Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0676

    Kawża T-676/14: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Settembru 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 388, 3.11.2014, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 388/25


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2014 – Spanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-676/14)

    2014/C 388/31

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Rikorrent: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, Abogado del Estado)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni C(2014) 4856 finali, tal-11 ta’ Lulju 2014, dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar il-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja, skont ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li l-prinċipji ta’ legalità u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-regoli, applikati għar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 1) u għad-Deċiżjoni 2012/678/UE, jippresupponu li ma jistgħux jiġu ġġudikati fatti li seħħew qabel it-13 ta’ Diċembru 2011, mument li fih il-fatti tal-kawża preżenti ma setgħux jiġu ssanzjonati. L-unika data li tista’ tkun issanzjonata hija dik innotifikata f’April 2012. Fil-fatt, il-perijodu tal-investigazzjoni għandu jkun limitat għad-data li tinsab fin-notifiki li saru mill-2012.

    Il-perijodu tal-investigazzjoni għandu jkun limitat għad-data li tinsab fin-notifiki li saru mill-2012, meta din tirrigwarda fatti li seħħew minn Diċembru 2011, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemmx bażi legali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ fatti li seħħew qabel it-13 ta’ Diċembru 2011.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li ma hemmx indizji serji dwar l-eżistenza ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu rappreżentazzjoni ħażina tad-data dwar id-defiċit u d-dejn. L-azzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli tikkostitwixxi reviżjoni spjegata b’mod ċar u xieraq tal-imsemmija data.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja.

    F’dan ir-rigward ir-rikorrent jallega li saret investigazzjoni moħbija, separatament mill-proċedura stabbilita, għad-detriment tad-drittijiet tad-difiża ta’ Spanja.


    Top