Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 52015XC0129(04)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2), (a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 29, 29.1.2015, s. 5 – 12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 29/5


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2), (a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 29/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    TALBA GĦAL EMENDA

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “SAINT-NECTAIRE”

    Nru tal-KE: FR-DPO-0117-01091 — 3.12.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Taqsimiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

        Isem tal-prodott

        Deskrizzjoni tal-prodott

        Żona ġeografika

        Prova ta’ oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni

        Rabta

        Tikkettar

        Rekwiżiti nazzjonali

        Oħrajn: spezzjoni

    2.   Tip ta’ emenda/i

        Emenda tad-Dokument Uniku jew tal-Iskeda Sommarja

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP irreġistrati li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Skeda Sommarja.

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma twassal għall-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat [l-Artikolu 9 (3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

        Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi [l-Artikolu 9 (4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    3.   Emenda(i)

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Ġew miżjuda elementi li jifformaw parti mill-karatteristiċi intrinsiċi tal-prodott (ħalib imbaqqat, għaġina nejja, iffermentata u mmellħa) sabiex jiġi deskritt f’iktar dettall u jiġu ffaċilitati l-ispezzjonijiet.

    Il-kontenut minimu ta’ materjal niexef tal-ġobon “Saint-Nectaire” fi tmiem il-maturità tiegħu naqas minn 52 % għal 50 %. Fil-fatt, maż-żmien dan inbidel b’mod sinifikanti, minn 50 % għal 56 % skont bosta testi differenti tas-Seklu 20. L-għan għall-emenda proposta jiżgura li l-ġobon ikun artab u lixx, mingħajr ma jaffettwa l-karatteristiċi organolettiċi ewlenin tal-prodott. L-emenda hija essenzjali għall-produzzjoni fl-impriżi agrikoli li tagħmel użu minn ħalib sħiħ mhux ipproċessat b’kontenut ta’ xaħam li ma ġiex standardizzat u fejn jaf ikun hemmbidliet ċari fl-għamla tal-ħalib minn merħla waħda u fil-ġobon prodott wara kull taħliba.

    Il-perċentwal tal-materjal niexef ta’ mhux anqas minn 48 % f’ġobon li għadu ma mmaturax mibjugħ bil-għan li jimmatura aktar tard, tneħħa minħabba l-fatt li nstab li l-fatturi determinanti huma l-kundizzjonijiet tat-tnixxif ta’ ġobon li għadu ma mmaturax qabel ma jitqiegħed fil-kantina. Għaldaqstant, dawn il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-maturazzjoni tajba, ġew speċifikati taħt “Metodu ta’ produzzjoni” (perjodu minimu ta’ tnixxif ta’ 24 siegħa u temperatura ta’ bejn 6 u 10 °C).

    Id-dijametru, l-għoli u l-piż approssimattivi tal-ġobna nbidlu b’valuri minimi u/jew massimi li jagħmluha iktar faċli biex il-prodott jiġi definit u spezzjonat. Is-“Saint-Nectaire” il-kbir huwa deskritt bħala “ċilindriku kemxejn għat-tond minn 20 sa 24 mm fid-dijametru u minn 3,5 sa 5,5 cm għoli, b’piż ta’ mhux aktar minn 1,850 kg”, minflok kif ġej: “F’għamla tonda u ċatta, li fih madwar 21 cm fid-dijametru u 5 cm għoli, b’piż ta’ madwar 1,7 kg”. Is-“Saint-Nectaire” iż-żgħir għandu Speċifikazzjoni ta’ “12 sa 14-il cm fid-dijametru u ta’ 3,5 sa 4,5 cm f’għoli” li ħadet post il-kliem “ta’ madwar 13 cm fid-dijametru u 3,5 cm f’għoli” filwaqt li “b’piż li ma jaqbiżx iż-0,650 kg” issostitwit “b’piż ta’ mhux aktar minn 600 g”. Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni tal-ġobon il-kbir wara t-tqegħid fil-kantina żdied minn 3 ġimgħat għal 28 jum. Din iż-żieda ta’ ġimgħa tikkontribwixxi biex jissaħħu l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott. Wara li jitqiegħed fil-kantina, il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni tal-ġobon iż-żgħir jibqa’ l-istess.

    Il-qoxra qed tiġi deskritta f’iktar dettall abbażi ta’ esperjenza tal-palat. Għaldaqstant, is-sentenzi “Il-ġobna għandha qoxra b’tikek ta’ moffa u simili fuq iż-żewġ naħat. Skont il-livell ta’ maturazzjoni, il-moffa hija bajda, kannella jew griża u tista’ tidher fi sfond lewn il-krema li jagħti għall-oranġjo, u jista’ wkoll jisfuma fl-isfar u/jew fl-aħmar. Il-ġobon li huwa kollu abjad, oranġjo jew iswed jiġi eskluż.” issostitwiet is-sentenza “Il-moffa tal-wiċċ hija mgħottija b’tikek ffjuriti bojod, sofor jew ħomor, skont l-istadju ta’ maturazzjoni.” Din id-deskrizzjoni tqis is-sitwazzjonijiet tradizzjonalment differenti li jeżistu filwaqt li tevita l-possibbiltà ta’ abbuż.

    Id-deskrizzjoni organolettika tal-prodott saret b’mod iktar preċiż billi intużaw aktar deskritturi li jiddeskrivu aħjar it-togħma unika tas-“Saint-Nectaire”: “It-togħma hija friska, kemxejn mielħa, b’varjetà ta’ togħmiet ta’ ħalib (ħalib frisk, kremuż u bħall-butir) u l-aromi li jidħlu fil-proċess ta’ maturazzjoni (fil-kantina, fuq firxa ta’ tiben, fl-art jew sottobosk), li ta’ sikwit ikun fihom togħma ħafifa ta’ lewż.”

    Fl-aħħar nett, jiġu speċifikati l-forom aċċettati tal-biċċiet tas-“Saint-Nectaire” (hemm il-possibbiltà li l-ġobna tinbiegħ f’biċċiet li jiġu bil-qoxra tal-ġobna). Meta jitqiesu l-iżviluppi kontinwi fil-metodi ta’ konsum tal-ġobon, dawn il-kjarifiki jistabbilixxu qafas sabiex jiġu evitati derivattivi f’termini tat-tip ta’ qtugħ.

    Prova ta’ oriġini

    L-emendi ġew marbutin mar-riforma tas-sistema ta’ kontroll tad-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini li ġew introdotti minħabba żviluppi fir-regolamenti nazzjonali. B’mod partikolari, din tinkludi dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni, qabel ma l-operaturi jingħataw ċertifikat li jirrikonoxxi l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-marka li minnha qegħdin igawdu. Il-kontroll jiżgura li l-Ispeċifikazzjoni ssir skont pjan ta’ spezzjoni imħejji minn korp ta’ kontroll. L-Ispeċifikazzjoni tiddeskrivi l-kontenut tat-tikketti meħtieġa għall-għarfien u l-monitoraġġ tal-prodotti u kif għandhom jintbagħtu dawk id-dikjarazzjonijiet.

    Id-dokumenti u r-reġistrazzjonijiet meħtieġa għall-monitoraġġ tat-traċċabilità u l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni huma speċifikati, kif ukoll il-metodi ta’ kontroll tal-karatteristiċi tal-prodott.

    Il-karatteristiċi tal-marki tal-identifikazzjoni użati biex jiġi mmarkat is-“Saint-Nectaire” inbidlu għal:

    Id-dimensjonijiet ġew kemxejn immodifikati. Għaldaqstant, id-dijametru l-kbir fil-marka ovali mqiegħda fuq il-ġobon magħmul fl-impriża agrikola naqas minn 72 mm għal 45 mm u d-dijametru ż-żgħir minn 38 mm għal 30 mm. Il-ġenb tal-immarkar fil-kwadru imwaħħal fuq il-ġobon magħmul fil-maħleb naqas minn 45 mm għal 35 mm,

    Il-kliem fuq it-tikketta inbidel,

    In-numru tal-ġobon ġie miżjud. Kull tikketta għandha numru ta’ identifikazzjoni individwali, li kull sena jerġa jibda minn żero sabiex jiżgura t-traċċabilità tal-ġobon.

    Ġie stabbilit li l-marki ta’ identifikazzjoni jiġu mqassma mill-grupp lill-produtturi awtorizzati u li dawn it-tikketti jittieħdu lura jekk l-approvazzjoni tal-produtturi tiġi sospiża jew irtirata. Għaldaqstant, il-marki tal-identifikazzjoni ġew imqassma lill-produtturi kollha li jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni.

    It-traċċabilità tal-ġobon “Saint-Nectaire” tiġi assigurata permezz ta’ twaħħil ta’ tikketti numerati (iż-żamma tar-rekords).

    Metodu ta’ produzzjoni

    It-termini “merħla”, “baqar tal-ħalib” u “erħat” fis-sens tal-Ispeċifikazzjoni żdiedu sabiex ikunu jafu sew liema annimali japplikaw għall-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni u għaldaqstant jiffaċilitaw il-kontroll. L-introduzzjoni tal-obbligu għal baqar tal-ħalib, li l-ħalib tagħhom huwa użat għas-“Saint-Nectaire”, li għandhom jiġu mwielda u mrobbija fiż-żona ddefinita fil-punt 4 tad-Dokument Uniku mill-1 ta’ Jannar 2015 tfisser li l-annimali jadattaw aħjar għall-ambjent muntanjuż speċifiku, il-kundizzjonijiet tal-għixien f’dan l-ambjent u l-għalf, peress li m’hemm l-ebda rekwiżiti għar-razza. Din tagħti wkoll attenzjoni speċjali għall-għażla ta’ annimali li m’għandhomx patoġeni, li għal din id-denominazzjoni hija importanti minħabba li parti minnha taħdem b’ħalib mhux ipproċessat. Madankollu, għal raġunijiet ta’ saħħa u għar-razez ta’ Salers, Ferrandaise, Abondance, Simmental Française u Brune, jinżamm għadd żgħir biss f’dawn iż-żoni u d-domanda għalihom taqbeż il-provvista, deroga mill-obbligu li l-baqar tal-ħalib jitwieldu u jitrabbew f’din iż-żona tista’ tingħata mill-awtorità nazzjonali kompetenti għal perjodu ta’ żmien speċifiku u għal raġuni valida. Dawn ir-razez huma meqjusa li huma aktar adattati f’żoni muntanjużi, u għaldaqstant huma adattati għaż-żona ġeografika kif meħtieġ. Barra minn hekk, huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ produzzjoni kif inhuma l-baqar tar-razez l-oħra peress li jekk ikunu preżenti f’impriża involuta fil-produzzjoni tad-DPO “Saint-Nectaire”, b’mod partikolari ir-rekwiżit li jitlob perjodu minimu tar-ragħa.

    Il-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħalib ġew stabbiliti fid-dettall. Fost affarijiet oħrajn, ġie speċifikat li l-bur permanenti jagħmel mill-inqas 90 % taż-żona tal-impriża ta’ bur, li r-razzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib jiġi magħmul esklussivament minn ħaxix taż-żona kif deskritt fil-punt 4 tad-Dokument Uniku, li huwa obbligatorju li l-baqar jitħallew jirgħu mill-inqas 140 ġurnata fis-sena u li l-għalf kumplimentari huwa limitat għal 30 % tal-porzjon totali. Dan isaħħaħ il-prominenza ta’ ħaxix frisk jew ippreservat fl-għalf tal-annimali, li jagħmlu possibbli t-tisħiħ tar-rabta bejn l-oriġini tal-ħalib u n-natura speċjali tal-ġobon. Id-densità tal-ħażna fiż-żoni tal-għalf tal-azjendi agrikoli hija limitata għal 1,4 unitajiet ta’ bhejjem għal kull ettaru u għar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-iffertilizzar (b’mod partikolari, li jiġi llimitat il-kontribut annwali ta’ nitroġenu għal 130 unità għal kull ettaru u l-kundizzjonijiet dwar it-tifrix ta’ demel organiku) sabiex jinkoraġixxi l-użu ta’ bur permanenti b’diversi flora għall-għalf tal-baqar. L-użu ta’ foraġġ iffermentat minn baqar tal-ħalib mhux permess mill-1 ta’ Mejju 2017. Il-materja prima u l-addittivi awtorizzati f’għalf kumplimentari tqiegħdu fuq lista pożittiva. Hemm dispożizzjoni dwar il-projbizzjoni tal-OĠMs, sabiex jinżamm il-karattru tradizzjonali tal-għalf.

    Il-proċedura għall-manutenzjoni tat-tagħmir tal-ħalib u tar-refriġerazzjoni u r-rekwiżiti għat-tgħamir minimu fl-impjant tal-produzzjoni, ġew speċifikati. Il-ħalib m’għandux jinħażen fl-impriża għal iktar minn 48 siegħa (massimu ta’ 4 ħalbiet) li jitnaqqas għal 24 siegħa (massimu ta’ 2 ħalbiet) jekk jintuża ħalib mhux ipproċessat għall-ġobon. Dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu li jiġi limitat t-taħsir tal-ħalib u konsegwentement jiġu ppreservati l-karatteristiċi tal-ġobon. Barra minn hekk, permezz tas-separazzjoni ta’ ħalib differenti huwa iktar faċli li jkun hemm verifika tal-osservanza mal-Ispeċifikazzjoni u għaldaqstant jiżgura t-traċċabilità.

    Il-metodi għat-tisħin u l-istandardizzazzjoni tal-ħalib ġew definiti fid-dettall sabiex jipprovdu qafas aħjar għal prattiċi li jippreċedu l-ipproċessar tal-ħalib.

    Diversi dispożizzjonijiet ġew inklużi fl-użu tat-trattamenti u l-addittivi tal-ġobnijiet: projbizzjoni tal-konċentrazzjoni tal-ħalib bit-tneħħija parzjali tal-ilma ta’ ġewwa fih qabel il-koagulazzjoni, lista pożittiva ta’ ingredjenti jew għajnuniet għall-ipproċessar jew addittivi awtorizzati, projbizzjoni fuq il-konservazzjoni tal-materja prima tal-ħalib, prodotti fil-proċess tal-produzzjoni jew tal-baqta f’temperatura taħt iż-0 °C, projbizzjoni tal-konservazzjoni ta’ ġobon frisk u ġobon li għaddej mill-proċess ta’ maturazzjoni f’ atmosfera modifkata. Ġie osservat li għadd ta’ tekniki ġodda li jikkonċernaw trattamenti jew addittivi, bħall-mikrofiltrazzjoni, il-konċentrazzjoni parzjali tal-ħalib jew l-enżimi għall-proċess ta’ maturazzjoni, għandhom impatt potenzjali fuq il-karatteristiċi tas-“Saint-Nectaire”. B’mod partikolari, ċerti addittivi enżimatiċi jidhru mhux kompatibbli maż-żamma tal-karatteristiċi essenzjali tas-“Saint-Nectaire”. Għaldaqstant, kien ta’ bżonn li l-Ispeċifikazzjonijiet jiddefinixxu l-prattiċi attwali dwar l-użu ta’ trattamenti u ta’ addittivi għall-ħalib u għall-produzzjoni tal-ġobon, sabiex jiġu evitati prassi futuri mhux koperti mir-regoli li jikkompromettu l-karatteristiċi tas-“Saint-Nectaire”.

    Is-sentenza “Il-ħalib, mbaqqat meta msaħħan, jiġi mbaqqat f’reċipjent magħruf bħala ‘baste (skutella tal-injam)’ jew ‘gerle (mejjila tal-injam)’” tħassret. Barra minn hekk, ġew deskritti l-proċeduri biex jinżamm il-ħalib u jiżdied it-tames. Is-“Saint-Nectaire” huwa magħmul minn produtturi agrikoli iżda wkoll minn intrapriżi tal-ħalib: fil-każ tal-aħħar, il-ħalib jinġabar u jintuża iktar tard billi jinħażen fil-kesħa. Il-ħalib imbagħad jissaħħan u jiżdied it-tames. Illum, il-ħalib rari jiġi mbaqqat f’“bastes” jew “gerles” (reċipjenti tal-injam) li ġew sostitwiti b’tankijiet tal-azzar.

    L-istadji ta’ produzzjoni tal-ġobon “Saint-Nectaire” ġew deskritti f’aktar dettall. B’mod partikolari, żdiedu l-valuri tat-temperatura tat-tibqit, il-ħin għat-tibqit, id-dimensjonijiet tal-moffa, id-durata tal-ippressar, iż-żmien ta’ tnixxif u t-temperatura, u d-durata bejn it-tibqit u meta l-ġobon jitqiegħed fil-kantina, sabiex iservu ta’ linji gwida għall-istadji tal-produzzjoni. Fil-każ ta’ produzzjoni bbażata fl-azjendi agrikoli din hija distinta mill-produzzjoni bbażata fuq il-ħalib minħabba d-differenzi fil-ħalib użat (taħlita ta’ ħalib minn diversi merħliet u ħażna kiesħa fil-każ tal-produzzjoni abbażi ta’ ħalib, ħalib minn merħla waħda pproċessat immedjatament wara t-taħlib fil-każ tal-produzzjoni bbażata fl-azjendi agrikoli) u t-tagħmir użat. Il-forniment ta’ qafas għal dawn l-operazzjonijiet jagħmilha possibbli li tinżamm il-kwalità tal-ġobon u l-għarfien tal-produtturi tal-ġobon.

    It-trattamenti li jgħaddi minnu l-ġobon ġew deskritti aħjar: hemm obbligu li l-ġobon jinħasel mill-inqas darbtejn, jintmesaħ u jiddawwar mill-inqas darba fil-ġimgħa. L-użu ta’ kuluri fil-qoxra, li oriġinarjament magħmulin minn ħamrija b’kontenut għoli ta’ ossidu tal-ħadid użata biex jitħakkek il-ġobon magħha u tiġi evitata l-moffa mhux mixtieqa, ġiet ipprojbita minħabba li ġew żviluppati materjali li jippermettu kontroll aħjar fil-proċess ta’ maturazzjoni. Ġie speċifikat li t-temperatura tal-kantina hija bejn 6 °C u 12 °C, b’umdità ta’ mill-inqas 90 %. Għaldaqstant, ġie stabbilit qafas għar-regoli tradizzjonali dwar il-maturazzjoni. L-għan huwa li jinkiseb prodott li l-qoxra tiegħu hija skont id-deskrizzjoni mogħtija taħt “Deskrizzjoni tal-prodott”. Ġie pprovdut iktar tagħrif dwar l-attrezzaturi u t-tagħmir tal-kantini, il-manutenzjoni tas-sapport u l-materjal użat matul il-maturazzjoni u t-trattament tal-prodotti minħabba li dawn kollha jgħinu biex iżommu l-kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni tas-“Saint-Nectaire”.

    Id-definizzjoni ta’ ġobon li għadu ma mmaturax ġiet miżjuda sabiex tiffaċilita l-ispezzjonijiet. Il-kundizzjonijiet għall-iffriżar ta’ ġobon li għadu ma mmaturax ġew speċifikati wkoll. Il-perjodu massimu tal-iffriżar (10 xhur), l-ippakkjar tal-ġobon matul il-proċess tal-iffriżar, it-tikkettar ta’ ġobon li għadu ma mmaturax iffriżat u t-tagħmir tal-kmamar għall-ħażna ta’ ġobon ffriżat ġew definiti. Id-dati tad-dħul u l-ħruġ tal-ġobon mill-iffriżar ġew stabbiliti: jiġu ffriżati bejn l-1 ta’ April u l-31 ta’ Lulju u titneħħa l-friża qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. Għalhekk, l-iffriżar huwa mezz ta’ kif jinħażnu l-ġobnijiet minn meta l-baqar tal-ħalib jinħarġu biex jirgħu meta jkunu qegħdin jieklu ħaxix frisk, sabiex jibda l-proċess tal-maturazzjoni f’fażijiet matul is-sena kollha u jlaħħqu mal-perjodi tal-ogħla konsum (speċjalment f’Diċembru). Din il-prattika m’għandha l-ebda effett fuq il-karatteristiċi tas-“Saint-Nectaire”.

    “Tikkettar”

    L-obbligu tal-użu tal-logo INAO tħassar wara l-bidliet fir-regoli nazzjonali. Ġie sostitwit bl-obbligu li jitpoġġa s-simbolu tad-DPO tal-Unjoni Ewropea.

    L-indikazzjonijiet tat-tikkettar jistgħu jakkumpanjaw id-denominazzjoni ta’ oriġini, irrispettivament mir-referenzi regolatorji li huma speċifikati f’lista pożittiva sabiex titjieb il-leġibbiltà tat-test għall-konsumaturi u jiffaċilitaw l-ispezzjonijiet.

    It-tikkettar għandu jindika t-tip ta’ produzzjoni f’tipi ta’ mill-inqas żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni “Saint-Nectaire”, sabiex jipprovdi lill-konsumatur b’informazzjoni aħjar billi jagħmel il-prodotti iktar faċli li jiġu identifikati u għaldaqstant jiffaċilita l-ispezzjonijiet.

    Rekwiżiti nazzjonali

    Skont ir-riforma nazzjonali tas-sistema ta’ spezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini msemmija iktar ‘il fuq, ġiet miżjuda t-tabella li tippreżenta l-punti prinċipali tal-Ispeċifikazzjoni li għandha tiġi kkontrollata u l-metodu ta’ evalwazzjoni użat.

    Oħrajn

    —   Spezzjoni

    Id-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi ta’ spezzjoni ġew aġġornati.

    DOKUMENT UNIKU

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

    “SAINT-NECTAIRE”

    Nru tal-KE: FR-PDO-0117-01091 — 3.12.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem

    “Saint-Nectaire”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Franza

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.3 Ġobon

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’ (1)

    Is-“Saint-Nectaire” huwa ġobon magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqar ittrattat bit-tames, b’taħlita nofsha iebsa, ippressat, mhux imsajjar, iffermentat u mmellaħ. Il-prodott fih minimu ta’ 45 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon imnixxef. Il-kontenut ta’ materja niexfa tiegħu m’għandux ikun inqas minn 50 g għal kull 100 g ta’ ġobon matur.

    Huwa forma ta’ ċilindru li jiġi kemxejn għat-tond b’dijametru ta’ 20 sa 24 cm u għoli ta’ 3,5 sa 5,5 cm b’piż li ma jaqbiżx l-1,850 kg. Il-perjodu minimu tal-maturazzjoni tal-ġobon huwa ta’ 28 jum wara li jitqiegħed fil-kantina.

    Is-“Saint-Nectaire” jista’ wkoll jiġi magħmul f’daqs iżgħar, b’dijametru ta’ 12 sa 14 cm u għoli ta’ 3,5 sa 4,5 cm, b’piż ta’ mhux aktar minn 0,650 kg. F’dan il-każ, il-perjodu tal-maturazzjoni minimu jonqos għal 21 jum wara li l-ġobon jitqiegħed fil-kantina.

    It-taħlita hija ratba u kremuża, u maħlula. Il-ġobon għandu l-qoxra bit-tikek tal-moffa b’mod ugwali fuq iż-żewġ naħat. Skont il-livell ta’ maturazzjoni, il-moffa hija bajda, kannella jew griża u tista’ tidher fi sfond lewn il-krema li jagħti għall-oranġjo, u jista’ wkoll jisfuma fl-isfar u/jew fl-aħmar. Il-ġobon li b’mod uniformi huwa abjad, oranġjo jew iswed huwa eskluż.

    It-togħma hija nadifa, kemxejn mielħa, b’varjetà ta’ togħmiet tal-ħalib (ħalib frisk, krema u butir) u l-aromi marbuta mal-proċess tal-maturazzjoni (il-kantina, il-firxa ta’ tiben, tal-art u s-sottobosk), sikwit għandhom togħma delikata u ħafifa ta’ lewż.

    Il-ġobon kopert mid-denominazzjoni ta’ oriġini “Saint-Nectaire” jista’ jiġi ppreżentat ukoll f’porzjonijiet ippakkjati, fejn kull biċċa jkollha parti mill-qoxra li tikkaratterizzata d-denominazzjoni.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    Mill-1 ta’ Jannar 2015, il-baqar ta’ kull merħla li jipproduċu l-ħalib għas-“Saint-Nectaire” għandhom jitwieldu u jitrabbew fiż-żona ddefinita fil-punt 4.

    Madankollu, għar-raġunijiet ta’ saħħa jew għar-razez ta’ Salers, Ferrandaise, Abondance, Simmental Française u Brune, għadd żgħir biss jinżam fiż-żona ddefinita fil-punt 4 u li għalih d-domanda taqbeż il-provvista awtorizzata mid-Direttur tal-Istituzzjoni Nazzjonali ta’ Oriġini u Kwalità, u fejn deroga minn din il-miżura tista’ tingħata biss mid-Direttur tal-Istituzzjoni.

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    Ir-razzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib huwa magħmul minn ħaxix taż-żona ddefinita fil-punt 4 biss.

    Il-baqar tal-ħalib għandhom jirgħu għal perjodu minimu ta’ 140 jum fis-sena. Matul dan il-perjodu, il-foraġġ kollu huwa pprojbit.

    Barra mill-perjodu li jirgħu, il-ħaxix imqassam fil-forma ta’ għalf niexef b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ aktar minn 80 % irid jagħmel mill-inqas 50 % tal-porzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib bħala materjal niexef.

    Mill-1 ta’ Mejju 2017, l-użu ta’ foraġġ iffermentat se jiġi pprojbit fl-għalf tal-baqar tal-ħalib. L-uniku foraġġ ippreservat u li huwa awtorizzat, huwa l-ħaxix imqassam bħala għalf niexef b’kontenut ta’ materjal niexef ta’ aktar minn 80 %.

    F’kull każ, it-total tal-għalf supplimentari m’għandux jaqbeż it-30 % tar-razzjon totali fil-materja niexfa kull sena għall-baqar tal-ħalib kollha.

    Il-konsum bażiku tal-erħiet huwa magħmul esklussivament minn ħaxix, mill-inqas 40 % minnu jiġi miż-żona ddefinita fil-punt 4.

    L-erħiet intenzjonati li jitrabbew bħala baqar tal-ħalib f’azjenda akkreditata għall-produzzjoni tas-“Saint-Nectaire” iridu jinżammu fl-azjenda fl-azjenda agrikola u huma soġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-għalf tal-baqar tal-ħalib sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-ewwel treddigħ tagħhom.

    Fl-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-pjanti, il-prodotti sekondarji u l-għalf supplimentari derivati minn prodotti mhux transġeniċi. Il-kultivazzjoni ta’ għelejjel trasġeniċi hija pprojbita f’kull żona tal-azjendi agrikoli li jipproduċu l-ħalib maħsub għall-ipproċessar f’ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Saint-Nectaire”. Din il-projbizzjoni tapplika għat-tipi kollha ta’ pjanti li jingħataw bħala għalf lill-annimali fl-azjenda u għall- għellejjel kollha li jistgħu jikkontaminaw impjanti bħal dawn.

    3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni tal-ħalib u l-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Il-ġobon kollu bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Saint-Nectaire” irid jinkludi tikketta bl-isem tad-DPO miktub b’ittri mill-inqas daqs żewġ terzi tal-ikbar ittri fuq it-tikketta.

    It-tqegħid tas-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju fuq it-tikketta.

    Minbarra t-termini regolatorji applikabbli għall-ġobon kollu, huwa pprojbit l-użu ta’ kwalunkwe aġġettiv jew kliem ieħor skont id-denominazzjoni ta’ oriġini fuq it-tikkettar, ir-reklamar, il-fatturi u d-dokumenti kummerċjali, għajr:

    għal marki kummerċjali jew marki ta’ produzzjoni speċifiċi;

    il-kliem “manifatturat minn ħalib mir-razza ta’ Salers”, “maturazzjoni f’kantina naturali”, perjodu ta’ maturazzjoni speċifika ta’ 28 jum, “maturazzjoni fuq it-tiben”, “maturazzjoni fl-azjenda agrikola”, “maturazzjoni fuq l-injam tal-qastan” u “maturazzjoni fuq l-injam tal-prinjoli”. F’kull każ, it-test ma jistax ikun iktar minn żewġ terzi tad-daqs tad-denominazzjoni “Saint-Nectaire”,

    il-kliem “prodott f’settur tal-ħalib” jew kull indikazzjoni li tindika l-oriġini tal-ġobon.

    It-ittikkettar tal-ġobon juri jekk ġiex minn azjenda agrikola jew azjenda tal-ħalib.

    L-oriġini tal-azjenda tal-ħalib jew tal-azjenda agrikola tiġi indikata f’tipi ta’ mill-anqas żewġ terzi fid-daqs tad-denominazzjoni “Saint-Nectaire”.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Saint-Nectaire” tkopri t-territorju tal-muniċipalitajiet tad-dipartimenti Cantal u Puy-de-Dôme.

    Il-produzzjoni tal-ħalib u dik tal-ġobon għandhom isiru f’żona fejn jitqiesu l-fatturi naturali u umani kif jissemma fil-punt 5.1.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Fatturi naturali

    Iż-żona ġeografika tas-“Saint-Nectaire” tinsab fiċ-ċentru ta’ Franza, fil-Massif Central.

    Il-produzzjoni tal-ħalib u dik tal-ġobon jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet speċjali li jinsabu f’altitudni ogħla minn 700 m.

    L-irjieħ prevalenti mill-Punent għandhom livell sostanzjali ta’ umdità fuq l-għoljiet tal-Punent ta’ muntanji vulkaniċi, li jkun inqas fl-għoljiet tal-Lvant. Permezz ta’ ħamrija vulkanika fertili ħafna, hemm ħaxix mifrux ma’ kullimkien u l-flora hija abbundanti u varjata: sagħtar selvaġġ, ġentjan isfar kbir, busbies tal-Alpi, ħaxixa tal-murliti, xitla tal-Alpina, eċċ. Il-produzzjoni tal-foraġġ hija bbażata essenzjalment fil-bur permanenti, b’kontenut għoli ta’ pjanti li jagħmlu l-fjuri u fejn il-ħaxix ikopri mill-anqas 90 % taż-żona tal-azjendi agrikoli.

    Fatturi umani

    Is-“Saint-Nectaire” ilu jiġi prodott fir-reġjun ta’ Monts Dore għal bosta sekli. Ismu deher għall-ewwel darba fil-gastronomija tas-seklu 17. Bl-isem tal-ġobon jidher f’bosta pubblikazzjonijiet (b’mod partikolari fl-1786 u l-1787), il-produzzjoni tas-Saint-Nectaire żviluppat fis-Seklu 19 u wara iktar fis-Seklu 20 f’azjendi agrikoli żgħar tal-muntanji li żammew għadd żgħir ta’ bhejjem, fejn il-produzzjoni tal-ġobon saret prerogattiva għan-nisa tal-bdiewa u fejn ġew stabbiliti l-ħiliet tal-produzzjoni. Tradizzjonalment, il-produtturi tal-ġobon rari immaturaw il-ġobon tagħhom u kienu joħduhom f’bosta swieq fiż-żona mingħajr ma jimmaturawhom. L-ispeċjalisti tal-maturazzjoni ta’ Puy-de-Dôme u Cantal, li kellhom il-faċilitajiet neċessarji u l-għarfien espert, kienu jixtru l-ġobon u jimmaturawh qrib iċ-ċentri ta’ konsum. Din it-tradizzjoni kompliet sal-ġurnata tal-lum, madankollu llum il-ġobon li għadu mhux matur jinġabar fil-post tal-produzzjoni.

    Is-“Saint-Nectaire” ġie rikonoxxut bħala denominazzjoni ta’ oriġini bid-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Issoire fl-1955.

    Ir-riżorsi użati għall-għalf tal-baqar tal-ħalib użati għall-produzzjoni tal-ħalib maħsub għas-“Saint-Nectaire” huma dawk msemmija fil-“Fatturi Naturali”. Fil-fatt il-porzjon bażiku jikkonsisti esklużivament mill-ħaxix u r-ragħa huwa obbligatorju matul parti tas-sena. L-użu tal-għalf supplimentari huwa limitat.

    Il-fażi tal-maturazzjoni huwa pass importanti għall-produzzjoni tas-“Saint-Nectaire”. Il-produtturi li jieħdu ħsieb il-maturazzjoni għandhom ħiliet li huma essenzjali għall-proċessi tat-trattament li jesperjenza l-ġobon. Il-ġobon jinħasel għadd ta’ drabi, imbagħad jitħakkek u jiddawwar b’mod regolari sabiex tiżviluppa l-qoxra.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Is-“Saint-Nectaire” huwa ġobon tal-ħalib tal-baqra, ippressat u mhux imsajjar. Huwa fil-forma ta’ ċilindru kemxejn għat-tond b’dijamentru ta’ massimu 24 cm u 5,5 cm f’għoli, li huwa daqs tajjeb meta mqabbel ma’ ġobon ieħor li ġej miż-żoni muntanjużi. Il-moffa hija bajda, kannella jew griża u jaf ikollha sfond kulur il-krema fl-oranġjo, li tista’ tisfuma fl-isfar u/jew fl-aħmar. It-togħma hija nadifa, kemxejn mielħa, b’varjetà ta’ togħmiet tal-ħalib (ħalib frisk, krema u butir) u l-aromi marbuta mal-proċess tal-maturazzjoni (il-kantina, il-firxa ta’ tiben, tal-art u s-sottobosk), sikwit għandhom togħma delikata u ħafifa ta’ lewż.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

    Iż-żona ġeografika tikkorrispondi għaż-żona fejn dejjem saru l-istadji kollha differenti tal-produzzjoni tas-“Saint-Nectaire”. Ċerti fatturi naturali, bħall-altitudni tal-mergħa, il-flora u l-fatturi umani jridu jaħdmu flimkien sabiex jipproduċu l-ħalib u jsir is-“Saint-Nectaire”.

    F’din iż-żona il-ħamrija vulkanika tagħha hija favorevoli għall-bur permanenti, li l-flora hija rikka u tfuħ. Il-frekwenza tax-xita li tiġi mill-Punent li tiddomina f’din iż-żona tippermetti irrigazzjoni kważi kontinwa tal-bur, li b’hekk iżid ir-rikkezza tagħha. Minħabba din id-diversità botanika, il-fjuri għandhom għadd ta’ komposti aromatiċi (pereżempju t-terpeni) li jittieklu mill-annimali meta jikkunsmaw il-forraġġ minn dawn il-mergħat.

    Dawn il-fatturi, flimkien mal-għarfien espert tal-produzzjoni u t-trattament li s-“Saint-Nectaire” jgħaddi minnu matul il-maturazzjoni, jagħtuh varjetà ta’ togħmiet differenti tal-ħalib (ħalib frisk, krema u butir) u aromi relatati mal-proċess tal-maturazzjoni (il-kantini, il-firxa ta’ tiben, tal-art u s-sottobosk), li ta’ sikwit ikollhom togħma ħafifa ta’ lewż.

    Għaldaqstant, il-proċessi tat-trattament li jesperjenza s-“Saint-Nectaire” mill-produtturi jiddeterminaw kif il-moffa tal-wiċċ tiġi żviluppata u tvarja fil-kulur bejn griż fl-abjad u kannella fl-oranġjo.

    Id-daqs tas-“Saint-Nectaire” huwa marbut mal-istorja tiegħu. Fil-fatt, kien adattat kemm għall-azjendi agrikoli b’merħliet żgħar (bi ftit baqar) kif ukoll għal azjendi agrikoli akbar li fittxu li jżidu l-valur tal-produzzjoni tal-ħalib tax-xitwa relattivament limitat tagħhom u fejn il-produzzjoni tal-ħalib li kienet aktar abbundanti fis-sajf intużat għall-produzzjoni tal-“Fourme de Cantal”.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

    https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCSaintNectaire.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.


    Začiatok