Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0644

    Kawża T-644/14: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Awwissu 2014 – ADR Center vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 388, 3.11.2014, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 388/21


    Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2014 – ADR Center vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-644/14)

    2014/C 388/25

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: ADR Center Srl (Ruma, l-Italja) (rappreżentant: L. Tantalo, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni esposta fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2014 għal azzjoni ta’ rkupru kontra ADR Center;

    tordna l-ħlas immedjat tal-bilanċ dovut lil ADR Center ta’ EUR 79  700,40 fuq il-fattura pro forma u noti ta’ kreditu maħruġa fit-13 ta’ Novembru 2013;

    tordna l-ħlas immedjat tad-danni sostnuti minn ADR Center għar-reputazzjoni internazzjonali tagħha, u għal ħin użat mill-membri tal-persunal anzjani tagħha għad-difiża kontra pretensjoni infondata;

    tordna lill-konvenuta u kwalunkwe intervenjenti sabiex iħallsu l-ispejjeż legali tar-rikorrenti u l-ispejjeż ta’ din il-proċedura f’ammont li għandu jiġi ddeterminat b’mod ekwu mill-Qorti Ġenerali.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-azzjonijiet ta’ awditu u l-ordnijiet sussegwenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq sett ta’ regoli li qatt ma sar ftehim dwarhom.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li l-Kummissjoni dewmet b’mod irraġonevoli l-ħruġ tar-rapporti tal-awditu finali u l-ordnijiet ta’ rkupru relatati.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova tagħha. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni bbażat l-awditu finanzjarju finali tagħha u l-ordnijiet ta’ rkupru sussegwenti fuq konstatazzjonijiet li ma ġewx issostanzjati.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konstatazzjonijiet tal-awditu tal-Kummissjoni kienu żbaljati. Ir-rikorrenti ssostni f’dan ir-rigward li l-konstatazzjonijiet tal-awditu tal-Kummissjoni huma kkontestati fuq il-bażi ta’ diversi żbalji manifesti, proċedurali u sostantivi. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni mhux biss naqset milli teżamina mill-ġdid l-istess ordnijiet li hija ħarġet iżda wkoll, b’mod manifest, injorat u naqset milli tikkunsidra l-kwistjonijiet kollha jew kwalunkwe kwistjoni mqajma minn ADR Center.


    Top