EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(30)

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni

ĠU C 442, 10.12.2014, p. 260–266 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/260


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Fondazzjoni

(2014/C 442/30)

INTRODUZZJONI

1.

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (minn hawn ’il quddiem “il-Fondazzjoni”, magħrufa wkoll bħala l-“ETF”), li tinsab f’Turin, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 (1) (tfassil tar-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2)). Il-kompitu tal-Fondazzjoni huwa li tappoġġa r-riforma tat-taħriġ vokazzjonali fil-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-mod, hija tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ diversi programmi (eż. IPA, FRAME, GEMM) (3).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Fondazzjoni. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (6):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fondazzjoni fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (8) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI OĦRA

11.

Fi tmiem l-2013, il-Fondazzjoni kellha EUR 7,5 miljun f'kontijiet f'bank wieħed bi klassifikazzjoni tal-kreditu baxxa (F3, BBB).

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

12.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82).

(3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(6)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(8)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Fl-2012 il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 99,9 %, li jindika li l-impenji saru b’mod f’waqtu. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2013 kien għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) b’ammont ta’ EUR 0,6 miljun (36,8 %). Ir-raġunijiet prinċipali kienu l-wasla tardiva ta’ fatturi għal servizzi relatati mal-bini li ngħataw fl-2012 (EUR 0,3 miljun) u għadd ta’ xirjiet ta’ hardwer u softwer tal-IT ordnati kif ippjanat matul l-aħħar xhur tal-2012 (EUR 0,3 miljun) iżda li ma twasslux qabel l-2013.

M/A


ANNESS II

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (Turin)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 166(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

“L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-formazzjoni vokazzjonali.”

Kompetenzi tal-Fondazzjoni

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90)

Għan

Li tikkontribwixxi, fil-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE, sabiex ittejjeb l-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi li ġejjin: il-pajjiżi eliġibbli għall-appoġġ taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u taħt atti legali u relatati sussegwenti; pajjiżi oħra nominati bid-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija fuq il-bażi ta' proposta appoġġata minn żewġ terzi tal-membri tiegħu u opinjoni tal-Kummissjoni, u koperti minn strument tal-Unjoni jew ftehim internazzjonali li jinkludi element ta' żvilupp tal-kapital uman, u sa fejn jippermettu r-riżorsi disponibbli.

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, “l-iżvilupp tal-kapital uman” għandu jkun definit bħala ħidma li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwu permezz tat-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

Kompiti

Għall-fini li jinkiseb l-għan, il-Fondazzjoni, fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-Bord tat-Tmexxija u filwaqt li ssegwi l-linji gwida ġenerali stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, għandha jkollha l-funzjonijiet li ġejjin:

li tagħti informazzjoni, analiżijiet tal-politika u parir dwar kwistjonijiet ta’ żvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

li tippromwovi l-konoxxenza u l-analiżi ta’ ħtiġijiet ta' kompetenzi fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u lokali;

li tappoġġa lill-partijiet interessati rilevanti fil-pajjiżi msieħba fil-bini tal-kapaċità fl-iżvilupp tal-kapital uman;

li tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza fost id-donaturi involuti fir-riforma tal-iżvilupp tal-kapital uman fil-pajjiżi msieħba;

li tappoġġa t-twassil tal-assistenza mill-Unjoni lill-pajjiżi msieħba fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapital uman;

li xxerred informazzjoni u tħeġġeg in-netwerking u l-iskambju ta' esperjenza u ta’ prassi tajba bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba u fost il-pajjiżi msieħba fi kwistjonijiet tal-iżvilupp tal-kapital uman;

li tikkontribwixxi, fuq talba tal-Kummissjoni, lejn l-analiżi tal-effikaċja globali tal-assistenza f'taħriġ lill-pajjiżi msieħba;

li twettaq tali kompiti oħra skont kif jiġi miftiehem bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas ġenerali ta’ dan ir-Regolament.

Governanza

Bord tat-Tmexxija

Rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru.

Tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Tliet esperti li ma jivvutawx maħtura mill-Parlament Ewropew.

Addizzjonalment, tliet rappreżentanti tal-pajjiżi msieħba jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi.

Direttur

Maħtur mill-Bord tat-Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Fondazzjoni fl-2013 (2012)

Baġit

EUR 22,0 (20,1) miljun għal impenji u EUR 22,0 (20,1) miljun għal pagamenti, li minnhom EUR 19,9 miljun kienu ffinanzjati minn sussidju tal-Kummissjoni.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

96 (96) post temporanju fit-tabella tal-persunal, li minnhom 92 (1) (93) post okkupat.

40 (37) membru ieħor tal-persunal (persunal lokali, persunal kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati)

Total tal-persunal: 132 (130), assenjati għad-dmirijiet li ġejjin:

kompiti operazzjonali: 76,5(73)

kompiti amministrattivi: 28 (28) + 2 fil-grupp ta' sostituzzjoni fl-ETF skont il-ħtieġa

– kompiti ta’ koordinazzjoni korporattiva u ta’ komunikazzjoni: 25,5(29)

Prodotti u servizzi pprovduti matul is-sena finanzjarja 2013 (2012)

Attivitajiet

Il-Fondazzjoni tikkontribwixxi, fil-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-UE, għat-titjib tal-iżvilupp tal-kapital uman (HCD) fi 30 pajjiż imsieħeb maħtur bir-Regolament li jistabbilixxiha u l-Bord tat-Tmexxija tagħha. L-attivitajiet prinċipali tagħha huma l-appoġġ tal-politiki u l-proġetti tal-UE, il-provvediment ta’ analiżijiet ta’ politika, it-tixrid u l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza u appoġġ għal bini tal-kapaċità tal-pajjiżi msieħba.

Il-valur miżjud tal-Fondazzjoni jiġi mill-bażi ta’ konoxxenza stabbilita tagħha li hija newtrali, mhux kummerċjali u unika u li tikkonsisti minn kompetenza esperta fl-iżvilupp tal-kapital uman u r-rabtiet tagħha mal-impjegaturi. Dan jinkludi kompetenza esperta fl-adattament tal-approċċi għall-iżvilupp tal-kapital uman fl-UE u fl-Istati Membri tagħha għall-kuntest tal-pajjiżi msieħba.

Fl-2013, il-Proċess ta' Turin, li kien implimentat f’27 pajjiż imsieħeb tal-ETF bħala analiżi parteċipattiva u bbażata fuq l-evidenza, ta' politiki u sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), ġie vvalidat f'konferenza korporattiva organizzata f'Mejju bit-titolu “Il-Proċess ta' Turin: Immexxu l-Ħiliet 'il Quddiem”.

Il-Fondazzjoni ħadmet fuq il-funzjonijiet prinċipali tagħha, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill, kif ġej:

 

Outputs ikkompletati fl-

2013

2012

Appoġġ lill-politiki tal-UE u ċ-ċiklu tal-proġett tal-istrumenti ta’ relazzjonijiet esterni għall-pajjiżi msieħba

40

36

Bini tal-kapaċità tal-pajjiżi msieħba

63

66

Analiżi tal-politika

20

31

Tixrid u netwerking

21

28

Total

144

161

L-outputs ikejlu t-twettiq tar-riżultati ta’ proġett, u jirrelataw il-baġit mal-funzjonijiet u r-riżultati tal-Fondazzjoni.

Barra minn dawn il-funzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma tagħha, il-Fondazzjoni wieġbet ukoll għal talbiet diretti mill-Kummissjoni Ewropea matul is-sena.

 

2013

2012

Talbiet mill-Kummissjoni li għadhom għaddejja

78

107

Talbiet indirizzati lill-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa u t-Turkija

38 %

42 %

Talbiet indirizzati lill-pajjiżi tax-Xlokk tal-Mediterran

28 %

32 %

Talbiet indirizzati lill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant

18 %

12 %

Talbiet indirizzati lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali

15 %

14 %


(1)  Inkluża offerta waħda ta' impjieg li ġiet aċċettata, b'bidu mill-1.3.2014

Sors: Anness ipprovdut mill-Fondazzjoni.


IR-RISPOSTA TAL-FONDAZZJONI

11.

L-ETF taqbel mas-sejba tal-Qorti u tikkonferma l-intenzjoni tagħha li fl-2014 tipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist konġunt għas-servizzi bankarji mnedija mill-Kummissjoni. Kemm-il darba din il-proċedura ta' akkwist ma tirnexxix, l-ETF se tniedi l-akkwist tagħha stess sabiex ikollha kuntratt ma' bank bi klassifikazzjoni tal-kreditu ogħla.

Ir-raġuni għalfejn fil-31 ta' Diċembru 2013 kien hemm bilanċ għoli fil-bank hija minħabba li l-ewwel pagament akkont tas-sovvenzjoni tal-2014 tħallas bil-quddiem u minħabba li waslu l-fondi għall-proġetti l-ġodda GEMM u FRAME.


Top