Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AR1278

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

    ĠU C 415, 20.11.2014, p. 30–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/30


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

    2014/C 415/07

    Relatur

    Is-Sur Žagunis Sindku tal-Muniċipalità Distrettwali ta’ Panevėžys (LT/AE)

    Dokument ta’ referenza

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi

    COM(2014) 32 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    filwaqt li l-iżvilupp ta’ stil ta’ ħajja f’saħħtu huwa importanti saħansitra mill-età tal-iskola, u fir-rigward tal-kapaċità tal-UE li tagħti spinta lill-abbiltà tal-poplu li jgħix f’saħħtu u l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jadottaw u jimplimentaw miżuri appoġġjati mill-programmi konġunti Ewropej b’mod li huwa adattat għall-każijiet individwali;

    2.

    jisħaq li l-ikel organiku u li mhuwiex modifikat ġenetikament jifforma parti importanti minn dieta sostenibbli għat-tfal;

    3.

    filwaqt li nenfasizzaw is-sinifikat tal-iskema tal-frott u l-ħaxix li fiha pparteċipaw 25 Stat Membru (ir-Renju Unit, il-Finlandja u l-Isvezja mhumiex parteċipanti) u li minnha fl-2012/2013 ibbenefikaw 8,4 miljun tifel u tifla minn 61  396 skola; u l-iskema tal-ħalib li fiha pparteċipaw l-Istati Membri kollha u li minnha fl-2012/2013 ibbenefikaw 20,3 miljun tifel u tifla fl-UE kollha; filwqat li nenfasizzaw l-opportunitajiet li bbenefikaw minnhom l-Istati Membri parteċipanti;

    4.

    filwaqt li din l-inizjattiva leġislattiva, minkejja l-limiti tematiċi tagħha tolqot bosta oqsma importanti ta’ kompetenza tal-UE u tal-Istati Membri: il-PAK u s-suq uniku; is-saħħa pubblika u sa ċertu punt il-qasam tal-edukazzjoni;

    5.

    jilqa’ l-proposta li tfasslet b’referenza għar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2011 (1) li jingħaqdu l-programm ta’ provvista ta’ ħalib (introdott fl-1977 u estiż għall-iskejjel sekondarji fl-2008) u l-iskema tal-frott fl-iskejjel u li jiġu stabbiliti regoli uniformi għall-kofinanzjament, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet għal żieda fl-effiċjenza u titjib tal-koordinazzjoni;

    6.

    jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri, skont ir-Regolament Nru 1308/2013 kif inhu emendat, għandhom il-possibbiltà li jallokaw parti mill-fondi previsti għall-provvista tal-frott u ħaxix, banana u ħalib fl-iskejjel fi ħdan il-limiti nazzjonali (Artikolu 23a(4)); dan ma jiżgurax biss flessibbiltà ikbar fl-użu tar-riżorsi iżda joħloq ukoll kundizzjonijiet aħjar fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġu evitati problemi possibbli relatati mal-livell għoli u inkwetanti (f’ċertu każijiet ta’ 30 %) ta’ fondi mhux użati stabbiliti fl-istqarrija finanzjarja tal-proposta (Punt 1.5.1) u jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem f’din l-allokazzjoni;

    7.

    fl-istess ħin għandu dubji dwar l-ammont tal-fondi li l-Istati Membri jistgħu jallokaw kif jidhrilhom għall-proposta għal programm; jinnota li l-persentaġġ propost ta’ 15 % mhuwiex ibbażat fuq analiżi dettaljata, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-persentaġġ, li għandu jinbidel, tal-fondi li ma jintużawx fiż-żewġ programmi f’xi każijiet jammonta għal 30 %. Għaldaqstant, din il-proposta nnifisha ma tidhirx li hija konformi biżżejjed mal-prinċipji ta’ governanza tajba;

    8.

    jilqa’ d-dispożizzjoni tar-Regolament emendat Nru 1308/2013, li skontha l-Istati Membri jistgħu jattiraw fondi mill-privat jew iżidu l-fondi proprji mal-programm, bħala bażi tajba għall-iżvilupp ta’ sinerġiji fl-użu tal-fondi nazzjonali u Ewropej bil-għan li jinkiseb riżultat pożittiv u indipendenti mill-fehmiet tad-diversi Stati Membri;

    9.

    jipproponi li jittejbu r-regoli dwar l-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix u ħalib fl-iskejjel billi jkun possibbli li jiġu allokati mill-ġdid il-kwoti nazzjonali għall-għajnuna. F’każ li pereżempju ftit qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin tal-programm jinstab li Stat Membru ma jkunx uża l-fondi kollha allokati lilu l-ewwel pass għandu jkun li jiġi kkunsidrat it-trasferiment tal-fondi lil reġjuni li għamlu użu akbar mill-fondi tagħhom; sussegwentement għandu jkun possibbli li l-kwoti nazzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni jinqasmu mill-ġdid fost l-Istati Membri li jkunu użaw il-fondi tagħhom jew qabżuhom. B’hekk jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jimplimentaw ir-Regolament b’suċċess u dawk il-pajjiżi li ma jagħmlux dan bl-aktar mod effiċjenti jitħeġġu jagħmlu sforzi akbar;

    10.

    jenfasizza li l-prinċipji li qed jiġu applikati għal-allokazzjoni tal-kwoti fost l-Istati Membri, jiġifieri l-kriterju empiriku (X’użu għamlu mill-għajnuna fil-passat l-Istati Membri?) u t-tieni nett ir-rekwiżit mitlub (X’inhu l-proporzjon ta’ tfal ta’ bejn sitta u għaxar snin fil-popolazzjoni tal-Istati Membri?), huma formali wisq u jista’ jkun li mhumiex biżżejjed biex jiġu determinati b’mod effettiv il-bżonnijiet ta’ appoġġ;

    11.

    fir-rigward tad-diversità prevalenti fl-Ewropa, jipproponi li jiġi kkunsidrat l-iżvilupp ta’ aktar kriterji, li skonthom jiġu stabbiliti l-kwoti nazzjonali għall-iskemi tal-frott u ħaxix u tal-ħalib għall-iskejjel; dawn il-kriterji jistgħu jinkludu: il-livell ta’ żvilupp tar-reġjun u l-istatistika medja tan-nuqqas ta’ vitamini li hija kkalkulata abbażi tad-differenza bejn l-ammont oġġettiv ta’ frott (ikkalkolat bil-metodi li tuża l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa) li tirrikjedi d-dieta tat-tfal (400 g frott kuljum) u l-istatistika medja attwali tal-konsum tal-frott, id-drawwiet alimentari tradizzjonali (id-dieta tal-Istati Membri fin-Nofsinhar tradizzjonalment tinkludi aktar frott u ħaxix minn dik tal-Istati Membri fit-Tramuntana), eċċ.;

    12.

    jesprimi dubji dwar kemm hi adatta l-proposta tal-premessa 7 tal-proposta għal Regolament li tistipula li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta ċerti atti legali permezz ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw il-bilanċ bejn iż-żewġ kriterji, u jqis li dan huwa tentattiv li jiġu estiżi s-setgħat tal-Kummissjoni għad-detriment tas-setgħat tal-Istati Membri;

    13.

    jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-obbligu impost mir-Regolament fuq l-Istati Membri biex jimmonitorjaw il-programm (2) u b’mod partikolari fir-rigward tal-piż amministrattiv assoċjat ma’ dan l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lokali u reġjonali tal-Istati Membri u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-piż amministrattiv assoċjat mal-monitoraġġ tal-programm ikun kemm jista’ jkun minimu;

    14.

    jinsab imħasseb dwar il-prinċipju stabbilit fir-Regolament li skontu jiġi stabbilit ammont massimu għall-għajnuna tal-UE għal kull porzjon ta’ ikel minflok ma jiġi stabbilit persentaġġ speċifiku tal-għajnuna u jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati ma’ bażi ta’ kalkolu bħal dan, jiġifieri l-iffissar ta’ ammont speċifiku ta’ għajnuna, li fl-aħħar jista’ jwassal għall-użu ta’ prodotti bi prezz orħos iżda ta’ kwalità inferjuri; jipproponi li jiġu stabbiliti wkoll l-għajnuna finanzjarja tal-UE (il-limitu massimu) u l-ambitu speċifiku tal-għajnuna previsti għall-programm b’konformità wkoll mal-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    15.

    fid-dawl tar-riskju li jista’ jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tal-prodotti provduti minħabba l-iffissar tal-kontribut tal-UE għal kull porzjon ta’ ikel, jitlob lill-atturi kollha biex jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw u jikkontrollaw il-kwalità ogħlja tal-prodotti agrikoli provduti fil-qafas ta’ dan il-programm ta’ għajnuna;

    16.

    fir-rigward tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri jikkritika l-fatt li n-nuqqas ta’ strument għall-orjentazzjoni tal-għajnuna lejn l-aktar bżonnijiet prijoritarji kkontribwixxa bil-kbir għad-diverġenża bejn ir-riżultati u l-għanijiet stabbiliti tal-programm tal-provvista ta’ ħalib għall-iskejjel, u biex it-test tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1308/2013 (id-distribuzzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-istabbilimenti edukattivi) ma jindirizzax l-importanza li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali u reġjonali u li titqies l-esperjenza tagħhom fl-iżvilupp kontinwu tal-programm ta’ sitt snin għall-provvista ta’ frott u ħaxix;

    17.

    jitlob lill-Kummissjoni li, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li kwalunkwe sforz sabiex jiġu imposti rekwiżiti fil-livell tal-UE relatati ma’ konsultazzjonijiet intrastatali fuq l-Istati Membri għandu jitqies bħala ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fir-Regolament tirrakkomanda lill-Istati Membri jużaw iktar l-informazzjoni li jistgħu jipprovdulhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala istituzzjonijiet li huma l-eqreb tal-utent aħħari u tal-gruppi kkonċernati; dawn għandhom jiġu involuti b’mod partikolari fis-seduti b’rabta mat-tħejjija tal-programmi nazzjonali ta’ sitt snin għall-provvista ta’ frott u ħaxix;

    Il-kontenut tal-programm

    18.

    jinnota li meta l-konsum tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib ikun parti mid-drawwiet tal-bniedem ikollu impatt ekonomiku fit-tul u jgħin biex jinkisbu l-għanijiet Ewropej komuni li tiżdied il-kompetittività u tissaħħaħ il-koeżjoni;

    19.

    jinnota li l-prodotti tal-ikel, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, huma prodotti lokali. Il-promozzjoni tal-konsum ta’ dawn il-prodotti għalhekk iżżid id-domanda attwali u fil-livell globali tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-PAK; barra minn hekk, meta t-tfal jitħeġġu jieklu ikel iktar bnin ikunu qed jitrawwmu drawwiet ta’ dieta tajba u jiġi promoss il-konsum sostenibbli fil-ġejjieni. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-konsum ta’ frott, ħaxix u ħalib għandha titqies bħala parti mill-isforzi li qed isiru sabiex tiżdied il-kompetittività tal-Ewropa;

    20.

    fid-dawl tad-diskussjonijiet attwali dwar il-livell ta’ proċessar tal-prodotti eliġibbli taħt dan il-programm ta’ għajnuna u fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju li titrawwem dieta b’saħħitha mit-tfulija, jipproponi li l-għajnuna finanzjarja mill-programm tiġi limitata għal dawk il-prodotti li mhumiex proċessati jew ftit li xejn huma proċessati u li ma jinkludu l-ebda addittivi dannużi, dolċifikanti, sustanzi aromatizzanti jew melħ;

    21.

    fid-dawl tad-diversità fl-Ewropa jqis bħala inutli t-tentattiv li jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew it-tipi ta’ frott u ħaxix li ser jiġu provduti mill-programm fl-iskejjel; minflok, kull Stat Membru, fil-livell lokali u reġjonali, għandu jiddeċiedi huwa stess liema frott, ħaxix u prodotti tal-ħalib huma adatti biex jiġu provduti fl-iskejjel;

    22.

    jikkritika l-proposti li l-provvista tal-ħalib tal-programm il-ġdid tkun limitata esklużivament għall-ħalib tax-xorb; huwa tal-opinjoni li anke l-prodotti tal-ħalib mingħajr addittivi dannużi għandhom ikunu eliġibbli: prodotti tal-ħalib naturali (bl-ebda zokkor miżjud) bħall-jogurt u l-ġobon artab frisk;

    23.

    jinnota li l-limitazzjoni tal-firxa tal-prodotti mhux biss tnaqqas l-għażla tat-tfal u tagħmel il-programm inqas attraenti iżda twassal ukoll biex dawk it-tfal li għandhom intolleranza għal-lattosju iżda li jittolleraw prodotti tal-ħalib iffermentati bħall-jogurt ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn dan il-programm;

    24.

    jenfasizza l-importanza tal-kwalità ta’ prodotti provduti fil-qafas tal-programm ta’ għajnuna – kwistjoni li hija kważi minsija fir-Regolament; il-konsultazzjonijiet li saru mal-benefiċjarji, l-iskejjel kif ukoll mal-imsieħba soċjali u ekonomiċi oħra wrew li sabiex jinkisbu kwantitajiet ikbar għall-istess prezz, u minħabba l-proċedura formali tal-akkwist sikwit saru kompromessi fil-kwalità tal-ikel li tqassam lit-tfal;

    25.

    għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw miżuri li jistabbilixxu standards minimi għall-kwalità tal-ikel imqassam fl-iskemi ta’ għajnuna u li tiġi żgurata konformità ma’ dawn l-istandards;

    26.

    jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jgħid li l-iskema tal-ħalib għall-iskejjel mhix effiċjenti ħafna u ma kisbitx ir-riżultati mistennija billi l-prodott sussidjat wisq probabbli xorta kien jiġi inkluż mal-ikla li tingħata l-iskola jew kien jinxtara mill-benefiċjarji anki mingħajr sussidju. Barra minn hekk it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ma qisux biżżejjed l-għanijiet edukattivi stabbiliti (3);

    27.

    għal din ir-raġuni u fir-rigward tal-valur tal-ħalib għat-tfal, jitlob lill-Istati Membri jevalwaw id-domanda għall-prodotti tal-ħalib li ser jitqassmu fil-programm għall-iskejjel u li l-appoġġ finanzjarju tal-UE jintuża biss biex biex il-ħwienet tal-ikel tal-iskejjel ikollhom provvista ta’ prodotti tal-ħalib konformi ma’ dieta tajba u livell għoli ta’ sustanzi;

    28.

    jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istatistika allarmanti li turi li fl-UE kollha, 22 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed (4) u 5 miljun huma saħansitra obeżi u li fl-2011 iċ-ċittadini adulti tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (5); f’dan il-kuntest jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-iskejjel bħala l-postijiet li jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja, biex jgħallmuhom dwar dieta tajba u jgħinuhom jiżviluppaw drawwiet ta’ dieta tajba;

    29.

    f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ħafna drabi jmexxu l-istabbilimenti edukattivi, fil-promozzjoni ta’ stil tajjeb ta’ ħajja u u jitlob li l-miżuri u l-kooperazzjoni fil-qasam jingħataw iktar prijorità;

    30.

    iqis b’mod pożittiv ir-rekwiżiti ta’ kwalità (6) fir-regolamenti fis-seħħ s’issa u jirrakkomanda li jinżammu u jissaħħu aktar – jekk ikun possibbli – fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-esperti tad-dieta;

    31.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja l-firxa ta’ inizjattivi reġjonali, nazzjonali u Ewropej tas-saħħa (7), l-ambjent soċjali ġenerali huwa ta’ ħsara għal stil ta’ ħajja f’saħħtu: fl-2011 iċ-ċittadini tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (8); f’dan il-kuntest jesprimi d-dubji tiegħu dwar l-età massima stabbilita fl-iskema li tillimita l-programm għat-tfal ta’ bejn sitta u għaxar snin u jqis li dan mhux biżżejjed biex jiġu żviluppati drawwiet ta’ dieta tajba fiċ-ċirkustanzi diffiċli attwali; jirrakkomanda għalhekk li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-programm jiġi estiż biex jinkludi kemm it-tfal tal-crèche, il-kindergarten jew kwalunkwe faċilità oħra ta’ qabel l-iskola u t-tfal li għandhom iktar minn 10 snin;

    L-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent

    32.

    jirreferi għall-aspetti relatati mal-iżvilupp sostenibbli tal-provvista tal-frott, ħaxix u ħalib u b’mod partikolari għall-impatti negattivi tat-trasportazzjoni tal-prodotti fuq l-ambjent u s-saħħa tal-popolazzjoni; f’dan il-kuntest jitlob li fil-qafas ta’ dan il-programm ta’ għajnuna jiġu provduti prodotti lokali jew manifatturati/ikkultivati fir-reġjuni tal-madwar;

    33.

    fir-rigward tal-aspetti relatati mal-iżvilupp sostenibbli u l-ħtieġa li titrawwem kultura ta’ konsum sostenibbli fost iċ-ċittadini tal-UE sa minn età żgħira, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu diskussjoni komprensiva bejn l-esperti u l-politiċi dwar l-istabbiliment ta’ possibbiltajiet legali biex jingħataw preferenza l-frott, il-ħaxix u l-prodotti tal-ħalib reġjonali, bil-possibbiltà ta’ derogi minn atti leġislattivi għall-akkwist pubbliku jew l-adattament tagħhom;

    34.

    jitlob li dawn il-programmi jagħmluha possibbli li tingħata prijorità lill-produzzjonijiet lokali u kummerċjali b’ċirkwit qasir, u li tingħata wkoll prijorità għall-prodotti mill-agrikoltura bijoloġika;

    Effetti edukattivi potenzjali

    35.

    jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istatistika allarmanti li turi li fl-UE kollha, 22 miljun tifel u tifla għandhom piż żejjed u 5 miljun huma saħansitra obeżi u li fl-2011 iċ-ċittadini adulti tal-UE-27 ikkonsmaw medja annwali ta’ inqas minn nofs l-ammont ta’ frott u ħaxix li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (9); f’dan il-kuntest jenfasizza li l-iskejjel jaqdu rwol importanti biex jippreparaw liż-żgħażagħ għall-ħajja u biex jistimulaw l-iżvilupp ta’ drawwiet ta’ dieta tajba;

    36.

    f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li ħafna drabi jmexxu l-istabbilimenti edukattivi, fil-promozzjoni ta’ stil tajjeb ta’ ħajja u jitlob li jingħata rwol akbar lill-azzjoni u kooperazzjoni f’dan il-qasam;

    37.

    jirreferi għall-impatt edukattiv potenzjali tal-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib li jeduka aktar liż-żgħażagħ kemm dwar l-UE kif ukoll dwar l-agrikoltura, biex il-konsumaturi u l-produtturi lokali tal-ikel joqorbu aktar lejn xulxin u biex tiġi promossa agrikoltura lokali rispettuża għall-ambjent, it-trobbija tal-bhejjem, l-ikel tajjeb għas-saħħa u dak li mhuwiex, dieta bbilanċjata, il-konnessjoni bejn l-ikel ikkonsmat u s-saħħa tagħhom stess u t-tnaqqis tal-ħela tal-ikel; u jilqa’ l-possibbiltà proposta permezz tal-fondi tal-programm il-ġdid li jiġu ffinanzjati wkoll miżuri ta’ akkumpanjament bħal pereżempju għas-sensibilizzazzjoni tal-benefiċċji ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u neċessarju;

    38.

    jirreferi għar-riżultati ta’ xi studji xjentifiċi li juru li l-proliferazzjoni tal-ikel mhux tajjeb għas-saħħa u l-obeżità jistgħu biss jiġu miġġielda b’suċċess permezz ta’ miżuri sofistikati fejn kemm l-iskejjel, il-ġenituri, kif ukoll is-soċjetà jkunu involuti fl-edukazzjoni nutrizzjonali tat-tfal; f’dan ir-rigward iqis li kampanja ta’ edukazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni immirata lejn dawn il-gruppi hija parti integrali mill-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel (10);

    39.

    huwa u jikkunsidra t-tendenzi attwali żviluppati mis-soċjetà tal-konsum dwar il-konsum ta’ prodotti ppreżentati u ppakkjati b’mod li jolqot l-għajn u fid-dawl tal-fatt li l-preżentazzjoni attraenti sikwit hija assoċjata mal-konsum ta’ sustanzi li l-effett tagħhom fuq is-saħħa mhuwiex magħruf u fid-dawl tal-programm analizzat, jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-informazzjoni dwar ikel mhux ipproċessat u dwar il-benefiċċji tan-nutrijenti li jinkludi;

    40.

    jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni li għall-kuntrarju ta’ dak li sar fil-każ tal-iskema tal-ħaxix, s’issa ftit ġew implimentati miżuri edukattivi relatati mal-iskema tal-ħalib (11), u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma f’pożizzjoni li jwettqu dawn il-miżuri b’mod effiċjenti billi jadottawhom għall-bżonnijiet ta’ informazzjoni tat-tfal ta’ kull lokalità jew reġjun;

    41.

    fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-fatt li l-programmi ta’ edukazzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li l-intervent tal-UE jista’ ma jkunx adatt, jipproponi li l-attivitajiet kollha ta’ taħriġ assoċjati mal-programm għall-provvista ta’ frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel jitwettqu prinċipalment fil-livell nazzjonali. u li ma jiġi impost l-ebda livell minimu ta’ finanzjament.

    II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

    Emenda 1

    Artikolu 23(2)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (2)   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-paragrafu 1 (“l-iskema għall-iskejjel”) jistgħu jqassmu l-frott jew il-ħaxix inklużi l-banana jew il-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0401, jew it-tnejn li huma.

    (2)   L-Istati Membri li jixtiequ jieħdu sehem fl-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-paragrafu 1 (“l-iskema għall-iskejjel”) jistgħu jqassmu l-frott jew il-ħaxix inklużi l-banana jew il-ħalib li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0401, jew prodotti oħra tal-ħalib mingħajr zokkor bħall-jogurt (li la jkunu aromatizzati u lanqas ikun fihom frott, lewż jew kawkaw NM 0403 10 11 sa 0403 10 39) jew ġobon artab u baqta (NM 0406) jew it-tnejn li huma.

    Raġuni

    Ara punt 21 tal-Abbozz ta’ opinjoni.

    Emenda 2

    Artikolu 23 (3)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (3)   Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom ifasslu, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull 6 snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista’ tiġi emendata minn Stat Membru, b’mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. L-istrateġija tal-inqas għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ prijoritajiet, il-popolazzjoni fil-mira, ir-riżultati mistennija u l-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u jistabbilixxu l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (3)   Bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, l-Istati Membri għandhom ifasslu, qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fl-iskema għall-iskejjel, u mbagħad kull 6 snin, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema. L-istrateġija tista’ tiġi emendata minn Stat Membru, b’mod partikolari fid-dawl tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni interim. L-istrateġija tal-inqas għandha tidentifika l-ħtiġijiet li għandhom jiġu ssodisfati, il-klassifikazzjoni tal-ħtiġijiet f’termini ta’ prijoritajiet, il-popolazzjoni fil-mira, ir-riżultati mistennija u l-miri kwantifikati li għandhom jinkisbu fir-rigward tas-sitwazzjoni inizjali, u jistabbilixxu l-istrumenti u l-azzjonijiet l-aktar xierqa biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    Raġuni

    Tenttativ għall-armonizzazzjoni amministrattiva tal-proċedura. Ara wkoll punt 10 tal-Abbozz ta’ opinjoni.

    Emenda 3

    Artikolu 23 a (8)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (8)   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-postijiet fejn jitqassam l-ikel, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fl-istabbilimenti edukattivi.

    (8)   L-Istati Membri li jieħdu sehem fl-iskema għall-iskejjel għandhom jippubbliċizzaw, fil-postijiet fejn jitqassam l-ikel, l-involviment tagħhom fl-iskema u l-fatt li din hija ssussidjata mill-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-valur miżjud u l-viżibbiltà tal-iskema għall-iskejjel tal-Unjoni fir-rigward tal-provvista ta’ ikliet oħra fl-istabbilimenti edukattivi.

    Emenda 4

    Artikolu 24 (1)

    Test propost mill-Kummissjoni

    Emenda tal-KtR

    (a)

    il-kriterji addizzjonali relatati mal-immirar tal-għajnuna mill-Istati Membri;

    (a)

    il-kriterji addizzjonali relatati mal-immirar tal-għajnuna mill-Istati Membri;

    (b)

    l-approvazzjoni u l-għażla tal-applikanti għall-għajnuna mill-Istati Membri;

    (b)

    l-approvazzjoni u l-għażla tal-applikanti għall-għajnuna mill-Istati Membri;

    (c)

    it-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali u l-miżuri edukattivi ta’ sostenn.

    (c)

    it-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali jew reġjonali u l-miżuri edukattivi ta’ sostenn.

    Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta’ dieta bnina għat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel hija mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar:

    Sabiex jiġu promossi d-drawwiet ta’ dieta bnina għat-tfal u biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-iskema għall-iskejjel hija mmirata lejn it-tfal fil-grupp fil-mira msemmi fl-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 li jikkonċernaw regoli dwar:

    Raġuni

    Ara punt 11 tal-Abbozz ta’ opinjoni.

    Brussell, 7 ta’ Ottubru 2014

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Michel LEBRUN


    (1)  Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Huma effettivi l-iskemi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-Iskejjel?”, ECA/11/35, 24.10.2011.

    (2)  Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013.

    (3)  Rapport Speċjali Nru 10/2011 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri “Huma effettivi l-iskemi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-Iskejjel?”, ECA/11/35, 24.10.2011.

    (4)  School Fruit Scheme, http://ec.europa.eu/agriculture/sfs/european-commission/index_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti)

    (5)  Minkejja żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp

    (6)  Dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti tal-ħalib: il-persentaġġ skont il-piż tal-ħalib m’għandux ikun inqas minn 90 % tal-prodott, il-kontenut taz-zokkor huwa limitat (għal inqas minn 7 %), il-frott u l-ħaxix għandhom jikkorrespondu mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-UE, huwa projbit li jiżdied iz-zokkor fil-meraq magħsur.

    (7)  Fit-30 ta’ Mejju 2007 il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper “L-alimentazzjoni, il-piż żejjed, l-obeżità: Strateġija għall-Ewropa”.

    (8)  Minkejja żieda ta’ 2 % meta mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp

    (9)  Minkejja żieda ta’ 2 % metaq mqabbel mal-2010, fl-2011, ċittadin tal-UE-27 ikkonsma medja ta’ 185,52 gramma frott u ħaxix kuljum, ferm inqas mill-400 g kuljum li tirrakkomanda l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Ara l-monitoraġġ tal-konsum tal-Freshfel, http://www.freshfel.org/asp/what_we_do/consumption_monitor.asp

    (10)  Public Health Nutr. Ottubru 2009. 12(10):1735-42. doi: 10.1017/S1368980008004278. Epub 2008 Diċembru 23. Downward trends in the prevalence of childhood overweight in the setting of 12-year school- and community-based programmes. [Tendenzi negattivi fil-prevalenza tal-obeżità fit-tfulija fit-tfassil ta’ programmi fuq perjodu ta’ tnax-il sena bbażati fuq il-komunità u l-iskejjel].

    (11)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi – COM(2014) 32 final, 30.1.2014.


    Top