Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(08)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 67–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/67


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

    (2014/C 442/08)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EACEA”), li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/336/KE (1). Il-kompitu tal-Aġenzija huwa l-ġestjoni ta' programmi li jiġu deċiżi mill-Kummissjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura, inkluż it-twettiq tal-implimentazzjoni dettaljata ta’ proġetti tekniċi (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kumment li ġej ma jixħitx dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    11.

    Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f’livell ta’ 97 % kemm għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) kif ukoll għat-Titolu II (nefqa amministrattiva). Għalkemm ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu relattivament għoljin għat-Titolu II f’livell ta’ 25 %, dawn kienu prinċipalment relatati ma’ servizzi u tagħmir tal-IT ordnati u parzjalment riċevuti fl-2013 li għalihom ma kinux inħarġu fatturi fi tmiem is-sena, kif ukoll għan-natura pluriennali tal-attivitajiet tal-Aġenzija (analiżijiet tal-proġetti minn esperti u awditi tal-proġetti).

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    12.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 101, 21.4.2009, p. 26.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 62 u 68 flimkien mal-Artikoli 53 u 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 162 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2012

    Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien għoli f’livell ta’ 99 % kemm għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) kif ukoll għat-Titolu II (nefqa amministrattiva). Għalkemm ir-riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu relattivament għoljin għat-Titolu II f’livell ta’ 28 %, dawn kienu prinċipalment relatati ma’ servizzi riċevuti fl-2012 li għalihom ma kinux inħarġu fatturi fi tmiem is-sena (spejjeż ta’ bini u konsulenza fl-IT) u n-natura pluriennali tal-attivitajiet (analiżijiet tal-proġetti minn esperti u awditi tal-proġetti).

    M/A


    ANNESS II

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (Brussell)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikoli 165(1), 166(1), 167(1) u 173(1) tat-TFUE)

    Ġbir ta’ informazzjoni

    L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità.

    L-Unjoni Ewropea għandha timplimenta politika ta’ formazzjoni vokazzjonali.

    L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri.

    L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni.

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/336/KE, kif emendata bid-Deċiżjoni 2012/797/UE; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3355 kif emendata bid-Deċiżjoni C(2012) 9475 finali)

    Għanijiet

    Fil-qafas tal-politiki tal-edukazzjoni, il-kultura u l-industrija ttieħdu diversi miżuri sabiex jiġu promossi l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, l-awdjoviżiv, il-kultura, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva fl-Unjoni Ewropea. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn il-miżuri huma sabiex isaħħu l-koeżjoni soċjali u sabiex jikkontribwixxu lejn il-kompetittività, lejn it-tkabbir ekonomiku u lejn unjoni dejjem aktar mill-qrib fost il-popli tal-Ewropa.

    Dawn il-miżuri jinkludu varjetà ta’ programmi.

    L-Aġenzija hija responsabbli mill-ġestjoni ta’ ċerti sezzjonijiet ta’ dawn il-programmi – eż. Tagħlim Tul il-ħajja, Kultura, Żgħażagħ fl-Azzjoni, L-Ewropa għaċ-Ċittadini, MEDIA, Erasmus Mundus, MEDIA Mundus u Tempus. F’dan ir-rigward, hija timplimenta l-għajnuna tal-Unjoni, ħlief għall-kompiti li jeħtieġu setgħat diskrezzjonali fit-twettiq tal-għażliet politiċi.

    Kompiti

    Li timmaniġġja, matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom, il-proġetti li jimplimentaw il-programmi tal-Unjoni li jiġu fdati lilha u li twettaq il-kontrolli neċessarji għal dan l-effett, billi tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan,

    li tadotta l-istrumenti tal-implimentazzjoni tal-baġit għad-dħul u l-infiq u li twettaq, fejn il-Kummissjoni tkun tatha s-setgħa li tagħmel dan, l-operazzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni tal-programmi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti ta’ sussidji u kuntratti,

    li tiġbor, tanalizza u titrasferixxi lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ bħala gwida għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni,

    li timplimenta, fil-livell tal-UE, in-netwerk ta’ tagħrif dwar l-edukazzjoni fl-Ewropa (Eurydice) u attivitajiet intenzjonati li jtejbu l-fehim u l-għarfien tal-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-ġabra, l-analiżi u t-tixrid ta’ informazzjoni u l-produzzjoni ta’ studji u pubblikazzjonijiet.

    Governanza

    Kumitat ta’ Ġestjoni

    Kompożizzjoni

    Magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea.

    Kompiti

    Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, huwa jadotta l-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

    Direttur

    Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern.

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

    Baġit

    Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija għall-2013 kien EUR 51 (50) miljun (100 % ffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea).

    L-Aġenzija mmaniġġjat EUR 850 (728) miljun relatati mal-programmi u l-proġetti ddelegati mill-Kummissjoni lill-Aġenzija Eżekuttiva.

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

    Persunal temporanju: 105 (103) post għal persunal temporanju fit-tabella tal-persunal Postijiet okkupati 99 (99)

    Persunal kuntrattwali: 348 (335) post għal persunal kuntrattwali Postijiet okkupati 336 (329)

    Total tal-persunal: 435 (428) post okkupati minn persunal li jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    Operazzjonali: 352 Amministrattivi: 83

    Prodotti u servizzi fl-2013 (2012)

    Komunikazzjoni

    Parteċipazzjoni f’19-il jum Info organizzati minn Aġenziji/Strutturi Nazzjonali u bosta sessjonijiet oħra ta’ informazzjoni fi Brussell, aġġornament tad-database EVE (1) bir-riżultati tal-proġetti, organizzazzjoni ta’ avvenimenti f’kooperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali (DĠ) prinċipali.

    Ġew organizzati laqgħat tal-bidu (kick-off) fi Brussell għall-koordinaturi u s-sħab tal-proġetti ġodda.

    Laqgħat ta’ gruppi madwar tema u laqgħat mal-koordinaturi tal-proġetti saru f’postijiet differenti.

    Għażliet

    Ġew ippubblikati 28 sejħa għal proposti kif ukoll sejħa waħda għall-offerti.

    Ġew ippubblikati l-iskedi informattivi (jew deskrizzjonijiet) dettaljati korrispondenti ta’ proposti magħżula (kompendji) fuq il-websajt tal-Aġenzija.

    Ġestjoni ta’ bejn wieħed u ieħor 15  000 proposta riċevuti.

    Għażla ta’ bejn wieħed u ieħor 4  000 proġett u 4  308 Erasmus University Charters for Higher Education (Karti Universitarji dwar l-Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja).

    Żjarat ta’ monitoraġġ

    Ġew organizzati aktar minn 310 missjonijiet ta' monitoraġġ (fuq il-post jew fi Brussell) ma’ parteċipanti tal-proġetti għall-monitoraġġ ta' 310 proġetti.

    Miżuri ta’ simplifikazzjoni

    L-użu ta’ formoli elettroniċi ġie estiż biex ikopri aktar azzjonijiet, jiġifieri 91 % tal-applikazzjonijiet kollha.

    L-ikkuntrattar simplifikat ġie estiż (deċiżjonijiet minflok ftehimiet ta’ għotjiet) għal xi azzjonijiet.

    Il-metodu ta’ kalkolu tas-somma sħiħa ġie rfinat u applikat għal aktar azzjonijiet.

    Sar użu akbar mis-sessjonijiet ta’ informazzjoni remoti mogħtija minn esperti u minn evalwazzjoni remota tal-proġetti għall-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet.

    Tfasslu ċertifikati tal-awditjar biex ir-rappurtar finanzjarju jiġi ssimplifikat u dawn se jibdew jintużaw gradwalment.

    Ġie ffinalizzat pakkett ta’ informazzjoni finanzjarja għat-titjib tal-gwida għall-benefiċjarji u dan sar disponibbli.

    Kooperazzjoni mad-Direttorati Ġenerali (DĠ) prinċipali

    Organizzazzjoni ta’ erba’ laqgħat tal-Kumitat ta’ Ġestjoni.

    Laqgħat perjodiċi ta’ koordinazzjoni dwar il-programmi delegati mad-Diretturi Operazzjonali tad-DĠ prinċipali (tliet laqgħat kull sena).

    Assistenza lid-DĠ prinċipali fit-tħejjija tal-ġenerazzjoni ta' programmi li jmiss.

    Għoti ta' informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' programmi lill-Kummissjoni fuq talba.

    Implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni wara t-tieni evalwazzjoni interim tal-Aġenzija.

    Kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ prinċipali fit-tħejjija tal-programmi l-ġodda għall-2014-2020.

    Appoġġ tal-politika

    Ġestjoni kontinwa tan-netwerk Eurydice għall-appoġġ tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni; din ġiet estiża wkoll għall-qasam taż-żgħażagħ.

    Bosta rapporti prodotti mill-unità Eurydice.

    Awditi

    Qed jiġu implimentati 114-il awditu taħt il-pjan tal-awditu 2012. Hemm skedati 114-il awditu ġdid taħt il-pjan tal-awditu 2013.

    Kuntratti u proġetti:

    Ġew iffirmati 5  492 kuntratt, ingħalqu 4  969 proġett.

    Mandat

    Il-mandat tal-Aġenzija ġie estiż fl-2013. L-estensjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru.


    (1)  Pjattaforma elettronika għat-tixrid u l-esplojtazzjoni ta’ riżultati ta’ proġetti appoġġati minn programmi mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, iż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


    IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

    11:

    L-Aġenzija tieħu nota tal-kummenti tal-Qorti. Meta mqabbel mas-sena l-oħra, il-livell ta’ approprjazzjonijiet riportati tnaqqas. L-Aġenzija se tkompli bl-isforzi stabbiliti tagħha biex tikkontrolla u tkompli tnaqqas ir-rata tar-riport.


    Top