Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CN0031

    Kawża C-31/15 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Jannar 2015 minn Photo USA Electronic Graphic, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit- 18 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-394/13, Photo USA Electronic Graphic, Inc. vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 89, 16.3.2015, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 89/14


    Appell ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2015 minn Photo USA Electronic Graphic, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-18 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-394/13, Photo USA Electronic Graphic, Inc. vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-31/15 P)

    (2015/C 089/15)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Photo USA Electronic Graphic, Inc. (rappreżentant: K. Adamantopoulos, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Ancàp SpA, Cerame-Unie AISBL, Confindustria Ceramica, Verband der Keramischen Industrie eV

    Talbiet tal-appellant

    li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-18 ta’ Novembru 2014, fil-kawża T-394/13 Photo USA Electronic Graphic, Inc. vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li biha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (EU) Nru 412/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li bih imponiet dritt definittiv antidumping u ordnat il-ġbir definittiv ta’ dazju provvizorju impost fuq importazzjonijiet ta’ reċipjenti u oġġetti tat-tisjir taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (1);

    tlesti l-analiżi u tannulla r-Regolament (KE) Nru 412/2013; u

    tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż tal-appellanti f’dan l-appell kif ukoll l-ispejjeż sostnuti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-394/13

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tissottometti li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motivi tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali huma vvizzjati b’diversi żbalji ta’ liġi kif ukoll żnaturazzjoni tal-provi prodotti. Għaldaqstant l-appellanti qed tissottometti li s-sentenza appellata ghandha tiġi annullata. Barra minn hekk, l-appellanti tjssottometti li l-fatti li jifformaw il-bażi tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet motivi huma pprovati biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-istess motivi.

    Fir-rigward tal-ewwel motiv, l-appellanti ssostni żewg aggravji. L-ewwel nett, fil-qosor, billi l-Qorti Ġenerali imponiet l-oneru tal-prova fuq l-appellanti sabiex turi li l-istituzzjonijiet wettqu żball fl-evalwazzjoni ta’ liema fatturi kienu l-iktar rilevanti għall-każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Kif stabbilit fil-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li l-appellanti turi jew li (1) l-istituzzjonijiet żbaljaw fl-evalwazzjoni taghhom tal-fatturi rilevanti għall-każ jew li (2) l-applikazzjoni ta’ fatturi oħra iktar rilevanti għamlet l-esklużjoni tagħhom neċessarja. F’dan il-kuntest, id-determinazzjoni tal-fatt li l-istituzzjonijiet wettqu żball ta’ evalwazzjoni f’żewġ fatturi mit-tlieta li l-istituzzjonijiet qiesu li kienu relevanti huwa biżżejjed sabiex teżonera lill-appellanti mill-oneru tal-prova. Barra minn hekk, biex waslet għall-konkluzjonijiet tagħha, is-sentenza appellata żnaturat il-provi u l-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ motivi, l-appellanti tressaq erba’ aggravji ta’ appell. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali interpretat ħażin id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(2) u 3(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri fil-Komunità Ewropea (2) (ir-“Regolament bażiku”) billi waslet għall-konklużjoni li l-istituzzjonijiet huma obbligati janalizzaw l-impatt ta’ prattiki antikompetittivi fuq is-sitwazzjoni tal-industrija fl-Unjoni biss wara li l-eżistenza ta’ tali prattiki antikompetittivi tiġi definittivament stabbilita b’deċiżjoni finali ta’ awtorità tal-kompetizzjoni rilevanti. It-tieni nett, wara li ċaħdet it-talba tal-appellanti sabiex jiġu żvelati l-identitajiet tal-produtturi Komunitarji li servew bħala kampjun, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-evidenza prodotta u wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li setgħet teżamina l-konformità tal-istituzzjonijiet mal-Artikoli 3(2) u 3(4) tar-Regolament bażiku mingħajr ma tkun taf l-identitajiet tal-produtturi Komunitarji li servew bħala kampjun. It-tielet nett, billi imponiet fuq l-appellanti l-obbligu li tressaq prova pożittiva tal-impatt tal-prattiki antikompetittivi fuq il-produtturi Komunitarji li servew bħala kampjun f’sitwazzjoni fejn l-identità ta’ dawn il-produtturi Komunitarji nżammet sigrieta, is-sentenza appellata interpretat ħażin l-Artikoli 3(2) u 3(7) tar-Regolament bażiku u imponiet oneru ta’ prova mhux raġjonevoli fuq l-appellanti. Ir-raba’ nett, is-sentenza appellata interpretat ħażin ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3(2) u 3(7) tar-Regolament bażiku billi kkonkludiet li l-obbligi rilevanti jistgħu jitwettqu sempliċiment billi wieħed joqghod fuq suppożizzjonijiet bla spjegazzjoni minflok issir analiżi reali.


    (1)  ĠU L 131, p. 1.

    (2)  ĠU L 343, p. 51.


    Top