Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 62014CN0604

    Kawża C-604/14 P: Appell ippreżentat fis- 27 ta’ Diċembru 2014 minn Alcoa Trasformazioni Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis- 16 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-77/10, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 89, 16.3.2015, p. 8/9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 89/8


    Appell ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2014 minn Alcoa Trasformazioni Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża T-77/10, Alcoa Trasformazioni vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-604/14 P)

    (2015/C 089/09)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: Alcoa Trasformazioni Srl (rappreżentanti: O. W. Brouwer, T. Salonico u M. Siragusa, avukati)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-punti 50, 81 sa 90 u 92 tas-sentenza appellata u, għaldaqstant, is-sentenza appellata kollha kemm hi;

    tiddeċiedi definittivament it-tilwima u tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija żbaljata u li għalhekk għandha tiġi annullata għar-raġunijiet li ġejjin:

    1.

    Żnaturament gravi tal-atti tal-proċess fir-rigward tal-konklużjoni żbaljata tad-deċiżjoni, ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali, li l-miżura inkwistjoni bidlet sostanzjalment it-tariffa Alumix kif stabbilita mid-Digriet tal-1995 u, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet applikabbli għal dan il-każ u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni tal-Autorità per l’energia elettrica e il gas Nru 204/99, li juri b’mod ċar u univokali li – anki wara l-introduzzjoni tal-komponenti kumpensatorja – it-tariffa Alumix ma nbidlitx sostanzjalment la fir-rigward tal-prezz nett tal-elettriku mħallas minn Alcoa u lanqas fir-rigward tal-finanzjament tal-mekkaniżmu li kien jigarantixxi dan il-prezz lill-Alcoa.

    2.

    Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, kuntradizzjoni mas-sentenzi mogħtija fil-Kawżi T-332/06 u C-149/09 P u żnaturament gravi tal-punt (b) tal-ewwel motiv imressqa minn Alcoa, dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma kienx meħtieġ li titwettaq analiżi ekonomika sabiex jintwera li l-miżura kienet tagħti vantaġġ ekonomiku lill-appellanti. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata sa fejn i) tikkontradixxi deċiżjonijiet preċedenti mogħtija dwar l-istess kwistjoni (T-332/06 u C-194/09 P); ii) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE hija tfixkel żewġ kriterji li t-tnejn li huma huma neċessarji sabiex ikun hemm għajnuna, billi tikkonkludi l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Alcoa mis-sempliċi konstatazzjoni tan-natura Statali tar-riżorsi użati; iii) hija nieqsa minn motivazzjoni xierqa peress li ma nstabx li l-Kummissjoni kienet żbaljatament ippreżumiet li l-miżura tagħti vantaġġ lil Alcoa u għalhekk ma kinitx wettqet analiżi ekonomika xierqa biex tevalwa, jekk ikun il-każ, il-valur ta’ dan il-vantaġġ.

    3.

    Żball proċedurali minħabba d-deformazzjoni u l-iżnaturament mill-Qorti Ġenerali tat-tieni motiv ta’ Alcoa u, konsegwentement, nuqqas ta’ deċiżjoni u motivazzjoni żbaljata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat fuq punt li Alcoa ma kinitx qajjmet fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, filwaqt li naqset kompletament milli tiddeċiedi fuq il-punt essenzjali mqajjem minnha, jiġifieri li, anki jekk jitqies li kien ġie stabbilit vantaġġ ekonomiku, il-metodu użat mill-Kummissjoni biex tevalwa l-valur ta’ dan il-vantaġġ kien żbaljat u wassal għas-sopravalutazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.


    Arriba