Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 32014A1014(01)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ottubru 2014 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13)

    ĠU C 362, 14.10.2014, S. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Rechtlicher Status des Dokuments In Kraft

    14.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 362/1


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-13 ta’ Ottubru 2014

    dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13)

    2014/C 362/01

    1.   Introduzzjoni

    1.1.

    Fl-20 ta’ Ġunju 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew issottomenta Rakkomandazzjoni għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/13). Fil-15 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta mal-Kummissjoni Ewropea dwar din il-proposta.

    1.2.

    Billi din ir-Rakkomandazzjoni hija ta’ rilevanza speċifika għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, iżda wkoll l-istatistika Ewropea, il-Kummissjoni tilqa’ din il-konsultazzjoni.

    1.3.

    Il-BĊE jirrakkomanda li l-BĊE jista’ juża t-tagħrif statistiku kunfidenzjali għat-twettiq ta’ funzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, funzjonijiet li ngħataw mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1). Jirrakkomanda wkoll li t-trażmissjoni ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali bejn il-membri tas-SEBĊ u awtoritajiet oħra tal-Istati Membri u tal-Unjoni responsabbli (a) għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi, u (b) għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, lill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jista’ jseħħ għall-appoġġ tal-kompiti rispettivi. L-awtoritajiet jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni u s-sorveljanza makroprudenzjali, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, kif ukoll awtoritajiet awtorizzati biex isolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    2.   Kummenti speċifiċi

    2.1.

    L-emenda rakkomandata tinvolvi, fost affarijiet oħra, iż-żieda ta’ paragrafu 4a fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 (2), sabiex jippermetti t-trażmissjoni u l-użu tat-tagħrif statistiku miġbur mis-SEBĊ bejn is-SEBĊ u l-awtoritajiet rilevanti.

    2.2.

    Il-Kummissjoni tappoġġa l-objettivi mfittxija mir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE — it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-piż tar-rappurtar tal-impriżi, filwaqt li jkun żgurat li jinħtieġ li d-dejta tinġabar darba biss, kif ukoll li l-UE u l-korpi tal-Istati Membri responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jkunu pprovduti bit-tagħrif neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    2.3.

    Madankollu, il-Kummissjoni trid tenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea.

    2.4.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tixtieq tara, direttament fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, definizzjonijiet ċari u restrittivi tad-dejta kkonċernata u l-użu potenzjali li jista’ jsir minnha. Fir-rigward ta’ awtoritajiet riċeventi, għandu jkun ċar li jkunu koperti minn obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità, inklużi miżuri ta’ protezzjoni fiżika u loġika u restrizzjonijiet ta’ żmien. Dan mhuwiex il-każ bħalissa, peress li dawn l-obbligi huma limitati għall-membri tas-SEBĊ (l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98).

    2.5.

    Il-prinċipju ta’ kunfidenzjalità statistika huwa kruċjali biex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istess jgħodd għall-intrapriżi. Għalhekk, dan huwa stabbilit fiż-żewġ sistemi li huma responsabbli għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea, jiġifieri s-Sistema Ewropea tal-Istatistka (ESS) u s-SEBĊ. Madankollu, filwaqt li l-prinċipju huwa applikat fil-qafas legali bażiku tal-ESS — ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea (3) — permezz ta’ projbizzjoni ċara tal-użu ta’ dejta miġbura għal finijiet li jmorru lil hinn minn dawk statistiċi, bi ftit eċċezzjonijiet stretti għal dik ir-regola, il-qafas legali bażiku għas-SEBĊ — ir-Regolament (KE) Nru 2533/98 — jistabbilixxi lista ta’ eċċezzjonijiet (4) kemxejn estensiva u mhux daqstant definita b’mod ċar.

    2.6.

    Hija din il-lista ta’ eċċezzjonijiet li l-ECB issa qed jirrakkomanda li għandha tiġi estiża aktar, biex tinkludi l-użu minn entitajiet 'il barra mis-SEBĊ li huma responsabbli għal kompiti relatati mas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u s-sorveljanza makroprudenzjali.

    2.7.

    In-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ regoli u kundizzjonijiet ċari u stretti fil-kuntest ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sabiex tespandi l-lista ta’ eċċezzjonijiet ikun ta’ tħassib għall-Kummissjoni f’diversi aspetti. Dan l-ewwel nett minħabba li entitajiet li mhumiex parti mis-SEBĊ u li mhumiex produtturi tal-istatistika se jingħataw aċċess. Dawn l-entitajiet mhumiex marbuta bil-prinċipji professjonali li japplikaw għall-awtoritajiet tal-istatistika fuq il-bażi tar-regolamenti tal-qafas bażiku u tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea relatat msemmija hawn fuq. It-tieni, minħabba n-natura tat-tagħrif li jrid jiġi aċċessat u l-użu intenzjonat tiegħu għal finijiet ta’ superviżjoni finanzjarja. Dejta ta’ sensittività kummerċjali għolja għas-suġġetti tad-dejta jaf tintuża għal finijiet ta’ monitoraġġ u verifika. Filwaqt li dejta amministrattiva tista’ tintuża għal skopijiet ta’ statistika, l-użu ta’ tagħrif statistiku kunfidenzjali għal finijiet amministrattivi ma jkunx konformi mal-prinċipji statistiċi tas-soltu. It-tielet, għaliex jista’ jkun li s-SEBĊ ma jkunx kapaċi jiggarantixxi li l-entitajiet rileventi “l barra mis-SEBĊ se jħarsu d-dejta bil-mod li hu meħtieġ. Dan jista” jdgħajjef il-fiduċja tal-pubbliku fl-awtoritajiet tal-istatistika u, b’konsegwenza, jaffettwa r-rati ta’ rispons u l-kwalità tad-dejta rrappurtata.

    2.8.

    Hemm regoli speċifiċi li japplikaw għal dejta li toriġina mill-ESS li ġiet trażmessa lis-SEBĊ (b’mod partikolari l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 2533/98). Dawn ir-regoli ma jiġux affettwati direttament mill-emendi li qed jiġu proposti. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li jinħtieġu salvagwardji addizzjonali. Dawn is-salvagwardji għandhom ikunu speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u mhux biss fi stadju aktar tard fi ftehimiet bilaterali bejn il-BĊE u l-Kummissjoni (l-Eurostat) (5) jew bejn il-membri l-oħra tas-SEBĊ u l-ESS, rispettivament.

    3.   Konklużjoni

    3.1.

    Il-Kummissjoni tappoġġa l-objettivi mfittxija mir-Rakkomandazzjoni tal-BĊE – it-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-piż tar-rappurtar tal-impriżi, filwaqt li jkun żgurat li jinħtieġ li d-dejta tinġabar darba biss, kif ukoll li l-UE u l-korpi tal-Istati Membri responsabbli għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, is-swieq u l-infrastrutturi u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jkunu pprovduti bit-tagħrif neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

    3.2.

    Madankollu, il-Kummissjoni trid tenfasizza l-importanza tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-istatistika fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Sabiex jitħares kemm jista’ jkun dan il-prinċipju, ir-Regolament għandu jipprovdi definizzjonijiet ċari u restrittivi tad-dejta kkonċernata u l-użu potenzjali li jista’ jsir minnha. Fir-rigward ta’ awtoritajiet riċeventi, għandu jkun ċar li jkunu koperti minn obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità, inklużi miżuri ta’ protezzjoni fiżika u loġika u restrizzjonijiet ta’ żmien.

    3.3.

    B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-tħassib imsemmi hawn fuq għandu jiġi indirizzat fir-Regolament (KE) Nru 2533/98.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Algirdas ŠEMETA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

    (2)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

    (3)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

    (4)  Ara l-Artikolu 20 flimkien mal-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għal finijiet tal-ESS, u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 għal finijiet tas-SEBĊ.

    (5)  L-Eurostat hija l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.


    nach oben