Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AG0002(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 2/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

    ĠU C 50, 12.2.2015, p. 26–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.2.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 50/26


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 2/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

    (2015/C 50/02)

    I.   INTRODUZZJONI

    Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta msemmija hawn fuq fit-18 ta' Ottubru 2012, abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 114 tiegħu, fir-rigward ta' għadd ta' dispożizzjonijiet proposti.

    Il-proposta (1) hija intiża li temenda d-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburanti (98/70/KE kif emendata fi 2009/30/KE, minn issa 'l quddiem id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti) u dwar is-Sorsi ta' Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE, minn issa 'l quddiem id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) abbażi tar-rekwiżit inkluż f'dawk iż-żewġ Direttivi biex il-Kummissjoni tipprovdi rapport li janalizza l-impatt tal-bidliet indiretti fl-użu tal-art (2) fuq l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u li tindirizza modi li bihom jitnaqqas l-impatt, flimkien ma' proposta jekk ikun adatt. (3)

    Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament Ewropew ivvota dwar ir-rapport tiegħu fil-11 ta' Lulju 2013, u dan ġie segwit mill-adozzjoni tal-Parlament Ewropew tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-11 ta' Settembru 2013. (4)

    Fit-13 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar l-abbozz tal-proposta. Wara reviżjoni legali/lingwistika, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni tiegħu fid-9 ta' Diċembru 2014 f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Fit-twettiq tal-ħidma tiegħu, il-Kunsill ħa kont tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li ma joħroġx opinjoni.

    II.   GĦAN

    L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jingħata bidu għat-transizzjoni għal bijokarburanti li jservu biex jitnaqqsu b’mod sostanzjali gassijiet b’effett ta’ serra meta jiġu rrappurtati wkoll emissjonijiet stmati minn tibdil indirett fl-użu tal-art. Filwaqt li l-Kummissjoni tenfasizza li l-investimenti eżistenti għandhom ikunu protetti, l-għanijiet tal-proposta tal-Kummissjoni u l-elementi ewlenin tagħha huma li:

    jiġi limitat il-kontrit li bijokarburanti konvenzjonali (b’riskju ta’ emissjonijiet ILUC) jagħtu biex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli;

    titjieb il-prestazzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra ta’ proċessi ta’ produzzjoni ta’ bijokarburanti (tnaqqis ta’ emissjonijiet assoċjati) billi jiżdied is-soll ta’ tnaqqis ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għal installazzjonijiet ġodda, bil-kondizzjoni li jiġu protetti l-installazzjonijiet li diġà jkunu qed joperaw;

    titħeġġeġ penetrazzjoni akbar fis-suq ta’ bijokarburanti avvanzati (ILUC baxxa) billi jkun permess li karburanti bħal dawn jikkontribwixxu aktar għall-miri tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli minn bijokarburanti konvenzjonali;

    jittejjeb ir-rappurtar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra billi jkun hemm l-obbligu li l-Istati Membri u l-fornituri ta’ karburanti jirrappurtaw emissjonijiet stmati ta’ bijokarburanti minn tibdil indirett fl-użu tal-art.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL

    1.   Ġenerali

    Għalkemm il-Kunsill jaqbel mal-Kummissjoni u l-Parlament rigward l-għanijiet ewlenin tal-proposta, l-approċċ tal-Kunsill involva modifiki għall-proposta oriġinali. Il-Kunsill jimmira li jkun hemm approċċ bilanċjat li jqis il-ħtieġa li jiġu indirizzati

    il-fenomenu globali tal-ILUC,

    l-għan li jiġu pprovduti inċentivi għal bijokarburanti aktar avvanzati,

    perspettiva aktar ċara ta’ investiment u l-protezzjoni tal-investimenti magħmula abbażi ta’ leġislazzjoni eżistenti tal-UE.

    Bħala riżultat ta’ dan l-approċċ, il-pożizzjoni tal-Kunsill timmodifika, sa ċertu punt, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, sabiex tirrifletti b’mod partikolari s-sitwazzjoni u l-inċertezzi attwali tal-estimi, iċ-ċirkostanzi u l-perspettivi tal-ILUC għall-produzzjoni u l-konsum tal-bijokarburanti, billi tabbozzaha mill-ġdid u tħassar xi dispożizzjonijiet tat-test. Din timplika li l-emendi kollha introdotti fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari u relatati ma' dawn id-dispożizzjonijiet imħassrin ma ġewx aċċettati mill-Kunsill. Barra minn hekk, għadd ta’ emendi proposti ma ġewx aċċettati peress li dawn ġew meqjusa li ma kkontribwixxewx kif jixraq għall-għanijiet tad-Direttiva, u dispożizzjonijiet oħrajn ġew abbozzati mill-ġdid bil-għan li d-Direttiva tiġi ċċarata u tissaħħaħ.

    It-taqsimiet li ġejjin jiddeskrivu l-bidliet ta' sustanza.

    2.   Kwistjonijiet ta' politika ewlenin

    i)   Soll għal bijokarburanti konvenzjonali u installazzjonijiet ġodda

    Il-Kummissjoni pproponiet li tillimita, għal 5 %, il-kontribut tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi prodotti minn ċereali u għelejjel oħra b’kontenut rikk ta’ lamtu, zokkor u għelejjel taż-żejt biex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, mingħajr ma jiġi stabbilit xi limitu fuq il-konsum globali tagħhom.

    Filwaqt li l-Kunsill iqis li soll jista’ jikkostitwixxi strument ta’ politika biex jimmitigaw l-ILUC, huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-proposta tal-Kummissjoni teħtieġ tiġi mmodifikata bil-ħsieb tal-għanijiet imsemmija hawn fuq. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi soll ta’ 7%. Ta’ min jinnota li l-Parlament żied ukoll is-soll propost mill-Kummissjoni permezz tal-emenda 181 tiegħu (għal 6%, inklużi l-għelejjel għall-enerġija). Il-Kunsill ma jappoġġax l-emenda 184/REV tal-Parlament li tapplika s-soll ukoll għal mira ta’ tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, u jinnota li l-Kummissjoni ma inkludietx l-applikazzjoni tas-soll fil-proposta tagħha. Il-Kunsill jikkunsidra li l-applikazzjoni tiegħu mhijiex xierqa minħabba li l-mira tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti hija mira għal tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet b’effett ta’ serra fit-taħlita tal-karburanti fl-UE.

    Barra minn hekk, filwaqt li l-Kunsill jaċċetta limitu għall-kontribut għall-miri tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, iqis ukoll li soll m’għandux jillimita l-flessibbiltà tal-Istati Membri billi jistabbilixxi li l-ammonti ta’ bijokarburanti li jaqbżu s-soll għandhom jitqiesu li mhumiex sostenibbli u għaldaqstant ma jkollhomx aċċess għal appoġġ fl-Istati Membri. Għaldaqstant il-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emenda 89 tal-Parlament Ewropew.

    Dwar l-installazzjonijiet il-ġodda, il-Kunsill jista’ jaqbel fil-prinċipju mal-approċċ tal-Kummissjoni, appoġġat ukoll mill-Parlament, li jiġi antiċipat 60% tas-soll minimu tat-tnaqqis tal-gassijiet serra għal bijokarburanti/bijolikwidi prodotti f’installazzjonijiet ġodda (id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, minflok id-data fissa proposta tal-1 ta’ Lulju 2014).

    ii)   Stimi, rappurtar u reviżjoni tal-ILUC

    Fit-test oriġinali tagħha, il-Kummissjoni tinkludi obbligu għall-Istati Membri/il-fornituri tal-karburanti li jżidu fir-rappurtar tagħhom l-emissjonijiet stmati tal-ILUC, għall-finijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis taċ-ċiklu tal-ħajja tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-użu ta’ bijokarburanti/bijolikwidi. Huma proposti Annessi rispettivi ġodda (V għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti u VIII għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli) b’emissjonijiet stmati minn tibdil indirett fl-użu tal-art minn ċerti gruppi ta’ materja prima (5).

    Il-Kunsill iqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jirriflettu aħjar il-livell ta’ inċertezza dwar l-immudellar, is-suppożizzjonijiet u l-istimi li jirriżultaw mil-ILUC, filwaqt li jimmiraw biex jinftiehem il-fenomenu tal-ILUC u jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-aħjar evidenza xjentifika. It-test tal-Kunsill għalhekk jinkludi firxiet li juru tali inċertezza dwar l-emissjonijiet stmati proviżorji tal-ILUC fl-Annessi l-ġodda msemmija hawn fuq. L-Istati Membri/il-fornituri tal-karburanti jkollhom jirrappurtaw l-ammonti ta’ bijokarburanti/bijolikwidi għal kull kategorija ta’ materja prima elenkata f’dawk l-annessi, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ser twettaq ir-rappurtar tagħha inkluż il-firxiet ta’ valuri, bil-għan li titnaqqas il-firxa ta’ inċertezza u b’hekk tinħoloq bażi xjentifika aktar soda. Barra minn hekk, dwar ir-rappurtar u r-reviżjoni, il-Kummissjoni tanalizza l-impatt possibbli tal-politiki tal-UE bħall-politiki tal-ambjent, il-klima u l-agrikoltura, u jekk dawn jistgħux jiġu kkunsidrati.

    Ġew inklużi wkoll elementi msaħħa ta' reviżjoni, flimkien ma’ definizzjoni ġdida ta’ bijofjuwils/bijolikwidi b'riskju baxx tal-ILUC, inkluż l-istabbiliment tal-kriterji għall-identifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ bijokarburanti b'riskju baxx tal-ILUC bħal dawk miksuba permezz ta’ żidiet fir-rendiment, kif ukoll il-konsiderazzjoni ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi ta’ riskju baxx tal-ILUC permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell ta’ proġett. Il-klawżola ta’ reviżjoni żżomm il-possibbiltà li jiġu introdotti fatturi stmati aġġustati tal-ILUC fil-kriterji ta’ sostenibbiltà. Barra minn hekk, fl-Artikolu ta' reviżjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill tappella lill-Kummissjoni, kif jinsab fl-emendi 189, 107 u 190 tal-Parlament, biex fir-reviżjoni tagħha tinkludi l-aħħar informazzjoni disponibbli fir-rigward tas-suppożizzjonijiet ewlenin għall-istimi tal-ILUC bħal tendenzi fir-rendimenti u l-produttività agrikoli, l-allokazzjoni tal-koprodott u t-tibdil osservat fl-użu globali tal-art u r-rati ta’ deforestazzjoni.

    Il-Kunsill ma jistax jaċċetta l-emenda 60 tal-Parlament, li l-għan tagħha hu li tinkludi fatturi tal-ILUC fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti mill-2020 ’il quddiem fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, minħabba kunsiderazzjonijiet dwar in-natura tal-estimi tal-ILUC kif deskritt hawn fuq. Barra minn hekk, bħala approċċ ġenerali, il-pożizzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li jkun hemm l-akbar koerenza possibbli bejn l-emendi għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti u dawk għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

    Il-Kunsill huwa tal-fehma li, għal raġunijiet ta’ koerenza bejn iż-żewġ Direttivi emendati, l-Anness VIII l-ġdid tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, kif emendat bil-pożizzjoni tal-Kunsill, għandu jinżamm flimkien mal-Anness V l-ġdid tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, u ma għandux jitħassar bħal fl-emenda 164 tal-Parlament.

    iii)   Inċentivi għal bijokarburanti avvanzati

    Biex jissaħħu l-inċentivi għal bijokarburanti avvanzati, minbarra s-soll fuq il-bijokarburanti konvenzjonali, il-Kummissjoni pproponiet skema li tippromwovi iktar bijokarburanti bħal dawn minn materja prima li ma toħloqx domanda addizzjonali għall-art billi ssuġġeriet li l-kontenut enerġetiku tagħhom għandu jgħodd erba’ darbiet għall-ksib tal-mira ta’ 10% għas-settur tat-trasport skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Qed jiġi propost Anness IX ġdid għal dik id-Direttiva li jinkludi tali materja prima, bħal skart u residwi.

    Fil-pożizzjoni tiegħu, il-Parlament introduċa miri obbligatorji għall-Istati Membri biex gradwalment jiksbu mill-inqas 0.5 % tal-konsum tal-enerġija li għandu jintlaħaq permezz ta’ bijofjuwils avvanzati fl-2016 u mill-inqas 2.5 % fl-2020. L-Anness IX huwa kklassifikat fi tliet kategoriji differenti fil-Partijiet A, B, u C, fejn xi materja prima tgħodd darba, oħra tgħodd darbtejn, u xi drabi oħra erba’ darbiet biex tintlaħaq il-mira ta’ 10 % għat-trasport, u huma biss dawk mill-Partijiet A u C li jgħoddu għall-mira ta' bijokarburanti avvanzati.

    Il-Kunsill jikkondividi l-objettiv li jiġi promoss il-konsum ta’ bijokarburanti avvanzati b’riskju baxx li jikkawżaw tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC). Madankollu, fil-Kunsill hemm dubji serji dwar il-benefiċċji li ċerta materja prima tingħadd erba' darbiet kif propost mill-Kummissjoni, abbażi ta’ tħassib dwar distorsjonijiet possibbli tas-suq u l-frodi, u tali skema ma kinitx ikkunsidrata bħala l-aktar għodda effettiva biex jingħata inċentiv għal bijokarburanti avvanzati. Il-pożizzjoni tal-Kunsill għalhekk fiha għadd ta’ elementi li jippromwovu bijokarburanti avvanzati, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom ċerta flessibbiltà skont il-potenzjali u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom: l-Istati Membri huma meħtieġa jiffissaw miri nazzjonali għal bijokarburanti avvanzati bbażati fuq valur ta’ referenza ta’ 0.5 punti perċentwali tal-mira ta’ 10 % għall-enerġija rinnovabbli fit-trasport tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Huma jistgħu jiffissaw mira aktar baxxa, ibbażata fuq tliet kategoriji ta’ raġunijiet. Madankollu, ikollhom jiġġustifikaw kwalunkwe ffissar ta’ mira aktar baxxa minn 0.5 punti perċentwali u jirrapportaw kwalunkwe raġuni għaliex ma jkunux kisbu l-mira nazzjonali tagħhom rigward il-bijokarburanti avvanzati. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ta’ sintesi dwar il-kisbiet tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri nazzjonali tagħhom tal-bijokarburanti avvanzati.

    Għalhekk, filwaqt li s-sottomiri mhux legalment vinkolanti fil-livell nazzjonali għal bijokarburanti avvanzati jiġu kkunsidrati bħal inċentiv effettiv u sinjali ċar ta’ investiment, il-Kunsill ma jistax jappoġġa n-natura u t-trajjettorja għall-mira ta' bijokarburanti avvanzati li tinsab fil-pożizzjoni tal-Parlament, minħabba tħassib dwar id-disponibbiltà u l-ispiża għal tali bijokarburanti. Il-Kunsill, u l-Parlament fl-emenda 111 tiegħu, jidhru li jaqblu dwar il-ħtieġa ta' reviżjoni li tinkludi valutazzjoni tad-disponibbiltà ta’ dawn il-bijokarburanti, biex jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali f’dak il-kuntest, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti kriterji addizzjonali li jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom.

    Bħala inċentivi addizzjonali għal bijokarburanti avvanzati, il-pożizzjoni tal-Kunsill testendi l-għodda ta’ trasferimenti statistiċi tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tkopri tali bijokarburanti avvanzati, u l-għadd doppju tal-kontribut ta’ dawn il-bijokarburanti hu estiż għall-miri ġenerali ta’ dik id-Direttiva.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fiha Anness IX emendat ġdid, li ġie estiż biex jinkludi, fil-Parti A tiegħu, aktar materjal bħal skart u residwi mill-forestrija u l-bijoskart minn djar privati, li kollha għandhom jgħoddu darbtejn il-kontenut tal-enerġija tagħhom fl-ilħuq tal-miri. Il-Parti B ikun fiha biss żejt tal-ikel użat u xaħmijiet tal-annimali, li l-kontribut tagħhom ma jgħoddx għall-mira nazzjonali dedikata għall-bijokarburanti avvanzati.

    Bħala dispożizzjoni ta' "anterjorità", il-materja prima għal bijokarburanti li mhix elenkata fl-Anness IX u li kienet ġiet stabbilita bħala skart, residwu, 'materjal ċellulożiku mhux tal-ikel jew materjal linjoċellulożiku, u użata f'installazzjonijiet eżistenti qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, tista' tingħadd mal-miri nazzjonali għall-bijokarburanti avvanzati. Fil-fehma tal-Kunsill, il-kategorizzazzjoni simplifikata u ċara fl-Anness IX, hi ppreferuta aktar mill-istruttura komplessa tal-Anness IX kif inkluża fil-pożizzjoni tal-Parlament.

    Il-Kunsill jikkondividi fil-biċċa l-kbira x-xewqa tal-Parlament li jissaħħu d-dispożizzjonijiet sabiex jiġu minimizzati r-riskji possibbli ta’ frodi, bħal meta konsenja waħda tiġi ddikjarata aktar minn darba fl-UE, jew bħal meta materjal ikun intenzjonalment modifikat sabiex jaqa' taħt l-Anness IX, u aċċetta l-elementi rispettivi fl-emendi 101 u 185 sabiex l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-użu ta 'sistemi li jintraċċaw u jsegwu l-materja prima, u l-bijokarburanti li jirriżultaw minnha, tul il-katina tal-valur kollha u jiżgura li tittieħed azzjoni meta tinkixef xi frodi. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi obbligu ta’ rappurtar għall-Istati Membri li permezz tiegħu l-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-effettività tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, u jekk il-miżuri addizzjonali, inkluż fil-livell tal-Unjoni, jitqisux bħala neċessarji.

    Għal dak li hu rappurtar mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni dwar id-disponibbiltà u s-sostenibbiltà ta' bijokarburanti magħmula minn materja prima elenkata fl-Anness IX, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi wkoll obbligu għall-Istati Membri u l-Kummissjoni li jieħdu kont dovut tal-prinċipji tal-ġerarkija tal-iskart stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, tal-prinċipju kaskata tal-bijomassa, iż-żamma tal-ħażna neċessarja ta’ karbonju fil-ħamrija u l-kwalità tal-ħamrija u l-ekosistemi, iżda ma tqisx bħala adatta u implimentabbli l-emenda 59 tal-Parlament, li tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta atti delegati għal verifika tal-konformità mal-ġerarkija tal-iskart. Il-Kunsill jinnota li l-emendi 12 u 109 tal-Parlament, bl-istess mod jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta rapport, inkluż dwar id-disponibbiltà ta’ bijokarburanti avvanzati u dwar l-impatti ekonomiċi u ambjentali tal-bijokarburanti prodotti minn skart, residwi, koprodotti jew materja prima li ma tużax l-art.

    iv)   Inċentivi għal elettriku minn sorsi rinnovabbli u miżuri għal effiċjenza fl-enerġija

    Il-proposta tal-Kummissjoni indirizzat modi kif jiġu mmitigati r-riskji tal-ILUC f'relazzjoni diretta mal-produzzjoni u l-konsum ta' bijokarburanti. Madankollu, il-Kunsill huwa tal-fehma li d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bħala objettiv globali tista’ tiġi promossa wkoll permezz ta’ użu akbar ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli. It-test tal-Kunsill għalhekk jgħolli l-fatturi ta’ multiplikazzjoni għall-kalkolu tal-kontribut minn elettriku minn sorsi rinnovabbli kkunsmat minn trasport ferrovjarju elettriċizzat u vetturi elettriċi tat-triq sabiex jiżdied l-użu u l-penetrazzjoni tagħhom fis-suq.

    Fil-pożizzjoni tal-Parlament m'hemmx dispożizzjonijiet komparabbli. Il-Parlament, madankollu, ma jdurx lejn il-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet għal miżuri addizzjonali li jinkoraġġixxu l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija fit-trasport, li jistgħu jitqiesu għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli kkunsmat fit-trasport fir-rigward tal-mira ta’ 10 % għas-settur tat-trasport skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (emendi 153 u 154). Filwaqt li l-Kunsill iqis l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’mod ġenerali bħala kontribut importanti għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, hu ma jikkunsidrax li l-miżuri u l-effett tagħhom f’dan ir-rigward għandhom ikunu parti minn Direttiva li temenda d-direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

    v)   Konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà: Skemi volontarji u rikonoxximent reċiproku

    Rigward ir-rappurtar u r-reviżjoni tal-funzjonament tal-iskemi volontarji stabbiliti skont id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburant u l-Enerġija Rinnovabbli, il-Kunsill u l-Parlament it-tnejn inkludew dispożizzjonijiet ta' rappurtar dettaljati u simili ħafna sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta eż. l-indipendenza, it-trasparenza, l-involviment tal-partijiet interessati, u s-saħħa inġenerali tal-iskemi (l-emendi 54, 58 u 103), u t-test tal-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburant u l-Enerġija Rinnovabbli għal dawk li huma skemi volontarji jekk ikun xieraq, bil-ħsieb li tiġi promossa l-aħjar prattika.

    Fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tal-iskemi volontarji u l-iskemi nazzjonali għall-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għal bijokarburanti/bijolikwidi, il-Kunsill hu tal-fehma li l-kondizzjonijiet li taħthom japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku bħal bejn l-iskemi kollha għandhom jiġu ċċarati sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Għal dan l-għan, il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburant u l-Enerġija Rinnovabbli, li permezz tagħhom Stat Membru jista’ jinnotifika l-iskema nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni, li mbagħad tivvaluta l-prijorità tagħha. Deċiżjoni dwar il-konformità ta’ skema nazzjonali hekk ppreżentata tiġi adottata permezz tal-proċedura ta' eżami, u r-rikonoxximent reċiproku ta' skema li tkun ġiet ivvalutata b'mod pożittiv minn skemi oħrajn, inklużi skemi volontarji, stabbiliti skont l-Artikoli rilevanti ma jistax jiġi rrifjutat. Il-pożizzjoni tal-Parlament tinkludi rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-iskemi ta' verifika (emenda 102), li l-Kunsill ma jqisx li jkun adatt.

    vi)   Atti delegati

    Il-Kummissjoni pproponiet numru kbir ta’ adattamenti għaż-żewġ Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburant u l-Enerġija Rinnovabbli, b'mod partikolari dwar l-għoti ta' setgħat lil Kummissjoni biex tadotta atti bbażati fuq l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE.

    Il-Kunsill irreveda dawn id-dispożizzjonijiet filwaqt li ħa kont debitu tal-bidliet introdotti mit-TFUE minn meta ġew adottati ż-żewġ Direttivi, u b'mod partikolari l-Artikolu 290 dwar is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimenta jew jemenda ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv. Għalhekk, il-Kunsill iddeċieda li jillimita d-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni, għal perijodu ta’ ħames snin, maż-żieda tal-valuri tipiċi u prestabbiliti stmati għall-mogħdijiet tal-bijokarburant u l-metodi analitiċi permessi relatati mal-ispeċifikazzjonijiet tal-karburant u d-deroga għall-pressa tal-fwar permessa għall-petrol li fih il-bijoetanol, fl-emendi għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant, u fir-rigward ta’ żidiet possibbli mal-lista ta’ materja prima u karburanti fl-Anness IX u tal-valuri tipiċi u prestabbiliti stmati għal mogħdijiet tal-bijokarburanti u l-bijolikwidi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-Kunsill għalhekk ma jistax jaċċetta l-emendi fil-pożizzjoni tal-Parlament li jirrevedu jew iżidu mad-dispożizzjonijiet dwar id-delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni li ma jinżammux mill-Kunsill.

    Rigward dispożizzjonijiet oħra dwar id-delega ta’ setgħat proposti mill-Kummissjoni, il-Kunsill ikkonkluda, wara analiżi bir-reqqa każ b'każ, li jew atti ta’ implimentazzjoni jew il-proċedura leġislattiva ordinarja huma aktar opportuni.

    vii)   Premessi

    Il-premessi ġew emendati mill-Kunsill biex jikkorrelataw mal-partijiet operattivi modifikati tad-Direttiva, u l-fehma tal-Kunsill dwar il-premessi emendati tal-Parlament tikkorrispondi għalhekk mal-fehma tal-Kunsill dwar l-emendi tal-Parlament għad-dispożizzjonijiet operattivi. Barra minn hekk, ara l-premessi fil-punt 4 ta' hawn taħt.

    3.   Kwistjonijiet ta' politika oħrajn

    Fil-kuntest ta’ emissjonijiet ILUC u bijokarburanti avvanzati, il-Kunsill ikkunsidra li kien meħtieġ għal aktar ċarezza u koerenza li jżid għadd ta’ definizzjonijiet ġodda fid-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Karburant u l-Enerġija Rinnovabbli. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Parlament fiha numru ikbar ta’ definizzjonijiet ġodda (l-emendi 34 sa 37, u 69 sa 76) li mhumiex meħtieġa skont il-Kunsill, jista’ jiġi nnotat li xi wħud mid-definizzjonijiet ġodda proposti jikkoinċidu, tal-inqas parzjalment, ma’ xi definizzjonijiet introdotti mill-Kunsill (b’mod partikolari dwar “materjal ċellulożiku mhux tal-ikel” u “materjal linjoċellulożiku”).

    Fir-rigward tal-kalkolu tal-impatti tal-gassijiet b'effett ta' serra minn bijokarburanti/bijolikwidi, il-Kunsill iddeċieda li, għall-kuntrarju tal-proposta mill-Kummissjoni, il-bonus għall-bijomassa tal-bijokarburant/bijolikwidu miksuba minn art degradata restawrata għandu jinżamm.

    4.   Emendi oħra adottati mill-Parlament Ewropew

    Emendi oħrajn li mhumiex meqjusa meħtieġa jew xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva, u għalhekk mhumiex inklużi fil-Pożizzjoni tal-Kunsill jikkonċernaw:

    l-obbligu għall-fornnituri ta' karburant li jiżguraw li t-tqegħid fis-suq ta’ petrol b’kontenut massimu speċifiku ta’ ossiġnu u etanol (emenda 38), obbligu fuq l-Istati Membri biex jiżguraw sehem speċifiku ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli f’petrol (parti mill-emenda 152/rev), u dwar il-perċentwal ta’ FAME imħallat mad-diżil (emenda 39);

    fornituri ta' bijokarburanti għall-użu fl-avjazzjoni (emenda 40);

    id-drittijiet legali ta’ partijiet terzi u kunsens ħieles, minn qabel u infurmat rigward l-użu u l-pussess ta’ art użata għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti (emendi 49 u 96);

    rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt ta’ domanda akbar għall-bijokarburant fuq is-sostenibbiltà soċjali, l-impatt tal-produzzjoni ta' bijokarburant fuq id-disponibbiltà ta’ proteini veġetali, u oġġetti tal-ikel bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu (l-emenda 50);

    il-konklużjoni u l-kontenut ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi dwar is-sostenibbiltà tal-bijokarburanti (emendi 55 u 100);

    garanziji tal-oriġini fir-rigward tal-konformità tal-mira, u l-użu ta’ trasferimenti statistiċi, proġetti konġunti jew skemi konġunti ta’ appoġġ (emenda 88);

    prattiki sostenibbli għall-ġestjoni tal-art (emenda 97);

    il-publikazzjoni tal-Eurostat dwar informazzjoni relatata mal-kummerċ dwar il-bijokarburanti, id-data dwar importazzjonijiet u esportazzjonijiet, u informazzjoni dwar l-impjiegi relatata mal-industrija tal-bijokarburant (emendi 98 u 99);

    premessi oħrajn (emendi 4, 8, 13, 129, 16, 17, 22, 24, 25, 27, 30).

    IV.   KONKLUŻJONI

    Fl-istabbiliment tal-Pożizzjoni tiegħu, il-Kunsill ħa kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Fir-rigward tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill josserva li għadd ta' emendi ġew diġà inklużi - fl-ispirtu, parzjalment jew kompletament - fil-Pożizzjoni tiegħu.


    (1)  15189/12 ENV 789 ENER 417 ENT 257 TRANS 346 AGRI 686 POLGEN 170 CODEC 2432

    (2)  "ILUC"

    (3)  L-Artikolu 7d(6) tad-Direttiva 2009/30/KE u l-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 2009/28/KE.

    (4)  A7-0279/2013

    (5)  Ċereali u għelejjel oħra rikki fil-lamtu, zokkor u għelejjel taż-żejt.


    Top