Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0121(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet għat-trawwim tal-awtonomija u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili

    ĠU C 18, 21.1.2015, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 18/1


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet għat-trawwim tal-awtonomija u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili

    (2015/C 18/01)

    IL-KUNSILL,

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

    1.

    Il-Kunsill, fil-qafas tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2014-2015 (1), stabbilixxa t-tema tar-responsabbilizzazzjoni taż-żgħażagħ bħala l-prijorità globali tat-triju tal-Presidenzi (IT, LV, LU), b’attenzjoni fuq l-aċċess għad-drittijiet, l-awtonomija, il-parteċipazzjoni politika u ċ-ċittadinanza attiva.

    2.

    Iż-żgħażagħ għadhom affettwati b’mod negattiv mill-kriżi ekonomika u soċjali li kkaratterizzat dawn l-aħħar ftit snin. B’konsegwenza tal-bidliet demografiċi, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għoti ta’ impjieg b’kondizzjonijiet prekarji, sar iktar diffiċli għalihom li jiksbu l-awtonomija u li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv.

    3.

    Il-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ikkontribwixxew għat-tixrid tal-faqar, il-marġinalità u l-esklużjoni soċjali, problemi ta’ saħħa kif ukoll telf ta’ fiduċja fil-futur. Ir-riċerka turi wkoll li f’xi Stati Membri għadd dejjem akbar ta’ żgħażagħ barra mhux qed jaħdmu, jirċievu edukazzjoni jew taħriġ (NEET) (2) u li hemm rabta b’saħħitha bejn l-istatus soċjoekonomiku u l-parteċipazzjoni politika: Meta mqabbla mal-kumplament tal-popolazzjoni żagħżugħa, hemm probabbiltà inqas li n-NEET jivvotaw (3), in-NEET għandhom inqas fiduċja fl-organizzazzjonijiet politiċi u huma inqas involuti fil-parteċipazzjoni ċivika.

    4.

    Madankollu, iż-żgħażagħ jirrappreżentaw riżorsa siewja għas-soċjetà. Il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kapaċità kreattiva u innovattiva tagħhom għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-politika dwar iż-żgħażagħ fuq livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

    KONXJU:

    5.

    Li hemm indikazzjonijiet li ż-żgħażagħ qed isiru awtonomi (4) ta’ età akbar milli fl-imgħoddi.

    6.

    Li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, aggrava l-inugwaljanzi interġenerazzjonali u jista’ jkollu effetti dejjiema fuq il-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà tas-soċjetajiet tagħna.

    7.

    Li l-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-Ewropa li qiegħda tiżdied, anki minħabba t-tfittxija għall-impjieg f’pajjiżi oħra, teħtieġ attenzjoni adegwata, sabiex issir opportunità reali għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, il-programm Erasmus+ jista’ jaqdi rwol importanti fil-promozzjoni ta’ awtonomija u parteċipazzjoni akbar fil-ħajja soċjali għaż-żgħażagħ permezz tal-mobbiltà kif ukoll it-titjib ta’ ħiliet u kompetenzi importanti għall-impjegabbiltà u ċ-ċittadinanza.

    8.

    Tal-konklużjonijiet konġunti (5) tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, 13-15 ta’ Ottubru 2014, Ruma (6).

    FILWAQT LI JIRRIKONOXXI L-ISFIDI EWLENIN LI ĠEJJIN:

    9.

    L-azzjoni kkombinata tal-fatturi kkawżati mill-kriżi ekonomika u soċjali, bħat-tnaqqis fid-dħul finanzjarju, in-nuqqas ta’ xogħol u instabbiltà akbar fl-impjiegi, naqqset il-ħila taż-żgħażagħ li jsiru awtonomi (7).

    10.

    Għaldaqstant, issa jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri u politika adatti biex jappoġġaw l-awtonomija taż-żgħażagħ u t-transizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta. Dan ma jinvolvix biss azzjoni b’rabta ma’ politiki li jiffavorixxu t-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol, iżda wkoll fuq oqsma relatati bħall-aċċess għall-finanzjament, is-saħħa u l-ġid u l-parteċipazzjoni politika u ċivika, sabiex jingħataw l-għodod meħtieġa biex iż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsiru awtonomi u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali.

    11.

    Bil-għan li jiġi żgurat l-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet, l-UE teħtieġ li tiffoka, fost l-oħrajn, fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, it-trawwim ta’ ċittadinanza attiva u t-tnaqqis tad-diskrepanza bejn il-ħiliet u l-kompetenzi li jiksbu ż-żgħażagħ u dawk mitluba mis-suq tax-xogħol filwaqt li tippermettilhom li jikkontribwixxu għall-ħolqien sostenibbli ta’ impjiegi ġodda billi tippromwovi edukazzjoni ta’ kwalità għolja kif ukoll it-titjib tal-komunikazzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi ta’ gradwati lil min iħaddem.

    F’DAN IR-RIGWARD IQIS LI:

    12.

    Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn is-setturi fil-politika dwar iż-żgħażagħ, l-UE u l-Istati Membri, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom u bir-rispett xieraq tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistgħu jippromwovu miżuri, fejn xieraq, li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

    l-appoġġ tal-awtonomija u l-ġid taż-żgħażagħ u l-indirizzar u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom ħafna żgħażagħ;

    investiment biex iż-żgħażagħ isiru aktar konxji mid-drittijiet tagħhom u kif iħaddmuhom;

    appoġġ għall-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fuq kull livell u permezz tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala mezz importanti għas-sehem u l-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva;

    li nkomplu nimxu fit-triq li ttieħdet lejn ir-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala strument biex iħeġġeġ is-sehem u l-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi importanti għall-kisba tal-awtonomija;

    li tingħata spinta lill-opportunitajiet għas-sehem u l-kontribut tagħhom għall-ħajja komunitarja, anki permezz tal-mezzi tax-xandir u t-teknoloġija tal-informazzjoni, partikolarment fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw liż-żgħażagħ direttament;

    appoġġ għall-edukazzjoni dwar il-litteriżmu diġitali u fil-mezzi tax-xandir bħala mezz kif jitrawmu l-imħuħ kritiċi taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva;

    appoġġ għar-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ ħiliet u kompetenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali bħal attivitajiet volontarji u t-trawwim tas-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika, soċjali u politika;

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONSIDERAZZJONI DOVUTA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    13.

    Jagħmlu progress lejn l-identifikazzjoni ta’ ostakli għas-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u politika, filwaqt li jikkunsidraw l-introduzzjoni possibbli ta’ miżuri biex jindirizzaw dawn l-ostakli.

    14.

    Jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-fatt li ż-żgħażagħ għandhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità b’paga ġusta u protezzjoni soċjali, li jippermetti li ż-żgħażagħ ikunu awtonomi u jkollhom ħajja sikura u dinjituża.

    15.

    Jippromwovu opportunitajiet indaqs u ugwaljanza bejn is-sessi għaż-żgħażagħ, fost l-oħrajn fl-oqsma tal-ħajja soċjali, ekonomika u politika. Jikkunsidraw li jieħdu passi biex jiżguraw li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja privata.

    16.

    Jinvestu f’miżuri ta’ prevenzjoni u intervent għat-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, speċjalment permezz tat-tfassil ta’ politika mmirata biex tipprovdi aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità u toffruiappoġġ immirat għat-titjib tal-ambjenti tal-iskejjel. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lit-tneħħija tal-ostakli għall-kisba miż-żgħażagħ tal-potenzjal sħiħ tagħhom fl-edukazzjoni.

    17.

    Jippromwovu l-ħidma fost iż-żgħażagħ, b’kont meħud tas-sejbiet tal-istudju dwar il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ (8), bħala għodda fundamentali biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw l-inizjattivi proprji tagħhom u jappoġġaw it-transizzjoni taż-żgħażagħ lejn l-età adulta.

    18.

    Jikkunsidraw li jippromwovu l-iżvilupp ta’ skemi ta’ akkomodazzjoni soċjali (9) li jikkonċentraw b’mod partikolari fuq żgħażagħ bi dħul baxx, bħal studenti u apprendisti u ż-żgħażagħ qiegħda.

    19.

    Jikkunsidraw modi kif jippromwovu l-istabbiliment ta’ skemi għaż-żgħażagħ bil-għan li jappoġġaw il-proġetti intraprenditorjali tagħhom.

    20.

    Jappoġġaw l-iżvilupp tas-servizzi ta’ informazzjoni maħsuba għaż-żgħażagħ li tista’ tgħin biex tinforma liż-żgħażagħ dwar l-aċċess tagħhom għal drittijiet.

    21.

    Jappoġġjaw l-aċċess taż-żgħażagħ għall-ħajja kulturali bil-ħsieb li tgħinhom jikkontribwixxu għall-bini ta’ soċjetà aktar koeżiva.

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, U LILL-KUMMISSJONI, FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B’KONSIDERAZZJONI DEBITA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, U FILWAQT LI JIRRISPETTAW IR-RESPONSABBILTÀ TAL-ISTATI MEMBRI FIR-RIGWARD TAL-POLITIKI DWAR IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, BIEX:

    22.

    Ikomplu jinvestu fil-promozzjoni tal-awtonomija għaż-żgħażagħ permezz tal-iżvilupp u l-appoġġ tal-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ u, fejn xieraq, permezz ta’ appoġġ u finanzjament adegwati għall-organizzazzjonijiet indipendenti taż-żgħażagħ/immexxija miż-żgħażagħ.

    23.

    Jippromwovu l-prinċipju li l-awtonomija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jitqiesu bħala aspett importanti li għandu jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp ta’ strateġiji soċjali u ekonomiċi fl-UE.

    24.

    Jappoġġaw kampanji u programmi edukattivi mmirati biex iqajmu kuxjenza dwar id-drittijiet tal-bniedem (fosthom id-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali) u dwar kif iż-żgħażagħ jistgħu jgawdu dawn id-drittijiet b’mod sħiħ, bl-użu wkoll ta’ netwerks eżistenti. Għandha ssir enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

    25.

    Jippromwovu l-użu ta’ opportunitajiet eżistenti fil-programm Erasmus+, fosthom dawk marbuta mat-taħriġ għall-għalliema u dawk li jaħdmu fost iż-żgħażagħ fuq id-drittijiet tal-bniedem (fosthom id-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali) sabiex ikunu jistgħu jaġixxu ta’ multiplikaturi fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom.

    26.

    Jiżguraw li l-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ jiġi implimentat fil-pront permezz ta’ kooperazzjoni ġenwina bejn is-setturi.

    27.

    Jużaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala strument biex jippromwovu riforma strutturali fl-Istati Membri u l-iskambju ta’ prattika tajba fost l-Istati Membri, speċjalment dwar is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħha b’rabta mat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol.

    28.

    Jistabbilixxu skambju tal-aħjar prattiki fil-qafas tal-istrutturi eżistenti biex janalizzaw u jiddiskutu s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ rigward l-awtonomija tagħhom, is-sehem tagħhom fis-soċjetà ċivili u l-ġid tagħhom u jiżviluppaw it-titjib meħtieġ fuq il-livelli kollha.

    JISTIEDEN LILL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U LILL-PARTIJIET IKKONĊERNATI BIEX:

    29.

    Jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mill-Programm Erasmus+ u jippromwovu dan il-programm sabiex iż-żgħażagħ jiġu mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, jappoġġaw l-awtonomija tagħhom u jħeġġuhom jieħdu sehem b’mod attiv fis-soċjetà.

    30.

    Jgħarrfu liż-żgħażagħ dwar l-aċċess tagħhom għal drittijiet b’mod ġenerali u b’mod aktar speċifiku fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom u jistabbilixxu inizjattivi konkreti bħal servizzi ta’ informazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet relatati mal-awtonomija tagħhom u l-aċċess tagħhom għad-drittijiet.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

    31.

    Tanalizza, fi ħdan l-istrumenti tal-qafas imġedded, is-sitwazzjoni u l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ fl-aċċess għad-drittijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ kontributi volontarji mill-Istati Membri u anki bl-involviment ta’ esperti, dawk li jfasslu l-politika, rappreżentanti taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, din l-analiżi għandha tiġi rieżaminata b’mod regolari sabiex tgħin ukoll lill-Istati Membri fl-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba.

    32.

    Issaħħaħ l-approċċ transsettorjali lejn il-politika dwar iż-żgħażagħ u tiżgura li l-Kummissjoni tikkunsidra l-aċċess taż-żgħażagħ għal drittijiet fl-iżvilupp ta’ politiki u programmi, fejn rilevanti.

    33.

    Tagħmel lin-nies iktar konxji minn kwistjonijiet marbuta mal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, inkluż l-awtonomija u l-aċċess għad-drittijiet, permezz tal-Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ.

    34.

    Tipproponi u tiżviluppa miżuri mmirati biex iħeġġu s-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, għandha titqies il-ħidma mwettqa mill-Kunsill tal-Ewropa u s-sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-“Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ”.

    35.

    Tqis il-ħidma fuq l-inklużjoni soċjali - b’enfasi fuq is-sensibilizzazzjoni, l-aċċess għad-drittijiet soċjali, u l-ġlieda kontra forom ġodda ta’ ksenofobija u diskriminazzjoni - li għaddejja fil-qafas miftiehem għas-“Sħubija bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam taż-żgħażagħ”.


    (1)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ (2014/C 183/02).

    (2)  Studju tal-EUROFOUND – “NEETs - Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u risponsi politiċi fl-Ewropa” http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1254.htm

    (3)  “Statistika deskrittiva għal persuni ta’ bejn 15 u 29 sena turi li NEET huma sostanzjalment anqas involuti fil-politika mill-bqija tal-popolazzjoni żagħżugħa” (Studju tal-EUROFOUND – “NEETs - Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: Karatteristiċi, spejjeż u tweġibiet politiċi fl-Ewropa”, p. 95) http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1254.htm

    (4)  Kondizzjoni preliminari għall-awtonomija taż-żgħażagħ timplika li ż-żgħażagħ għandhom l-appoġġ, ir-riżorsi u l-opportunitajiet meħtieġa biex jagħżlu li jgħixu b’mod indipendenti, biex imexxu ħajjithom, biex jipparteċipaw soċjalment u politikament b’mod sħiħ fis-setturi kollha tal-ħajja ta’ kuljum, u biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet indipendenti. Il-kapaċità taż-żgħażagħ li jsiru awtonomi mhijiex biss inkorporata fil-qasam tax-xogħol, iżda tkopri wkoll il-kapaċità taż-żgħażagħ li jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, jagħmlu l-għażliet tagħhom stess u jgħixu b’mod indipendenti permezz tal-għodod li għandhom biex jipparteċipaw b’mod kritiku u attiv fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika tal-komunitajiet tagħhom stess.

    (5)  Dok. 14429/14.

    (6)  Dawn il-konklużjonijiet konġunti ġew adottati mill-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Ruma li hija avveniment informali rikorrenti organizzat mill-pajjiżi tal-Grupp tal-Presidenza bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea bħala parti integrali mid-djalogu strutturat kif adottat mill-Kunsill permezz tar-Riżoluzzjoni (2009/C 311/01) dwar il-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ u r-Riżoluzzjoni (2014/C 183/01) dwar il-ħarsa ġenerali tal-proċess ta’ djalogu strutturat inkluża l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.

    (7)  http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1404.htm

    (8)  “Ħidma maż-żgħażagħ: il-valur tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-UE” (Kummissjoni Ewropea, 2014, http://ec.europa.eu/youth/library/study/youth-work-report_en.pdf).

    (9)  Soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni li jipprovdi l-gvern lokali, li jistgħu jinkrew għal ammont żgħir ta’ flus.


    Top