This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014H0729(18)
Council Recommendation of 8 July 2014 on the National Reform Programme 2014 of Austria and delivering a Council opinion on the Stability Programme of Austria, 2014
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Awstrija, 2014
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Awstrija, 2014
ĠU C 247, 29.7.2014, p. 92–96
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
29.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 247/92 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta' Lulju 2014
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Awstrija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Awstrija, 2014
2014/C 247/18
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
(2) |
Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, dan adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ekonomija u tal-impjiegi. |
(3) |
Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-Żona tal-Euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. |
(4) |
Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Awstrija għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Awstrija għall-perjodu 2012-2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Awstrija għall-2014. |
(5) |
Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien jirrappreżenta l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih l-Awstrija ma kinitx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu reviżjoni fil-fond. |
(6) |
Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika. |
(7) |
Fit-8 ta' April 2014, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2014 u, fid-29 ta' April 2014, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi kienu vvalutati fl-istess waqt. |
(8) |
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta' Stabbilità tal-2014 huwa li jkun sodisfatt l-objettiv fuq terminu medju tad-defiċit strutturali ta' mhux aktar minn 0,45 % tal-PDG sal-2016, li jirifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tnaqqas b'mod sostenibbli għal anqas minn 3 % tal-PDG fl-2013. Il-bilanċ strutturali (rikalkulat) kien ippjanat li jibqa' kostanti fl-2014 u li jtejjeb il-PDG b'0,3 punti perċentwali fl-2015, u jonqos milli jissodisfa l-aġġustament meħtieġ matul is-sentejn b'mod sinifikanti. Tkabbir fuq in-nefqa se jiddevja wkoll b'mod sinifikanti mill-valur referenzjarju fl-2014 u fl-2015. Fit-12 ta' Mejju 2014, l-Awstrija ħabbret sett ta' miżuri addizzjonali tad-dħul u n-nefqa. Sakemm dawn il-miżuri jkunu implimentati b'mod strett u f'waqthom, l-istrateġija baġitarja tal-Awstrija ma għadhiex timplika devjazzjoni ppjanata sinifikanti mit-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv fuq żmien qasir fl-2014. Fl-istess waqt, l-aġġustament ippjanat lejn l-objettiv fuq żmien medju għadu qed jippreżenta riskji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, id-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika se jiżdied b'mod sinifikanti minn qrib is-74,5 % tal-PDG fl-2013 għal 79 % tal-PDG fl-2014, minħabba l-impatt tal-istabbiliment ta' Entità għal-Likwidazzjoni għall-assi ta' Hypo Alpe Adria, waqt li d-dejn se jibda jonqos mill-2015 'il quddiem. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà huwa plawsibbli u tħejja minn korp indipendenti, l-Istitut Awstrijak għar-Riċerka Ekonomika (WIFO). Il-Previżjoni tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014 tistenna li d-defiċit jibqa' taħt it-3 % fl-2014 u l-2015. Madankollu hija tipproġetta deterjorament tal-bilanċ strutturali fl-2014 u titjib tal-PDG ta' 0,1 % biss fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà u tal-previżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll tal-valutazzjoni tagħha tal-miżuri addizzjonali mħabbra fit-12 ta' Mejju, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Awstrija kkoreġiet b'mod sostenibbli d-defiċit eċċessiv tagħha, iżda għad hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mit-triq għall-aġġustament lejn l-objettiv fuq żmien medju fl-2014 u l-2015. |
(9) |
F'konformità mat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, l-Awstrija saħħet il-qafas fiskali tagħha fl-2012 permezz ta' riforma tal-Patt ta' Stabbiltà Intern Awstrijak. Il-mandat tal-Kunsill Fiskali Awstrijak kien estiż minn Novembru 2013 b'risposta għar-rekwiżiti tal-Patt Fiskali. Il-ħtieġa għal riforma bir-reqqa tar-relazzjonijiet tal-livelli differenti tal-gvern biex ikunu simplifikati aħjar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, tibqa' madankollu, kif rikonoxxuta fil-ftehim ta' koalizzjoni. |
(10) |
Nefqiet fuq iż-żmien medju u dak twil tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa u sa ċertu punt inqas dawk għall-kura fit-tul joħolqu riskju għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fl-2014, daħlu fis-seħħ xi miżuri biex ikun limitat l-aċċess għall-iskemi ta' rtirar bikri u biex iżidu l-inċentivi biex wieħed jibqa' fl-impjieg għal aktar żmien. Madankollu, ir-rata effettiva tal-irtirar ta' 58,4 snin fl-2012 hija sew inqas mill-medja tal-UE. Hija tibqa' sew inqas mill-età statutorja tal-irtirar (b'5,6 snin għall-irġiel u b'2,6 snin għan-nisa fl-2012). Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma fih miri fuq żmien qasir relattivament ambizzjużi biex l-età ta' rtirar effettiv tiżdied b'1,6 snin bejn l-2012 u l-2018 u l-implimentazzjoni tagħhom trid tkun immonitorjata mill-qrib. Ir-riformi reċenti fis-sistema tal-pensjonijiet probabbilment inaqqsu r-riskji għas-sostenibbiltà, sa ċertu punt, jekk ikunu akkumpanjati ma' titjib fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jħallu ħaddiema kbar fl-età jdumu aktar fl-impjieg tagħhom. Madankollu ma hemm l-ebda pjan biex ikunu introdotti miżuri aktar strutturali u b'effett fit-tul, bħall-aċċellerazzjoni tal-armonizzazzjoni tal-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa u l-allinjament tal-età tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor, li addizzjonalment tikkontribwixxi għall-ħajjiet itwal ta' xogħol u għas-sostenibbiltà' finanzjarja tas-sistema tal-pensjonijiet. |
(11) |
Allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi fis-sistema tas-saħħa Awstrijaka hija mfixkla minn struttura ta' governanza kumplessa u ffukar relattivament qawwi fuq is-settur kbir u ogħli tal-isptarijiet. Ittieħdu xi miżuri biex tkun implimentata r-riforma tal-kura tas-saħħa u biex tiżdied il-kosteffettività tan-nefqa pubblika. Madankollu, jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-settur u għad baqa' l-ħtieġa li jkunu stabbiliti miri aktar serji biex issir il-bidla minn kura fl-isptar għal kura barra mill-isptar u biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa preventiva, li għaliha n-nefqa pubblika qiegħda taħt il-medja tal-UE. Il-miżuri mħabbra biex issaħħaħ il-forniment tal-kura primarja u biex tiżviluppa programmi ta' kura integrata għall-mard kroniku kienu milqugħa tajjeb. Il-fond għall-kura fit-tul, li kien estiż għall-2016 b'EUR 650 miljun addizzjonali u li huwa ppjanat li se jkun estiż ulterjorment għall-2018 b'EUR 700 miljun oħra, jipprovdi soluzzjoni interim għall-finanzjament tas-servizzi tal-kura. Is-sostenibbiltà' finanzjarja tal-kura fit-tul se teħtieġ attenzjoni anki lil hinn minn din l-iskeda taż-żmien. |
(12) |
Is-sistema tat-taxxa Awstrijaka tkompli tkun karatterizzata minn taxxa ogħla u piż tas-sigurtà soċjali fuq ix-xogħol, partikolarment b'introjtu baxx. Taxxi fuq ix-xogħol jiffurmaw 24,7 % tal-PDG fl-2012, wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Il-porzjon ta' taxxa jammonta għal kważi 50 % tal-ispejjeż tax-xogħol. Kontribuzzjonijiet soċjali għoljin u taxxi fuq l-introjtu tad-dħul x'aktarx li jnaqqsu l-inċentivi għax-xogħol ta' dawk l-individwi b'potenzjal ta' dħul baxx u għat-tieni sors ta' dħul. Il-pakkett tat-taxxa adottat reċentement jinkludi miżuri limitati biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-manodopera iżda ma jisfruttax il-potenzjal ta' bidla fit-taxxi lekn taxxi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli, fejn l-estimi tal-valuri taxxabbli huma skaduti. |
(13) |
Is-suq tax-xogħol Awstrijak għadu qed jiffunzjona bl-inqas rata ta' qgħad fl-Unjoni (2013: 4,9 %). Madankollu, l-isfidi futuri li jirriżultaw mit-tixjiħ demografiku u forza lavorattiva li qed tonqos jesiġu użu aħjar tal-potenzjal tas-suq tax-xogħol sottoutilizzat tal-ħaddiema aktar maturi, tan-nisa u tal-migranti. Ir-rata ta' impjieg tal-ħaddiema aktar maturi tibqa' taħt il-medja tal-UE (44,9 % meta mqabbla ma' 50,3 %), minkejja li din ir-rata żdiedet sostanzjalment mis-sena 2000 bi kważi 15-il punti perċentwali għal 44,9 % fl-2013. Miżuri biex jikkontrollaw l-irtirar kmieni qed isiru effettivi fl-2014 u qed jitħejjew miżuri ulterjuri biex isaħħu l-inċentivi għal-ħruġ aktar tard mis-suq tax-xogħol. Madankollu, għad hemm diffikultajiet biex ħaddiema aktar maturi jibqgħu fis-suq tax-xogħol jew jerġgħu jidħlu fih. Il-migranti jkomplu jiffaċċaw ostakoli għall-integrazzjoni sħiħa fis-suq tax-xogħol u rati ta' qgħad ogħla b'mod sinifikanti, parzjalment minħabba l-ostakoli li fadal għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom, waqt li jikkostitwixxu parti dejjem tikber tal-forza tax-xogħol. Waqt li r-rata ta' impjieg tan-nisa ta' 70,8 % fl-2013 hija relattivament għolja, hija ferm inqas favorevoli f'ekwivalenti għall-full time (55,6 % fl-2012). L-Awstrija għandha waħda mill-ogħla perċentwali ta' nisa f'impjieg part-time u konċentrazzjoni għolja ta' nisa f'impjiegi b'pagi baxxi. B'konsegwenza ta' dan, id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. Għalkemm ittieħdu xi miżuri biex itejbu l-indukrar tat-tfal u s-servizzi għall-kura fit-tul, id-disponibbiltà għadha limitata. |
(14) |
L-Awstrija tejbet l-eżiti edukattivi fil-kategoriji kollha kif imkejla mill-istħarriġ tal-OECD tal-2012 dwar il-ħiliet tal-istudenti, iżda l-kisbiet fil-qari għadhom taħt il-medja tal-UE u l-isfond soċjoekonomiku għad għandu influwenza sinifikanti fuq il-kisbiet edukattivi. Waqt li kumplessivament il-mira għat-tluq bikri mill-iskola ntlaħqet, ir-rata ta' studenti li twieldu barra mill-pajjiż, li jikkostitwixxu għadd dejjem jikber ta' studenti, kienet aktar minn tliet darbiet ogħla minn dik ta' dawk li twieldu fl-Awstrija (18,5 % meta mqabbla ma' 5,7 % fl-2012). Enfasi insuffiċjenti titqiegħed fuq il-prevenzjoni mit-tluq bikri mill-iskola u għad irid ikun żviluppat approċċ strateġiku nazzjonali għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal ta' livell għoli. Xi riformi għal aspetti varji tas-sistema skolastika, partikolarment il-varar tal-programm tal-Iskola Medja Ġdida, għadhom għaddejjin jew għadhom kif ġew adottati. Il-potenzjal li Skola Medja Ġdida ttaffi l-effetti negattivi tat-tqassim tal-istudenti f'tipi differenti ta' skejjel wara erba' snin ta' skola elementari (“intraċċar bikri”) għal dawk soċjalment żvantaġġati u ttejjeb l-eżiti tat-tagħlim għandu jkun monitorjat mill-qrib. Fl-edukazzjoni għolja, iż-żieda fl-għadd ta' studenti miktuba titfa' pressjoni fuq il-finanzi u l-organizzazzjoni, waqt li l-perċentwali ta' studenti li jlestu l-programmi jibqa' taħt il-medja tal-UE. It-titjib tal-eżiti edukattivi jibqa' importanti ħafna sabiex tkun faċilitata t-triq mill-edukazzjoni għall-impjiegi. |
(15) |
Għad hemm ostakoli regolatorji sinifikanti li jfixklu lill-kumpaniji u l-professjonisti individwali milli joffru s-servizzi tagħhom fl-Awstrija. Leġiżlazzjoni li tirregola professjonijiet speċifiċi tillimita l-forom tal-kumpaniji u timponi rekwiżiti azzjonarji, waqt li fl-istess waqt tagħti aċċess għal professjonijiet individwali hija soġġetta għal kwalifiki professjonali speċifiċi u l-istabbiliment ta' kumpaniji interdixxiplinarji tas-servizzi tibqa' diffiċli. Il-kombinament ta' dawn ir-rekwiżiti toħloq ostakoli għad-dħul fis-suq u għall-eżerċitar tas-servizzi professjonali li tillimita l-kompetizzjoni. Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-kwalifika professjonali, l-Awstrija qed tipparteċipa fl-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka madwar l-UE u aġġornat il-bażi tad-dejta tagħha ta' professjonijiet irregolati bħala l-ewwel pass għall-valutazzjoni tal-ġustifikazzjoni u l-proporzjonalità tar-rekwiżiti ta' kwalifika professjonali. |
(16) |
Ir-rekwiżiti ta' pubblikazzjoni fil-leġiżlazzjoni ta' akkwist tal-UE għandhom l-għan li jiżguraw il-kompetizzjoni u t-trattament ugwali permezz ta' informazzjoni aħjar dwar l-opportunità ta' kuntratt, li hija kundizzjoni ewlenija għall-aċċess għas-suq. Grad ogħla ta' kompetizzjoni fost l-offerenti ġeneralment tirriżulta f'offerti aktar favorevoli għall-entitajiet tal-akkwist inkluż tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet. Madankollu, il-valur tas-sejħiet għall-offerti ppubblikati mill-awtoritajiet Awstrijaki u entitajiet fil-leġiżlazzjoni ta' akkwist tal-UE kien ta' 1,5 % tal-PDG u 6,6 % tan-nefqa pubblika totali fuq ix-xogħlijiet, beni u servizzi fl-2012, inqas sew mill-medji tal-UE ta' 3,4 % u 17,7 % rispettivament. Din is-sitwazzjoni toħloq spejjeż konsiderevoli għall-kontribwent Awstrijak u għan-negozji f'termini ta' opportunitajiet ta' negozju mitlufa. |
(17) |
Minkejja żidiet fil-baġit tal-Awtorità Federali Awstrijaka tal-Kompetizzjoni, hija għad għandha nuqqas sinifikanti tal-persunal meta mqabbla mal-awtoritajiet ta' Stati Membri oħra ta' daqs simili u dawk iżgħar. Is-swieq tal-ferrovija Awstrijaki tal-merkanzija u l-passiġġieri jibbenefikaw minn sforzi ulterjuri biex titrawwem il-kompetizzjoni, kif irrakkomandat mill-Kunsill fl-2013. |
(18) |
Waqt li l-kapitalizzazzjoni kumplessiva tas-settur bankarju kompliet titjib fl-2013, sforzi ulterjuri biex jissaħħu l-bafers kapitali jidhru li huma meħtieġa meta wieħed jikkunsidra l-profil tar-riskju tal-banek. Fl-2013 il-Kunsill irrakkomanda li l-Awstrija tħaffef ir-ristrutturar tal-banek nazzjonalizzati u dawk parzjalment nazzjonalizzati. Fil-preżent, il-qafas ġuridiku għall-istralċ ta' Hypo Alpe Adria għandu jkun ippreżentat għall-adozzjoni mill-Parlament sas-sajf. It-tħejjija organizzattiva għat-twaqqif tal-kumpanija maniġerjali tal-assi (KMA) rispettiva tinsab għaddejja. Il-KMA hija mistennija ssir operattiva fil-ħarifa. Österreichische Volksbanken AG u l-bank tal-assi ħżiena ta' Kommunalkredit, KA Finanz, ikompli bir-ristrutturar jew l-istralċ tagħhom, rispettivament, f'konformità mad-deċiżjonijiet mal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Passi trasparenti u deċiżivi biex ilestu r-ristrutturar tal-banek nazzjonalizzati tkun essenzjali għas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u biex ikunu mminimizzati l-effetti negattivi fuq il-finanzi pubbliċi. |
(19) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt. |
(20) |
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt. |
(21) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika fiż-Żona tal-Euro bħala entità sħiħa. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Awstrija għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fil-perjodu 2014—2015 biex:
1. |
Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-distakk emerġenti ta' madwar 0,5 % tal-PDG abbażi tal-Previżjoni tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014 u wara li jitqiesu miżuri oħrajn ta' konsolidazzjoni mħabbra mill-Awstrija, li jindikaw riskju ta' devjazzjoni sinifikanti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2015, issaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarji biex tiżgura li l-objettiv fuq żmien medju jintlaħaq, u li jinżamm wara dan, u tiżgura li r-regola tad-dejn tkun sodisfatta sabiex il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkompli fit-triq tan-niżla. Tissimplifika ulterjorment ir-relazzjonijiet fiskali bejn is-saffi tal-Gvern pereżempju billi tissimplifika l-qafas organizzattiv u billi tallinja r-responsabbiltajiet ta' nfiq u ta' ffinanzjar. |
2. |
Ittejjeb is-sostenibbiltà fuq żmien twil tas-sistema tal-pensjonijiet, partikolarment billi tmexxi 'l quddiem l-armonizzazzjoni tal-età statutorja tal-irtirar għall-irġiel u għan-nisa, billi żżid l-età effettiva ta' rtirar u billi tallinja l-età tal-irtirar mal-bidliet fl-istennija tal-għomor. Timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riforma riċenti li tirrestrinġi l-aċċess għall-irtirar bikri. Ittejjeb ulterjorment tal-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà tal-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura fit-tul. |
3. |
Tnaqqas il-porzjon ta' taxxa għoli fuq ix-xogħol għal dawk bi dħul baxx billi ċċaqlaq it-tassazzjoni għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli, inkluż l-aġġornament tal-bażi tat-taxxa. Issaħħaħ miżuri biex ittejjeb il-prospetti għas-suq tax-xogħol ta' nies bi sfond ta' migrant, nisa u ħaddiema aktar maturi. Dan jinkludi titjib ulterjuri tas-servizzi tal-indukrar tat-tfal u tal-kura fit-tul u r-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-migranti. Ittejjeb l-eżiti tal-edukazzjoni, b'mod partikolari għal żgħażagħ żvantaġġati inklużi dawk bi sfond ta' migranti billi ttejjeb l-edukazzjoni bikrija tat-tfal u billi tnaqqas l-effetti negattivi tat-tqassim bikri tat-tfal fi klassijiet skont il-ħila. Tkompli ttejjeb l-ippjanar strateġiku fl-edukazzjoni għolja u ttejjeb il-miżuri biex tnaqqas dawk li jabbandunaw minn kmieni l-iskola. |
4. |
Tneħħi ostakoli eċċessivi għall-fornituri ta' servizz, inkluż fir-rigward ta' forom legali u rekwiżiti azzjonarji u fir-rigward tat-twaqqif ta' kumpaniji interdixxiplinarji tas-servizzi. Tirrieżamina jekk ir-restrizzjonijiet fuq id-dħul fil-professjonijiet irregolati u t-twettiq tagħhom huwiex proporzjonat u ġġustifikat mill-interess ġenerali. Tidentifika r-raġunijiet wara l-valur baxx tal-kuntratti pubbliċi miftuħa għall-akkwist skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Issaħħaħ b'mod sostanzjali r-riżorsi tal-Awtorità Federali għall-Kompetizzjoni. |
5. |
Tkompli tissorvelja mill-qrib ir-ristrutturar ordnat tal-banek nazzjonalizzati jew parzjalment nazzjonalizzati u tavvanzah b'mod effettiv. |
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
P. C. PADOAN
(2) Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).
(3) ĠU C 217, 30.7.2013, p. 1.
(4) Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).
(5) Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(6) Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(7) Ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.