Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0429(03)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Diċembru 2013 relatat mal-proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Il-Każ AT.39685 — Fentanil) (notifikata bid-dokument C(2013) 8870)

    ĠU C 142, 29.4.2015, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.4.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 142/21


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-10 ta’ Diċembru 2013

    relatat mal-proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (Il-Każ AT.39685 — Fentanil)

    (notifikata bid-dokument C(2013) 8870)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (2015/C 142/10)

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Fl-10 Diċembru 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inklużi kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

    (2)

    Id-deċiżjoni tikkonċerna l-hekk imsejjaħ ftehim “kopromozzjoni” (minn hawn ’il quddiem “il-ftehim”) li l-partijiet tiegħu huma sussidjarji Olandiżi tal-impriżi farmaċewtiċi Johnson & Johnson u Novartis AG. Il-ftehim kien jipprovdi għal pagamenti ta’ kull xahar minn Johnson & Johnson sakemm (mill-inqas) il-kompetitur potenzjali Novartis jastjeni milli jidħol fis-suq fil-Pajjiżi l-Baxxi b’verżjoni ġenerika tagħha tal-prodott fentanil ta’ Johnson & Johnson’s, li hu mediċina qawwija għal kontra l-uġigħ.

    2.   DESTINATARJI

    (3)

    Id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Johnson & Johnson, is-sussidjarja Olandiża tagħha Janssen-Cilag B.V. (minn hawn ‘il quddiem “Janssen-Cilag”), Novartis AG (minn hawn ‘il quddiem “Novartis”), u s-sussidjarja Olandiża tagħha Sandoz B.V. (minn hawn ‘il quddiem “Sandoz”).

    3.   IL-PROĊEDURA

    (4)

    Il-proċedimenti komplew fit-18 ta’ Ottubru 2011.

    (5)

    Fit-30 ta’ Jannar 2013, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata u nnotifikata lill-partijiet kollha.

    (6)

    Il-partijiet ippreżentaw ir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet f’April 2013 u l-ebda seduta verbali ma ġiet mitluba.

    (7)

    Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-2 u s-6 ta’ Diċembru 2013.

    (8)

    Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni preżenti fl-10 ta’ Diċembru 2013.

    4.   KSUR TAL-ARTIKOLU 101 TFUE

    (9)

    Johnson & Johnson żviluppat il-fentanil u ilha tikkummerċjalizzah f’forom differenti mis-snin 60. Fl-2005, prodott ta’ Johnson & Johnson’s, paċċ depot tal-fentanil, ma kienx aktar protett fil-Pajjiżi l-Baxxi u s-sussidjarja Olandiża tan-Novartis kienet fuq ix-xifer li tniedi verżjoni ġenerika tagħha tad-depot patch tal-fentanil. Kienet, pereżempju, diġà pproduċiet il-materjal tal-ippakkjar meħtieġ.

    (10)

    Madankollu, f’Lulju 2005, minflok li fil-fatt bdiet tbigħ il-verżjoni ġenerika, Sandoz ikkonkludiet l-hekk imsejjaħ “ftehim ta’ kopromozzjoni” ma’ Janssen-Cilag, is-sussidjarja Olandiża ta’ Johnson & Johnson. Il-pagamenti ta’ kull xahar miftiehma minn Janssen-Cilag qabżu l-qligħ li Sandoz kienet mistennija li tikseb mill-bejgħ tal-prodott ġeneriku tagħha, sakemm ma kien hemm l-ebda dħul ġeneriku fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont id-dokumenti interni, Sandoz kienet se tastjeni milli tidħol fis-suq bi skambju għal “parti mill-kejk”. Minflok ma jikkompetu, Johnson & Johnson u Novartis qablu li jikkooperaw sabiex “ma jkollhomx depot ġeneriku fis-suq u b’dak il-mod iżommu l-prezz għoli attwali”.

    (11)

    Konsegwentement, Sandoz ma nedietx il-prodott tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi sakemm il-ftehim kien fis-seħħ. Il-Ftehim ġie tterminat f’Diċembru 2006 meta parti terza kienet fil-proċess li tniedi patch ġeneriku tal-fentanil.

    (12)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej. Abbażi tal-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, Sandoz, fiż-żmien fejn hija kkonkludiet il-ftehim ma’ Janssen-Cilag, kienet kompetitriċi mill-qrib u (għall-inqas) potenzjali ta’ Janssen-Cilag. Il-ftehim inkluda mekkaniżmu ta’ nuqqas ta’ dħul fis-suq li permezz tiegħu il-pagamenti ta’ kull xahar ta’ Janssen-Cilag kellhom jintemmu jekk Sandoz jew kwalunkwe parti terza tidħol fis-suq. Għaldaqstant, Sandoz baqgħet barra mis-suq Olandiż bil-paċċ depot tal-fentanil tagħha għat-tul kollu tal-ftehim (mill-11 ta’ Lulju 2005 sal-15 ta’ Diċembru 2006). B’konsegwenza tal-ftehim, il-kompetitur ġeneriku potenzjali (għall-inqas) mill-qrib ġie eskluż mis-suq fi żmien meta t-theddida ta’ dħul fis-suq tiegħu kienet imminenti.

    (13)

    Madankollu, għall-perjodu kkonċernat, Janssen-Cilag ħallset bejn wieħed u ieħor total ta’ EUR 5 miljun lil Sandoz f’pagamenti bin-nifs kull xahar. L-ammont imħallas lil Sandoz kien konsiderevolment aktar minn dak li Sandoz nnifisha stenniet, fiż-żmien meta kkonkludiet il-ftehim, li taqla’ li kieku nediet l-istrateġija tagħha stess tal-paċċ depot tal-fentanil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawk il-pagamenti ta’ kull xahar kienu previsti fis-servizzi ta’ kompromozzjoni mhux definiti. Matul il-perjodu kopert bl-ewwel ftehim ta’ kopromozzjoni (mill-11 ta’ Lulju 2005 sal-11 ta’ Lulju 2006), Sandoz wettqet biss attivitajiet limitati ta’ promozzjoni, u għall-perjodu kopert mill-addendum (mill-11 ta’ Lulju 2006 sal-15 ta’ Diċembru 2006), ma hemm l-ebda evidenza li xi attivitajiet ta’ promozzjoni kienu mwettqa minn Sandoz kienu x’kienu.

    (14)

    L-elementi oġġettivi ta’ hawn fuq tal-analiżi ġew ikkonfermati mill-intenzjonijiet tal-partijiet. Iż-żewġ partijiet fasslu l-ftehim ta’ kopromozzjoni b’tali mod li jiżguraw li l-prodott ġeneriku ta’ Sandoz jinżamm barra mis-suq u Janssen-Cilag tkun tista’ timmassimizza l-profitti tagħha għal bejgħ tal-prodott oriġinatur sakemm il-ftehim kien fis-seħħ. Janssen-Cilag qasmet dawk il-profitti soprakompetittivi ma’ Sandoz.

    (15)

    Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-ftehim kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-oġġett.

    5.   TUL TAŻ-ŻMIEN TAL-KSUR

    (16)

    Il-ksur dam għaddej mill-inqas mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim inizjali dwar il-kopromozzjoni fil-11 ta’ Lulju 2005 sa tmiem il-ftehim tal-kopromozzjoni (li jinkludi l-addendum) fil-15 ta’ Diċembru 2006.

    6.   MULTI

    (17)

    Dawn il-multi ġew imposti minħabba l-ksur f’dan il-każ:

    Johnson & Johnson u Janssen-Cilag B.V., in solidum: EUR 10 798 000,

    Novartis AG u Sandoz B.V., in solidum: EUR 5 493 000.


    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.


    Top