Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(20)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 174–183 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/174


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    (2014/C 442/20)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EIOPA”), li tinsab fi Frankfurt, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiċi regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha u li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet (2). L-Awtorità ġiet stabbilita fl-1 ta' Jannar 2011.

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

    11.

    Il-Bord Maniġerjali adotta s-16-il Standard ta' Kontroll Intern tal-Awtorità f'Marzu 2013. Fi tmiem is-sena, l-implimentazzjoni tagħhom kienet għadha għaddejja abbażi ta' pjan ta' azzjoni ċar li kien miftiehem mas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni.

    12.

    L-impenji legali mhux dejjem ġew awtorizzati minn uffiċjali b'delega xierqa u ma kinux dejjem preċeduti minn impenn baġitarju awtorizzat b'mod xieraq. Dan juri l-ħtieġa għal titjib tad-definizzjoni ta', u konformità ma', cirkwiti finanzjarji skont ir-Regolament Finanzjarju.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    13.

    Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta' 95 %. Madankollu, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati żdied aktar meta mqabbel mas-snin preċedenti u kien għoli f'livell ta' EUR 5,2 miljun (28 %), b'mod partikolari għat-Titolu II f'livell ta' EUR 1,0 miljun (30 %) u għat-Titolu III f'livell ta' EUR 3,7 miljun (85 %). Dan irriżulta prinċipalment minn kuntratti speċifiċi b'valur kumulattiv ta' EUR 3 miljun iffirmati aktar tard fis-sena, b'mod partikolari għall-iżvilupp u ż-żamma ta' database Ewropew (EUR 2,6 miljun) u servizzi oħra tal-IT li għandhom jiġu pprovduti fl-2014. Għalkemm l-impenji relatati huma legali u regolari u r-rati baxxi ta' kanċellazzjoni għar-riporti mill-2012 ikkonfermaw li l-istimi kienu tajbin, il-punt sa fejn l-approprjazzjonijiet għall-2013 intużaw biex ikopru attivitajiet tal-2014 imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    14.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2011

    Il-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011 ammonta għal EUR 10,7 miljun. Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Fundatur, 55 % tal-baġit għall-2011 ġie ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-EFTA u 45 % mill-baġit tal-Unjoni. Fi tmiem l-2011 l-Awtorità rreġistrat riżultat pożittiv fil-baġit ta’ EUR 2,8 miljun. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha, l-ammont sħiħ imbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala passiv lejn il-Kummissjoni Ewropea.

    Ikkompletata

    2011

    Il-proċeduri ta’ akkwist awditjati ma kinux konsistenti bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ġenerali. Għal ħames każijiet ta’ xiri ta’ tagħmir tal-IT (ammont totali ta’ EUR 1 60  117) il-kriterji tal-għotja applikati ma ġewx stabbiliti minn qabel u ma ġie ffirmat ebda kuntratt bil-miktub. F’każ ieħor relatat mas-servizzi ta’ reklutaġġ (EUR 55  000), il-kriterji tal-għotja ma ġewx applikati b’mod korrett. L-Awtorità għandha tiżgura li l-kuntratti l-ġodda kollha jingħataw f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ akkwist tal-UE.

    Ikkompletata

    2011

    Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta' reklutaġġ: il-marki minimi għall-ammissjoni għal testijiet bil-miktub u intervisti jew għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati adatti, u l-mistoqsijiet għal testijiet orali u bil-miktub, ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet, u ma kien hemm ebda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biex jinħatru l-bords ta' għażla.

    Ikkompletata

    2012

    L-EIOPA tejbet il-proċeduri ta’ akkwist tagħha sabiex issir konformi bis-sħiħ mar-regoli ta’ akkwist tal-UE. Madankollu, kuntratt wieħed relatat mat-tfassil ta’ database finanzjarju ġie suddiviż f’erba’ lottijiet ta’ EUR 60  000 kull wieħed, li kollha kemm huma ġew direttament mogħtija lil żewġ kumpaniji. Minħabba t-total tal-valur tas-servizzi li għandu jiġi akkwistat għall-istess proġett (EUR 2 40  000), kien imissha ġiet applikata proċedura miftuħa jew ristretta u l-impenji u l-pagamenti relatati huma għalhekk irregolari.

    M/A

    2012

    Verifikazzjoni fiżika tal-assi twettqet f’Mejju u f’Ġunju 2012, iżda ma sar ebda rapport fiżiku ta’ verifikazzjoni. L-Awtorità ma adottat ebda proċedura jew linja gwida dwar il-kontrolli fiżiċi fuq l-assi tanġibbli.

    Ikkompletata

    2012

    Ir-riport ta’ approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 kien għoli ħafna għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ 79 % tal-approprjazzjonijiet totali. Fil-biċċa l-kbira dan jirriżulta mill-kumplessità u d-durata twila ta’ proċedura waħda ta’ akkwist tal-IT li għaliha l-kuntratt ta’ EUR 2,2 miljun ġie ffirmat kif ippjanat f’Diċembru 2012.

    Pendenti


    ANNESS II

    L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (Frankfurt am Main)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikoli 26, 114, 290, 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Tistabbilixxi jew tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

    Tħejji abozz ta’ standards tekniċi bħala xogħol preparatorju għal atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv jew meta jkun hemm bżonn ta' kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti.

    Kompetenzi tal-Awtorità

    (Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità, l-Artikolu 1(6) u l-Artikolu 8 dwar kompiti u setgħat)

    Għanijiet

    Tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha.

    Kompiti

    Li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja,

    li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti,

    li tikkoopera mill-qrib mal-BERS,

    li torganizza u twettaq analiżijiet tar-reviżjoni bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti,

    li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha,

    li twettaq analiżijiet ekonomiċi tas-swieq biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha sew,

    li tippromwovi l-ħarsien tad-detenturi ta’ poloz, u tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjonijiet,

    li tikkontribwixxi għall-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjani ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni ta’ livell għoli lid-detenturi ta’ poloz, lill-benefiċjarji u fl-Unjoni kollha,

    li twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew f’atti leġiżlattivi oħra,

    li tippubblika fil-websajt tagħha, u taġġorna b’mod regolari, l-informazzjoni relatata mal-qasam tal-attivitajiet tagħha,

    li tieħu r-responsabbiltà, kif adatt, tal-kompiti kollha eżistenti u li għaddejjin bħalissa mill-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS).

    Governanza

    (Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi l-Awtorità: L-Artikoli 40-44: Bord tas-Superviżuri; L-Artikoli 45-47: Bord Maniġerjali; L-Artikoli 48-50: President; L-Artikoli 51-53: Direttur Eżekuttiv)

    Bord tas-Superviżuri (BtS)

    Kompożizzjoni

    President (ma għandux ikollu vot), il-kap tal-awtorità pubblika nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat Membru (membru wieħed għal kull Stat Membru, li għandu jkollu vot), rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni (ma għandux ikollu vot), tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ma għandux ikollu vot), tal-Awtorità Bankarja Ewropea, tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (it-tnejn ma għandhomx ikollhom vot); osservaturi jistgħu jiġu permessi u d-Direttur Eżekuttiv jista' jipparteċipa f'laqgħat (ma għandux ikollu vot).

    Kompiti

    Il-korp prinċipali tal-Awtorità għat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

    Bord Maniġerjali (BM)

    Kompożizzjoni

    Il-President tal-Awtorità (għandu jkollu vot), sitt Membri tal-BtS (għandhom ikollhom vot). Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea għandu jipparteċipa f'laqgħat tal-BM u jista' jivvota dwar kwistjonijiet baġitarji. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-BM mingħajr id-dritt li jivvota.

    Kompiti

    Il-BM għandu jiżgura li l-Awtorità twettaq il-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament Nru 1094/2010.

    Il-President tal-Awtorità

    Jirrappreżenta l-Awtorità, iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri (BtS), imexxi l-laqgħat tal-BtS u tal-BM.

    Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità

    Huwa inkarigat mit-tmexxija tal-Awtorità u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali u l-baġit; iħejji x-xogħol tal-Bord Maniġerjali, il-baġit u l-programm ta’ ħidma.

    Kumitat tal-Kontroll tal-Kwalità

    Kompożizzjoni

    Il-President Supplenti (president) tal-Awtorità u żewġ Membri tal-Bord Maniġerjali. Id-Direttur Eżekuttiv jipparteċipa bħala osservatur.

    Kompiti

    Li jissorvelja u jivvaluta l-implimentazzjoni xierqa tal-proċeduri u d-deċiżjonijiet interni.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awtorità ta’ kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2013 (2012)

    Baġit Finali

    Approprjazzjonijiet tal-Baġit Finali: EUR 1 8 7 67  470(1 5 6 55  000)

    Tabella tal-Persunal

    Persunal statutorju: 80 (69) post awtorizzat fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 80 (69)

    It-tabella tal-persunal imwettqa 100 % (100 %)

    Postijiet ta’ persunal kuntrattwali: 22 (12) ippjanati fil-baġit, 19 (14) okkupati

    Postijiet ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati: 12 (8) ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 11 (8)

    Total: 110 (91) membru tal-persunal

    Prodotti u servizzi fl-2013

    Kompiti regolatorji

    Erba' konsultazzjonijiet pubbliċi relatati mal-attivitajiet tal-Awtorità fl-assigurazzjoni.

    Ħruġ ta' erba' linji gwida relatati mal-attivitajiet tal-Awtorità fl-assigurazzjoni.

    Approvazzjoni ta' Standard Tekniku ta' Implimentazzjoni relatat mal-attivitajiet tal-Awtorità f'pensjonijiet tax-xogħol.

    Dokument ta' diskussjoni dwar investimenti fuq terminu twil.

    Rapport lill-Kummissjoni dwar investimenti fuq terminu twil.

    Studju kwantitattiv dwar l-impatt fil-qasam tal-pensjonijiet tax-xogħol.

    Rapport dwar informazzjoni lil membri ta' skemi ta' pensjonijiet tax-xogħol.

    Dokument ta' diskussjoni fil-qasam tal-pensjonijiet personali.

    Pubblikazzjoni tar-reġistru tal-IORPs u d-database ta' pjanijiet u prodotti tal-pensjonijiet.

    Għażla ta' żewġ Gruppi ta' Partijiet Interessati għall-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, u l-pensjonijiet tax-xogħol.

    Rapporti dwar is-segretezza professjonali u l-analiżi tad-distakki għall-Awstralja, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, Ħong Kong, l-Iżrael, il-Messiku, Singapor, l-Afrika t’Isfel.

    Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn l-EIOPA u l-Bank Dinji.

    Kompiti superviżorji

    Attendenza għal-laqgħat tal-Kulleġġi tas-Superviżuri u/jew għal konferenzi bit-telefown għal 82 grupp.

    Parteċipazzjoni f'erba' spezzjonijiet konġunti fuq il-post.

    Ġbir u tixrid ta' Soluzzjonijiet u Eżempji Prattiċi (PSEs) fi tliet oqsma (arranġamenti għall-koordinazzjoni, Pjanijiet ta' Ħidma tal-Kulleġġ, Ftehimiet u proċessi ta' kunfidenzjalità).

    Ġew organizzati żewġ avvenimenti għas-Superviżuri tal-Gruppi.

    Tixtrid ta' struttura għal approċċ tal-grupp għall-valutazzjoni tar-riskju.

    Tixrid tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Kulleġġi 2014-2015.

    Rapport interim u fi tmiem is-sena dwar il-Funzjonament tal-Kulleġġi u l-Kisbiet tal-Pjan ta' Azzjoni 2012.

    Transunt mil-Linji Gwida Preparatorji li jelenkaw il-Linji Gwida li huma rilevanti għad-diskussjoni u l-valutazzjoni fil-Kulleġġi ġie pprovdut lis-Superviżuri tal-Gruppi.

    L-aġġornament kontinwu tal-lista Ħelsinki Plus dwar iż-żona ristretta tal-websajt tal-EIOPA u l-pubblikazzjoni ta' sommarju dwar il-parti pubblika tal-Websajt tal-EIOPA.

    Organizzazzjoni ta' sitt laqgħat (żjarat) bejn il-persunal ta' sorveljanza tal-EIOPA u l-awtoritajiet superviżorji involuti fis-superviżjoni tal-gruppi. jew bħala Superviżur tal-Gruppi jew inkella bħala Superviżur Ospitanti, f'pajjiżi individwali.

    Protezzjoni tal-konsumatur u innovazzjoni finanzjarja

    Linji Gwida dwar it-Trattament tal-Ilmenti minn Intermedjarji tal-Assigurazzjoni.

    Rapport dwar l-Aħjar Prattiki minn Intermedjarji tal-Assigurazzjoni fit-trattament ta' ilmenti.

    Rapport dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur.

    Rapport tal-Metodoloġija Riveduta għall-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar dwar it-tendenzi tal-konsumatur.

    Rapport dwar prattiki Superviżorji Tajbin fir-rigward tar-rekwiżiti tal-għarfien u tal-abbiltà għal distributuri ta' prodotti tal-assigurazzjoni (inkluża l-konsultazzjoni pubblika).

    Opinjoni dwar l-Assigurazzjoni tal-Protezzjoni ta' Pagamenti.

    Nota ta' spjegazzjoni dwar l-Assigurazzjoni tal-Protezzjoni ta' Pagamenti.

    Opinjoni dwar l-Arranġamenti għall-Protezzjoni tal-Benefiċjarji fir-Rigward ta' Kuntratti ta' Assigurazzjoni tal-Ħajja.

    Dokument ta' Konsultazzjoni dwar abbozz ta' Rapport dwar Prattiki Tajba fuq Websajts ta' Tqabbil.

    Dokument ta' Diskussjoni dwar il-possibbiltà ta' suq uniku tal-UE għal prodotti tal-pensjonijet personali (protezzjoni superviżorja u tal-konsumatur).

    Kultura superviżorja komuni

    Tliet seminars transsettorjali.

    17-il seminar għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

    Ikkompletat tliet evalwazzjonijiet bejn il-pari, nediet żewġ evalwazzjonijiet bejn il-pari ġodda, nediet proċess wieħed ta' segwitu għal evalwazzjoni bejn il-pari, u ottimizzat il-proċess għall-applikazzjoni tal-metodoloġija għat-twettiq ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari.

    Stabbiltà finanzjarja

    Żewġ Rapporti biannwali dwar l-Istabbilità Finanzjarja.

    Tħejjija ta’ test tal-istress madwar l-Ewropa għas-settur tal-assigurazzjoni (it-test ġie pospost minħabba Valutazzjoni tal-Garanziji fuq Terminu Twil).

    Produzzjoni ta’ Tabella Operattiva tar-Riskji kull tliet xhur.

    Ikkompletar tal-eżerċizzju ta' Valutazzjoni tal-Garanziji fuq Terminu Twil u twassil ta' rapport lill-partijiet tat-Trilogu.

    Pubblikazzjoni tal-istatistika annwali u riveduta tal-assigurazzjoni.

    Immaniġġar ta’ kriżijiet

    Finalizzazzjoni ta’ qafas komprensiv għat-teħid ta’ deċiżjonijiet li jistipula fid-dettall il-proċessi li l-Awtorità se ssegwi fir-rilaxx tar-responsabbiltajiet tagħha għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar ta’ kriżijiet.

    Ikkompletar tal-mandat tat-Task Force dwar l-Immaniġġjar ta' Kriżijiet u x-xoljiment tat-task force.

    Ftehim ta’ Opinjoni tal-EIOPA dwar ir-rispons superviżorju għal perjodu fit-tul ta’ rati tal-imgħax baxxi.

    Kontribuzzjoni dettaljata għall-konsultazzjoni tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji.

    Pubblikazzjoni ta' Rapport ta' Stħarriġ dwar il-Prevenzjoni ta' Kriżijiet, Ġestjoni u Tħejjija għal Riżoluzzjoni ta' Awtoritajiet Superviżorji Nazzjonali.

    Relazzjonijiet esterni

    10 laqgħat, inkluża 1 konġunta mal-BtS, tal-IRSG u l-OPSG, 12-il opinjoni uffiċjali u dikjarazzjoni b’feedback dwar dokumenti pubbliċi, 6 dokumenti ta' inizjattiva proprja u 3 risponsi għal konsultazzjonijiet informali.

    Madwar 20 Djalogu Regolatorju u Superviżorju ma’ superviżuri u ma' assoċjazzjonijiet ta’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi mill-Awstralasja, l-Amerika Latina u l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika t’Isfel, l-Islanda u l-Isvizzera. Parteċipazzjoni attiva u kontribuzzjonijiet fil-Kumitat Tekniku u Eżekuttiv tal-IAIS, il-Kumitat ta’ Stabbiltà Finanzjarja, is-Sottokumitat tas-Solvenza u Attwarju, żvilupp tar-Rekwiżiti ta' Kapital Globali ta' Assigurazzjoni (Task Force għall-Ittestjar fil-Qasam/Task Force għall-Assorbiment ta' Telf Ogħla) u l-Konferenza Annwali tal-IAIS.

    Proġett ta' Djalogu UE-US: Laqgħat regolari tal-Kumitat ta' Tmexxija, il-Kumitati Tekniċi li qed jagħmlu progress kif ippjanat u Avveniment Pubbliku f'Washington DC.

    Ekwivalenza: Analiżi tad-distakki bejn is-sistemi tar-(ri)assigurazzjoni tal-Awstralja, iċ-Ċile, iċ-Ċina, Ħong Kong, l-Iżrael, il-Messiku, Singapor, l-Afrika t’Isfel, inkluża valutazzjoni sħiħa tas-segretezza professjonali, bħala bażi għal deċiżjoni tal-KE dwar it-tranżizzjonali tal-ekwivalenza. Bidu ta' valutazzjoni tas-segretezza professjonali ta' 10 pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil Multilaterali għall-kooperazzjoni superviżorja bejn il-membri tal-EIOPA u l-Awtorità Monetarja tal-Bermuda (BMA).

    Iffirmat Memorandum ta' Qbil Operazzjonali bejn l-EIOPA u l-Bank Dinji.

    Konferenzi/avvenimenti pubbliċi oħra 2013

    Sitt konferenzi u avvenimenti (“Conference on Global Insurance Supervision (GIS)” (Konferenza dwar is-Superviżjoni Globali tal-Assigurazzjoni), Results of “QIS (Quantitative Impact Study) for Pensions” (Riżultati tal-“QIS (Studju Kwantitattiv dwar l-Impatt) għall-Pensjonijiet”, Avvenimenti Pubbliċi dwar il-Pensjonijiet Personali u l-Appoġġ tal-Isponsors, Konferenza annwali tal-EIOPA u t-tielet Jum dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Awtorità.


    IR-RISPOSTI TAL-AWTORITÀ

    11.

    Wara eżerċizzju tal-awditjar li twettaq mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) fl-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-Istandards tal-Kontroll Intern fl-EIOPA, l-Awtorità żviluppat pjan ta’ azzjoni biex timplimenta l-azzjonijiet kollha rrakkomandati mill-IAS. Il-pjan ta’ azzjoni ġie ppreżentat quddiem il-Bord tat-Tmexxija tal-EIOPA u kien hemm qbil dwaru mill-IAS. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan dalwaqt titlesta u x-xogħol li fadal se jintemm sal-aħħar tal-2014.

    12.

    Fir-rigward tal-impenji legali, l-EIOPA implimentat aktar arranġamenti ta’ approvazzjoni sabiex b’hekk titneħħa kwalunkwe ambigwità fir-rigward tal-awtorizzazzjoni xierqa ta’ dawn l-impenji. Fir-rigward tas-sekwenzar tal-impenji baġitarji u dawk legali, l-EIOPA tirrikonoxxi li f'ċerti każijiet l-ikkompletar sħiħ tal-impenn baġitarju ġie ffinalizzat biss wara li ġew stabbiliti l-impenji legali korrispondenti. Il-miżuri korrettivi li ttieħdu huma: reviżjonijiet regolari taċ-ċirkwiti finanzjarji tal-EIOPA, proċessi finanzjarji u baġitarji aktar b’saħħithom b’fokus fuq il-konformità taċ-ċirkwiti finanzjarji kif ukoll, f’intervalli regolari, taħriġ speċifiku dwar il-finanzi u l-akkwist għall-uffiċjali kollha tal-EIOPA involuti fiċ-ċirkwiti finanzjarji.

    13.

    Sabiex twettaq il-mandat ambizzjuż tagħha, l-Awtorità żviluppat strateġija tal-IT multiannwali u pjan ta' implimentazzjoni (li jinkludu l-istandardizzazzjoni tad-dejta, il-ġbir tad-dejta, is-soluzzjonijiet għall-ħażna u l-analiżi kif ukoll għodda onlajn għall-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni). L-EIOPA tirrikonoxxi li l-perċentwal tal-approprjazzjonijiet riportati mill-2013 għall-2014 biex ikopru dawn l-inizjattivi fit-Titolu III tal-Baġit kien għoli. Madankollu dan huwa minħabba n-natura multiannwali tax-xogħol, l-isfida taż-żmien (xprunata l-aktar mill-kalendarju tas-Solvenza II), l-eżerċizzji ta' akkwist kumplessi u fit-tul involuti u l-ħtieġa li tiġi garantita l-kontinwità fis-servizz. Madankollu, peress li dawn l-impenji riportati huma kritiċi biex ikompli jiġi implimenat il-pjan tal-IT f’konformità maż-żmien maqbul, ir-rata ta’ eżekuzzjoni tagħhom se terġà tkun għolja ħafna, bħal ma kien il-każ fis-sena preċedenti. Fir-rigward tat-triq ‘il quddiem, il-miżuri li ġejjin se jnaqqsu l-perċentwali tar-riporti fis-snin li ġejjin: (1) żieda fil-livell ta’ maturità tal-kapaċità tal-IT tal-EIOPA (l-iżviluppi maġġuri li għad fadal fil-qasam tal-IT se jitlestew sal-aħħar tal-2015) u (2) proċessi ta’ ġestjoni tal-finanzi u l-baġits aktar b’saħħithom (li jinkludu l-integrazzjoni tal-proċessi tal-baġit u l-akkwist fl-ippjanar ġenerali u l-proċessi ta' koordinazzjoni tal-EIOPA).


    Top