EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(14)

Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

ĠU C 442, 10.12.2014, p. 123–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/123


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti taċ-Ċentru

(2014/C 442/14)

INTRODUZZJONI

1.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala l-“ECDC”), li jinsab fi Stokkolma, ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti prinċipali taċ-Ċentru huma li jiġbor u jxerred data dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-bniedem u li jagħti opinjonijiet xjentifiċi dwar dan is-suġġett. Huwa meħtieġ ukoll jikkoordina n-netwerk Ewropew tal-korpi li joperaw f’dan il-qasam (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-LEGALITÀ U R-REGOLARITÀ TAT-TRANŻAZZJONIJIET

11.

Għalkemm iċ-Ċentru tejjeb il-ġestjoni tiegħu tal-proċeduri ta' akkwist, għal proċedura partikolari mnedija fl-2013 kien hemm informazzjoni konfliġġenti bejn l-avviż tal-kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti li setgħu affettwaw il-proċess kompetittiv u r-riżultat tal-proċedura. Pagamenti li saru fl-2013 taħt il-kuntratt qafas u ż-żewġ kuntratti speċifiċi kkonċernati kienu jammontaw għal EUR 1 08  000. Wara l-awditu tal-Qorti, iċ-Ċentru ħa azzjoni korrettiva immedjata u l-kuntratt qafas ġie kkanċellat.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

12.

Ir-rata kumplessiva ta' eżekuzzjoni tal-baġit kienet relattivament baxxa (92 %). Il-kanċellazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet 2013 dehru fit-titoli kollha tal-baġit.

13.

L-ammonti riportati ta' approprjazzjonijiet impenjati kienu relattivament għoljin, b'EUR 1 7 14  484 (26 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 7 9 07  139 (44 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

14.

Għat-Titolu II, dan kien prinċipalment marbut ma' ħardwer u softwer tal-IT (EUR 1 0 86  203), u mal-evalwazzjoni esterna taċ-Ċentru li għadha għaddejja (EUR 2 10  000).

15.

Għat-Titolu III, l-approprjazzjonijiet impenjati riportati kienu prinċipalment jikkonċernaw proġetti pluriennali (EUR 4 6 20  605), u oġġetti tal-IT għall-appoġġ ta' attivitajiet operazzjonali (EUR 1 9 62  443) li għalihom ġew implimentati attivitajiet u saru pagamenti skont il-ħtiġijiet operazzjonali. Madankollu, ġew innutati dgħufijiet fir-rigward tal-ippjanar u l-eżekuzzjoni baġitarja għal laqgħat operazzjonali, prinċipalment minħabba livelli ta' attendenza u spejjeż ta' lukandi u ta' titjiriet stmati b'mod eċċessiv. Għal-linja tal-baġit rispettiva, 29 % tal-approprjazzjonijiet għall-2013 (EUR 6 55  142) u 59 % tal-ammonti riportati mill-2012 (EUR 4 55  820) ġew ikkanċellati. Barra minn hekk, 38 % tal-approprjazzjonijiet impenjati għall-2013 għal laqgħat operazzjonali (li jammontaw għal EUR 5 94  758) ġew riportati għall-2014.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

16.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kumenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet taċ-Ċentru kienet kwalifikata għas-sena 2011 minħabba li ċ-Ċentru ma rrispettax l-ammont massimu ta’ kuntratt qafas mill-2009. Skont dan il-kuntratt qafas, iċ-Ċentru seta’ jiffirma kuntratti speċifiċi ma’ fornituri magħżula sa ammont massimu ta’ EUR 9 miljun. Madankollu, sa tmiem l-2011 kienu saru pagamenti ta’ EUR 12,2 miljun.

Sabiex jixtri servizzi essenzjali għat-tkomplija tal-proġett relatat, iċ-Ċentru, fl-2012, ikkonkluda kuntratti speċifiċi addizzjonali għal ammont ta’ EUR 2,5 miljun. Flimkien mal-pagamenti ta’ EUR 2,7 miljun li saru fl-2012 għal kuntratti ffirmati diġà fl-2011, il-pagamenti li saru ammontaw għal total ta’ EUR 17,4 miljun sa tmiem l-2012. Filwaqt li pagamenti ’l fuq mil-limitu massimu ta’ EUR 9 miljun stabbilit fil-kuntratt qafas huma irregolari, iċ-Ċentru ħa azzjoni korrettiva fl-2012 u ffirma kuntratt qafas ta’ sostituzzjoni f’Ġunju 2012 (mhumiex se jsiru aktar pagamenti taħt il-kuntratt qadim) u tejjeb il-monitoraġġ tal-konsum ta’ kuntratti qafas inġenerali.

M/A

 

Fl-2012 pagamenti li ammontaw għal EUR 5,2 miljun irriżultaw minn nuqqasijiet fis-snin preċedenti meta l-limitu massimu tal-kuntratt qafas ma ġiex osservat. Dawn jirrelataw ma’ obbligi kuntrattwali li rriżultaw minn snin preċedenti (EUR 2,7 miljun) jew saru fl-2012 għal raġunijiet ta’ kontinwità tan-negozju (EUR 2,5 miljun) sal-finalizzazzjoni tal-proċedura ta’ akkwist għall-kuntratt qafas ġdid. Meta wieħed iqis l-azzjoni korrettiva meħuda miċ-Ċentru fl-2012, il-Qorti ma kkwalifikatx l-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet din is-sena.

 

2012

Fl-2012, iċ-Ċentru ta għotjiet lil istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka u individwi. In-nefqa totali tal-għotjiet ammontat għal EUR 7 52  000, li tirrappreżenta 1,4 % tan-nefqa operattiva 2012. Il-verifikazzjonijiet ex ante taċ-Ċentru qabel ir-rimborż tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji jikkonsistu minn analiżi fl-uffiċċju tal-klejms tal-ispejjeż u parzjalment ukoll minn ċertifikati tal-awditjar maħruġa minn ditti indipendenti tal-awditjar ikkuntrattati mill-benefiċjarji. Iċ-Ċentru normalment ma jikseb ebda dokument mill-benefiċjarji biex jissostanzja l-eliġibbiltà u l-preċiżjoni tal-ispejjeż ikklejmjati. Sabiex isaħħaħ il-kontrolli, iċ-Ċentru adotta strateġija ta’ verifikazzjoni ex post u ppjana għall-implimentazzjoni tagħha fl-2012. Madankollu, huwa esperjenza dewmien ta’ 10 xhur biex jikseb aċċess għal kuntratt tal-awditjar interistituzzjonali u, fiż-żmien tal-awditu, kienet għadha ma saret ebda verifikazzjoni ex post tan-nefqa tal-għotjiet 2012. Għat-tranżazzjonijiet awditjati mill-Qorti, inkisbet dokumentazzjoni ta’ sostenn miċ-Ċentru f’isem il-Qorti u din ipprovdiet aċċertament raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tagħhom.

Għadha għaddejja

2012

Ir-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit kienu sodisfaċenti għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) u għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f'livell ta' 97 % u 80 % tal-approprjazzjonijiet impenjati rispettivament. Filwaqt li l-livell ta’ ammonti riportati relatat mat-Titolu III huwa għoli f’livell ta’ EUR 8,3 miljun (41 % tal-approprjazzjonijiet impenjati tat-Titolu III), dan ma seħħx minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali taċ-Ċentru, imma jirrifletti n-natura pluriennali tal-attivitajiet. Iċ-Ċentru adotta modulu ta’ ppjanar baġitarju li huwa marbut direttament mal-Programm ta’ Hidma Annwali tiegħu u l-pagamenti ġew ippjanati u magħmula skont il-ħtiġijiet operazzjonali.

M/A


ANNESS II

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Stokkolma)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

“Il-livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa fiżika u mentali għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

L-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, lejn il-prevenzjoni tal-mard u l-infirmità tal-bniedem, u li jevitaw (jiġu evitati) il-fonti ta’ periklu għas-saħħa umana (fiżika u mentali). Din l-azzjoni għandha tkopri l-ġlieda kontra l-flaġelli kbar tas-saħħa, billi tinkoraġġixxi riċerka fuq il-kawża tagħhom, it-tixrid tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll informazzjoni u edukazzjoni dwar is-saħħa, kif ukoll il-monitoraġġ ta' theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert (bikri) għal dan it-theddid u l-ġlieda kontrih.”

Kompetenzi taċ-Ċentru

(Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Għanijiet

Biex isaħħaħ id-difiżi tal-Ewropa kontra mard li jittieħed; speċifikament, biex jidentifika, jivvaluta u jikkomunika danni (theddid) attwali u li jistgħu jinqalgħu għas-saħħa tal-bniedem minn mard trasmissibbli.

Għalhekk, iċ-Ċentru għandu jħaddem netwerks ta’ sorveljanza ddedikati, jipprovdi opinjonijiet xjentifiċi, iħaddem is-sistema ta’ twissija bikrija u tweġiba (rispons) (EWRS) u jipprovdi għajnuna xjentifika u teknika u taħriġ.

Kompiti

Li jħaddem netwerks ta’ sorveljanza ddedikati għall-mard u jżid il-kapaċità tal-attivitajiet tan-netwerks. Iċ-Ċentru għandu rwol speċifiku fil-ġabra, fil-validazzjoni, fl-analiżi u fit-tixrid ta' data.

Li jagħti parir awtorevoli u espert u opinjonijiet xjentifiċi u studji dwar mard trasmissibbli.

Li jħaddem is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u Tweġiba (Rispons). Jiżviluppa proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ theddid għas-saħħa li jista' jinqala'.

Li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-pjanifikazzjoni tal-istat ta' tħejjija u fit-taħriġ.

Li jinforma lill-pubbliku ġenerali u l-partijiet interessati dwar x-xogħol tiegħu.

Governanza

Bord tal-Amministrazzjoni

Kompożizzjoni

Membru nnominat minn kull Stat Membru, żewġ membri nnominati mill-Parlament Ewropew u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Kompiti

Il-Bord jadotta l-programm annwali u l-baġit taċ-Ċentru u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.

Direttur

Maħtur mill-Bord tal-Amministrazzjoni fuq il-bażi ta’ lista ta’ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

Forum Konsultattiv

Kompożizzjoni

Rappreżentant ta’ kull Stat Membru u tliet rappreżentanti tal-Kummissjoni mingħajr id-dritt għall-vot.

Kompiti

Il-Forum għandu jiżgura l-eċċellenza xjentifika tax-xogħol u l-indipendenza tal-attivitajiet u l-opinjonijiet taċ-Ċentru.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2013 (2012)

Baġit Finali

EUR 58,3(58,2) miljun

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

Postijiet fit-tabella tal-persunal: 198 (200)

Postijiet okkupati: 190 (187)

Postijiet oħra: 95 (91)

Total: 285 (278), assenjati għad-dmirijiet li ġejjin:

kompiti operazzjonali: 186 (183)

kompiti amministrattivi u ta’ appoġġ: 99 (95)

Prodotti u servizzi fl-2013 (2012)

42 (69) theddida għas-saħħa identifikati u mmonitorjati bl-użu tal-Għodda tat-Traċċar tat-Theddid (Threat Tracking Tool) (TTT).

52 (52) rapport ta’ theddid kull ġimgħa dwar mard trasmissibbli, mibgħuta lil 400 (334) riċevitur. Barra minn hekk, mill-2012 'il hawn, ir-rapport huwa disponibbli wkoll fuq il-websajt tal-ECDC kull ġimgħa u sar waħda mill-paġni l-aktar miżjura tas-sit (8  000 żjara fl-2013).

Għoti ta’ appoġġ lill-intelliġenza dwar l-epidemiji għal 2 (3) avvenimenti kbar li jiġbdu l-massa.

Barra minn dan, 4 (3) avvenimenti ta’ natura eċċezzjonali jew ta' importanza pubblika eċċezzjonali ġew immonitorjati wkoll.

Tħejjija ta’ 3 (6) valutazzjonijiet tar-riskju, 12 (16)-il valutazzjoni rapida tar-riskju ġdida u 9 (16-il) aġġornament dwar il-valutazzjoni rapida tar-riskju.

1 (1) eżerċizzju ta' simulazzjoni mwettaq għall-ittestjar u t-titjib tal-istat ta' tħejjija u r-rispons għal mard trasmissibbli.

117-il (104) sieħeb imħarreġ fil-Programm Ewropew dwar it-Taħriġ tal-Epidemjoloġija tal-Intervent (EPIET) u t-Taħriġ Ewropew dwar il-Mikrobijoloġija tas-Saħħa Pubblika (EUPHEM).

112 (114)-il espert dwar is-saħħa pubblika minn 30 pajjiż tal-UE-ŻEE pparteċipaw f’moduli qosra ta’ taħriġ taċ-Ċentru.

9 45  000(7 80  000) viżitatur fuq il-web portal taċ-Ċentru.

216-il (204) pubblikazzjoni xjentifika ppubblikati. Ċitazzjonijiet tal-fattur tal-impatt fuq ħames snin: 5,6(4,55)

Is-Sitt Jum Ewropew ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Antibijotiċi organizzat, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 40 (43) pajjiż; Id-data tat-18 ta' Novembru qiegħda tiġi rikonoxxuta dejjem aktar u qed issir għeliem għas-sensibilizzazzjoni dwar l-użu prudenti tal-antibijotiċi mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll fl-Istati Uniti, fil-Kanada u fl-Awstralja, u bnadi oħra.

16,3(12,9) miljun rekord uniku fid-databases ta’ TESSy; 1  492(1  324) utent attiv minn 57 (56) pajjiż.

Sorveljanza mtejba; integrazzjoni fiċ-Ċentru ta’ 15 (15) mis-17-il netwerk ta' sorveljanza ddedikat fi tmiem l-2013 (wieħed li ma tkompliex u l-aħħar wieħed ġie esternalizzat).

Pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali dwar l-Epidemjoloġija.

18-il rapport ta' sorveljanza ppubblikati dwar suġġetti li jinkludu rapporti annwali annwali dwar it-tuberkulożi, l-HIV/AIDS u l-ġlieda kontra l-mikrobijoreżistenza.

41 (40) bullettin ta’ kull ġimgħa dwar l-influwenza/ħarsa ġenerali lejn is-sorveljanza tal-influwenza għall-2013.

89 (34) opinjoni xjentifika prodotti, ibbażati fuq talbiet mill-partijiet interessati; aktar minn 80 % tat-talbiet għal pariri xjentifiċi twieġbu fil-waqt.

Organizzazzjoni tas-seba' Konferenza Ewropea Xjentifika dwar l-Epidemjoloġija Applikata tal-Mard Li Jittieħed (ESCAIDE) fil-5-7 ta' Novembru 2013 fi Stokkolma, b’550 (511-il) parteċipant.

Pubblikazzjoni ta' kull ġimgħa tal-ġurnal xjentifiku Eurosurveillance, bi 11  600(14  000) abbonat onlajn.

Fl-2013, Eurosurveillance ngħata fattur tal-impatt għat-tieni sena, li b'5,49 kien ftit anqas minn dak tal-2012 (6,15). Dan iqiegħed lil Eurosurveillance fil-klassifikazzjoni numru 6 fost l-aqwa 70 ġurnal madwar id-dinja fil-kategorija ta’ “Mard li Jittieħed”.

Sors: Anness ipprovdut miċ-Ċentru.


IR-RISPOSTI TAĊ-ĊENTRU

11.

L-ECDC ħa azzjoni korrettiva immedjata biex jikkomunika s-sitwazzjoni lill-kuntratturi u jikkanċella l-kuntratt. It-taqsima tal-akkwist taċ-Ċentru ġiet organizzata mill-ġdid f’Marzu 2014. L-organizzazzjoni mill-ġdid u l-proċeduri interni riveduti jiċċaraw il-kompiti, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi u l-partijiet kollha involuti. Ġie organizzat taħriġ intensiv għall-membri tal-persunal tal-ECDC matul sessjonijiet ta’ taħriġ iddedikati li saru matul Marzu u April 2014.

12-13-14-15.

Iċ-Ċentru kellu fondi ta’ riżerva mill-baġit tal-2013 sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn il-persunal relatati mal-aġġustamenti tas-salarji tal-2011, l-2012 u l-2013. Il-fondi riżervati ammontaw għal 3,3 miljun euro. Peress li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tat is-sentenza fl-aħħar trimestru tas-sena, iċ-Ċentru ma setax juża dawn il-fondi għal finijiet oħrajn.

Dawn il-fondi kienu ġew assenjati mit-titoli tal-baġit kollha, konsegwentement dawn il-kanċellazzjonijiet affettwaw it-titoli tal-baġit kollha. Kieku d-deċiżjoni waslet fl-2013, l-implimentazzjoni tal-baġit kienet tkun ta’ 97,8 %.

Rigward il-laqgħat operattivi, 4 00  000 euro mis-655 142 euro kienu minħabba l-aġġustamenti tal-koeffiċjent tal-piżijiet u s-salarji msemmija hawn fuq u għaldaqstant il-kanċellazzjoni hija 11 %.

Mill-594 758 euro riportati għall-2014, 3 84  938 euro huma riportati biex jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji għall-laqgħat fl-2014 li għalihom l-inviti tal-laqgħat kellhom jintbagħtu fl-2013 filwaqt li 2 09  820 euro huma riportati biex jiġu ssodisfati l-obbligi finanzjarji pendenti għal-laqgħat li saru fl-2013.

Iċ-Ċentru se jissorvelja aktar mill-qrib l-ispejjeż tal-laqgħat operattivi biex jiġu evitati riporti jew kanċellazzjonijiet mhux meħtieġa.


Top