Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(10)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Kroazja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Kroazja, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 50–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/50


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Kroazja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Kroazja, 2014

    2014/C 247/10

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    (4)

    Il-Kroazja pparteċipat fis-Semestru Ewropew 2013 fuq bażi volontarja u informali billi ppreżentat programm ekonomiku; ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż. Fil-21 ta' Ġunju 2013, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jilqgħu l-programm ekonomiku tal-Kroazja, li jenfasizzaw li l-Kroazja hija mistennija tagħmel progress lejn l-ilħuq tal-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u li għandha bżonn timbarka fuq triq ta' konsolidazzjoni kredibbli, filwaqt li tissalvagwardja l-infiq li jiffavorixxi t-tkabbir u tiżgura lok għal kofinanzjament tal-influss ta' fondi tal-UE.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir reviżjoni fil-fond.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7)

    Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond tagħha għall-Kroazja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li l-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu monitoraġġ speċifiku u azzjoni tal-politika qawwija. B'mod partikolari, hija meħtieġa azzjoni fuq il-politika dwar il-vulnerabbiltajiet li ġejjin minn obbligazzjonijiet esterni mdaqqsa, prestazzjoni ta' esportazzjoni li qed tonqos, ditti b'ingranaġġ għoli u dejn tal-gvern ġenerali li qed jiżdied malajr, kollu f'kuntest ta' tkabbir baxx u kapaċità ta' aġġustament fqira.

    (8)

    Fl-24 ta' April 2014, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2014 u l-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (9)

    L-għan tal-istrateġija baġitarja li huwa deskritt fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016, filwaqt li fl-istess ħin jidderieġi lura għal triq ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli. Dan huwa mistenni li jintlaħaq bi tnaqqis kontinwu tad-defiċit minn 4,9 % tal-PDG fl-2013 għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2016, l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Il-Programm ta' Konverġenza jipprojetta li d-dejn tal-gvern se jilħaq quċċata ta' madwar 72 % tal-PDG fl-2014, jinżel ftit fis-sena ta' wara u jistabbilizza minn hemm 'il quddiem. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti l-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa ottimistiku fuq il-perijodu ta' programm sħiħ. Skont ix-xenarju tal-Programm ta' Konverġenza, il-PDG għandu jistaġna fl-2014, filwaqt li huwa projettat tkabbir moderat ta' 1,2 % fl-2015; kontra tnaqqis ta' 0,6 % u tkabbir ta' 0,7 % rispettivament, fit-Tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni. Il-figuri tat-tbassir baġitarju tal-Programm ta' Konverġenza jitbiegħdu mill-istandards tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (SEK), li jżidu mal-inkonsistenzi ta' data tal-passat u x-xenarju makroekonomiku u filwaqt li jfixklu paragun xieraq mat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Programm ta' Konverġenza ma jipprovdix livell suffiċjenti ta' dettall dwar il-miżuri ta' konsolidazzjoni għall-2015 u l-2016, b'mod partikolari dwar il-lat ta' nfiq. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-bilanċ nominali huwa mistenni li jilħaq it-3,8 % u t-3,1 % tal-PDG fl-2014 u l-2015 rispettivament. Wara l-aġġustament neċessarju biex dawn il-projezzjonijiet isiru paragunabbli mal-miri stipulati fil-kuntest tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv (jiġifieri billi jiġi eskluż l-impatt tat-trasferiment ta' assi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru) il-Kummissjoni tipprojetta li d-defiċit fl-2014 ikun ta' 4,6 % tal-PDG u ta' 3,8 % fl-2015.

    Peress li l-Programm ta' Konverġenza jikkostitwixxi l-ewwel rapport dwar l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet wara l-ftuħ tal-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv fit-28 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni vvalutat l-azzjoni li ttieħdet mill-Kroazja f'Komunikazzjoni ppubblikata fit-2 ta' Ġunju 2014. B'mod partikolari, il-mira nominali hija mistennija li tintlaħaq fl-2014, filwaqt li d-defiċit huwa mistenni li jkun pjuttost 'il fuq mill-mira fl-2015. It-titjib fil-bilanċ strutturali tal-gvern jaqa' marġinalment inqas minn dak li huwa mitlub kemm fl-2014 u kemm fl-2015. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-kambjament fil-bilanċ strutturali aġġustat jinsab taħt l-isforz rakkomandat, l-isforz imkejjel mill-ammont sottostanti tal-miżuri diskrezzjonali huwa stmat li jiġi mwassal kemm fl-2014 u kemm fl-2015. Sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq it-tkabbir u tittejjeb is-sostenibbiltà fuq il-konsolidazzjoni, attenzjoni ikbar lill-kwalità tal-miżuri u transizzjoni għal miżuri bbażati fuq l-infiq huma garantiti. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Konverġenza u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li, filwaqt li l-Kroazja ħadet azzjoni effettiva sat-30 ta' April 2014 sabiex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv kif rakkomandat, huma meħtieġa sforzi addizzjonali sabiex tkun konformi mar-rakkomandazzjoni skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv biex tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016 u tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-korrezzjoni.

    (10)

    Miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarji għandhom ikunu mmirati lejn tkabbir tal-kwalità ta' finanzi pubbliċi, bil-ħsieb li jinkisbu effiċjenzi, b'mod partikolari fil-pagi, fis-sigurtà soċjali u fl-infiq f'sussidji u biex jipprovdu spazju fiskali suffiċjenti biex tingħata prijorità lill-infiq u l-investimenti li jiffavorixxu t-tkabbir, inkluż fi proġetti finanzjati mill-Unjoni. Il-Kroazja implimentat riformi sinifikanti fil-qafas fiskali tagħha fi snin riċenti. Madankollu, għad hemm nuqqasijiet fir-rigward tal-ippjanar baġitarju, il-kontroll effettiv fuq l-infiq u l-applikazzjoni konsistenti tar-restrizzjonijiet baġitarji, li għandhom impatt negattiv fuq it-tfassil tal-politika fiskali. Għalkemm inbidlu riċentement it-tfassil tar-regoli fiskali għandu jittejjeb iktar. B'mod partikolari, l-effettività tal-qafas fiskali hija mxekkla min-nuqqas ta' mekkaniżmi preventivi u konformità dgħajfa mar-regola tad-dejn, u formulazzjoni ambigwa tar-regola ta' bilanċ baġitarju strutturali. Filwaqt li l-istabbiliment tal-Kummissjoni għall-Politika Fiskali huwa milqugħ sew, miżuri addizzjonali huma meqjusa neċessarji sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-baġit, l-iktar notevolment l-indipendenza mill-awtoritajiet baġitarji kollha.

    (11)

    Il-Kroazja taffaċċa l-isfida li tfittex konsolidazzjoni fiskali mingħajr ma tagħmel dannu lill-kompetittività u l-prospetti ta' rkupru ekonomiku. Kontra sfond bħal dan, il-lat tad-dħul tal-finanzi pubbliċi huwa ristrett minn definizzjoni dejqa tal-bażijiet għat-taxxi li joffru rendiment ta' taxxa stabbli u għandhom ftit impatt distortiv fuq it-tkabbir. F'dan il-kuntest, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jħabbar pjan biex tiġi introdotta taxxa fuq il-proprjetà rikorrenti fl-2016 iżda t-tfassil operattiv tagħha, inkluż dak tal-bażi tat-taxxa, għad irid jiġi speċifikat. Il-Kroazja hija determinata wkoll biex tieħu miżuri biex ittejjeb il-konformità mat-taxxa billi tnaqqas l-ekonomija griża. Ittieħdu passi f'dan il-qasam. L-introduzzjoni gradwali tar-reġistri tal-flus fiskali żdiedet ir-riċevuti tat-taxxa billi kabbret is-sorveljanza tat-tranżazzjonijiet. L-organizzazzjoni mill-ġdid tal-amministrazzjoni tat-taxxa hija mistennija ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-kollezzjoni tat-taxxa filwaqt li tnaqqas il-piżijiet tal-konformità għall-kontribwenti. Madankollu, fid-dawl tal-bżonnijiet tal-konsolidazzjoni fiskali, kif ukoll billi titqies data li timmira lejn ammonti sinifikanti ta' taxxi mhux miġbura, jidher li hemm lok biex tiżdied iktar l-effiċjenza tal-kollezzjoni tat-taxxa u hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex tittejjeb il-konformità mat-taxxa billi jiġu pprovduti servizzi elettroniċi lill-kontribwenti.

    (12)

    Il-Kroazja ħadet miżuri bil-ħsieb li ttejjeb is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-pensjonijiet; minn Novembru 2010, l-età statutorja tal-irtirar, l-età tal-irtirar kmieni u l-perijodu kwalifikanti għan-nisa ġew miżjuda gradwalment u huma mistennija li jiġu armonizzati b'mod sħiħ sal-2030. L-emendi għall-Att dwar l-Assigurazzjoni għall-Pensjonijiet adottat f'Diċembru 2013 itellgħu l-età statutorja tal-irtirar minn 65 għal 67 u l-età tal-irtirar kmieni minn 60 għal 62. Madankollu, din iż-żieda se ssir effettiva mill-2031, li mhuwiex ambizzjuż biżżejjed jekk jitqiesu xejriet demografiċi. Minkejja riformi implimentati matul snin riċenti, għadhom jeżistu varji possibiltajiet għall-irtirar kmieni. Meta jiġi kkunsidrat il-limitu tal-eżenzjonijiet, il-penali għall-bonus tal-irtirar kmieni u l-irtirar tard joħolqu ftit inċentiva biex in-nies jaħdmu sal-età statutorja tal-irtirar, li jħalli impatt negattiv fuq il-provvista ta' ħaddiema u s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. L-Att dwar il-Korp tal-Ispeċjalizzazzjoni Forensika Singola ġie adottat fl-2013 biex jgħin jillimita ż-żieda ta' pensjonanti b'diżabbiltà u jnaqqas il-frodi billi jgħaqqad il-valutazzjonijiet tad-diżabbiltà. Flimkien mal-ispezzjonijiet miżjuda, dan jindirizza bżonn definit iżda l-effett fuq l-infiq jiddependi fuq kif il-miżuri huma implimentati u l-punt sa liem id-deċiżjonijiet huma infurzati. Pensjonijiet bi skemi speċjali li kienu “l fuq minn ċertu livell limitu tnaqqsu b'10 %, għalkemm fuq bażi temporanja, filwaqt li l-indiċjar tagħhom intrabat ma” skattatur tal-PDG. Minkejja tentattivi riċenti biex jitnaqqas l-infiq u tiżdied it-trasparenza, il-pass u l-punt ta' konverġenza tal-pensjonijiet bi skemi speċjali lejn regoli ġenerali huma kajmana u l-progress globali għadu limitat.

    (13)

    Is-settur tas-saħħa jikseb riżultati tas-saħħa raġonevolment tajbin u, b'xi varjazzjoni reġjonali, is-servizzi huma aċċessibbli, iżda s-sistema tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tkompli tagħmel pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. L-awtoritajiet identifikaw ineffiċjenzi rimedjabbli fin-netwerk tal-isptarijiet. Il-pjan regolatorju ppreżentat f'Marzu 2014 għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-kura tal-isptarijiet jipprovdi għal miżuri li jtejbu l-kosteffettività, bħar-razzjonalizzazzjoni tan-netwerk tal-isptarijiet, it-tul ta' żmien medju mnaqqas ta' perjodi fl-isptar, allokazzjoni ta' sodod aħjar fl-isptarijiet, inkluż għall-kura ta' terminu twil, u kambjamenti ulterjuri fl-iffinanzjar tal-isptarijiet. Kapaċitajiet ta' monitoraġġ u implimentazzjoni qawwija kemm fl-isptarijiet u kemm fil-gvern ċentrali għandhom jiġu żgurati sabiex il-pjan jitpoġġa fil-prattika. Il-kura fit-tul hija kkaratterizzata minn servizzi mxerrda bejn is-sistemi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, rati ta' kopertura baxxa u kura formali, infiq għoli tal-proviżjoni u listi twal ta' stennija.

    (14)

    Ir-rati tal-impjieg u l-attività huma fost l-iktar baxxi fl-Unjoni, u huma partikolarment baxxi għaż-żgħażagħ u l-pensjonanti. Lil hinn minn żviluppi ċikliċi, dawn ir-riżultati tas-suq tax-xogħol huma parzjalment relatati ma' ambiti istituzzjonali u tal-politika. Il-Kroazja daħlet għal riformi tas-suq tax-xogħol sabiex tiżdied il-flessibbiltà fuq is-suq tax-xogħol. Fażi tal-bidu tar-riforma, li ġiet kompluta fl-2013, iffokat fuq ir-regolamentazzjoni ta' kuntratti tal-impjieg ta' terminu definit. Il-Gvern adotta tieni proposta leġislattiva f'Jannar 2014 li tipprovdi għat-tnaqqis ta' nfiq tas-sensji billi jiġu mnaqqsa u simplifikati l-proċeduri u tiżdied l-flessibbiltà tal-ħin tax-xogħol. Barra minn hekk, iktar forom ta' xogħol flessibbli bħal kuntratti part‐time għandhom jiġu introdotti. Dawn il-kambjamenti jpoġġu lill-Kroazja b'mod wiesa' fuq l-istess livell mal-pari tagħha, sa fejn għandu x'jaqsam l-indiċi tal-protezzjoni tal-impjieg. Għalkemm dawn il-forom huma mistennija li jkollhom effett pożittiv fuq l-impjieg globali, huma jimplikaw ukoll riskju miżjud tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, inkluż l-iżvilupp tal-kuntratti ta' terminu definit. Sadattant, l-ebda kambjament mhu previst għall-istituzzjonijiet li jistabbilixxu l-pagi minkejja l-kombinazzjoni partikolari tal-Kroazja ta' pagi medji relattivament għoljin u impjieg baxx ħafna. Minkejja qgħad li dejjem qed jiżdied, l-infiq u l-kopertura ta' miżuri tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi biex jippermettu aċċess imtejjeb għal, u żmien itwal fis-suq tax-xogħol għadhom taħt il-medja, speċjalment fir-rigward ta' żgħażagħ, in-nies qiegħda għal żmien twil u ħaddiema ikbar fl-età. Il-kapaċità amministrattiva tas-servizz tal-impjieg pubbliku Kroat huwa taħt pressjoni qawwija, inkluż fuq livell reġjonali. Sistema globali biex jiġu sorveljati u evalwati żviluppi fuq is-suq tax-xogħol u bżonnijiet tas-suq tax-xogħol inkluż it-tbassir tal-ħiliet ma teżistix u lanqas ma hemm evalwazzjoni regolari ta' miżuri ta' politika tas-suq tax-xogħol attivi. Hemm proporzjon għoli ta' attività mħallsa mhux dikjarata.

    (15)

    Is-sitwazzjoni fuq is-suq tax-xogħol hija ta' tħassib partikolari għaż-żgħażagħ peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied drastikament u laħaq kważi 50 % fl-2013 filwaqt li l-proporzjon taż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ ikompli jiżdied. Sfidi importanti jinkludu ħidma ta' outreach għal żgħażagħ mhux irreġistrati u mobilizzazzjoni tas-settur privat biex joffri iktar apprendistati, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija taż-żgħażagħ. Il-Kroazja taffaċċa wkoll sfidi serji fl-edukazzjoni fir-rigward ta' rilevanza tas-suq tax-xogħol u l-kwalità tal-proviżjoni fis-setturi edukattivi kollha. Hemm nuqqas fit-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u l-gwida tal-karriera madwar l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja filwaqt li l-ingaġġ tal-impjegati mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni sekondarja u terzjarja huwa baxx. Ir-rati tal-impjieg fost gradwati riċenti huma b'mod sinifikanti iktar baxxi mill-bqija tal-Unjoni. Is-sistema ta' edukazzjoni u ta' taħriġ vokazzjonali antikwata għaddejja minn riforma fil-forma ta' pilotaġġ ta' kurrikula ġodda tal-iskola. L-implimentazzjoni ta' Qafas tal-Kwalifikazzjonijiet Kroati u l-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni, ix-Xjenza u t-Teknoloġija tinsab pendenti iżda għandha ttejjeb ir-riżultati edukattivi u tallinjahom mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

    (16)

    Qgħad għoli u parteċipazzjoni tas-suq baxxa wasslu għal deterjorament tas-sitwazzjoni soċjali fil-Kroazja. Il-proporzjon ta' persuni f'riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali żdiedet fi snin riċenti u hija b'mod sinifikanti 'l fuq mill-medja tal-UE. It-tfassil tas-sistema tal-benefiċċju soċjali tagħmel possibbli għal reċipjenti biex jakkumulaw trasferimenti ta' flus li jikkoinċidu. Meta r-reċipjenti jidħlu fix-xogħol, jitilfu l-benefiċċju ta' uħud minn dawn it-trasferimenti soċjali, biex b'hekk jinħolqulhom diżinċentivi biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Hemm lok biex is-sistema ta' protezzjoni soċjali ssir aktar effiċjenti u trasparenti: bħalissa, l-allokazzjoni ta' skemi u benefiċċji ta' appoġġ tad-dħul hija mxerrda madwar ħafna istituzzjonijiet u livelli tal-gvern, b'applikazzjoni inkonsistenti tal-kriterji u trikkib. L-Att dwar l-Għajnuna Soċjali tal-2013 daħħal kriterji tad-dħul (means testing) aktar stretti u għaqqad erbgħa minn iktar minn 70 benefiċċju fuq livell nazzjonali, inklużi uħud li jimmiraw gruppi speċifiċi, fid-Dħul Minimu Ġenerali. “One‐stop shop” nazzjonali, li permezz tiegħu l-benefiċċji fi flus fuq livell nazzjonali jkunu amministrati, qed ikun implimentat gradwalment sal-2016. Madankollu, monitoraġġ u evalwazzjoni sistemiċi se jkunu diffiċli peress li l-iskemi u l-programmi ta' appoġġ tad-dħul fuq livelli lokali u reġjonali u l-varji benefiċċji fi flus mingħajr kriterji tad-dħul li jolqtu kategoriji speċifiċi tal-popolazzjoni, ma ġewx integrati. Minkejja numru ta' riformi leġislattivi mill-2011, it-tfassil tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali naqas milli jolqot in-nies l-iktar fil-bżonn.

    (17)

    Il-qafas regolatorju attwali biex isir in-negozju fil-Kroazja jimponi piż għoli fuq in-negozji, inklużi nuqqas ta' ċertezza legali, teħid tad-deċiżjonijiet mhux trasparenti b'mod partikolari fuq livell lokali, u miżati parafiskali numerużi. Barra minn hekk, frammentazzjoni għolja tar-responsabbiltajiet amministrattivi pubbliċi fil-livelli reġjonali u lokali u qasma kumplessa ta' kompetenzi bejn il-ministeri u l-aġenziji fuq livell ċentrali jikkumplikaw deċiżjonijiet tan-negozju u jtawlu l-proċeduri amministrattivi. Iddaħħal fis-seħħ approċċ strutturat fuq livell governmentali ċentrali biex jiġu identifikati l-ostakoli għan-negozju; madankollu, metodoloġija konsistenti biex jitkejjel il-piż amministrattiv mhijiex applikata, li jnaqqas l-effettività tal-miżuri diġà meħuda. Il-one‐stop shop eżistenti għan-negozji jkopri funzjonalitajiet eżistenti biss. Hemm bżonn li jiġi razzjonalizzat u jittejjeb il-kontroll fuq sussidji u garanziji pubbliċi; reġistru ċentrali ta' kumpaniji u individwi appoġġati jirrappreżenta l-ewwel pass f'dan il-qasam. Il-Kroazja bdiet riformi tal-amministrazzjoni pubblika biex issaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi tagħha u biex ittejjeb l-orjentazzjoni lejn il-klijent tagħha ta' servizzi pubbliċi għaċ-ċittadini u n-negozji. Madankollu, il-kwalità tal-governanza pubblika tibqa' baxxa, b'koordinazzjoni dgħajfa madwar livelli differenti tal-gvern u ftit jew użu formalistiku ż-żejjed ta' tfassil tal-politika u valutazzjoni bbażati fuq l-evidenza. L-adozzjoni tal-istrateġija tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika hija pass fid-direzzjoni t-tajba; l-istrateġija għandha tkun implimentata bir-reqqa fuq il-livelli kollha tal-gvern. L-esperjenza tal-implimentazzjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni timmira lejn nuqqasijiet f'termini ta' ppjanar strateġiku u kapaċità istituzzjonali u dgħufijiet fl-elaborazzjoni tal-proġetti u s-segwitu.

    (18)

    Kumpaniji proprjetà tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat huma affettwati b'mod negattiv filwaqt li l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-ġestjoni ta' assi pubbliċi u intrapriżi ltaqgħet ma' dewmien. Attwalment, ma hemm l-ebda proċedura ta' għażla kompetittiva għall-membri u l-maniġment tal-bordijiet superviżorji, u l-ħatriet mhumiex ippubblikati. Filwaqt li ttieħdu miżuri biex jittejjeb il-qafas ta' kontra l-korruzzjoni, huma meħtieġa iktar sforzi fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, fuq is-saffi kollha tal-gvern. L-elementi prinċipali li bħalissa huma neqsin mill-qafas ta' kontra l-korruzzjoni jinkludu mekkaniżmi ta' verifika effettivi għal kunflitti ta' interess u żvelar tal-assi lil uffiċjali pubbliċi, kif ukoll salvagwardji speċifiċi għal intrapriżi proprjetà tal-Istat u kkontrollati mill-Istat. Is-setgħat ta' verifika tal-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni ta' Kunflitti ta' Interess huma bbażati fuq il-kompetenzi u l-proattività ta' awtoritajiet oħrajn. Minkejja l-progress li sar biex tiżdied it-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku, l-għodod tal-valutazzjoni tar-riskju mhumiex qed jintużaw sistematikament u setturi vulnerabbli jidhru li mhumiex biżżejjed prijoritizzati. Is-sorveljanza fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' regoli ta' akkwist pubbliku għandha bżonn tiġi infurzata, kif ukoll bl-għan tal-allokazzjoni ta' fondi tal-UE fis-snin li ġejjin.

    (19)

    L-applikazzjoni mifruxa tal-proċedura ta' prefalliment fl-2013 sabet ċertu suċċess fl-indirizzar ta' problemi tas-servizz tad-dejn iffaċċjati minn kumpaniji fil-kuntest ta' proċeduri ta' falliment kumplessi, għaljin u twal. Madankollu, hemm ambitu biex jissaħħaħ b'mod konsiderevoli l-istrument billi jiġu indirizzati varji nuqqasijiet, bħall-kjarifika insuffiċjenti tar-rwol tal-Istat fil-proċess, it-tisħiħ tar-rwol tal-qrati kummerċjali fil-validazzjoni ta' talbiet u pjanijiet ta' ristrutturar tajbin, billi jiġi estiż l-ambitu tal-proċedura biex jippermetti ristrutturar effettiv qabel ma d-debitur isir insolventi, u l-indirizzar ta' nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-liġi. Minkejja numru ta' riformi biex tittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja, proċedimenti ġudizzjarji f'kawżi ċivili, kummerċjali u amministrattivi kontenzjużi huma twal għalxejn, partikolarment fil-prim'istanza. In-numru ta' kawżi pendenti żdied fl-2013 u huwa għoli ħafna, partikolarment fir-rigward ta' proċedimenti ċivili u kummerċjali. Sforz kontinwu sabiex jinħolqu u jiġu infurzati l-inċentivi t-tajba biex jiġu solvuti proċedimenti fil-ħin u biex jiġu promossi riżoluzzjonijiet ekstraġudizzjarji, speċjalment fil-każ ta' talbiet żgħar, huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, peress li jtellfu l-attività tan-negozju u jnaqqsu l-attrattività tal-Kroazja għall-investiment dirett barrani.

    (20)

    L-approċċ konservattiv adottat mill-Bank Nazzjonali Kroat għal regolamentazzjoni prudenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' livelli kapitali, fisser li l-banek bnew grad ta' reżiljenza li wera li huwa bżonnjuż minħabba l-isfidi li issa qed jaffaċċaw mill-ekonomija dgħajfa. Madankollu, bl-ekonomija li dieħla fis-sitt sena ta' reċessjoni u self improduttiv li qed jiżdied, hemm riskji għall-kwalità tal-assi tal-banek. Huwa milqugħ sew li ċerti portafolli tal-ikbar erba' banek Kroati, li huma ta' sjieda barranija, se jkunu koperti mit-test ta' rieżami/stress ta' kwalità tal-assi taż-Żona tal-Euro tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku l-ġdid. Madankollu, l-eżerċizzju jeskludi ċerti portafolli importanti materjalment minn perspettiva Kroata, peress li l-portafolli huma magħżula abbażi tar-rilevanza tagħhom fuq livell ta' grupp bankarju. Barra minn hekk, l-eżerċizzju ma jkoprix banek ta' daqs medju u żgħar, li jistgħu jkollhom livelli iżgħar ta' kapital u kwalità tal-assi inqas robusta, u huma potenzjalment importanti għall-istabbiltà finanzjarja. Il-komplementar tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku b'eżerċizzju dijanjostiku superviżorju ddiżinjat speċifikament għas-sistema finanzjarja Kroata (u li jkopri portafolli sinifikanti ta' sussidjarji Kroati li mhumiex parti mill-eżerċizzju tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, kif ukoll il-banek ta' daqs medju u żgħir) ittejjeb il-fehim globali tal-klassifikazzjoni tas-self tal-banek u l-adegwatezza tal-provvedimenti tat-telf mis-self tagħhom.

    (21)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija kkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-bżonn li tiġi infurzata l-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jiġi pprovdut input fuq livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) hawn taħt.

    (22)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (4) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkamondazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    (23)

    Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (8) hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fi żmien il-perijodu 2014‐2015 biex:

    1.

    Timplimenta b'mod sħiħ il-miżuri baġitarji adottati għall-2014. Issaħħaħ l-istrateġija baġitarja, billi tispeċifika iktar miżuri mħabbra għall-2015 u l-2016, u tikkonsidra miżuri li jiffavorixxu t-tkabbir, permanenti addizzjonali sabiex tiżgura korrezzjoni sostenibbli għad-defiċit eċċessiv sal-2016. Fl-istess ħin, tiżgura li l-isforz ta' aġġustament strutturali kif speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura tad-Defiċit Eċċessiv jiġi mwassal. Tallinja projezzjonijiet tal-programm ma' standards tas-SEK u l-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Tieħu miżuri biex issaħħaħ il-kontroll fuq l-infiq. Sa Marzu 2015, twettaq rieżami ta' nfiq bir-reqqa. Issaħħaħ il-proċess ta' ppjanar baġitarju, b'mod partikolari billi ssaħħaħ l-eżattezza ta' tbassir makroekonomiku u baġitarju u ssaħħaħ in-natura li torbot ta' limiti ta' nfiq annwali u ta' terminu medju u ttejjeb it-tfassil ta' regoli fiskali. Sa Ottubru 2014, abbażi tal-liġi tal-Kummissjoni għall-Politika Fiskali stabbilita riċentement, issaħħaħ l-indipendenza tagħha mill-awtoritajiet baġitarji kollha, twessa' l-mandat tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tar-regoli fiskali kollha u l-valutazzjoni ex ante u ex post tat-tbassir, u tiżgura riżorsi adegwati. Billi tibni fuq pjanijiet imsemmija fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma, tippreżenta strateġija konkreta biex tirriforma t-tassazzjoni tal-proprjetà rikorrenti. Tibda proċess ta' rappurtar u rieżami tal-infiq tat-taxxa. Ittejjeb il-konformità mat-taxxa, b'mod partikolari billi tkabbar iktar l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa; tippreżenta pjan ta' azzjoni għal dan l-għan sal-aħħar tal-2014.

    2.

    Tnaqqas l-aċċess għal irtirar kmieni. Tadotta leġislazzjoni sa Marzu 2015 biex tgħaġġel l-armonizzazzjoni ppjanata tal-etajiet statutorji tal-irtirar tan-nisa u l-irġiel u biex tavvanza ż-żieda ppjanata tal-età statutorja tal-irtirar għal 67 sena. Tiżgura l-infurzar ta' valutazzjonijiet u kontrolli tal-pensjonijiet tad-diżabbiltà iktar stretti u tgħaġġel l-integrazzjoni tal-pensjonijiet skont skemi speċjali fis-sistema tal-pensjoni ġenerali. Issaħħaħ il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, inklużi sptarijiet.

    3.

    Timplimenta t-tieni fażi tar-riforma tal-liġi tax-xogħol, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' kundizzjonijiet għal sensji u ħinijiet tax-xogħol, u bil-ħsieb li żżomm segmentazzjoni ulterjuri tas-suq tax-xogħol inkluż għaż-żgħażagħ, sa Marzu 2015. Tagħmel eżami mill-ġdid tas-sistema tal-istabbiliment tal-pagi bil-ħsieb li ttejjeb l-allinjament ta' żviluppi tal-produttività u kondizzjonijiet tal-pagi. Tippreżenta l-konklużjonijiet ta' dan ir-rieżami sal-aħħar tal-2014. Issaħħaħ l-effettività u l-kamp ta' effett ta' politiki tas-suq tax-xogħol attivi billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi tas-servizzi tal-impjieg pubbliku, inkluż fuq livell reġjonali, u billi żżid il-kopertura tal-ħaddiema żgħażagħ, nies qiegħda għal żmien twil u ħaddiema ikbar fl-età. Tagħti prijorità biex tilħaq żgħażagħ mhux reġistrati u timmobilizza s-settur privat biex toffri iktar apprendistati f'konformità mal-objettivi ta' garanzija taż-żgħażagħ. Tiddeskrivi pjanijiet, sal-aħħar tal-2014, biex tindirizza xogħol mhux iddikkjarat. Timplimenta miżuri biex ittejjeb ir-rilevanza tas-suq tax-xogħol u l-kwalità tar-riżultati tal-edukazzjoni billi timmodernizza s-sistemi ta' kwalifikazzjoni, billi tpoġġi fis-seħħ mekkaniżmi ta' assigurazzjoni ta' kwalità u billi ttejjeb transizzjonijiet skola-xogħol, b'mod partikolari billi ssaħħaħ l-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol.

    4.

    Tagħmel rieżami ta' sistemi tat-taxxa u l-benefiċċji sal-aħħar tal-2014, u tippreżenta pjan ta' azzjoni biex ittejjeb ir-reattivazzjoni ta' persuni inattivi u qiegħda. Issaħħaħ l-effettività u t-trasparenza tas-sistema ta' protezzjoni soċjali billi tikkonsolida iktar il-benefiċċji, billi tgħaqqad il-kriterji tal-eliġibbiltà u tgħaqqad id-data mil-livelli u l-entitajiet tal-gvern rilevanti kollha fil-“one‐stop shop”. Ittejjeb l-effettività u l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali permezz ta' mira aħjar tagħhom.

    5.

    Tieħu miżuri ulterjuri biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju. B'mod partikolari, f'Marzu 2015 tistabbilixxi mira biex il-ħtiġijiet amministrattivi jitbaxxew konsiderevolment, inklużi l-miżati parafiskali. Tindirizza l-livell għoli ta' frammentazzjoni u responsabbiltajiet li jikkoinċidu billi tissimplifika l-proċessi amministrattivi u billi tiċċara l-qafas tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kontabilità madwar varji livelli ta' gvern u f'livell ta' gvern ċentrali bejn il-ministeri u l-aġenziji. Ittejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-ippjanar strateġiku tal-unitajiet bil-ġestjoni ta' Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment u tipprovdihom b'livelli ta' persunal adegwati u stabbli.

    6.

    Tippreżenta, sa Ottubru 2014, pjan dettaljat għall-ġestjoni tal-proprjetà pubblika għall-2015. Tiżgura li kumpaniji fil-kontroll tal-Istat huma regolati b'mod trasparenti u responsabbli, b'mod partikolari, issaħħaħ il-ħtiġijiet ta' kompetenza għal membri ta' bordijiet ta' ġestjoni u superviżjoni nominati mill-istat u tintroduċi reġistru pubbliku għall-ħatriet. Issaħħaħ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-amministrazzjoni pubblika u f'intrapriżi proprjetà tal-Istat u kkontrollati mill-Istat, inkluż billi żżid is-setgħat ta' verifika tal-Kummissjoni dwar il-Konflitt ta' Interess. Issaħħaħ it-trasparenza u l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku kemm fuq livell ċentrali u kemm fuq livell lokali, u l-kapaċità li tissorvelja l-implimentazzjoni u taqbad l-irregolaritajiet.

    7.

    Sal-aħħar tal-2014 issaħħaħ ir-rwol tal-qrati kummerċjali billi tagħmel monitoraġġ tat-trasparenza u l-legalità fl-applikazzjoni tal-proċedura ta' prefalliment korporattiva. Tagħmel eżami mill-ġdid tat-test obbligatorju ta' insolvenza/illikwidità biex taċċessa l-proċedimenti għal soluzzjoni ta' prefalliment u tissimplifika l-proċess ta' insolvenza/likwidazzjoni biex tnaqqas it-tul tiegħu. Ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikolari billi tipprovdi inċentivi biex issolvi proċedimenti f'kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi u f'kawżi amministrattivi fil-ħin u biex tagħżel soluzzjoni barra mill-qorti speċjalment għal talbiet żgħar.

    8.

    Tikkomplementa r-rieżami ta' kwalità tal-assi u l-eżerċizzi tat-test tal-istress tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-2014, twettaq eżerċizzju ta' analiżi ta' portafoll komprensiv imfassal speċifikament għas-settur finanzjarju Kroat, b'fokus fuq portafolli importanti li mhumiex koperti mill-eżerċizzju tal-Bank Ċentrali Ewropew u li jinkludu banek ta' daqs medju u żgħar prinċipali.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P.C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (4)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top