Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IR2645

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-turiżmu kostali u marittimu

    ĠU C 415, 20.11.2014, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 415/9


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Ewropea għat-turiżmu kostali u marittimu

    2014/C 415/03

    Relatur

    Vasco Ilídio Alves Cordeiro (PT/PSE)

    President tal-Gvern Reġjonali Awtonomu tal-Azores

    Dokument ta' referenza

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea għal aktar tkabbir ekonomiku u impjiegi fit-turiżmu marittimu u kostali,

    COM(2014) 86 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    1.

    jilqa' l-ewwel strateġija Ewropea dwar it-turiżmu kostali u marittimu u r-rikonoxximent tal-importanza ta' qafas ċar u sostenibbli għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

    2.

    jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur tindirizza wkoll is-sitwazzjoni tat-turiżmu f'reġjuni oħra karatterizzati minn kundizzjonijiet naturali partikolari, pereżempju r-reġjuni muntanjużi jew b'densità baxxa tal-popolazzjoni, u tiżviluppa strateġiji speċifiċi għalihom;

    3.

    jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-turiżmu; jilqa' l-integrazzjoni tat-turiżmu kostali u marittimu f'politiki rilevanti oħra tal-UE bħall-konnettività tal-IT, it-trasport, l-ambjent, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-konsumatur u l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;

    4.

    jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni Ewropea tan-natura speċifika tal-gżejjer u destinazzjonijiet remoti oħra fir-rigward tal-aċċessibbiltà, l-ispejjeż tat-trasport, id-dipendenza mill-istaġuni u l-konnettività u l-impatt tagħhom fuq it-turiżmu u l-ekonomija;

    5.

    sabiex tiġi implimentata din l-istrateġija, iqis li hemm bżonn jiġi definit u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala “turiżmu kostali u marittimu”, b'tali mod li ma jinkludix biss turiżmu bbażat fuq il-baħar u l-bajjiet, il-kruċieri u t-tbaħħir bil-jottijiet, id-dgħajjes u l-attivitajiet konnessi fuq l-art (1), iżda jinkludi wkoll attivitajiet u sport relatati mal-baħar bħall-għadis, l-osservazzjoni ta' annimali selvaġġi u l-attivitajiet ibbażati fuq il-mewġ u r-riħ u dawk marbutin mat-turiżmu kulturali: għandhom jidħlu f'din il-kategorija l-iskoperta tal-wirt u l-gastronomija, il-parteċipazzjoni f'avvenimenti kulturali u t-tagħlim dwar tipi u metodi differenti ta' sajd;

    6.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE jiġu appoġġjati b'opportunitajiet adatti ta' finanzjament provduti fi ħdan il-qafas finanzjarju l-ġdid u li jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà; b'hekk din l-istrateġija tiġi żviluppata f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati u tinvolvi koordinazzjoni bejniethom;

    7.

    jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut li t-turiżmu, fir-reġjuni kostali u marittimi, jista' jsaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar il-bżonn li tinkiseb sostenibbiltà ambjentali u kulturali, kif ukoll li jissaħħaħ u jiġi ppreservat il-wirt marittimu Ewropew, u jħeġġeġ tendenzi ta' mġiba (turiżmu responsabbli u parteċipattiv) li jistgħu jwasslu biex dawn l-għanijiet jinkisbu;

    8.

    jenfasizza l-pressjoni, li kulma jmur qed tiżdied, fuq ir-riżorsi naturali minħabba diversi użi u attivitajiet ekonomiċi żviluppati tul il-kosta Ewropea u jappella li l-istrateġiji dwar il-baċir tal-baħar jindirizzaw b'mod urġenti l-kwistjonijiet relatati ma' dawn l-attivitajiet, b'mod partikolari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-użu ta' enerġiji rinnovabbli, il-ġbir, il-ħżin u l-ipproċessar tal-iskart, it-telf tal-bijodiversità, il-qerda tal-ħabitats naturali, id-degradazzjoni kostali u l-erożjoni tal-ħamrija, il-protezzjoni tal-ilma potenzjalment tajjeb għax-xorb u t-trattament tal-ilma mormi; iqis li dawn l-isfidi jmorru lil hinn mill-kompetenzi ta' kwalunkwe reġjun jew pajjiż individwali u li jinħtieġu azzjoni koordinata madwar il-baċir kollu tal-baħar flimkien mal-finanzjament meħtieġ u skambju effettiv tal-aħjar prattiki;

    9.

    itenni li l-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq u jiġu prevenuti kemm jista' jkun permezz tal-protezzjoni u l-irkurpru ta' żoni naturali kif ukoll billi t-turiżmu jiġi inkorporat fi skema ta' Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali;

    10.

    jirrikonoxxi r-rwol tal-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi Ewropej (pereżempju l-istatus tal-Bandiera Blu, il-Premju tal-Kosta ta' Kwalità, l-Istrateġija Ewropea għat-Tkabbir Blu) fil-promozzjoni tal-prinċipji ta' kwalità tat-turiżmu Ewropew bħall-protezzjoni ambjentali, it-turiżmu sostenibbli, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fost ir-reġjuni kostali u marittimi Ewropej, u jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi djalogu mal-istituzzjonijiet li jippromovuhom sabiex l-impatt tagħhom jitwessa' u r-reġjuni jitħeġġu jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn b'mod volontarju;

    11.

    jemmen li l-istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Blu flimkien mal-innovazzjoni toffri opportunità importanti biex tissaħħaħ l-ekonomija lokali u reġjonali u toħloq l-impjiegi, li jistgħu jwasslu biex ir-reġjuni kostali jsiru aktar attraenti għat-turisti. Fl-Opinjoni tal-KtR CoR-2014-02645-00-01 wieħed jista' jsib proposti dwar l-innovazzjoni u t-Tkabbir Blu;

    Dwar il-prestazzjoni u l-kompetittività

    12.

    jenfasizza li, għalkemm it-turiżmu kostali u marittimu renda aktar qligħ fl-aħħar deċenju mit-turiżmu inġenerali, in-nefqa medja għal kull lejl u t-tul medju taż-żjara naqsu; għaldaqstant iqis li huwa ta' importanza assoluta li din it-tendenza tiġi miġġielda u jiżdiedu n-nefqa u t-tul taż-żjajjar fiż-żoni kostali u marittimi permezz ta' miżuri xierqa innovattivi, filwaqt li tiġi indirizzata l-problema tad-dipendenza mill-istaġuni;

    13.

    jenfasizza l-ħtieġa li r-reġjuni kostali u marittimi Ewropej jiżviluppaw strateġiji lokali mmirati lejn il-konservazzjoni, it-tisħiħ, u l-promozzjoni ta' karatteristiċi lokali ta' natura distintiva u b'hekk tiżdied il-viżibbiltà tagħhom bħala destinazzjonijiet turistiċi;

    14.

    josserva li qed tiżdied id-domanda għat-turiżmu speċjalizzat, bħal dak fis-setturi tas-saħħa, mediku, tal-isports, l-avventura, l-annimali selvaġġi, in-natura, l-ekogastronomija, tal-kultura u tal-lussu. Dawn ilkoll jippreżentaw potenzjal ta' tkabbir, żvilupp ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi;

    15.

    jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sensiela ta' offerti integrati tat-turiżmu li tinvolvi partijiet interessati differenti mill-komunitajiet lokali u li tħeġġeġ il-ħolqien ta' impjiegi fir-reġjuni; jinnota l-potenzjal għall-ħolqien ta' konnessjonijiet bejn l-attivitajiet tradizzjonali fir-reġjuni kostali u marittimi Ewropej (pereżempju l-agrikoltura u s-sajd, l-għelejjel lokali, il-produzzjoni tal-inbid, il-wirt u t-tradizzjonijiet u l-użanzi lokali) sabiex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu ġodda, kif ukoll rabtiet bejn attivitajiet li jagħmlu t-turiżmu inqas dipendenti mill-istaġuni bħall-isport marbut mal-baħar u dak li jikkombina l-baħar u x-xatt;

    16.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor eżempji ta' prattika tajba u tippubblika studju dwar il-konverżjoni mill-ġdid ta' destinazzjonijiet tat-turiżmu tal-massa, u dwar eżempji ta' proġetti stabbli u integrati fil-qasam tat-turiżmu fir-reġjuni kostali u marittimi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi dibattitu dwar ir-riżultati ta' studju bħal dan ma' konferenza pan-Ewropea li tgħaqqad lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet interessati;

    17.

    jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dipendenza mill-istaġuni sikwit taffettwa t-turiżmu kostali u marittimu aktar milli taffettwa destinazzjonijiet oħra li għandhom fluss ta' wasliet aktar ibbilanċjat; għaldaqstant jenfasizza li dawn ir-reġjuni għandhom bżonn aktar għajnuna biex jiddiversifikaw il-flussi tat-turiżmu tagħhom u jħeġġeġ il-komunità kummerċjali lokali tippromovi u tuża b'mod kreattiv il-wirt lokali tagħha u l-provvista tas-servizzi sabiex toffri firxa usa' ta' prodotti u servizzi li tmur lil hinn mil-livell lokali, irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp;

    Dwar it-titjib tal-għarfien biex tiżdied il-kompetittività

    18.

    jappoġġja l-użu tal-għodod tal-IT u tal-innovazzjoni bħala mezz biex tittejjeb il-viżibbiltà tar-reġjuni kostali u marittimi u jitlob li l-Kummissjoni ttejjeb is-sezzjoni dwar it-turiżmu tal-Atlas Ewropew tal-Ibħra sabiex iżżid l-għarfien dwar ir-reġjuni kostali u marittimi, il-valuri tagħhom u l-attrattività tagħhom kemm għat-turisti u għal reġjuni oħra;

    Dwar il-forza tax-xogħol, il-ħiliet u l-innovazzjoni

    19.

    jirrikonoxxi l-isfidi li s-settur tat-turiżmu jiffaċċja sabiex joħloq impjiegi sostenibbli, iżid il-pagi offruti u jattira ħaddiema kkwalifikati;

    20.

    jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fis-settur tat-turiżmu permezz tal-Erasmus Plus u tistabbilixxi programm ta' skambju u taħriġ għar-reġjuni kostali u marittimi, immirat b'mod partikolari lejn iż-żgħażagħ, fl-istaġun il-baxx sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali kif ukoll jiġu skambjati eżempji ta' prattika tajba u titrawwem l-intraprenditorija fost din il-forza tax-xogħol;

    21.

    jappoġġja l-iżvilupp ta' clusters fost l-SMEs fis-settur tat-turiżmu bħala mezz biex jiġu provduti servizzi tat-turiżmu komplementari u ta' kwalità (pereżempju servizzi ta' akkomodazzjoni, trasport, rikreazzjoni) u għaldaqstant tiġi provduta firxa aktar diversifikata u kompluta ta' offerti fis-settur tat-turiżmu; jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu clusters bħal dawn fost l-intrapriżi lokali permezz tat-twaqqif ta' forums għad-djalogu u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati pubbliċi u privati fil-qasam tat-turiżmu, pjattaformi konġunti li jippreservaw l-identità, l-integrazzjoni u l-immaġni tad-destinazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jipprevedu tipi ta' eżenzjonijiet mit-taxxa u/jew jistabbilixxu inċentivi fiskali għall-SMEs li jingħaqdu fi clusters u jippromovu proġetti;

    22.

    jaqbel mal-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-SMEs li jappoġġjaw il-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli f'oqsma bħas-sigurtà ambjentali u alimentari, il-ġestjoni tal-ilma u l-iskart u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

    23.

    jinnota li l-proċeduri tal-liċenzjar u l-kwalifiki meħtieġa għall-operaturi tad-dgħajjes rikreattivi jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u jinsab imħasseb li dan jista' jxekkel l-iżvilupp tas-settur; jissuġġerrixxi rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tan-navigazzjoni rikreazzjonali u r-rekwiżiti għall-kaptani bħala soluzzjoni u jitlob lill-Kummissjoni tanalizza din il-kwistjoni. Din ir-rakkomandazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni tat-taħriġ u l-ħiliet tista' tiġi estiża għall-persunal li jaħdem fil-marini, li jirċievi taħriġ u jkollu kopertura legali u kundizzjonijiet tax-xogħol li jvarjaw skont l-Istat Membru kkonċernat;

    24.

    iqis li, madankollu, l-valur miżjud tal-korsijiet miftuħa onlajn biex jiġu aġġornati jew orjentati mill-ġdid il-ħiliet fil-qasam kostali u marittimu ma jistgħux jinjoraw il-komponent tal-prattika taċ-ċertifikazzjoni;

    Dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà u l-aċċessibbiltà

    25.

    itenni li ż-żoni kostali huma fost l-aktar żoni vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali u li l-impatt ta' fenomeni bħal dawn huwa kbir ħafna u jista' jaffettwa b'mod negattiv il-ħajja u l-għajxien ta' komunitajiet kostali u marittimi, b'mod partikolari fil-gżejjer; għaldaqstant jaqbel ma' skema ta' ġestjoni marittima integrata li tippromovi l-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni kostali permezz ta' approċċ li jirrispetta l-limiti tar-riżorsi naturali u l-ekosistemi;

    jenfasizza l-każ partikolari tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi fejn il-limitazzjonijiet taż-żoni eżistenti u t-trikkib bejn l-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni kostali jirrikjedu għajnuna akbar mill-fondi tal-UE sabiex jiġu prevenuti riskji bħal dawn, li jistgħu jfixklu l-attivitajiet ekonomiċi. Dan l-appoġġ għandu jiġi garantit b'mod partikolari għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġija għall-ġestjoni integrata taż-żoni kostali;

    26.

    sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tat-turiżmu kostali u marittimu f'żoni protetti (pereżempju mogħdijiet għall-mixi) fejn ikun hemm annimali selvaġġi (pereżempju għasafar, mammiferi tal-baħar u klieb il-baħar), jirrakkomanda li jiġi adottat u ppubblikat kodiċi tal-kondotta sabiex jiġu promossi l-benesseri tal-annimali, is-sigurtà tat-turisti u l-bilanċ ambjentali;

    27.

    sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekoturiżmu, jenfasizza l-bżonn li ż-żoni kostali u marittimi protetti bħal dawk tan-Natura 2000 jew tal-OSPAR jiġu identifikati b'mod ċar bħala żoni preferenzjali għal attivitajiet ta' turiżmu sostenibbli (pereżempju osservazzjoni tal-annimali selvaġġi, mogħdijiet għall-mixi);

    28.

    jinnota li, fl-2020, aktar minn wieħed minn kull ħames ċittadini Ewropej ser ikollu aktar minn 65 sena u b'hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissokta bil-ħidma tagħha dwar il-qasam tat-turiżmu għall-persuni mdaħħlin fl-età, b'mod partikolari billi jiġi appoġġjat it-turiżmu mingħajr ostakli;

    29.

    jilqa' r-reviżjoni tal-Kummissjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-inizjattivi tagħha mmirati lejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi biex tattirahom lejn l-Ewropa kif ukoll lejn destinazzjonijiet kostali u marittimi Ewropej għall-vaganzi;

    Dwar il-massimizzazzjoni tal-fondi disponibbli tal-UE

    30.

    jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika gwida dwar il-fondi tal-UE għat-turiżmu filwaqt li jenfasizza l-bżonn li tiġi ppubbliċizzata b'mod aktar mifrux u ssir magħrufa fir-reġjuni kostali u marittimi;

    31.

    fil-kuntest attwali tan-negozjati tal-programmi operattivi, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, taċċetta l-eliġibbiltà tal-prijoritajiet ta' investiment tar-reġjuni, b'mod partikolari dawk bħall-investiment f'infrastrutturi u l-iżvilupp tagħhom, b'mod partikolari r-riabilitazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' siti storiċi – wirt arkitettoniku ċivili u industrijali – għat-tbaħħir għall-finijiet ta' divertiment jew għal attivitajiet marittimi turistiċi li għandhom effett ta' lieva fil-kuntest tal-istrateġija għat-turiżmu kostali u marittimu;

    32.

    jitlob biex jiġi assigurat l-użu effikaċi u koordinat tar-riżorsi kollha disponibbli, inklużi s-self u l-garanziji tal-Bank Ewropew ta' Investiment immirati lejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-promozzjoni tat-turiżmu marittimu u kostali għall-perijodu 2014-2020, b'mod partikolari fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), tal-Programm Orizzont 2020 u tal-programmi COSME, Ewropa Kreattiva u LIFE +;

    Dwar il-konnettività

    33.

    jenfasizza li l-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi u żoni remoti oħra jiddependu ħafna mit-trasport bl-ajru u t-trasport marittimu, li huma stess jiddependu mit-turisti; l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu jistqarru li jkollhom jagħlqu l-intrapriża tagħhom hekk kif is-servizzi tat-trasport jieqfu, filwaqt li l-operaturi tat-trasport jistqarru li jieqfu joperaw minħabba li jagħlqu l-operaturi turistiċi, u dan iwassal għall-ħtieġa li jiġu promossi politiki li jkissru dan iċ-ċirku; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika attwali u d-dipendenza għolja mill-istaġuni fil-qasam tat-turiżmu jkomplu jaggravaw il-problema. Barra minn hekk, peress li 90 % tal-beni u l-prodotti li jintużaw sussegwentement fis-settur turistiku tal-gżejjer jiġu trasportati b'mezzi marittimi u li l-merkanzija tagħmel il-qligħ biss minn lat wieħed, għandhom jiġu promossi politiki ta' għajnuna biex tinstab soluzzjoni għal dan l-iżbilanċ;

    34.

    f'dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra b'mod xieraq il-karatteristiċi speċifiċi tal-gżejjer, li jiddependu kważi esklużivament mit-trasport bl-ajru, mhux biss biex tittejjeb l-aċċessibbiltà tat-turisti iżda wkoll għall-attivitajiet ekonomiċi li minnhom jiddependi l-iżvilupp tagħhom u li mbagħad jista' jkun ta' benefiċċju għas-settur tat-turiżmu (pereżempju, ma jistgħux jiżdiedu t-taxxi fuq l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industrija tal-avjazzjoni mingħajr ma jittieħdu miżuri ta' xort'oħra fil-gżejjer peress li għal dawn ir-reġjuni t-traffiku tal-ajru huwa suq magħluq); fatturi bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati fid-diskussjonijiet dwar l-Ajru Uniku Ewropew u l-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-kumpaniji tal-ajru, u billi jiġi permess il-finanzjament tal-FEŻR għall-investiment fl-infrastrutturi tal-ajruporti.

    Bl-istess mod, fil-każ tal-gżejjer li jinsabu qrib il-kosta, għandhom jiġu promossi konnessjonijiet bil-lanċa lejn l-art prinċipali u gżejjer oħra;

    35.

    jitlob ukoll li, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu kkunsidrati l-limitazzjonijiet uniċi li jikkaratterizzawhom (jiġifieri d-distanzi kbar u l-iżolament minn territorji oħra Ewropej) fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej li jikkontribwixxu għall-konnettività esterna ta' dawn ir-reġjuni, billi dawn il-politiki jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom;

    36.

    jiddeplora l-fatt li ħafna reġjuni kostali mhumiex konnessi tajjeb mal-pajjiż intern tagħhom u r-reġjuni u l-pajjiżi fil-viċinat; jitlob li ssir riflessjoni strateġika dwar il-konnettività intermodali bejn iċ-ċentri tat-trasport (jiġifieri l-ajruporti, l-istazzjonijiet tal-ferroviji, il-portijiet) kif ukoll ma' pajjiżi ġirien sabiex il-passiġġieri jkunu jistgħu jidħlu u jduru madwar baċiri differenti tal-baħar b'aktar faċilità;

    Dwar il-komunitajiet lokali, il-wirt, l-identità u l-ikel tagħhom

    37.

    itenni li t-turiżmu kostali u marittimu għandu jkun ta' benefiċċju għall-komunitajiet kostali lokali u għaldaqstant huwa favur miżuri speċifiċi li jippromovu r-reklutaġġ lokali, l-użu ta' prodotti lokali u l-iżvilupp tas-sistemi lokali tal-ikel; iqis li impenn bħal dan ta' azzjoni fil-livell lokali ser itejjeb l-effiċjenza tal-offerti tat-turiżmu kostali u marittimu, isaħħaħ l-impjiegi lokali u joħloq impjiegi fil-biedja sostenibbli, is-sajd u s-servizzi u b'hekk jgħin ukoll biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE dwar il-koeżjoni soċjali u territorjali u l-iżvilupp rurali;

    38.

    josserva li l-wirt marittimu lokali ma jiġix promoss biżżejjed f'ħafna żoni kostali Ewropej; jenfasizza l-bżonn li l-protezzjoni tal-wirt marittimu u kostali ssir kompatibbli mal-iżviluppi kummerċjali jew ekonomiċi bħat-tqegħid tal-kejbils jew il-pajpijiet, l-ipprospettar u l-ġbir taż-żejt u tal-gass, il-minjieri tal-faħam jew tal-minerali, l-estrazzjoni tar-ramel jew iż-żrar u r-rimi tal-iskart jew il-fdalijiet; iqis li l-vapuri mgħarrqa, il-fdalijiet taħt l-ilma, il-bastimenti u l-installazzjonijiet portwarji storiċi, il-kummerċ u t-tradizzjonijiet tas-sajd tradizzjonali u snajja' oħra relatati (tarzni tradizzjonali, xogħol ta' xbieki, l-ippreservar tal-ikel, eċċ.) għandhom ikunu l-enfasi tal-attrazzjonijiet turistiċi lokali;

    39.

    jenfasizza l-potenzjal mhux sfruttat tat-turiżmu tas-sajd u jqis li dan jista' joffri benefiċċji konsiderevoli għall-komunitajiet kostali, billi jagħmel l-attivitajiet tas-sajd profittabbli, jippreserva t-tradizzjonijiet lokali tas-sajd u jiddiversifika s-sorsi ta' dħul lokali;

    40.

    jaqbel li, f'każijiet fejn il-flotot jużaw metodi selettivi u tradizzjonali ta' sajd l-investimenti meħtieġa għall-promozzjoni tat-turiżmu tas-sajd għandhom jiġu appoġġjati u meqjusa mill-UE bħala attività komplementari għas-sajd kummerċjali, li jippromovu dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd; jistieden lill-Istati u lir-reġjuni biex, flimkien mal-oqsma tas-sajd, tat-turiżmu u partijiet interessati oħra, jegħlbu l-ostakli legali u amministrattivi li jista' jkun hemm għall-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd;

    41.

    jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-kollaborazzjoni tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u ttejjeb il-komunikazzjoni dwar ir-rotot kulturali eżistenti u ġodda mal-kosta Ewropea u l-promozzjoni tagħhom;

    42.

    jappoġġja l-ħolqien ta' Federazzjoni ta' Uffiċċji jew Aġenziji Turistiċi tar-Reġjuni Kostali u Marittimi li jservu ta' pjattaforma għall-kooperazzjoni u l-iskambji bejn il-korpi professjonali tar-reġjuni kostali u marittimi kif ukoll jgħinu fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' kooperazzjoni intiżi għall-promozzjoni ta' dawn ir-reġjuni;

    Dwar is-settur tal-kruċieri

    43.

    iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw f'djalogu kostruttiv mal-industrija tal-kruċieri biex tiġi żgurata provvista lokali ta' prodotti għal dawn il-bastimenti u biex jipprovaw jaqbdu parti ikbar min-nefqa tal-passiġġieri billi joħolqu żoni ta' akkoljenza aktar attraenti fit-terminals tal-kruċieri jew viċin tagħhom bi ħwienet, bars, restawranti u l-aġenti turistiċi lokali jkunu jistgħu joffru vjaġġi mingħajr diffikultajiet u konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà lejn attrazzjonijiet fil-viċin;

    44.

    iqis li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu lill-operaturi kummerċjali lokali biex jippromovu aħjar u jirreklamaw l-offerti tagħhom, filwaqt li jiżguraw li jkun hemm informazzjoni dwar l-attrazzjonijiet lokali disponibli b'lingwi differenti u li jiġu żgurati s-sigurtà u l-kumdità tal-vjaġġaturi. L-attività tal-forniment tal-bastimenti u tal-organizzazzjoni tal-prodott fil-portijiet ta' destinazzjoni hija marbuta mal-attività tal-aġenti marittimi li magħhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jridu jikkollaboraw sabiex jiġi promoss l-użu tal-prodott u l-attivitajiet komplementari lokali;

    45.

    josserva li l-bastimenti kbar tal-kruċieri jġibu folol konsiderevoli lejn kwalunkwe destinazzjoni li jista' joħloq sfida għat-trasport tat-turisti kollha li jiżbarkaw; jilqa' l-iżvilupp tall-proġetti ta' ppjanar u tfassil ta' trasport integrat sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-vjaġġaturi li jiġu en masse mingħajr ma jkun hemm xkiel għall-popolazzjonijiet lokali;

    Dwar il-marini u l-isport nawtiku

    46.

    jirrikonoxxi l-popolarità dejjem tikber tal-isport u l-attivitajiet nawtiċi u jilqa' l-fatt li sikwit jiġu organizzati u mwettqa minn kumpaniji lokali żgħar; huwa tal-opinjoni li l-istandards komuni Ewropej f'dan il-qasam jistgħu jsaħħu l-fiduċja tal-konsumaturi u jtejbu s-sigurtà;

    47.

    jitlob lill-Kummissjoni tanalizza l-ħtieġa għal qafas komuni għall-iżvilupp ta' infrastruttura tal-marina; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-fatt li hemm madwar 4  500 port ta' dgħajjes rikreazzjonali fl-Ewropa u l-popolarità dejjem tikber tat-tbaħħir bil-jottijiet, tippromovi studju dwar standards komuni li jindirizza b'mod partikolari kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċessibbiltà għan-nies b'mobbiltà mnaqqsa, standards tas-sigurtà jew il-kapaċità ta' ġarr tal-portijiet ta' divertiment;

    48.

    jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jospitaw marini biex jiżviluppaw strateġiji flimkien mal-partijiet interessati lokali u l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu sabiex il-portijiet tagħhom ikunu konnessi aħjar mar-reġjun kollu, u b'hekk il-baħħara jitħeġġu jesploraw l-art lil hinn mill-port u jiskopru l-wirt tagħha. B'dan il-mod jiġi promoss speċifikament it-turiżmu nawtiku u marittimu permezz, pereżempju, tal-klabbs nawtiċi, il-marini u l-lokalitajiet nawtiċi.

    Brussell, 7 ta' Ottubru 2014

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Michel LEBRUN


    (1)  Ara COM(2014) 86, nota 4 f'qiegħ il-paġna.


    Top