Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014TA1210(05)

    Rapport dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru

    ĠU C 442, 10.12.2014, p. 42–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 442/42


    RAPPORT

    dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru

    (2014/C 442/05)

    INTRODUZZJONI

    1.

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċentru”, magħruf ukoll bħala s-“Cedefop”), li jinsab f'Tessalonika, ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (1). Il-mandat prinċipali tiegħu huwa li jservi l-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-Unjoni. Sabiex jilħaq dan l-objettiv, huwa għandu l-kompitu li jiġbor u li jxerred dokumentazzjoni dwar is-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali (2).

    INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    2.

    L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll taċ-Ċentru. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

    DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

    3.

    Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

    (a)

    il-kontijiet annwali taċ-Ċentru, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

    Ir-responsabbiltà tal-maniġment

    4.

    Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

    (a)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali taċ-Ċentru jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali taċ-Ċentru wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tiegħu jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja taċ-Ċentru fl-aspetti materjali kollha.

    (b)

    Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

    Ir-responsabbiltà tal-awditur

    5.

    Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

    6.

    L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    7.

    Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    8.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali taċ-Ċentru jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tiegħu u l-flussi tal-flus tiegħu għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tiegħu u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    9.

    Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    10.

    Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

    SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

    11.

    Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

    Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Qorti tal-Awdituri

    Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

    President


    (1)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

    (2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

    (3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

    (4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

    (5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

    (6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

    (7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


    ANNESS I

    Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

    Sena

    Kumment tal-Qorti

    Status tal-azzjoni korrettiva

    (Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

    2011

    Il-livell eċċessiv ta’ riporti għat-Titolu II imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità.

    Ikkompletata

    2011

    Sar għadd sinifikanti ta' trasferimenti baġitarji li fil-biċċa l-kbira kienu konċentrati fi tmiem is-sena (1). Il-ġustifikazzjoni għal dawn it-trasferimenti baġitarji kienet insuffiċjenti, peress li ma saret l-ebda stima tal-ħtiġijiet. Din is-sitwazzjoni tindika dgħufijiet fl-ippjanar u l-programmazzjoni tal-baġit u tmur kontra l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni.

    Ikkompletata

    2012

    Iċ-Ċentru jagħti għotjiet fuq bażi annwali lil netwerk ta’ sħab nazzjonali (2) (il-firxa tal-għotjiet għal kull ftehim hija bejn EUR 23  615 u EUR 43  620). In-nefqa għall-għotjiet (li hija prinċipalment relatata mal-ispejjeż għall-persunal tal-benefiċjarji) fl-2012 ammontat għal EUR 6 95  337 (3), jew 4 % tan-nefqa operazzjonali totali. Il-verifikazzjonijiet ex ante tal-għotjiet taċ-Ċentru jikkonsistu f’analiżi komprensiva tad-dokumenti tal-klejms għall-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji tal-għotjiet, kif ukoll eżaminar taċ-ċertifikati miksuba minn awdituri esterni li kienu kkuntrattati mill-benefiċjarji jew taċ-ċertifikati minn uffiċjali pubbliċi indipendenti. Madankollu, iċ-Ċentru normalment ma jivverifikax l-ispejjeż għall-persunal ikklejmjati mill-benefiċjarji abbażi ta’ dokumentazzjoni oriġinali ta’ sostenn. L-aħħar li twettqu verifikazzjonijiet ex post relatati kien fl-2009. B’riżultat ta’ dan, il-verifikazzjonijiet ex ante jipprovdu biss aċċertament limitat.

    Ikkompletata

    2012

    Ir-rati ta’ implimentazzjoni tal-baġit kienu għoljin f’livell ta’ 100 % għat-Titoli I u III u 98 % għat-Titolu II. Filwaqt li r-riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati kienu għoljin għat-Titolu II f’livell ta’ 39 % (EUR 6 73  392), dan irriżulta prinċipalment minn raġunijiet barra mill-kontroll taċ-Ċentru, bħal dewmien f’xogħlijiet ta’ tiswija mwettqa mill-awtoritajiet Griegi fil-bini taċ-Ċentru. Dawn wasslu għal posponiment tal-manutenzjoni, it-tiswija u s-sistemazzjoni relatati tal-bini (madwar EUR 1 24  000), kif ukoll dewmien fl-akkwist ta’ tagħmir għas-swali tal-konferenzi taċ-Ċentru (madwar EUR 2 42  000). Parti mir-riporti tista’ tiġi attribwita għal dewmien fl-akkwist ta’ tagħmir tal-IT (madwar EUR 1 72  000).

    M/A

    2012

    Żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ għall-post tad-Direttur futur taċ-Ċentru kienu tnedew fl-2010 u fl-2011 u kien iddikjarat li t-tnejn li huma ma kellhomx suċċess (4). Fi tmiem l-2012 tnediet it-tielet proċedura ta’ reklutaġġ u din għadha għaddejja. Il-Qorti sabet li fl-ewwel żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ il-membri tal-Kumitat ta’ Preselezzjoni ma ffirmawx dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess u li l-mistoqsijiet għall-intervisti u l-ponderazzjoni tagħhom, kif ukoll il-punteġġi minimi għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa ġew stabbiliti wara l-iskrinjar tal-kandidati.

    Ikkompletata


    (1)  B'kollox, saru 77 trasferiment baġitarju, u li jammontaw għal EUR 1,5 miljun, li minnhom 67 trasferiment (EUR 1,3 miljun) saru f'Novembru u f'Diċembru 2011.

    (2)  Prinċipalment aġenziji u istituti tar-riċerka nazzjonali.

    (3)  Li jirriżultaw minn pagamenti finali u kklerjar ta' prefinanzjamenti relatati ma' ftehimiet ta' għotjiet minn snin preċedenti. Għall-ftehimiet ta' għotjiet tal-2012, saru biss prefinanzjamenti fl-2012 li kienu għadhom ma wasslux għal infiq.

    (4)  Fl-ewwel proċedura ta' reklutaġġ, ebda kandidat fuq il-lista mqassra tal-Bord Governattiv taċ-Ċentru ma nħatar mill-Kummissjoni Ewropea. Fit-tieni proċedura ta' reklutaġġ, il-Kumitat ta' Preselezzjoni qies li ebda wieħed mill-kandidati proposti ma kien jissodisfa r-rekwiżiti biex ikun fuq il-lista mqassra u ma ppreżentax lista ta’ kandidati adatti lill-Bord Governattiv.


    ANNESS II

    Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħrig Vokazzjonali (Tessalonika)

    Kompetenzi u attivitajiet

    Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

    (L-Artikolu 166(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

    Ġbir ta’ informazzjoni

    L-Unjoni għandha timplimenta politika ta' formazzjoni vokazzjonali, li għandha tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tal-formazzjoni vokazzjonali.

    Kompetenzi tas-CEDEFOP

    (L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75)

    Għanijiet

    Fil-kapaċità tiegħu bħala ċ-ċentru ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, is-Cedefop jipprovdi lil min ifassal il-politika, lir-riċerkaturi u lill-professjonisti b’evidenza dwar xejriet attwali biex ikunu jistgħu jilħqu deċiżjonijiet u azzjonijiet b’bażi soda. Is-Cedefop jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-promozzjoni u fl-iżvilupp ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-livell tal-Unjoni.

    Kompiti

    Li jiġbor dokumentazzjoni magħżula u jipproduċi analiżi tad-data,

    li jagħti sehem fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' riċerka,

    li jutilizza u jxerred informazzjoni rilevanti,

    li jħeġġeġ u jappoġġa ħidma koordinata għal kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp ta’ taħriġ vokazzjonali,

    li jipprovdi forum għal pubbliku wiesa’ u divers.

    Governanza

    Bord Governattiv

    Kompożizzjoni

    Għal kull Stat Membru:

    (a)

    Membru wieħed li jirrappreżenta l-Gvern.

    (b)

    Membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

    (c)

    Membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati.

    Għall-Kummissjoni Ewropea: tliet membri.

    Il-membri msemmija f’(a), (b) u (c) jinħatru mill-Kunsill. Il-Kummissjoni taħtar il-membri li għandhom jirrappreżentawha.

    Koordinaturi mill-organizzazzjonijiet ta' Min Iħaddem u tal-Impjegati fil-livell Ewropew u osservaturi mill-pajjiżi taż-ŻEE wkoll jattendu għal-laqgħat tal-Bord Governattiv u tal-Bureau.

    Doveri

    Li jadotta l-baġit, il-prijoritajiet fuq perjodu medju (l-ippjanar pluriennali tas-Cedefop) u l-programm ta’ xogħol u li jivvaluta u janalizza r-rapport annwali tal-attività u l-kontijiet annwali. Li jadotta l-baġit finali u t-tabella tal-persunal.

    Bureau

    Kompożizzjoni

    Il-president u t-tliet viċi presidenti tal-Bord Governattiv, koordinatur wieħed għal kull grupp u rappreżentant addizzjonali tal-Kummissjoni.

    Direttur

    Maħtur mill-Kummissjoni minn lista’ ta’ kandidati mogħtija mill-Bord Governattiv; huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-Cedefop u jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv u tal-Bureau.

    Awditu intern

    Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

    Awditu estern

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    Awtorità ta' kwittanza

    Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

    Riżorsi disponibbli għaċ-Ċentru fl-2013 (2012)

    Baġit finali

    EUR 18,53(19,22) miljun

    Kontribuzzjoni mill-Unjoni (1): 97,4 % (97,6 %)

    Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

    Għadd ta’ postijiet fit-tabella tal-persunal: 100 (101)

    Postijiet okkupati: 98 (2) (98)

    Persunal ieħor:

    persunal kuntrattwali: 23 (23)

    esperti nazzjonali sekondati: 4 (3)

    Total tal-persunal: 125 (124)

    persunal operazzjonali: 91 (90)

    amministrattiv: 34 (34)

    Prodotti u servizzi fl-2013 (2012)

    Analiżi tal-politika u rappurtar

    Is-Cedefop jimmonitorja l-progress tal-pajjiżi lejn riżultati fuq terminu qasir miftiehma fil-Bruges Communiqué. L-iskedi tal-pajjiżi li jagħtu sommarju tal-progress tal-politika ġew iffinalizzati għall-Istati Membri kollha tal-UE, għan-Norveġja u għall-Islanda u saru disponibbli għall-Kummissjoni Ewropea, li tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għas-simestru Ewropew. Biex iħejju għar-Rapport ta' monitoraġġ tal-politika tal-ETV 2014 tas-Cedefop, gruppi fokus b'membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (ACVT) ddiskutew l-effettività tal-politiki. Deskrizzjonijiet ta' sistemi nazzjonali tal-ETV ġew ippubblikati onlajn, għal 29 pajjiż, imħejjija minn sħab tar-ReferNet. Fokus fuq l-ETV fl-Irlanda tħejja għal-laqgħa ta' Marzu tad-DĠTV. Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-Litwanja – Deskrizzjoni fil-qosorFokus fuq l-ETV fil-Litwanja nħarġu għal-laqgħa tad-DĠTV f'Novembru u għall-Konferenza tal-Presidenza dwar l-ETV. Ir-rapport tas-Cedefop Lejn l-2020: data għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġie ppubblikat.

    Għodod komuni Ewropej, kwalifiki u eżiti tat-tagħlim

    Is-Cedefop ipprovda parir u kompetenza dwar il-politiki lil gruppi ta' ħidma fil-livell tal-UE biex jappoġġa l-implimentazzjoni ta' għodod tal-UE. L-istudju mis-Cedefop dwar kwalifiki fil-livell 5 tal-QEK u l-Analiżi ta' u ħarsa ġenerali lejn id-deskritturi tal-livelli tal-NQF f'pajjiżi Ewropej tiegħu kkontribwixxew direttament għall-implimentazzjoni tal-QEK/NQF. Ġie ppubblikat l-istudju tas-Cedefop Ir-rwol tal-kwalifiki fir-regolar ta' professjonijiet u okkupazzjonijiet. Inħarġet nota ta' informazzjoni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi tal-ECVET. Il-Europass irreġistra 20,85 miljun żjara (14,8 miljun) u 10,16 miljun (8,3 miljun) CV ġġenerati onlajn. Ġew diskussi l-kisbiet u l-isfidi relatati mal-għodod Ewropej matul ikla ta' ħidma mal-Parlament Ewropew. Ġie ppubblikat l-istudju tas-Cedefop It-tiġdid tad-dispożizzjoni tal-ETV: Nifhmu l-mekkaniżmi ta' feedback bejn l-ETV inizjali u s-suq tax-xogħol. In-nota ta' informazzjoni Inżommu ż-żgħażagħ fl-edukazzjoni (vokazzjonali): x'jaħdem? ġiet abbozzata għall-Konferenza tal-Presidenza Litwana dwar l-ETV.

    Tagħlim tal-adulti u tranżizzjonijiet

    Sar dibattitu dwar l-istudju tas-Cedefop Ir-Ritorn għax-Xogħol – tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' adulti qiegħda fis-suq tax-xogħol fil-konferenza dwar l-ETV tal-Presidenza Litwana. Ġew ippubblikati l-istudji tas-Cedefop Benefiċċji ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa għal nies, organizzazzjonijiet u pajjiżiEżiti ta' edukazzjoni vokazzjonali fl-Ewropa fis-suq tax-xogħol. Ġie ffinalizzat l-istudju tas-Cedefop dwar il-Validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali f'intrapriżi Ewropej u tqassmet sinteżi fis-seminar konġunt tas-Cedefop/DĠ EAC li mmarka l-bidu tas-segwitu għar-Rakkomandazzjoni 2012 tal-Kunsill dwar il-validazzjoni. Biex jappoġġa l-alleanza Ewropea għall-apprendistat, is-Cedefop organizza konferenza ta' livell għoli dwar 'It-tiġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex jiġi ttrattat in-nuqqas ta' qbil ta' ħiliet – tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u apprendistat għal kulħadd?'.

    Analiżi tal-ħiliet

    Is-Cedefop appoġġa l-iżvilupp tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE (EUSP) li huwa se jieħu r-responsabbiltà sħiħa għaliha mill-2014 'il quddiem. Inħarġu l-projezzjonijiet 2013 tas-Cedefop għall-provvista u d-domanda tal-ħiliet fl-Unjoni Ewropea. Mogħdijiet għall-irkupru: tliet xenarji għas-suq tal-ħiliet u tax-xogħol għall-2025 ta s-sejbiet ewlenin fil-qosor. Ġie ppubblikat id-dokument ta' riċerka tas-Cedefop Kwantifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta' ħiliet fl-Ewropa – Profili ta' ħiliet okkupazzjonali: metodoloġija u applikazzjoni. Ġew ippubblikati nota ta' informazzjoni u pubblikazzjoni Ħiliet għal Ewropa b'livell baxx ta' karbonju. Id-data u l-analiżijiet tas-Cedefop dwar in-nuqqas ta' qbil ta' ħiliet ikkontribwixxew għax-xogħol tal-Kunsill Aġenda Globali (GAC) dwar l-Impjieg tal-Forum Ekonomiku Dinji (WEF) u ġew ippreżentati fis-Summit 2013 dwar l-Aġenda Globali f'Abu Dhabi.

    Impatt organizzattiv

    L-evalwazzjoni (esterna) tas-Cedefop għall-perjodu 2007-2012 eżaminat jekk xogħlu kienx konsistenti mal-politiki Ewropej u ħarset lejn l-effiċjenza u l-impatt tiegħu u s-sinerġiji tiegħu ma' erba' aġenziji oħra tal-UE. Hija enfasizzat li: is-Cedefop kellu suċċess kbir fl-implimentazzjoni tal-objettivi li jinsabu fir-Regolament Fundatur tiegħu, u huwa rikonoxxut bħala ċentru dinji ta' kompetenza minn ta' quddiem nett fil-qasam ta' oqfsa ta' kwalifiki u ħiliet; xogħol is-Cedefop ma dduplikax l-attivitajiet ta' atturi oħra fil-livell Ewropew, nazzjonali jew internazzjonali; il-popolarità tal-prodotti u tad-downloads tiegħu kienet żdiedet b'mod sinifikanti; l-avvenimenti tiegħu kienu ta' kwalità għolja u s-sodisfazzjon tal-parteċipanti kienet għolja ħafna; l-operazzjonijiet kienu kosteffetivi. Is-Cedefop juża sistema ta' kejl tal-prestazzjoni (PMS) biex jgħin jimmaniġġja u jevalwa l-impatt, l-effiċjenza u l-effettività tiegħu. Is-sejbiet tas-Cedefop kienu kkwotati f'173 (169) dokument ta' politika fil-livell tal-UE. L-amministrazzjoni tas-Cedefop kompliet tappoġġa operazzjonijiet b'mod effettiv u effiċjenti. Stħarriġ fost il-persunal fl-2013 ikkonferma s-sodisfazzjon tal-persunal bis-servizzi ta' amministrazzjoni u appoġġ.

    Għal aktar informazzjoni ara www.cedefop.europa.eu (Rapport Annwali u Rapport Annwali tal-Attività 2013).


    (1)  Nota: Id-dħul assenjat mill-Ftehimiet ta' Delega tad-DĠ EMPL li ammontaw għal EUR 0,6 miljun fl-2013 (EUR 1,32 miljun fl-2012) huma inklużi.

    (2)  Dan jinkludi postijiet li huma effettivament mimlija (96) u offerti għall-impjieg li saru (2) għal postijiet battala (f’konformità mal-approċċ tal-Pjan Pluriennali għall-Politika tal-Persunal).

    Sors: Anness ipprovdut miċ-Ċentru.


    IR-RISPOSTA TAĊ-ĊENTRU

    Is-Cedefop ħa nota tar-rapport tal-Qorti.


    Top