Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(09)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 74–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/74


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

    (2014/C 442/09)

    INTRODUZZJONI

    1.

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EACI”), li tinsab fi Brussell, hija dik li qabel kienet l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Enerġija Intelliġenti (IEEA). Il-mandat tagħha u d-durata tagħha ġew modifikati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/372/KE (1) li temenda d-Deċiżjoni 2004/20/KE (2). L-Aġenzija kienet stabbilita għal perjodu li beda fl-1 ta’ Jannar 2004 u li se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2015, bil-għan li timmaniġġja l-azzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-enerġija, l-intraprenditorjat u l-innovazzjoni, u t-trasport sostenibbli tal-merkanzija (3).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (4) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (6):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (7); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (8) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi, u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

    11.

    Għalkemm ir-rati ta' implimentazzjoni tal-baġit għall-2013 kienu sodisfaċenti, il-punt sa fejn l-approprjazzjonijiet riportati mill-2012 ġew ikkanċellati fl-2013 (EUR 2 15  000, jew 19 % tar-riporti) jindika dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit mill-Aġenzija u jmur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità. Dawn il-kanċellazzjonijiet huma prinċipalment relatati ma' impenji proviżorji li saru għal nefqa amministrattiva ta' rutina.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

    12.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 140, 1.6.2007, p. 52.

    (2)  ĠU L 5, 9.1.2004, p. 85.

    (3)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (5)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (6)  L-Artikoli 62 u 68 flimkien mal-Artikoli 53 u 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

    (7)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (8)  L-Artikolu 162 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2012

    Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC) tal-Aġenzija hija wkoll responsabbli mill-verifikazzjonijiet ex post tal-Aġenzija, li jagħmlu parti mis-sistema ta’ kontroll intern tagħha. Dan inaqqas ir-riżorsi tal-IAC għal attivitajiet tal-awditjar intern u jfisser li mhijiex f’pożizzjoni li teżerċita awditi indipendenti f’dan il-qasam. Dan ir-rwol doppju mhuwiex kompatibbli mal-Istandards ta’ Kontroll Intern u l-Istandards Internazzjonali għall-prattika professjonali tal-Awditjar Intern.

    Ikkompletata

    2012

    Hemm lok għat-titjib tal-proċeduri ta' reklutaġġ: il-kriterji tal-għażla ma kinux konformi bis-sħiħ ma’ dawk imsemmija fl-avviż ta’ post battal; saret ponderazzjoni sproporzjonata għal ċerti kriterji tal-għażla; ma ġie ffissat bil-quddiem ebda punteġġ ta’ livell limitu għall-fażi ta’ preselezzjoni u ebda għadd massimu ta’ kandidati għal-listi ta’ riżerva; il-ġustifikazzjoni għall-esklużjoni ta’ kandidati fl-istadju finali tal-proċeduri mhux dejjem kienet dokumentata biżżejjed u d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interessi mhux dejjem kienu ffirmati.

    Ikkompletata


    ANNESS II

    L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (Brussell)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

    1.

    “Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi […] għas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem; l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali; [u] l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.”

    (L-Artikolu 191 TFUE)

    2.

    “L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l-kondizzjonijiet neċessarji għall-kompetittività ta' l-industrija ta' l-Unjoni [billi jieħdu] azzjoni li tfittex li tħaffef l-adattament tal-industrija għal bidliet strutturali; tinkoraġġixxi ambjent favorevoli għall-inizjattiva u għall-iżvilupp ta' […] u kooperazzjoni bejn l-impriżi; [u] tikkoltiva l-isfruttament aħjar tal-potenzjal industrijali tal-politiki ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp teknoloġiku. L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw ma' xulxin b'konnessjoni mal-Kummissjoni u, fejn meħtieġ, għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni.”

    (L-Artikolu 173 TFUE)

    3.

    “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom […] jistabbilixxu regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar; [kif ukoll] il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’xi Stat Membru, [u] miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport.”

    (L-Artikoli 91(1) u 100(2) TFUE)

    4.

    “Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija għandha timmira […] li tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija; tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni; tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks tal-enerġija.”

    (L-Artikolu 194(1) TFUE)

    Kompetenzi tal-Aġenzija

    (kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/20/KE emendata bid-Deċiżjoni 2007/372/KE)

    Għanijiet

    Fi ħdan il-qafas tal-istrateġija ta’ Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi, l-Unjoni Ewropea ħadet miżuri li jippromwovu u jiżviluppaw il-kompetittività u l-innovazzjoni. Dawn il-miżuri jinkludu l-istabbiliment tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) 2007-2013 (id-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE), notevolment mal-programmi Enerġija Intelliġenti – Ewropa (IEE) u għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni (EIP). L-għanijiet prinċipali huma li jrawwmu l-kompetittività fl-impriżi, b'mod partikolari Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (SMEs); biex jippromwovu l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-ekoinnovazzjoni; biex tiġi promossa l-effiċjenza tal-enerġija u sorsi ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli. Il-miżuri li ttieħdu fil-qafas tal-istrateġija ta’ Lisbona jinkludu wkoll it-tieni programm Marco Polo (MP) (ir-Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill). L-għanijiet prinċipali huma li titnaqqas il-konġestjoni, jittejjeb ir-rendiment ambjentali lis-sistema tat-trasport u biex jittejjeb it-trasport intermodali, b’hekk jingħata kontribut lis-sistemi ta’ trasport effiċjenti u sostenibbli u lill-kompetittività u l-innovazzjoni, speċjalment l-SMEs. Taħt dawn il-programmi tal-UE, l-Aġenzija hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti li jikkonċernaw l-għajnuna tal-UE, ħlief għall-evalwazzjoni tal-programmi, il-monitoraġġ tal-leġiżlazzjoni u l-istudji strateġiċi, jew kull azzjoni oħra li taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni Ewropea.

    Dmirijiet

    L-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE skont id-delegazzjonijiet riċevuti mill-Kummissjoni:

    Li timmaniġġja l-fażijiet kollha fil-perjodu tal-proġetti speċifiċi.

    Li twettaq l-operazzjonijiet kollha meħtieġa biex timmaniġġja l-programmi tal-UE, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-baġit, inkluż l-għoti ta’ kuntratti u għotjiet.

    Li tiġbor, tanalizza u tgħaddi lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tiggwida l-implimentazzjoni tal-programmi, kif ukoll tippromwovi l-koordinazzjoni u s-sinerġija fost il-programmi.

    F’dak li għandu x’jaqsam mal-EIP, li tkun responsabbli mill-ġestjoni tal-proġetti u tal-animazzjoni ta’ netwerks tan-Netwerk Enterprise Europe, il-proġetti pilota ta’ ekoinnovazzjoni u l-proġetti ta’ replikazzjoni tas-suq, u azzjonijiet ta’ innovazzjoni bi grad għoli ta’ standardizzazzjoni (Proġett bażi tal-IP).

    Governanza

    Kumitat Direttiv

    Dan huwa magħmul minn ħames membri maħtura mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jadotta wkoll il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija u r-rapport annwali tal-attività tagħha.

    Direttur

    Maħtur mill-Kummissjoni Ewropea.

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

    Baġit

    Baġit operazzjonali

    L-ammont totali ppjanat kien ta' EUR 242,9 (241,3) miljun (li minnhom 100 % ġew mill-baġit ġenerali tal-UE). Dan l-ammont kien impenjat, u EUR 213,9 miljun tħallsu, kif approvat mill-Awtorità Baġitarja. L-EACI timplimenta l-baġit operazzjonali taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni.

    IEE: EUR 91,9 (83,9) miljun

    ekoinnovazzjoni tal-EIP: EUR 33,1(35,0) miljun

    Netwerks tal-EIP: EUR 51,2 (57,4) miljun

    MP: EUR 66,8 (65,1) miljun

    Baġit amministrattiv

    L-Aġenzija kellha baġit amministrattiv ta' EUR 16,4(16,4) miljun, li għalihom l-EACI hija responsabbli b'mod indipendenti. Il-baġit amministrattiv tal-Aġenzija ġie ssussidjat mill-UE b'rata ta' 100 %.

    Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

    Total tal-persunal: 163 (162) post ibbaġitjat, li minnhom 161 (156) ġew okkupati

    Persunal temporanju: 37 (37) post ibbaġitjat, li minnhom 35 (37) ġew okkupati

    Persunal kuntrattwali: 126 (125) post ibbaġitjat, li minnhom 126 (119) ġew okkupati

    Prodotti u servizzi pprovduti fl-2013

    L-EACI hija responsabbli mill-ġestjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tal-enerġija; l-intraprenditorija u l-innovazzjoni (inkluża l-ekoinnovazzjoni); u t-trasport sostenibbli ta' merkanzija, taħt il-programmi tal-Unjoni li ġejjin:

    Il-partijiet li ġejjin tal-Programm kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni: Il-programm Enerġija Intelliġenti Ewropa II (2007-2013), ġestjoni tal-proġett u attivitajiet ta’ animazzjoni tan-Netwerk Enterprise Europe, proġetti IPR u proġetti tal-ewwel applikazzjoni tal-ekoinnovazzjoni u tar-replikazzjoni tas-suq

    Il-programmi Marco Polo I (2003-2006) u II (2007-2013)

    Il-programm Enerġija Intelliġenti Ewropa I (2003-2006)

    Enerġija Intelliġenti Ewropa (IEE)

    Attivitajiet ewlenin

    L-Aġenzija żammet kuntatt mill-qrib ma' benefiċjarji potenzjali: hija rrispondiet għal aktar minn 1  400 mistoqsija bl-email u attendiet għal 18-il jum ta' informazzjoni. Hija ħadet sehem ukoll f'aktar minn 120 laqgħa ta' proġetti u organizzat 10 laqgħat tal-kuntratturi, inklużi avveniment wieħed importanti organizzat flimkien mad-DĠ REGIO u żewġ laqgħat kbar tal-Bini ta' Ħiliet ma' rappreżentanti mis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-enerġija ta' 30 pajjiż. Eluf ta' atturi fis-settur tal-enerġija rrispondew ukoll is-sejħiet għal proposti 2013; l-Aġenzija rċeviet aktar proposti minn qatt qabel. Is-sejħa għal proposti wasslet għall-akbar eżerċizzju ta' evalwazzjoni li qatt sar mill-Aġenzija. Aktar minn 550 applikazzjoni ġew riċevuti sal-iskadenza prinċipali.

    Bis-saħħa tal-kuntatti mill-qrib tagħha ma' benefiċjarji tal-proġetti u ma' parteċipanti oħra fis-suq, l-Aġenzija pprovdiet feedback infurmat lid-DĠ ENER dwar firxa wiesgħa ta' suġġetti. Il-kontribut l-aktar sinifikanti kien fuq il-programm ta' ħidma Enerġija tal-Orizzont 2020 (2014-2015). L-Aġenzija kellha rwol attiv fil-gruppi ta' ħidma stabbiliti mid-DĠ RTD dwar kwistjonijiet trażversali, evalwazzjoni u sottomissjoni, u indikaturi tal-prestazzjoni. Hija kkontribwixxiet ukoll għal-laqgħat interservizzi kollha u għal-laqgħat kollha tal-Kumitat tal-Programm Shadow. Kontributi oħra kienu jikkonċernaw il-Komunikazzjoni dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija u l-Innovazzjoni, kif ukoll xogħol ta' politika dwar il-mobilizzazzjoni ta' finanzjament għal investimenti f'enerġija sostenibbli, il-bini tal-kapaċità, ir-rinforz tas-sorveljanza tas-swieq, il-promozzjoni tal-użu minn bini b'użu negliġibbli tal-enerġija, u l-indirizzar tas-sostenibbiltà tal-bijomassa.

    L-Aġenzija pprovdiet ukoll input dwar inizjattivi minn DĠs oħra, inklużi l-Pakkett tal-Mobbiltà Urbana tad-DĠ MOVE; il-Komunikazzjoni dwar Enerġija Blu tad-DĠ MARE; il-Kumitat Permanenti tal-Forestrija tad-DĠ AGRI; u l-grupp interservizzi tad-DĠ CONNECT dwar id-dawl. Permezz tal-inizjattiva l-ġdida tagħha dwar l-Iżvilupp tal-Ħiliet, l-Aġenzija mmobilizzat atturi mis-setturi tal-kostruzzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali u tal-enerġija, u pprovdiet lid-DĠ ENER, lid-DĠ EMPL, lid-DĠ EAC u lid-DĠ ENTR b'data nazzjonali u pjanijiet direzzjonali li jikkonċernaw it-taħriġ tal-forza tax-xogħol tal-kostruzzjoni.

    Fl-2013, l-Aġenzija ddedikat aktar sforzi għall-kwanifikazzjoni tal-impatt tal-programmi. L-Aġenzija kompliet bil-ħidma tagħha ta' taħriġ ta' koordinaturi ta' proġetti fl-użu ta' indikaturi tal-prestazzjoni. Hija pproduċiet ukoll linji gwida għall-kalkolu ta' dawn l-indikaturi. L-Aġenzija wriet li, mill-2007 'l hawn, il-proġetti tal-IEE mmaniġġjati mill-Aġenzija kienu laħqu 40 miljun persuna madwar l-UE permezz tal-midja, wasslu l-ekwivalenti tal-konsum annwali ta' elettriku ta' 6,7 miljun ċittadin f'enerġija rinnovabbli, salvaw l-ekwivalenti tal-użu annwali ta' elettriku ta' 1,7 miljun familja f'enerġija primarja, u skattaw kważi EUR 3 biljun f'investimenti f'enerġija sostenibbli.

    Finalment, l-Aġenzija kienet involuta fil-Ġimgħa Ewropea 2013 għall-Enerġija Sostenibbli. Konferenza ta' politika ta' livell għoli saret fi Brussell; hija attirat aktar minn 3  000 parteċipant. Barra minn hekk, saru 91 avveniment ieħor fi Brussell u 589 Jum għall-Enerġija madwar l-Ewropa. Ix-xogħol estensiv tal-Aġenzija fir-rigward tal-midja rriżulta f''253 aċċenn mill-midja, b'udjenza potenzjali ta' kważi 25 miljun persuna.

    Ekoinnovazzjoni

    Attivitajiet ewlenin

    L-ekoinnovazzjoni hija appoġġata mis-CIP permezz ta’ bosta tipi ta’ miżuri (strumenti finanzjarji, netwerks ta’ parteċipanti nazzjonali u reġjonali, proġetti tal-ewwel applikazzjoni u tar-replikazzjoni tas-suq). L-Aġenzija hija fdata bil-ġestjoni tal-proġetti tal-ewwel applikazzjoni tal-ekoinnovazzjoni u tar-replikazzjoni tas-suq b’baġit ta’ madwar EUR 200 miljun għall-perjodu 2008-2013.

    Fl-2013, l-isforzi kienu kkonċentrati fuq l-oqsma li ġejjin.

    Ikkompletar tal-implimentazzjoni tas-sejħa għal proposti 2012. Il-maġġoranza tan-negozjati ġew ikkompletati f'Ġunju u f'Lulju. Xi ftehimiet individwali ġew iffirmati aktar tard fis-sena. B'kollox, ġew iffirmati 46 ftehim ta' għotja.

    Sejħa ġdida għal proposti: is-sejħa għal proposti 2013, li tnediet f'Mejju 2013, ġiet segwita b'jum Ewropew ta' informazzjoni li kellu suċċess, bi 340 parteċipant u 420 viżitatur onlajn. Matul l-avveniment, saru 70 laqgħa bilaterali. F'dawn il-laqgħat, il-parteċipanti setgħu jiddiskutu ideat għal proposti ma' membri tal-persunal li huma familjari mal-ekoinnovazzjoni. L-Aġenzija attendiet sitt jiem nazzjonali ta' informazzjoni. Din is-sejħa għal proposti attirat għadd rekord ta' sottomissjonijiet (461).

    Ġew kondiviżi mal-Kummissjoni esperjenzi bi proġetti qrib is-suq u r-riżultati tal-istudju dwar riżultati u impatti ta' proġetti ta' ekoinnovazzjoni (gruppi ta' ħidma tal-Orizzont 2020 u t-tim LIFE). Dawn ġew ippreżentati f'avveniment tal-istampa mal-Kummissarju tal-Ambjent Potočnik.

    Programm Marco Polo

    Attivitajiet ewlenin

    Il-jum Ewropew tal-informazzjoni f’April attira 173 parteċipant (u 528-il viżitatur onlajn permezz ta' xandira diretta). F’din l-okkażjoni, ġew organizzati 42 laqgħa bilaterali ma' benefiċjarji potenzjali ta' Marco Polo. Biex jiġu attirati benefiċjarji potenzjali, tnediet kampanja pubbliċitarja li kienet immirata lejn 6 25  000 qarrejja.

    Is-sejħa għal proposti 2013 ġiet ippubblikata fis-26 ta’ Marzu; hija għalqet fit-23 ta’ Awwissu. Ġew riċevuti total ta' 61 proposta. Twettqu evalwazzjonijiet minn qabel bejn id-9 u l-20 ta' Settembru.

    Fis-sejħa għal offerti 2012, ġew negozjati b'suċċess 26 proġett mill-54 proposta riċevuta. Id-deċiżjoni tal-għotja ġiet adottata fit-23 ta’ Mejju (wara l-approvazzjoni mid-DĠ MOVE);

    Ġestjoni ta’ proġetti li għadhom għaddejjin: Twettqu 16-il verifikazzjoni fuq il-post. Barra minn hekk, iż-żmien li jittieħed sa ma tingħata l-għotja naqas drastikament bejn l-2012 u l-2013 (b'118-il jum), bis-saħħa tal-isforzi mwettqa mill-Unità Marco Polo biex jitqassar il-proċess ta' kkuntrattar.

    Matul l-aħħar tliet xhur, l-arranġamenti prattiċi għat-trasferiment tal-ġestjoni tal-Programm Marco Polo mill-EACI għall-INEA (mill-1 ta' Jannar 2014) komplew b'kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ Aġenziji. Messaġġ lill-partijiet interessati żgura li kulħadd kien konxju mill-bidliet fil-ġestjoni li kienu se jsiru.

    Programm EIP – Netwerk tal-Enterprise Europe

    Attivitajiet ewlenin

    Il-programm huwa magħmul minn aktar minn 600 organizzazzjoni sieħba f'aktar minn 50 pajjiż, inklużi t-28 Stat Membru tal-UE. Minbarra kompiti tal-ġestjoni tal-proġett għal 92 kuntratt (ftehimiet speċifiċi ta' għotja) u l-proġett IPeuropAware, l-EACI hija responsabbli wkoll mill-appoġġ tan-Netwerk Enterprise Europe u mill-ġestjoni tal-għodod u d-databases tal-IT użati għall-komunikazzjoni interattiva fost is-sħab tan-netwerk.

    F'Ġunju 2013, tnediet is-sistema l-ġdida tal-IT għan-Netwerk (il-proġett 'Merlin'). Dan l-avveniment maġġuri u ta' suċċess kien pass ewlieni lejn il-modernizzazzjoni tal-għodod tal-IT użati mis-sħab tan-Netwerk, li mhux biss se jiffaċilita l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejniethom iżda se jippermetti wkoll li titjib ulterjuri jsir b'mod effiċjenti.

    Il-konferenza annwali f'Vilnjus, organizzata b'assoċjazzjoni mal-Presidenza Litwana tal-Kunsill tal-UE, li saret sabiex jiġu promossi avvenimenti u politiki ta' rilevanza diretta għall-SMEs fil-livell tal-UE ma' sħab tan-Netwerk, attirat 725 parteċipant. Stħarriġ sussegwenti dwar is-sodisfazzjon wera livelli pożittivi ħafna ta' feedback (86 % tal-wiġġieba indikaw li huma kienu 'sodisfatti' jew 'sodisfatti ħafna').

    Fl-2013, l-Aġenzija kompliet tipprovdi appoġġ lis-sħab tan-netwerk fil-reklutaġġ ta' SMEs biex jieħdu sehem f'Missjonijiet għal Tkabbir, l-inizjattiva tal-Viċi President Tajani biex tiġi stimulata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi konċernati bħala mezz ta' ġenerazzjoni ta' tkabbir u ta' impjiegi fuq iż-żewġ naħat. L-Aġenzija kkontribwiet b'mod attiv għal disgħa minn dawn il-missjonijiet.

    F'April, l-Aġenzija pprovdiet lid-DĠ ENTR b'nota b'ideat konkreti għall-futur tan-Netwerk taħt il-COSME. In-nota ffukat fuq l-arkitettura kumplessiva tan-Netwerk u l-konsorzji reġjonali tiegħu, it-tisħiħ tal-bażi reġjonali tan-Netwerk, il-viżibbiltà, il-kompetenza u l-kwalità eċċellenti, id-divrenzjar ta' servizzi u ta' arranġamenti baġitarji kif ukoll dawk kuntrattwali. Id-dokument serva ta' input biex jgħin lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-aktar politika adatta, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenzi miksuba mill-ġestjoni ta' kuljum tan-Netwerk matul dawn l-aħħar snin.

    Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


    IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

    11:

    Bħal kull sena, fi tmiem l-2012 aħna rrevedejna l-impenji tagħna abbażi tal-aħjar għarfien tagħna u rriportajna madwar EUR 1,125 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagamenti (inqas minn 8 % tal-baġit tal-2012) biex jiġu koperti l-obbligi tagħna.

    Parti minn dawn l-approprjazzjonijiet riportati (0.215-il miljun euro) kienet finalment ikkanċellata peress li l-pagamenti fil-fatt dovuti kienu iktar baxxi milli kien mistenni. Ir-raġunijiet prinċipali kienu: l-ewwel, subkuntrattur li ma setax jagħti x-xogħol kollu tiegħu qabel tmiem is-sena; it-tieni, ammonti iktar baxxi mħallsa fuq ċerti impenji, minħabba fatturi esterni (il-kondiviżjoni ta’ spejjeż relatati mal-bini u f’SLAs, esperti li ħadmu fl-aħħar ġimgħat tal-2012); it-tielet, l-għadd ta’ linji baġitarji (aktar minn 20), li fformulaw l-ammonti żgħar ta’ ftit eluf ta’ euro jew inqas f’kull linja, ikkontribwixxa għall-ammont akkumulat ta’ 0,215-il muljun euro li l-Qorti tal-Awdituri rreferiet għalih.

    Madankollu huwa importanti li jiġi nnotat li dan l-ammont ta’ 0.215-il miljun euro kien 30 % iktar baxx mis-sena ta’ qabel (0,309 miljun euro) u kien jirrappreżenta 1,5 % biss tal-baġit amministrattiv tal-2012 tal-Aġenzija.

    L-istruttura l-ġdida tal-baġit amministrattiv adottata mill-2014, b’inqas linji baġitarji, għandha sa ċertu punt tagħmilha iktar faċli biex jitnaqqsu l-kanċellazzjonijiet ta’ approprjazzjonijiet riportati.


    Top