Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(06)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/25


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Estonja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja, 2014

    2014/C 247/06

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fl-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4)

    Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Estonja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Estonja aġġornat għall-2012‐2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Estonja għall-2014.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih l-Estonja ma kinitx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li kellha ssirlu analiżi fil-fond.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7)

    Fit-8 ta' Mejju 2014, l-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2014 u fid-29 ta' April 2014 il-Programm tagħha ta' Stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (8)

    L-objettiv tal-istrateġija baġitarja msemmi fil-Programm ta' Stabbiltà 2014 għandu jkun objettiv tat-terminu medju miżmum tul il-programm kollu biex jibni bafers fiskali għal żminijiet diffiċli fl-ekonomija. Il-Programm ta' Stabbiltà jikkonferma l-objettiv preċedenti tat-terminu medju tal-eċċess strutturali, li huwa aktar strinġenti minn dak li jitlob il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid tal-Estonja huwa mistenni li jiddeterjora b'0,1 punti perċentwali tal-PDG fl-2014, għaldaqstant jiddevja mill-pjan ta' aġġustament mitlub, qabel ma l-PDG jittejjeb b'0,4 punti perċentwali fl-2015, u fl-2016‐2017 jibqa' qrib il-bilanċ. Barra minn hekk, il-Programm ta' Stabbiltà jindika riskju ta' devjazzjoni mill-valur referenzjarju tan-nefqa fl-2014 u riskju ta' devjazzjoni sinifikanti fl-2015. Inġenerali, il-pjan ta' aġġustament ippjanat lejn l-objettiv tat-terminu medju joħloq riskji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (9)

    Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti tal-previżjonijiet fiskali fil-Programm ta' Stabbiltà, li għadu ma ġiex approvat minn entità indipendenti, huwa plawsibbli u b'mod ġenerali f'konformità mat-Tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Skont dak it-tbassir, id-defiċit strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b'0,1 % tal-PDG fl-2014 li jwassal għal 0,3 % tal-PDG mqabbel mal-aġġustament meħtieġ u devjazzjoni sinifikanti meta vvalutat fuq sentejn. Fl-2015, il-Kummissjoni tbassar deterjorament ta' 0,2 % oħra fil-bilanċ strutturali li jindika devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament mitlub qrib l-objettiv tat-terminu medju. Hija mistennija devjazzjoni sinifikanti wkoll fir-rigward tal-valur referenzjarju tan-nefqa matul l-2014‐2015. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà 2014 u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament Nru 1466/97, l-opinjoni tal-Kunsill hija li hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv tat-terminu medju fl-2014 u l-2015. Ir-regola tal-bilanċ strutturali dwar il-konformità mat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza daħlet fis-seħħ permezz tal-Att dwar il-Baġit tal-Istat fit-23 ta' Marzu 2014, iżda r-regola għad trid tiġi kkumplementata bit-tisħiħ tan-natura vinkolanti tal-miri tan-nefqa multiannwali.

    (10)

    Fir-rigward tas-suq tax-xogħol, sar progress sostanzjali biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u dak fit-tul. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal miżuri li jipprovdu inċentiv biex jaħdmu lill-persuni b'livell baxx ta' qligħ. Huwa meħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex jiġi indirizzat it-tnaqqis kontinwu tal-forza tax-xogħol, inkluż dak dovut għal ħruġ mis-suq tax-xogħol li jirriżulta mill-età u raġunijiet ta' saħħa u diżabilità. Għaldaqstant, l-adozzjoni f'waqtha u l-implimentazzjoni tar-Riforma tal-Kapaċità għax-Xogħol, filwaqt li tiġi żgurata disponibbiltà ta' servizzi ta' sostenn, huma rilevanti ħafna. Il-kosteffettività tan-nefqa għall-politika tal-familja tista' tittejjeb aktar, inkluż billi jitrawwem l-aċċess għall-indukrar tat-tfal. Huwa mistenni li dan iwassal biex in-nisa jirritornaw qabel għas-suq tax-xogħol u jnaqqas id-differenza kbira u persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa. Jeħtieġ li l-isforzi biex jiġu promossi l-intraprenditorija u l-ħolqien tax-xogħol fir-reġjuni barra t-Tallinn u t-Tartu jiżdiedu sabiex jiġi evitat li d-differenzi ta' żvilupp ekonomiku jikbru u jitnaqqas il-qgħad, speċjalment fost il-ħaddiema b'kompetenzi professjonali limitati.

    (11)

    Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, reċentement ġew adottati riformi biex l-edukazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol. Aktar sforzi huma meħtieġa biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg. Sforzi sistematiċi huma meħtieġa, b'mod partikolari li jinvolvu sħab soċjali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim ibbażat fuq xogħol, speċjalment apprendistat. L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Tagħlim tul il-Ħajja tirrikjedi sforzi serji biex jiġi pprovdut titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid, u livelli ta' kwalifiki, li huma meħtieġa ferm, speċjalment għal persuni f'pożizzjonijiet dgħajfa rigward is-suq tax-xogħol. Hemm qafas ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti li jinkludi l-Istrateġija dwar l-Intraprenditorija u t-Tkabbir u l-Istrateġija dwar ir-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni b'enfasi fuq il-prijoritajiet kondiviżi filwaqt li l-oqsma tematiċi jkomplu jiġu speċjalizzati. L-isforzi għandhom jissoktaw lejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tas-sistema tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, minħabba d-daqs żgħir tal-ekonomija.

    (12)

    L-intensità tar-riżorsi tal-Estonja tkompli tkun għolja ħafna. Sar progress biex tiġi indirizzata l-effiċjenza tal-enerġija tal-binjiet pubbliċi, iżda l-isforzi jeħtieġ li jiżdiedu u jiġu sostnuti, b'mod partikolari fis-setturi residenzjali u industrijali. Sar progress sostanzjali rigward l-immaniġġar tal-iskart u r-rimi f'miżbla, filwaqt li jeħtieġ li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tar-riċiklaġġ. Jeħtieġ, b'mod partikolari, li jiġu implimentati miżuri fil-Pjan ta' Żvilupp tat-Trasport sabiex l-Estonja tkun tista' tikkontrolla l-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur li mhux tal-ETS. L-effiċjenza tal-enerġija tat-trasport tal-merkanzija tista' tittejjeb bl-użu ta' mezzi ta' trasport aktar sostenibbli. L-użu tat-trasport pubbliku jista' jkompli jiżdied permezz ta' tisħiħ tal-komplementarjetà tan-netwerks reġjonali u l-interkonnessjonijiet bejn it-trasport bil-kowċ u dak ferrovjarju tal-passiġġieri. L-użu tal-karozzi privati qed jiżdied, filwaqt li l-età medja tal-flotta tal-karozzi tal-passiġġieri huwa kważi d-doppju tal-medja tal-UE u l-karozzi tal-passiġġieri ġodda huma fost l-aktar li jniġġsu l-arja fl-Unjoni. Tisħiħ sostanzjali tal-inċentivi ambjentali, inkluż it-tassazzjoni, huwa meħtieġ. Filwaqt li ttieħdu passi sinifikanti fil-konnessjonijiet tal-enerġija transkonfinali, il-konnessjoni b'mod sħiħ tas-suq tal-enerġija tal-Estonja mal-Unjoni tkun teħtieġ żmien u investiment.

    (13)

    It-twessigħ tad-differenzi reġjonali flimkien mat-tendenzi demografiċi negattivi, in-nuqqas ta' effiċjenza kif ukoll kooperazzjoni fost il-gvernijiet lokali jxekkel il-potenzjal ta' żvilupp tal-Estonja. Dan jirrifletti parzjalment l-ispariġġ persistenti bejn il-kapaċità fiskali u responsabbiltajiet devoluti f'muniċipalitajiet żgħar kif ukoll f'ekonomiji ta' skala limitata. L-għoti ta' servizzi aktar effiċjenti u aċċessibbli f'livell lokali, ibbażat fuq oqsma ta' servizzi u standards minimi ta' servizzi, speċjalment fit-trasport, kura fit-tul, edukazzjoni bikrija tat-tfal u servizzi soċjali, huwa prerekwiżit biex l-attivazzjoni u l-miżuri tas-suq tax-xogħol ikunu effettivi.

    (14)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Estonja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Hija ma kkunsidratx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Estonja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt.

    (15)

    Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Abbażi ta' din, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Estonja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perijodu 2014‐2015 l-Estonja tieħu azzjoni biex:

    1.

    Issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 sabiex tiġi evitata devjazzjoni sinifikanti fid-dawl tad-distakk emerġenti ta' 0,3 % tal-PDG abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014, li jindika riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mqabbel mar-rekwiżiti tal-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2015, issaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex tiżgura li l-objettiv tat-terminu medju jintlaħaq u, minn hemm 'il quddiem, jinżamm. Tikkumplementa r-regola baġitarja b'aktar regoli ta' nefqa multiannwali vinkolanti fil-qafas baġitarju tat-terminu medju u tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza tan-nefqa pubblika.

    2.

    Ittejjeb l-inċentivi għax-xogħol permezz ta' miżuri mmirati għal ħaddiema b'paga baxxa. Timmira l-isforzi tal-attivazzjoni billi tiżgura l-adozzjoni u l-implimentazzjoni fil-waqt tar-riforma tal-kapaċità tax-xogħol. Iżżid l-effiċjenza u l-kosteffettività tal-politika tal-familja filwaqt li ttejjeb id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-indukrar tat-tfal. Tuża miżuri kkoordinati biex toħloq żvilupp ekonomiku u intraprenditorija fir-reġjuni li jiffaċċjaw livell għoli ta' qgħad.

    3.

    Tiżgura r-rilevanza tas-suq tax-xogħol tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, ittejjeb il-livelli ta' ħiliet u l-kwalifiki billi żżid il-miżuri ta' tagħlim tul il-ħajja u żżid b'mod sistematiku l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inkluż fl-apprendistati. Tkompli tintensifika l-prijoritizzazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni fis-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn in-negozji, l-istituzzjonijiet ogħla ta' edukazzjoni u riċerka biex tikkontribwixxi għall-kompetittività internazzjonali.

    4.

    Iżżid l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija, b'mod partikolari fil-binjiet residenzjali u industrijali. Issaħħaħ sostanzjalment l-inċentivi ambjentali għas-settur tat-trasport biex tikkontribwixxi għal mobbiltà anqas intensiva fir-riżorsi. Tkompli l-iżvilupp tal-konnessjonijiet transkonfinali ma' Stati Membri ġirien biex tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija u tkompli tippromwovi l-kompetizzjoni permezz ta' integrazzjoni msaħħa tas-swieq tal-enerġija Baltiċi.

    5.

    Tibbilanċja aħjar id-dħul tal-gvern lokali mqabbel mar-responsabbiltajiet devoluti. Ittejjeb l-effiċjenza tal-gvernijiet lokali u tiżgura l-provvediment ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità f'livell lokali, speċjalment servizzi soċjali li jikkumplimentaw il-miżuri ta' attivazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (3)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 21.

    (4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

    (5)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (7)  Ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top