Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D1213(02)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Diċembru 2014 dwar in-notifika lil pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li dan jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    ĠU C 447, 13.12.2014, p. 16–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    13.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 447/16


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Diċembru 2014

    dwar in-notifika lil pajjiż terz li l-Kummissjoni tqis li dan jista’ jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

    (2014/C 447/10)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tiegħu,

    Billi:

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 (“ir-Regolament IUU”) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

    (2)

    Il-Kapitolu VI tar-Regolament IUU jistabbilixxi l-proċedura għall-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, il-proċeduri politiċi fir-rigward ta’ pajjiżi bħal dawn, l-istabbiliment ta’ lista ta’ tali pajjiżi, it-tneħħija minn dik il-lista, il-pubbliċità ta’ dik il-lista u kull miżura ta’ emerġenza.

    (3)

    Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. Din in-notifika hija ta’ natura preliminari. In-notifika għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 31 tar-Regolament IUU. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll il-proċeduri politiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-pajjiżi terzi nnotifikati. B’mod partikolari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li jsejsu identifikazzjoni bħal din, tipprovdi lil dawk il-pajjiżi bl-opportunità li jirrispondu u jipprovdu evidenza li tikkontradixxi l-identifikazzjoni u, fejn ikun xieraq, pjan ta’ azzjoni għat-titjib u l-miżuri meħudin biex titranġa s-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti żmien biżżejjed lill-pajjiżi terzi nnotifikati sabiex jirrispondu għan-notifika u żmien xieraq biex jirretifikaw is-sitwazzjoni.

    (4)

    Skont l-Artikolu 31 tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-pajjiżi terzi li hija tqis bħala pajjiżi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz għandu jkun identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax jekk jonqos milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq u jekk jonqos milli jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

    (5)

    L-identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx għandha tkun ibbażata fuq l-eżami tal-informazzjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 31(2) tar-Regolament IUU.

    (6)

    Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament IUU, il-Kunsill għandu jistabbilixxi lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx. Il-miżuri msemmijin, fost oħrajn, fl-Artikolu 38 tar-Regolament IUU japplikaw għal dawk il-pajjiżi.

    (7)

    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament IUU, l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn pajjiżi terzi li huma Stati tal-bandiera hija soġġetta għal notifika lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li għandhom jiġu ssodisfati mill-bastimenti tas-sajd tal-pajjiżi terzi.

    (8)

    Skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tikkoopera b’mod amministrattiv ma’ pajjiżi terzi f’oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

    2.   PROĊEDURA FIR-RIGWARD TA’ SAINT KITTS U NEVIS

    (9)

    Mill-21 sat-23 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni żaret Saint Kitts u Nevis fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament IUU.

    (10)

    Il-missjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ Saint Kitts u Nevis għall-implimentazzjoni, il-kontroll u l-infurzar ta’ liġijiet, regolamenti u miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni li magħhom għandhom ikunu konformi l-bastimenti tas-sajd tagħha, kif ukoll miżuri meħudin minn Saint Kitts u Nevis biex timplimenta l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Żjara oħra seħħet fit-23 u fl-24 ta’ Lulju 2014, fil-bini tar-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Saint Kitts u Nevis f’Londra, ir-Renju Unit.

    (11)

    Ir-rapport finali taż-żjara ntbagħat lil Saint Kitts u Nevis fl-20 ta’ Ġunju 2014.

    (12)

    Il-kummenti ta’ Saint Kitts u Nevis dwar dak ir-rapport finali waslu fl-14 ta’ Lulju 2014.

    (13)

    Saint Kitts u Nevis hija Parti Mhux Kontraenti li Tikkopera għall-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC) u, sal-2013, għall-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC). Saint Kitts u Nevis irratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tal-1982 u aċċettat il-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti li jippromwovi l-Konformità mal-Miżuri Internazzjonali ta’ Konservazzjoni u Ġestjoni mill-Bastimenti tas-Sajd fl-Ibħra Miftuħa (Ftehim ta’ Osservanza FAO).

    (14)

    Sabiex tevalwa l-konformità ta’ Saint Kitts u Nevis mal-obbligi internazzjonali tagħha bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq stabbiliti fil-ftehimiet internazzjonali msemmija fil-premessa (13) u stabbiliti mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs), f’dan il-każ l-NEAFC u d-WCPFC, il-Kummissjoni fittxet u analizzat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għall-fini ta’ eżerċizzju bħal dan.

    (15)

    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni maħruġa mid-dejta disponibbli ppubblikata mill-RFMOs, f’dan il-każ il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tar-Riżorsi Marittimi Ħajjin tal-Antartiku (CCAMLR) u d-WCPFC, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    3.   POSSIBBILTÀ LI SAINT KITTS U NEVIS TIĠI IDENTIFIKATA BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (16)

    Skont l-Artikolu 31(3) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni analizzat id-dmirijiet ta’ Saint Kitts u Nevis bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq. Għall-fini ta’ dak l-eżami, il-Kummissjoni qieset il-kriterji elenkati fl-Artikolu 31(4) sa (7) tar-Regolament IUU.

    3.1   Ir-rikorrenza tal-bastimenti IUU u l-flussi tal-kummerċ IUU (l-Artikolu 31(4) tar-Regolament IUU)

    (17)

    Minn informazzjoni pprovduta mill-operaturi ekonomiċi u mill-Istati kostali rilevanti, il-Kummissjoni għandha evidenza tar-reġistrazzjoni reċenti fir-Reġistru ta’ Saint Kitts u Nevis ta’ bastiment tas-sajd ta’ appoġġ li qabel kien involut fi trażbordi illegali bil-bandiera tal-Panama. It-trażbordi illegali saru bi ksur tal-liġijiet tal-Istati kostali tul il-kosta Afrikana tal-Punent matul ħames snin sal-2012. Il-bastiment ta’ appoġġ kien qed jopera f’dak il-perjodu taħt il-bandiera tal-Panama mingħajr liċenzja valida maħruġa mill-Panama għat-trasport, it-trażbord u l-appoġġ għall-attivitajiet tas-sajd. Il-bastiment wettaq trażbordi mhux awtorizzati fl-ilmijiet taż-żona ekonomika esklussiva (EEZ) tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw u rċieva ħut maqbud minn bastimenti fl-ilmijiet li għalihom ir-Repubblika tal-Liberja kienet imponiet miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni u ġestjoni b’kontravenzjoni ta’ dawn il-miżuri. L-attivitajiet IUU ta’ bastimenti ta’ appoġġ ġew investigati mill-Istat tal-bandiera kkonċernat (il-Panama) u minn wieħed mill-Istati kostali (il-Liberja). B’risposta għall-attivitajiet IUU, l-Istat tal-bandiera (il-Panama) u l-Istat kostali (il-Liberja) imponew multi fuq dak il-bastiment ta’ appoġġ fl-2012 u fl-2013 rispettivament. Konsegwentement, il-bastiment kien tneħħa mir-reġistru tal-bandiera tal-Panama u biddel ismu. Sussegwentement, dan irreġistra bil-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis fl-2014. L-operazzjonijiet IUU rikorrenti fl-imgħoddi ta’ dak il-bastiment kellhom jitqiesu minn Saint Kitts u Nevis fl-eżerċizzju tar-responsabbiltà tagħha biex tiżgura li l-bastimenti ma jkunux involuti f’sajd IUU u r-reġistrazzjoni tagħhom taħt il-bandiera tagħha ma tirriżultax f’sajd IUU.

    (18)

    Meta awtorizzat ir-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd ta’ appoġġ li qabel kien involut f’attivitajiet tas-sajd IUU li dgħajfu l-effikaċja tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ġestjoni mingħajr verifika preċedenti tal-prattiki IUU fl-imgħoddi ta’ dan il-bastiment, Saint Kitts u Nevis naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS; L-Artikolu III (1)(a) u (5)(a) tal-Ftehim ta’ Osservanza FAO; il-punti 36 u 38 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali tal-FAO biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IPOA IUU) u l-punt 18 tal-Linji gwida volontarji tal-FAO dwar il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera.

    (19)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata fil-premessi (17) u (18) u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet li saru minn Saint Kitts u Nevis, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) tar-Regolament IUU, li Saint Kitts u Nevis naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tas-sajd IUU imwettaq jew appoġġjat minn bastimenti li attwalment itajru l-bandiera tagħha u li qabel kienu involuti f’attivitajiet IUU. Dak in-nuqqas kien osservat b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ azzjonijiet biex jitwettqu verifiki fuq l-attivitajiet IUU dokumentati u rikorrenti fl-imgħoddi ta’ bastiment ta’ appoġġ. Din l-azzjoni għandha natura partikolarment gravi meta wieħed iqis il-fatt li l-bdil tal-bandiera jirrigwarda bastiment magħruf għall-attivitajiet IUU preċedenti. Skont l-Artikolu 31(4)(b) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni eżaminat ukoll il-miżuri meħuda minn Saint Kitts u Nevis fir-rigward tal-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li jkunu ġejjin minn sajd IUU lejn is-suq tagħhom.

    (20)

    L-IPOA IUU jipprovdi gwida dwar miżuri relatati mas-suq miftiehma fil-livell internazzjonali li tappoġġja t-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tal-kummerċ tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut li jkunu ġejjin minn sajd IUU. Fil-punt 71 l-IPOA IUU jissuġġerixxi wkoll li l-Istati għandhom jieħdu passi biex itejbu t-trasparenza tas-swieq tagħhom sabiex jippermettu t-traċċabbiltà tal-ħut jew tal-prodotti tal-ħut. Bl-istess mod, il-Kodiċi ta’ Kondotta għas-Sajd Responsabbli (il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO) jisħaq, b’mod partikolari fl-Artikolu 11, fuq il-prattiki tajbin għal wara l-ħsad u l-kummerċ internazzjonali responsabbli. L-Artikolu 11(1)(11) ta’ dak il-Kodiċi ta’ Kondotta jitlob lill-Istati jiżguraw li l-kummerċ internazzjonali u lokali tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd isir skont il-prattiki ta’ konservazzjoni u ġestjoni tajbin billi jtejbu l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd.

    (21)

    F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li t-traċċabbiltà tal-prodotti hija mxekkla minn nuqqas ta’ trasparenza fil-liġijiet nazzjonali u fis-sistemi ta’ reġistrazzjoni u ta’ ħruġ tal-liċenzji ta’ Saint Kitts u Nevis.

    (22)

    Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO jirrakkomanda t-trasparenza fil-liġijiet tas-sajd u fit-tħejjija tagħhom, kif ukoll għall-proċessi rispettivi ta’ tfassil ta’ politika u deċiżjonijiet u ta’ ġestjoni (l-Artikoli 6(13) u 7(1)(9) rispettivament). Dan il-kodiċi jipprovdi prinċipji u standards applikabbli għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-iżvilupp tas-sajd kollu u jkopri wkoll, fost l-oħrajn, il-qbid, l-ipproċessar u l-kummerċ tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd, l-operazzjonijiet tas-sajd u r-riċerka fil-qasam tas-sajd. Fl-Artikoli 11(2) u 11(3) tiegħu, il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO jkompli jispeċifika li l-kummerċ internazzjonali tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd ma għandux jikkomprometti l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u għandu jissejjes fuq miżuri trasparenti, kif ukoll fuq liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi trasparenti, sempliċi u komprensivi.

    (23)

    Matul iż-żjara tagħha, il-Kummissjoni stabbilixxiet li Saint Kitts u Nevis mhijiex f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni dwar liema speċijiet inqabdu mill-flotta tas-sajd tal-ibħra miftuħa ta’ Saint Kitts u Nevis u x’kienu l-flussi tal-kummerċ tal-prodotti maqbuda. Il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-informazzjoni miksuba permezz taż-żjara tagħha, li Saint Kitts u Nevis ma kinitx f’pożizzjoni li tiggarantixxi t-trasparenza tas-swieq tagħha biex tippermetti t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tal-ħut kif stabbilit fil-punt 71 tal-IPOA IUU.

    (24)

    Barra minn hekk, ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd iddefiniti fl-Att dwar is-Sajd ta’ St. Christopher u Nevis tal-2002 (applikabbli biss fl-ibħra ġuriżdizzjonali ta’ Saint Kitts u Nevis, l-“Att dwar is-Sajd tal-2002”) u l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili ta’ Saint Christopher u Nevis tal-2002 (applikabbli biss għall-flotta tal-ibħra miftuħa ta’ Saint Kitts u Nevis, l-“Att dwar is-Sajd tal-2002”) ma jinkludux obbligi ta’ rappurtar kif previst fil-punt 47(2) tal-IPOA IUU u l-punt 29(c)(iv) u fl-Anness I tal-Linji Gwida tal-FAO għall-Prestazzjoni ta’ Stat tal-Bandiera. L-awtoritajiet iddikjaraw li huma kienu introduċew ukoll dispożizzjonijiet legali speċifiċi dwar ir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Saint Kitts u Nevis sabiex jirregolaw l-operazzjonijiet tal-bastimenti (Ċirkulari Marittima Nru MC/58/13 ta’ Diċembru 2013). Madankollu, dik iċ-Ċirkulari ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tagħti s-setgħa lir-Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti ta’ Saint Kitts u Nevis li jadotta atti vinkolanti fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar tal-bastimenti. Dan in-nuqqas ta’ dejta minn Saint Kitts u Nevis ma jippermettilhiex li ssegwi sew it-traċċabbiltà tal-prodotti tal-ħut u jimmina l-kapaċità tagħha li tipprevjeni l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd IUU. Minħabba n-nuqqas ċert ta’ traċċabbiltà u n-nuqqas ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ Saint Kitts u Nevis dwar il-ħut li nħatt l-art jew ġie trażbordat minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha, Saint Kitts u Nevis ma tistax tiżgura li l-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd imwettaq f’dan il-pajjiż ma jkunx joriġina minn sajd IUU. F’dak ir-rigward, Saint Kitts u Nevis naqset li tqis ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 24 tal-IPOA IUU li jagħti parir lill-Istati tal-bandiera biex jiżguraw il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza komprensivi u effikaċi tas-sajd, mill-punt tal-ħatt l-art sad-destinazzjoni finali.

    (25)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġburin mill-Kummissjoni, kif ukoll l-istqarrijiet magħmula minn Saint Kitts u Nevis, seta’ jiġi stabbilit li, skont l-Artikolu 31(3) u 31(4)(a) u (b) tar-Regolament IUU, Saint Kitts u Nevis naqset milli taqbdi l-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera u tas-suq biex tipprevjeni l-aċċess ta’ prodotti tas-sajd li ġejjin mis-sajd IUU lejn is-suq tagħha.

    3.2   Nuqqas ta’ kooperazzjoni u infurzar (l-Artikolu 31(5) tar-Regolament IUU)

    (26)

    Il-Kummissjoni analizzat jekk l-awtoritajiet ta’ Saint Kitts u Nevis ikkooperawx b’mod effikaċi mal-Kummissjoni, billi pprovdew tweġiba għat-talbiet li saru mill-Kummissjoni biex jiġi investigat is-sajd IUU u l-attivitajiet assoċjati miegħu u biex ikun hemm rispons jew segwitu tiegħu.

    (27)

    Filwaqt li l-awtoritajiet tas-sajd ta’ Saint Kitts u Nevis kienu ġeneralment kooperattivi biex iwieġbu u jipprovdu rispons għat-talbiet għall-informazzjoni, l-affidabbiltà u l-korrettezza tat-tweġibiet tagħhom kienu ġew imminati u kompromessi min-nuqqas ta’ qafas legali u trasparenza fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sajd tagħha kif stabbilit fit-Taqsima 3(1).

    (28)

    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali ta’ kemm Saint Kitts u Nevis issodisfat l-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk Saint Kitts u Nevis ikkooperatx ma’ Stati oħra fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (29)

    Mill-informazzjoni miksuba matul iż-żjarat u mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kostali, il-Kummissjoni stabbilixxiet li fl-ibħra tal-Afrika tal-Punent qed joperaw bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis. L-awtoritajiet ta’ Saint Kitts u Nevis irrikonoxxew li l-gvern tagħhom ma kkooperax formalment mal-pajjiżi terzi fejn operaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis.

    (30)

    Is-sitwazzjoni deskritta fil-premessa (29) tindika li Saint Kitts u Nevis naqset milli tikkoopera u tikkoordina l-attivitajiet mal-Istati kostali fl-ibħra tal-Afrika tal-Punent biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU kif stabbilit fil-punt 28 tal-IPOA IUU. B’mod partikolari, kif stabbilit fil-punt 31 tal-IPOA IUU, Saint Kitts u Nevis bħala Stat tal-bandiera għandha tikkonkludi ftehimiet jew arranġamenti ma’ Stati oħra u tikkoopera għall-infurzar tal-liġijiet applikabbli u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni jew id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell nazzjonali, reġjonali jew globali.

    (31)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk Saint Kitts u Nevis ħaditx miżuri effikaċi ta’ infurzar fir-rigward tal-operaturi responsabbli għas-sajd IUU u jekk kinux applikati sanzjonijiet ta’ severità suffiċjenti li jċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li joħorġu mis-sajd IUU.

    (32)

    L-evidenza disponibbli tikkonferma li Saint Kitts u Nevis ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tal-miżuri effikaċi ta’ infurzar. F’dan ir-rigward, il-qafas legali huwa bbażat fuq l-Att dwar is-Sajd tal-2002 (fir-rigward tas-sajd fl-ibħra ġuriżdizzjonali ta’ Saint Kitts u Nevis) u fuq l-Att dwar il-Bastimenti tal-2002 (fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis li jimmiraw lejn is-sajd fl-ibħra miftuħa). Ta’ min jinnota li f’ittra li ntbagħtet lill-FAO f’Ġunju 2013, Saint Kitts u Nevis irrikonoxxiet li s-sistema legali tas-sajd attwali tagħha kienet “mhux totalment kompatibbli” mal-liġi internazzjonali.

    (33)

    Il-qafas legali għall-ibħra ġuriżdizzjonali ta’ Saint Kitts u Nevis ma jikkonformax mar-rekwiżiti bażiċi fl-Artikoli 61, 62 u 117 sa 119 tal-UNCLOS. Ma hemm l-ebda strateġija nazzjonali dwar il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-flotta tas-sajd u l-ebda spezzjoni u lanqas skema tal-osservaturi. Barra minn hekk, il-qafas legali ta’ Saint Kitts u Nevis ma jindirizzax l-attivitajiet tas-sajd IUU. F’dan ir-rigward, il-qafas legali attwali ma fihx definizzjoni ta’ ksur serju u lista komprensiva ta’ reati serji indirizzati b’sanzjonijiet severi proporzjonati. Għalhekk, is-sistema tas-sanzjonijiet fil-forma attwali tagħha mhijiex komprensiva u severa biżżejjed biex twettaq il-funzjoni tagħha ta’ deterrent. Tabilħaqq, l-indirizzar ta’ ksur u ksur serju mhuwiex adegwat biex jiżgura l-konformità, biex jiskoraġġixxi l-ksur tal-liġi kull fejn dan iseħħ u biex iċaħħad lit-trasgressuri mill-benefiċċji li joħorġu mill-attivitaijet illegali tagħhom, kif mitlub fil-punt 21 tal-FAO IPOA u fil-punt 38 tal-Linji Gwida tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istati tal-bandiera.

    (34)

    Ta’ min jinnota li bħala Stat tal-bandiera, Saint Kitts u Nevis ma għandhiex qafas legali fil-qasam tal-ġestjoni, il-konservazzjoni u l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza li jippermetti r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra miftuħa jew fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. Il-flotta tas-sajd fiż-żona NEAFC biss topera skont dawk ir-regoli tal-RFMOs u tissodisfa r-rekwiżiti fiż-żona minkejja l-fatt li ma hemm fis-seħħ l-ebda qafas legali speċifiku ta’ Saint Kitts u Nevis. Saint Kitts u Nevis irrikonoxxiet li dan in-nuqqas ta’ qafas legali jikser l-UNCLOS u l-IPOA IUU fir-rigward tar-responsabilitajiet tal-Istat tal-bandiera kif ukoll il-Linji Gwida tal-FAO dwar il-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera.

    (35)

    Barra dan, fir-rigward tal-konformità u l-infurzar tar-regoli eżistenti għall-attivitajiet tas-sajd imwettqa fl-ibħra miftuħa u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif deskritt fil-premessa (33), Saint Kitts u Nevis ma għandha l-ebda leġiżlazzjoni speċifika biex tindirizza l-attivitajiet tas-sajd IUU. Ma hemm l-ebda definizzjoni espliċita tal-attivitajiet IUU u mhumiex previsti miżuri amministrattivi ta’ akkumpanjament. L-unika miżura meħuda hija t-tneħħija mir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd. Madankollu, azzjoni bħal din ma timplikax li jsiru investigazzjonijiet tal-attivitajiet illegali tas-sajd imwettqa mill-bastimenti jew li jkunu imposti sanzjonijiet għall-ksur stabbilit. Tabilħaqq, it-tneħħija ta’ bastiment tas-sajd mir-reġistru ma tiżgurax li dawk responsabbli mill-ksur ikunu ssanzjonati għall-azzjonijiet tagħhom u jkunu mċaħħdin mill-benefiċċji li joħorġu mill-azzjonijiet tagħhom. Dan huwa saħansitra aktar importanti għall-każ ta’ Saint Kitts u Nevis li, kif spjegat fil-premessa (45), iżżomm Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti li jinsab barra minn Saint Kitts u Nevis u li ma jiżgurax li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis għandhom rabta ġenwina mal-pajjiż kif mitlub fl-Artikolu 91 tal-UNCLOS. Il-Kummissjoni stabbilixxiet matul iż-żjarat tagħha li d-diversi aġenziji ta’ Saint Kitts u Nevis ma jikkoordinawx lilhom infushom waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni tal-bastimenti u fl-istess waqt ma jikkooperawx ma’ Stati tal-bandiera preċedenti fir-rigward tal-istatus tal-bastimenti li jridu jiġu rreġistrati sabiex jiġi evitat “flag hopping” (bdil frekwenti tal-bandiera) kif rakkomandat fil-punt 16(e) tal-Linji Gwida tal-FAO għall-Prestazzjoni tal-Istat tal-Bandiera. Id-deċiżjoni amministrattiva sempliċi li bastiment tas-sajd jitneħħa mir-reġistru mingħajr ma tkun żgurata l-possibbiltà li jkunu imposti pieni oħra hija att li ma jiżgurax effetti ta’ deterrent. Tali azzjoni wkoll ma tiżgurax kontroll mill-Istat tal-bandiera fuq il-bastimenti tas-sajd kif meħtieġ skont l-Artikolu 94 tal-UNCLOS. Barra dan, il-prestazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis fir-rigward tal-konformità u l-infurzar mhijiex skont il-punt 18 tal-IPOA IUU li jistipula li fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS, kull Stat għandu jieħu miżuri jew jikkoopera biex jiżgura li ċ-ċittadini soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jappoġġjawx jew jieħdu sehem f’sajd IUU. Il-prestazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis f’dan ir-rigward ukoll mhijiex skont ir-rakkomandazzjonijiet fil-punt 21 tal-IPOA IUU li jagħti parir lill-Istati biex jiżguraw li s-sanzjonijiet għas-sajd IUU mill-bastimenti u, sakemm ikun l-aktar possibbli, miċ-ċittadini taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom, ikunu ta’ severità suffiċjenti biex b’mod effikaċi jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd IUU u jċaħħdu lit-trasgressuri mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-attivitajiet illegali tagħhom. Barra minn hekk, dik il-prattika amministrattiva, li tista’ tattira lill-operaturi IUU għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti IUU, mhijiex konformi mal-Artikolu 94 tal-UNCLOS.

    (36)

    Bl-istess mod, fir-rigward tal-istorja, in-natura, iċ-ċirkostanzi, id-daqs u l-gravità tal-manifestazzjonijiet tas-sajd IUU kkunsidrati, il-possibbiltà li jiġu vvalutati dawk l-aspetti hija kkompromessa min-nuqqas deskritt ta’ qafas legali u min-nuqqas ta’ ċarezza u trasparenza. Minħabba dawn in-nuqqasijiet, ma tistax tiġi stabbilita, b’mod affidabbli, id-dimensjoni potenzjali tal-attivitajiet relatati mas-sajd IUU. Madankollu, huwa fatt rikonoxxut li n-nuqqas ta’ trasparenza flimkien mal-fatt li huwa impossibbli li jsiru kontrolli effettivi, jinkoraġġixxi l-imġiba illegali.

    (37)

    Fir-rigward tal-kapaċità eżistenti ta’ Saint Kitts u Nevis, ta’ min jinnota li, skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (2), Saint Kitts u Nevis titqies bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem (it-72 minn 187 pajjiż). Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) Saint Kitts u Nevis hija elenkata fil-kategorija ta’ Pajjiżi u Territorji bi Dħul Medju-Għoli, skont il-benefiċjarji tal-għajnuna tal-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-1 ta’ Jannar 2013 (4). Meta titqies il-pożizzjoni tagħha, mhijiex meħtieġa analiżi tal-kapaċità finanzjarja u amministrattiva eżistenti ta’ Saint Kitts u Nevis. Ir-raġuni hija li l-livell ta’ żvilupp ta’ Saint Kitts u Nevis, kif muri f’din il-premessa, ma jistax jitqies bħala fattur li jimmina l-kapaċità tagħha li tikkoopera ma’ pajjiżi oħra u li ssegwi azzjonijiet ta’ infurzar.

    (38)

    Minkejja l-analiżi fil-premessa (37), ta’ min jinnota wkoll li, abbażi tal-informazzjoni miksuba miż-żjarat tal-Kummissjoni f’Mejju u f’Lulju 2014, ma jistax jitqies li Saint Kitts u Nevis hija nieqsa mir-riżorsi finanzjarji. Pjuttost hija nieqsa mis-setgħa u mill-ambjent legali u amministrattivi meħtieġa biex tiġi żgurata l-prestazzjoni effiċjenti u effikaċi tad-dmirijiet tagħha.

    (39)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima tad-Deċiżjoni u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u 31(5) tar-Regolament IUU, li Saint Kitts u Nevis naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera fir-rigward tal-isforzi ta’ kooperazzjoni u infurzar.

    3.3   Nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-regoli internazzjonali (l-Artikolu 31(6) tar-Regolament IUU)

    (40)

    Saint Kitts u Nevis irratifikat l-UNCLOS u l-Ftehim ta’ Osservanza FAO. Saint Kitts u Nevis hija parti mhux kontraenti li tikkoopera għall-NEAFC u, sal-2013, għad-WCPFC.

    (41)

    Il-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni kollha li qieset rilevanti fir-rigward tal-istatus ta’ Saint Kitts u Nevis bħala parti mhux kontraenti li tikkoopera għall-NEAFC.

    (42)

    Bħala Parti mhux kontraenti li tikkoopera għall-NEAFC, Saint Kitts u Nevis trid tikkonforma mal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni tal-NEAFC). Il-Konvenzjoni tal-NEAFC u d-Dikjarazzjoni tal-2013 dwar l-Interpretazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, jirrikonoxxu, fost testi internazzjonali oħra, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut (UNFSA) (5). F’dan ir-rigward, Saint Kitts u Nevis għandha tikkonforma mal-UNFSA. Madankollu, il-fatti deskritti fil-premessi (17)(18)(23)(24), (29) sa (36) u (43)-(44) juru li Saint Kitts u Nevis ma ssodisfatx l-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera fir-rigward ta’ dan il-ftehim. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkostitwixxu evidenza ta’ appoġġ li d-Deċiżjoni attwali hija ġġustifikata.

    (43)

    Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll, fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba permezz taż-żjarat fl-2014 u mill-Istati kostali involuti, li l-flotta ta’ Saint Kitts u Nevis qed tistad għat-tonn u għal speċijiet simili għat-tonn fl-ilmijiet ġuriżdizzjonali tal-Istati kostali tal-Afrika tal-Punent. B’hekk l-Istat tal-bandiera, Saint Kitts u Nevis, għandu jikkoopera mal-RFMO kompetenti f’dik iż-żona u għal dik l-ispeċi, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Madankollu, Saint Kitts u Nevis la hija parti kontraenti u lanqas parti mhux kontraenti li tikkoopera mill-ICCAT. Bħala Stat tal-bandiera Saint Kitts u Nevis mhux qed tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 64 tal-UNCLOS għal Stati oħra li ċ-ċittadini tagħhom jistadu f’żoni li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stati kostali.

    (44)

    Saint Kitts u Nevis la hija parti kontraenti u lanqas parti mhux kontraenti li tikkoopera għas-CCAMLR. Fl-“Implimentazzjoni ta’ Miżura ta’ Konservazzjoni 10-05” (6), is-Segretarjat tas-CCAMLR enfasizza li, mill-24 ta’ Settembru 2013, Saint Kitts u Nevis kienet ġiet identifikata matul l-aħħar ħames snin bħala possibbilment involuta fil-ħsad u/jew fil-kummerċ ta’ dissostichus spp. filwaqt li ma tikkooperax mas-CCAMLR billi tipparteċipa fl-Iskema ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid. Billi ma kkooperatx f’dan ir-rigward mas-CCAMLR, Saint Kitts u Nevis naqset milli tħares l-obbligi tagħha bħala Stat tal-bandiera, kif stabbilit fl-Artikolu 119(2) tal-UNCLOS.

    (45)

    Barra minn hekk, kif ġie żvelat matul iż-żjara mwettqa mill-Kummissjoni f’Saint Kitts u Nevis, dan il-pajjiż iżomm Reġistru Internazzjonali tal-Bastimenti responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti li jinsab barra minn Saint Kitts u Nevis. Il-livell baxx ta’ kontroll mill-awtoritajiet ta’ Saint Kitts u Nevis għall-proċess ta’ reġistrazzjoni u n-nuqqas ta’ rekwiżiti rilevanti bħal dawk stabbiliti fil-punt 14 tal-Linji Gwida tal-FAO għall-Prestazzjoni ta’ Stat tal-Bandiera, ma jiżgurawx li l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Saint Kitts u Nevis għandhom rabta ġenwina mal-pajjiż. In-nuqqas ta’ rabta ġenwina bħal din bejn l-Istat u l-bastimenti li jkunu rreġistrati fir-reġistru tiegħu huwa ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti għan-nazzjonalità ta’ vapuri skont l-Artikolu 91 tal-UNCLOS.

    (46)

    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet fil-punti 25, 26 u 27 tal-IPOA IUU, Saint Kitts u Nevis ma żviluppatx pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra s-sajd IUU.

    (47)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(3) u (6) tar-Regolament IUU, li Saint Kitts u Nevis naqset milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tar-regoli, ir-regolamenti u l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni internazzjonali.

    3.4.   Limitazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

    (48)

    Ta’ min ifakkar li, skont l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (7), Saint Kitts u Nevis titqies bħala pajjiż bi żvilupp għoli tal-bniedem. (it-72 minn 187 pajjiż). Ta’ min ifakkar ukoll li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, Saint Kitts u Nevis hija elenkata fil-kategorija ta’ Pajiiżi u Territorji bi Dħul Medju-Għoli.

    (49)

    Meta titqies dik il-gradazzjoni, Saint Kitts u Nevis ma tistax titqies bħala pajjiż li għandu limitazzjonijiet speċifiċi li ġejjin direttament mil-livell ta’ żvilupp tagħha. Ma setgħet tiġi stabbilita ebda evidenza korroborattiva li tissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ Saint Kitts u Nevis milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali, huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ żvilupp. Bl-istess mod, ma teżisti ebda evidenza konkreta li tikkorrelata n-nuqqasijiet żvelati fir-rigward tal-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd man-nuqqas ta’ kapaċitajiet u infrastruttura. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-awtoritajiet ta’ Saint Kitts u Nevis ma rrevokaw ebda argument dwar il-limitazzjonijiet tal-iżvilupp u argumentaw li l-amministrazzjoni tagħhom għandha livell ta’ effiċjenza ġeneralment tajjeb.

    (50)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni spjegata f’din it-Taqsima u abbażi tal-elementi fattwali kollha miġbura mill-Kummissjoni, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet kollha magħmula mill-pajjiż, seta’ jiġi stabbilit, skont l-Artikolu 31(7) tar-Regolament IUU, li l-istatus ta’ żvilupp u l-prestazzjoni globali ta’ Saint Kitts u Nevis fir-rigward tas-sajd mhumiex imdgħajfin mil-livell ta’ żvilupp tagħha.

    4.   KONKLUŻJONI DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ IDENTIFIKAZZJONI BĦALA PAJJIŻ TERZ LI MA JIKKOOPERAX

    (51)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet li ntlaħqu fir-rigward tan-nuqqas ta’ Saint Kitts u Nevis milli taqdi d-dmirijiet tagħha skont id-dritt internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, tal-kosta jew tas-suq u biex tieħu azzjoni biex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, dak il-pajjiż għandu jiġi nnotifikat, skont l-Artikolu 32 tar-Regolament IUU, bil-possibbiltà li jiġi identifikat mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

    (52)

    Skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lil Saint Kitts u Nevis bil-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax. Il-Kummissjoni għandha tieħu wkoll il-proċeduri politiċi kollha stabbiliti fl-Artikolu 32 tar-Regolament IUU fir-rigward ta’ Saint Kitts u Nevis. Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandu jiġi stabbilit perjodu li fih dak il-pajjiż jista’ jwieġeb bil-miktub għan-notifika u jirrettifika s-sitwazzjoni.

    (53)

    Barra minn hekk, in-notifika ta’ Saint Kitts u Nevis dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż li l-Kummissjoni tqis li ma jikkooperax għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ma teskludi u ma timplika awtomatikament l-ebda pass sussegwenti meħud mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi li ma jikkooperawx.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Saint Kitts u Nevis għandha tiġi nnotifikata bil-possibbiltà li tiġi identifikata mill-Kummissjoni bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Karmenu VELLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

    (2)  Informazzjoni miksuba mis-sit elettroniku: http://hdr.undp.org/en/statistics

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

    (4)  Il-Lista tal-benefiċjarji tal-ODA tad-DAC (http://www.oecd.org/dac/stats/daclistofodarecipients.htm)

    (5)  Ara l-Preambolu tad-Dikjarazzjoni dwar l-Interpretazzjoni u l-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, kif miġjub minn http://www.dgrm.min-agricultura.pt/xeo/attachfileu.jsp?look_parentBoui=248939&att_display=n&att_download=y

    (6)  CCAMLR-XXXII/BG/08.24 ta’ Settembru 2013.

    (7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


    Top