Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XC0121(01)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 18, 21.1.2015, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/6


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2015/C 18/03)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “UVA DE MESA EMBOLSADA DEL VINALOPÓ”

    Nru tal-KE: ES-PDO-0117-01032-22.8.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Intestatura tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

        Isem il-prodott

        Deskrizzjoni

        Żona ġeografika

        Prova tal-oriġini

        Metodu ta’ produzzjoni

        Rabta

        Tikkettar

        Rekwiżiti nazzjonali

        Oħrajn (speċifika)

    2.   Tip ta’ emenda

        Emenda tad-Dokument Uniku jew tas-Sommarju.

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju.

        Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

        Emenda temporanja tal-Ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006).

    3.   Emendi

    (1)

    L-ewwel emenda tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ għenba: “Doña María”, “Dominga” u “Victoria” bħala għeneb abjad, u “Red Globe” bħala għeneb iswed.

    Raġuni: Mindu nħolqot id-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Uva Embolsada del Vinalopó” fl-1989, ir-reġjun għadda minn ħafna tibdil minħabba żviluppi fil-metodi ta’ tkabbir, kif ukoll minħabba bidliet u adattamenti min-naħa tal-konsumaturi fil-konfront tas-suq.

    Fil-bidu kienu jitkabbru l-varjetajiet “Aledo”, “Italia” jew “Ideal” u “Rossetti”. Dawn il-varjetajiet baqgħu jitkabbru, iżda tħawlu wkoll varjetajiet oħra f’firxa ta’ ettari ġodda.

    Għal dawn il-varjetajiet il-ġodda ntużaw l-istess metodi ta’ tkabbir, u l-istess metodu ta’ tqartis f’borża tal-karti. Il-medda art li fiha tħawlu dawn il-varjetajiet il-ġodda hija kbira biżżejjed biex ikun jista’ jiġi konkluż li adattaw ruħhom b’mod sodisfaċenti.

    Fil-fatt, il-frott prattikament iżomm l-inwar kollu tiegħu, għandu lewn iktar qawwi u qoxra mingħajr difetti.

    F’dak li jirrigwarda l-kwalitajiet organolettiċi, il-varjetajiet “Victoria”, “Red Globe”, “Doña María” u “Dominga” ikollhom livell konsiderevoli ta’ ħlewwa mal-qtugħ tagħhom, u dan huwa konsistenti mal-varjetajiet protetti inizjalment (ċjoè “Aledo”, “Italia/Ideal” u “Rosetti”). Dawn il-varjetajiet kollha, mal-qtugħ tagħhom, ikollhom minimu ta’ 12,5oBrix.

    Dawn il-karatteristiċi kollha (il-ħlewwa, iż-żamma tal-inwar, il-lewn qawwi, il-qoxra mingħajr difetti, u l-adattament għall-ambjent u għat-teknika ta’ tqartis fil-karti) jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-inklużjoni tal-varjetajiet il-ġodda fid-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”.

    Deskrizzjoni tal-varjetajiet:

    Victoria: għanqud kbir, forma ta’ piramida, jiċkien lejn il-parti t’isfel. L-għenba hija ta’ lewn isfar xama’, kbira u ta’ forma ellittika. Il-polpa tqarmeċ, u fiha togħma ħelwa newtrali. Iżżomm tajjeb ħafna tul it-trasport. Tikber fuq kannizzati mimdudin u weqfin għoljin (“espalderas”). Tista’ tinqata’ fi tmiem Lulju, u fejn jintużaw metodi ffurzati, anki f’Ġunju. Hija varjetà li tgawdi minn ħafna vantaġġi meta titqartas f’borża, fosthom il-protezzjoni mill-għasafar u l-insetti, u fuq kollox l-iżgurar ta’ prodott ta’ kwalità għolja. Din il-varjetà tittollera t-tqartis, u b’hekk jinkisbu riżultati tajbin.

    Dominga: Tista’ tinqata’ bejn Ottubru u tmiem Novembru. Titqartas dejjem f’borża, u dan jirriżulta fi sfumaturi uniformi ta’ kulur isfar kannamieli, u fi kwalità għolja li lill-konsumatur tinżillu għasel.

    Doña María: Għenieqed kbar, b’forma konika u maħlula. L-għenba hija ta’ lewn isfar pallidu, kbira ħafna u ovali. Fiha togħma ħelwa ħafna. Issir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi. Hija varjetà li tiflaħ tajjeb ħafna t-tqartis f’borża.

    Red Globe: Għenieqed kbar ħafna, ta’ forma ċilindrika konika, bi ġwienaħ ta’ tul bejn medju u twil, u relattivament maħlula. L-għenba tista’ tkun ħamra, ħamra lewn l-inbid, roża jew roża tagħti fil-vjola; hija sferika, kbira ħafna, b’togħma newtrali, polpa tqarmeċ, qoxra ħoxna, reżistenti u faċli biex titqaxxar. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi. Hija varjetà li adattat ruħha perfettament għall-kundizzjonijiet taż-żona u għat-tqartis f’borża.

    (2)

    It-tieni emenda tikkonsisti fit-tneħħija tad-deskrizzjoni ta’ prattika ta’ kultivazzjoni marbuta maż-żbir.

    L-informazzjoni li tħassret hija din li ġejja:

    “Il-kannizzati weqfin għoljin (‘espalderas’) jinżabru ‘fuq il-qasab’ (‘en asta’), jiġifieri jintuża l-metodu ta’ żbir Guyot b’żewġ dirgħajn, ċjoè bejn 12 u 14-il rimja f’kull dielja. Il-kannizzati mimdudin ikollhom 4 dirgħajn, kull driegħ b’bejn 4 u 6 pulzieri, u kull pulzier b’bejn 2 u 4 rimjiet.”

    Raġuni: Din l-informazzjoni, li tirreferi għaż-żbir, il-pulzieri f’kull driegħ u r-rimjiet f’kull pulzier, mhijiex rilevanti għall-ksib tal-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” bil-karatteristiki distinti tagħha. Barra minn hekk, bejn l-1996 meta tressqet l-applikazzjoni oriġinali u llum, bl-esperjenza li nkisbet fit-tkabbir tal-prodott, mhuwiex ta’ interess li t-tip ta’ żbir ikun limitat esklussivament għal dak deskritt fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali. Billi hija prattika ta’ kultivazzjoni speċifika ħafna u mhix rilevanti għall-ksib tal-prodott bil-karatteristiki distinti tiegħu, qed jintalab li din l-informazzjoni ma tiġix inkluża fl-Ispeċifikazzjoni l-ġdida.

    (3)

    It-tielet emenda tikkonsisti fit-tneħħija tad-deskrizzjoni tal-kategoriji tal-għenba “Extra” u “Primera”.

    L-informazzjoni li tħassret hija din li ġejja:

    “Kategoriji Extra u Primera kif iddefiniti fir-Regolament (KEE) Nru 1730/87 u fl-Orden Ministerial tal-24 ta’ Novembru 1982 (B.O.E. - il-Ġurnal Uffiċjali ta’ Spanja, is-27 ta’ Novembru 1982).

    Il-Kategorija ‘Extra’:

    L-għenba ta’ din il-kategorija hija tal-ogħla kwalità. L-għenieqed għandhom il-forma u l-iżvilupp karatteristiċi tal-varjetà, u huma ħielsa minn kull difett.

    Il-kulur tagħhom huwa uniformi, bi sfumatura safra xama’ pallida.

    L-għenbiet huma ibsin, mehmuża sew u mqassmin b’bilanċ maz-zokk, u l-inwar prattikament jibqa’ sħiħ. Piż minimu ta’ għanqud: 200 g ± 5 % fil-piż tal-għenieqed li ma jilħqux ir-rekwiżiti għal din il-kategorija, iżda li jilħqu dawk tal-Kategorija ‘Primera’.

    Hija permess tolleranza ta’ 10 % fil-piż tal-għenieqed li ma jilħqux ir-rekwiżiti ta’ daqs għall-Kategorija ‘Extra’, iżda li jilħqu r-rekwiżiti ta’ ppakkjar għall-Kategorija ‘Primera’.

    Il-Kategorija ‘Primera’:

    L-għeneb ta’ din il-kategorija huwa ta’ kwalità tajba. L-għenieqed għandhom il-forma u l-iżvilupp karatteristiċi tal-varjetà. Il-kulur tagħhom huwa uniformi, bi sfumatura safra xama’.

    L-għenbiet huma sodi, mehmuża sew maz-zokk, u safejn possibbli huma koperti bl-inwar. Madankollu, jistgħu jkunu mqassma tul iz-zokk b’mod inqas uniformi milli fil-Kategorija ‘Extra’, filwaqt li jiġu permessi deformazzjonijiet ċkejknin u xi difetti ta’ kulur.

    Piż minimu ta’ għanqud: 150 g”

    Raġuni: Id-definizzjoni tal-kategoriji “Extra” u “Primera”, u t-tolleranzi tagħhom kif indikat fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”, kienu jinstabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1730/87 tat-22 ta’ Ġunju 1987 jipprovdi għall-livelli ta’ kwalità għall-għeneb tal-mejda (3), li llum huwa dderogat. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ standard huwa ġenerali, jiġifieri jgħoddu għall-għenbiet kollha; mhuwiex standard speċifiku, maħsub għall-għeneb tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”. Fl-aħħar nett, għandu jitqies li dan it-tip ta’ standard jista’ jinbidel maż-żmien, u għalhekk ma jagħmilx sens li tali standards jiġu riflessi fid-deskrizzjoni ddettaljata tal-kategorija.

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (4)

    “UVA DE MESA EMBOLSADA DEL VINALOPÓ”

    Nru tal-KE: ES-PDO-0117-01032-22.8.2012

    IĠP ( ) DPO ( X )

    1.   Isem

    “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6.; Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati.

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    Il-varjetajiet adatti għall-protezzjoni bid-Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini huma esklussivament dawn li ġejjin:

    Għeneb abjad:

    Aledo: Għenieqed kbar u maħlula. Għenba ellipsojdali, lewn isfar xama’. Qoxra ħoxna u tqarmeċ. Maturazzjoni tard, bejn Novembru u Diċembru.

    Italia jew Ideal: Għenieqed ta’ daqs medju, b’għenbiet kbar ta’ lewn isfar deheb u forma elittika, polpa tqarmeċ u togħma ħafifa ta’ muskatell. Il-qtugħ isir bejn Settembru u Ottubru.

    Rosetti: Għenieqed kbar, ta’ forma ċilindrika-konika jew piramidali. L-għenbiet ikunu ta’ lewn bejn isfar xama’ u isfar deheb. L-għenba hija kbira, b’togħma newtra iżda ħelwa ħafna, u b’polpa tqarmeċ. Il-qoxra hija rqiqa, u fiha konsistenza ta’ nwar. Il-qtugħ isir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru.

    Victoria: Għenieqed kbar, ta’ forma piramidali li tiċkien fil-parti t’isfel. L-għenba hija ta’ lewn isfar xama’, hi kbira u ta’ forma ellittika. Il-polpa tqarmeċ, u fiha togħma ħelwa newtra. Hija varjetà reżistenti, li tista’ titkabbar kemm f’kannizzata mimduda u kemm f’kannizzata wieqfa għolja. Tista’ tinqata’ fi tmiem Lulju, u fejn jintużaw metodi ffurzati, anki f’Ġunju.

    Dominga: Tista’ tinqata’ bejn Ottubru u tmiem Novembru. L-għenbiet ikunu ta’ lewn isfar kannamieli uniformi ħafna, huma ta’ kwalità għolja u lill-konsumatur jinżillu għasel.

    Doña María: Għenieqed kbar, b’forma konika u maħlula ħafna. L-għenba hija ta’ lewn isfar pallidu, kbira ħafna u ovali. Fiha togħma ħelwa ħafna. Il-maturazzjoni ssir bejn il-bidu ta’ Settembru u tmiem Ottubru. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi.

    Għeneb iswed:

    Red-Globe: Għenieqed kbar ħafna, ta’ forma ċilindrika konika, bi ġwienaħ ta’ tul bejn medju u twil, u relattivament maħlula. L-għenba tista’ tkun ħamra, ħamra nbid, roża jew roża tagħti fil-vjola; hija sferika, kbira ħafna, b’togħma newtra, polpa tqarmeċ, qoxra ħoxna, reżistenti u faċli biex titqaxxar. Tikber fuq kannizzati mimdudin għoljin u weqfin għoljin (“espladeras”) b’żewġ kordi.

    Dawn il-varjetajiet huma karatterizzati minn livell għoli ta’ ħlewwa, b’minimu ta’ 12,5oBrix.

    Il-frott, ikunx tal-kategorija “Extra” jew “Primera”, għandu jkollu l-karatteristiki li ġejjin:

    b’saħħtu

    nadif,

    mingħajr materja barranija,

    mingħajr marki minn attakki ta’ insetti jew mard,

    mingħajr sinjali viżibbli ta’ moffa,

    ħieles minn umdità esterna anormali,

    mingħajr riħa jew togħma barranija.

    L-għenbiet għandhom ikunu:

    iffurmati sew,

    żviluppati b’mod normali,

    mehmuża maz-zokk.

    L-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” hija kkaratterizzata billi żżomm prattikament l-inwar kollu, kif ukoll bi sfumatura ta’ kulur iktar qawwija, u qoxra ħielsa mid-difetti.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Il-produzzjoni u l-ħsad.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    Fuq l-iskrizzjonijiet, il-marki jew it-tikketti li jidentifikaw l-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” għandu jidher b’mod obbligatorju s-simbolu uffiċjali tal-UE għad-denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini, flimkien mal-kliem “Denominación de origen protegida” u “Uva de mesa embolsada del Vinalopó”.

    Barra minn hekk, il-prodott għandu jkollu marka tal-konformità, fil-forma ta’ tikketta ta’ wara identifikata b’kodiċi alfanumeriku, li għandha titwaħħal mill-azjenda ta’ ppakkjar b’mod li ma tkunx tista’ terġa’ tintuża, u b’hekk tiggarantixxi t-traċċabbiltà tal-prodott. Fuq tali tikketta ta’ wara għandu jidher il-kliem “Denominación de Origen Protegida Uva de mesa embolsada del Vinalopó” u l-logo tagħha.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ta’ produzzjoni tal-għeneb kopert mid-Denominazzjoni Protetta ta’ Oriġini “Uva de mesa embolsada Vinalopó” tinkludi r-raba’ kollu mniżżel fir-Reġistru tar-raba’ tal-impriża ta’ ġestjoni tad-DPO, li jinsab fil-muniċipalitajiet li ġejjin tal-provinċja ta’ Alicante: Agost, Aspe, Hondón de los Frailes, Hondón de las Nieves, Monforte del Cid, Novelda u La Romana.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Fatturi naturali

    Fir-reġjun ta’ Vinalopó Medio jiltaqgħu t-tliet tipi ta’ klima Mediterranja preżenti fil-provinċja ta’ Alicante, jiġifieri l-klima marittima, dik moderata u dik subtropikali.

    Bis-saħħa ta’ din il-klima, it-temperaturi f’din iż-żona rari jinżlu taħt iż-0 °C, bl-ikbar riskju ta’ ġlata fiż-żoni ta’ altitudni baxxa orjentati lejn it-Tramuntana u l-Majjistral.

    Fejn tidħol il-preċipitazzjoni, hemm kuntrasti wiesa’: nixfiet u għargħar, u livell għoli ta’ irregolarità fix-xita minn sena għal oħra.

    Il-ħamrija fiha l-ġir, u l-litoloġija tagħha tinkludi safef imtarrġa ta’ żrar minn sedimenti kontinentali, sedimenti tal-baħar, molassi, ġir, u lom bl-arseniku u bil-ġir. Il-ħamrija kollha tal-wied ta’ Vinalopó fiha kontenut għoli ta’ karbonat tal-kalċju, bi ftit li xejn materja organika.

    It-topografija tar-reġjun hija kkundizzjonata mill-wied tal-Vinalopó u l-widien ta’ ħdejh, li flimkien jiffurmaw kuritur wiesa’ li jmur mill-Grigal għax-Xlokk u li jaqsam il-falda tal-katina ta’ muntanji “Prebética” li minnha tgħaddi x-xmara Vinalopó.

    Fatturi umani

    It-tqartis f’borża tal-għeneb tal-ikel huwa teknika speċjali li ssir “esklussivament” fir-reġjun tal-Medio-Vinalopó, fil-muniċipalitajiet imsemmija aktar ‘il fuq. Din il-prattika bdiet fil-muniċipalità ta’ Novelda madwar l-1920, bil-għan li l-għenieqed jitħarsu mill-baħrija tal-għeneb bl-użu ta’ boroż tal-karta.

    Il-prattika tikkonsisti fit-tqartis ta’ borża tal-karta fuq kull għanqud, li tibqa’ fuqu sal-mument tal-ippakkjar.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Karatteristika ewlenija tad-DPO “Uva de mesa embolsada del Vinalopó” hija li żżomm prattikament l-inwar kollu tiegħu. L-għenbiet jiddistingwu ruħhom bil-lewn iktar qawwi tagħhom, u bil-qoxra ħielsa mid-difetti.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)

    L-“Uva de mesa embolsada del Vinalopó” għandha karatteristiki distinti bis-saħħa tal-kombinament ta’ fatturi naturali u fatturi umani:

    Iż-żona protetta għandha klima Mediterranja, b’temperaturi moderati matul is-sena li jagħtu lill-għenbiet il-lewn iktar qawwi tagħhom.

    It-topografija tar-reġjun tal-Vinalopó, ikkaratterizzata minn widien li jiltaqgħu biex jiffurmaw kuritur, tiffavorixxi n-nuqqas ta’ ġlata, u b’hekk tikkontribwixxi għal-lewn iktar qawwi tal-frott.

    Min-naħa tagħha, it-teknika tat-tqartis f’borża tipproteġi lill-għeneb, b’mod li l-għenbiet iżommu l-inwar kważi kollu tagħhom, kif ukoll qoxra ħielsa mid-difetti.

    Din hija teknika speċjali, u tul iż-żmien ġiet skoperta l-importanza tal-karta li għandha tintuża: il-karta hija magħmula minn fibri twal taċ-ċelluloża bil-melanina għal kontra l-umdità, għandha mis-satin u hija ta’ lewn il-kannamieli. Din il-karta hija parzjalment responsabbli wkoll għal-lewn iktar qawwi tal-għenbiet.

    Din it-tip ta’ karta ddum iktar u tbiegħed iktar l-ilma tax-xita, u b’hekk tipprevjeni d-difetti fil-qoxra tal-għenbiet. Mill-banda l-oħra, ċerti għenbiet fil-quċċata tal-għanqud jistgħu jinħarqu bil-borża fuqhom jekk it-temperaturi jitilgħu ħafna. L-għarfien tal-klima taż-żona huwa essenzjali għall-prattika tajba tat-tqegħid tal-boroż.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (5))

    http://www.agricultura.gva.es/pc_uvavinalopo


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12 (Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012).

    (3)  ĠU L 163, 23.6.1987, p. 25.

    (4)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.


    Top