiet tal-prodotti Ewropej;

69.

jitlob li, għaż-żoni muntanjużi li jipproduċu l-ħalib u għaż-żoni fit-Tramuntana tat-62 parallel li jipproduċu l-ħalib, ikun hemm konverġenza tal-konċessjonijiet kumpensatorji għall-iżvantaġġi naturali, tintradd lura l-għajnuna għall-ġbir tal-ħalib (kofinanzjata mill-baġit tal-politika agrikola komuni), ikun hemm appoġġ għall-promozzjoni u l-iżvilupp tat-tikketta “prodott tal-muntanji” għall-prodotti tal-ħalib, bil-kundizzjoni li jkun hemm livell suffiċjenti ta' awtosuffiċjenza alimentari;

70.

jitlob pjan ta’ żvilupp rurali kbir għall-pajjiżi Baltiċi, il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Slovenja, parti kbira mill-Polonja u l-Greċja. Dawn il-pajjiżi fil-fatt għandhom merħliet żgħar, fejn il-ħalib għadu jikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-azjendi agrikoli, u l-futur tagħhom jidher kompromess wara l-għejbien tal-kwoti, minkejja li dawn l-azjendi agrikoli huma l-bażi tan-nisġa rurali tal-lum.

Brussell, 16 ta' April 2015

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKULA


(1)  Rapport tal-Kummissjoni: Prospetti għas-swieq agrikoli tal-UE 2014-2024, p.

(2)  Smooth phasing out of the milk quotas in the European Union. Studju mħejji minn “Progress Consulting and Living Prospects” għall-Kumitat tar-Reġjuni, Novembru 2014.


Nahoru