EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(03)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-2014

ĠU C 247, 29.7.2014, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2014

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Repubblika Ċeka u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Repubblika Ċeka għall-2014

2014/C 247/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, waqt li esprimew, b'mod partikolari, impenn sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)

Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Repubblika Ċeka għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Repubblika Ċeka għall-2012‐2016.

(5)

Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), adottat ir-Rapport ta' Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih, ir-Repubblika Ċeka ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir reviżjoni fil-fond.

(6)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidazzjoni fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7)

Fis-16 ta' April 2014, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat il-programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2014 u, fit-28 ta' April 2014, il-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li d-defiċit tal-gvern ġenerali jinżamm taħt it-3 % tal-valur ta' referenza tat-Trattat tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Il-Programm ta' Konverġenza jsemmi l-objettiv ta' terminu medju ta' ‐ 1 % tal-PDG, li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Filwaqt li l-istrateġija baġitarja hija konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir fl-2014, l-aġġustament meħtieġ f'termini strutturali mhuwiex mistenni li jintlaħaq fl-2015 peress li l-bilanċ strutturali kkalkolat mill-ġdid huwa proġettat li jiddeterjora b'0,6 pp. Barra minn hekk, l-infiq tal-gvern huwa mistenni li jikber b’pass mhux konsistenti mal-limitu referenzjarju tan-nefqa. Il-bilanċ strutturali kkalkolat mill-ġdid huwa previst li jiddevja mit-triq ta' aġġustment meħtieġ fl-2016 u fl-2017 bil-bilanċ strutturali kkalkolat mill-ġdid ipproġettat għal ‐ 1,6 % u ‐ 1,9 % tal-PDG rispettivament. Inġenerali, mill-2015 hu mistenni riskju ta' devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn, li huwa taħt is-60 % tal-valur referenzjali tal-PDG, hu proġettata li jaqa' temporanjament b'1,1 pp għal 45 % tal-PDG fl-2014 u li jiżdied għal 46 % tal-PDG fl-2015. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa plawsibbli. L-ekonomija Ċeka mistennija tikber b'1,7 % fl-2014 u bi 2 % fl-2015 skont il-Programm ta' Konverġenza meta mqabbel ma' 2 % u 2,4 % previsti mit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa 2014. Ir-riskji ewlenin għall-prospettiva baġitarja joħorġu minn inċertezza kbira dwar l-iżvilupp futur ta' investiment pubbliku u minn infiq potenzjali ta' darba relatat mal-kuntratt ta' lokazzjoni ppjanat għal fighter jets b'impatt li jżid id-defiċit b' 0,5 % tal-PDG fl-2015.

Skont it-tbassir tal-Kummissjoni hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv ta' terminu medju fl-2015. Id-differenza fir-rigward tax-xenarju tal-Programm ta' Konverġenza tinsab f'assunzjonijiet differenti dwar politiki u miżuri diskrezzjonali fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u t-Tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li d-defiċit tnaqqas b'mod sostenibbli għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2013, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, u li waqt l-objettiv ta' terminu medju huwa mistenni li jintlaħaq fl-2014, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minnu fl-2015.

(9)

Ir-Repubblika Ċeka ħarġet minn riċessjoni ta' sentejn u bħalissa qed taffaċċja l-isfida li tikseb tkabbir kbir ‐sostnut, f'kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjiħ b'rata mgħaġġla. L-investiment pubbliku ilu jinsab fuq triq wieqfa għan-niżla sa minn dawn l-aħħar snin u l-investiment fl-infrastruttura sofra partikolarment. Il-mudell tat-tkabbir tal-ekonomija Ċeka qabel il-kriżi kien jiddependi fuq flussi kbar deħlin ta' kapital barrani u orjentazzjoni ta' esportazzjoni qawwija. Peress li l-ispazju għall-irkupru bbażat fuq l-akkumulazzjoni ta' fatturi ta' produzzjoni (inkluż kapital barrani) jidher limitat, id-direzzjoni mill-ġdid tal-ekonomija lejn muturi domestiċi ta' tkabbir tiftaħ toroq ġodda għal kisbiet ta' produttività. Elementi essenzjali ta' dan il-proċess jinkludu l-appoġġ għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

(10)

Il-gvern riċentement approva t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, għalkemm ir-ratifika tiegħu mill-Parlament għadha pendenti. Ix-xogħol fuq riforma komprensiva tal-qafas fiskali beda fl-2011 iżda l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu għadhom mhux ċerti. L-adozzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti li tiżgura konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (5) ġiet posposta wkoll.

(11)

Fil-qasam tat-tassazzjoni, l-isfidi prinċipali għar-Repubblika Ċeka huma li tagħmel il-ġbir tad-dħul iktar effiċjenti u tikseb struttura tat-taxxa li tgħin iktar it-tkabbir. Ir-Repubblika Ċeka ħadet xi miżuri biex ittejjeb il-konformità mat-taxxa, b'mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, iżda n-nefqa inġenerali għal-konformità għadha għolja wisq. F'dan il-kuntest, il-bażijiet tat-taxxa (taxxi fuq l-introjtu, kontribuzzjonijiet tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali) għadhom ma ġewx armonizzati u l-istabbiliment ta' punt uniku ta' ġbir previst fl-2015 kien ikkanċellat. Il-Gvern madankollu ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jindirizza l-kwistjoni tal-armonizzazzjoni tal-bażijiet tat-taxxa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2013 rigward l-istruttura tat-tassazzjoni għadhom ma ġewx segwiti. It-tassazzjoni fuq ix-xogħol tibqa' għolja, speċjalment għal persuni b'introjtu baxx, inklużi ħaddiema part-time, notevolment minħabba l-kontribuzzjonjiet tas-sigurta soċjali elevati. Jeżisti xi potenzjal għal kambjament ta' direzzjoni mit-tassazzjoni tax-xogħol għal oqsma oħra, bħall-ambjent u t-taxxi rikorrenti ta' abitazzjoni, li huma t-tnejn relattivament baxxi. Jibqgħu diskrepanzi sinifikanti fit-trattament tal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom, li jwasslu biex il-bażi tat-taxxa tiċkien u joħolqu inċentivi għal impjieg indipendenti fittizju b'konsegwenzi inġusti għal dawk l-impjegati skont kuntratt tal-impjieg regolari.

(12)

Ir-Repubblika Ċeka qed taffaċċja riskji ta' sostenibbiltà medji fit-terminu twil prinċipalment minħabba żidiet ippjanati fil-pensjonijiet u l-infiq tal-kura tas-saħħa. Skont il-leġislazzjoni attwali, l-età statutorja tal-irtirar hija ppjanata li tiżdied fil-perijodu twil iżda bil-mod wisq fit-terminu medju. Il-Gvern jippjana li jintroduċi mekkaniżmu ta' reviżjoni li jallinja l-età tal-irtirar mal-kambjamenti fl-istennija tal-għomor iżda din hija risposta parzjali għall-isfida tad-distakk tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, l-indiċjar temporanjament iktar baxx se jkun terminat fl-2015, sena qabel dik pjanata, u l-mekkaniżmu ta' indiċjar tal-pensjoni standard (prezzijiet flimkien ma' terz taż-żieda f'pagi reali) għadu ma ġiex rivedut. Sar progress limitat fil-promozzjoni tal-impjegabbiltà ta' ħaddiema ikbar fl-età. Ma sar l-ebda progress fit-titjib tal-kosteffettività tal-infiq pubbliku fuq il-kura tas-saħħa. Is-settur tal-in‐patients juri eċċess fil-kapaċità li jindika li hemm lok għal titjib possibbli fil-kosteffettività u l-governanza.

(13)

Saru ċerti passi inizjali sabiex tittejjeb l-kapaċità u l-kwalità tas-servizz pubbliku tal-impjiegi. Dawn imorru fid-direzzjoni t-tajba iżda l-impatt tagħhom irid jiġi evalwat. Politiki tas-suq tax-xogħol attivi jibqgħu b'nuqqas ta' finanzi u ma jindirizzawx b'mod effettiv in-nisa bi tfal żgħar, iż-żgħażagħ u ħaddiema ikbar fl-età. Minkejja r-rata tal-impjieg globali għolja, dawn il-gruppi għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol. Aċċess limitat għal faċilitajiet u servizzi abbordabbli għall-indukrar tat-tfal u t-tħaddin relattivament baxx ta' impjieg part-time jfixkel il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Id-distakk bejn il-pagi tal-irgiel u n-nisa fl-2012 kien għadu wieħed mill-ikbar fl-Unjoni.

(14)

Ir-rilevanza tal-kwalità u s-suq tax-xogħol tas-sistema edukattiva Ċeka huma raġuni għal tħassib. Ittieħdu xi miżuri biex jittejjeb il-qafas tal-evalwazzjoni fl-edukazzjoni obbligatorja, iżda s-segwitu fir-rigward ta' skejjel u studenti b'riżultati iktar baxxi jibqa' ta' sfida. L-attrattività tal-professjonijiet tat-tagħlim ukoll hija kwistjoni, li l-gvern jippjana li jindirizza. Il-parteċipazzjoni baxxa tat-tfal Rom fl-edukazzjoni tat-tfulija bikrija inklussiva u fl-edukazzjoni primarja tibqa' sfida għall-integrazzjoni tagħhom. Ir-riforma tal-edukazzjoni iktar għolja ġiet posposta wkoll u ma sar l-ebda progress dwar it-tkabbir tal-akkreditazzjoni u l-iffinanzjar fl-edukazzjoni għolja. Ġew introdotti kambjamenti żgħar biss fir-rigward tal-iffinanzjar tal-istituzzjonijiet tar-riċerka. Jibqa' kruċjali li jinħolqu inċentivi xierqa għal riċerkaturi pubbliċi biex ifittxu l-eċċellenza, jindirizzaw sfidi soċjetali, u jikkooperaw mas-settur tan-negozju.

(15)

Il-proċess ta' deregolamentazzjoni tan-numru għoli ta' professjonijiet regolati nbeda, iżda b'pass bil-mod li ma jipproduċix benefiċċji rapidi minn kompetizzjoni miżjuda fis-settur tas-servizzi. Ir-Repubblika Ċeka ħadet xi miżuri inizjali biex iżżid l-effiċjenza tal-enerġija, speċjalment permezz ta' inċentivi ta' fondi pubbliċi b'appoġġ għas-settur tal-kostruzzjoni. Il-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija jibqa' sostanzjali u iktar miżuri ambizzjużi jikkontribwixxu biex titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija.

(16)

Il-kwalità u l-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika jkomplu jirrappreżentaw sfida b'riperkussjonijiet ekonomiċi negattivi. Il-mistenni Att dwar is-Servizz Ċivili għadu ma ġiex adottat; l-adozzjoni tiegħu hija prijorità prinċipali għall-gvern. Il-progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kien limitat; biċċiet kbar ta' leġislazzjoni mill-istrateġija kontra l-korruzzjoni 2013‐14 għadhom ma ġewx adottati. Viżjoni ċara ta' terminu itwal dwar kif għandha tiġi indirizzata b'mod durabbli din il-kwistjoni ta' importanza kbira għall-iżvilupp ekonomiku u soċjetali għadha ma gietx formulata. L-implimentazzjoni ta' tenders pubbliċi fuq livell lokali u reġjonali qed ikollha dewmien bla bżonn. Ir-regoli tal-akkwist pubbliku ġodda jikkostitwixxu pass lura billi jneħħu wħud mis-salvagwardji ta' trasparenza. Sar progress limitat fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. Hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri kif muri mir-rati ta' żbalji għoljin irrappurtati mill-awtorità tal-awditjar għal diversi programmi fl-aħħar tal-2013.

(17)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Repubblika Ċeka. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija ma kkunsidratx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Repubblika Ċeka iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-bżonn għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika globali tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (7) hawn taħt.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkamondazzjoni (1) ta' hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perjodu bejn l-2014‐2015 ir-Repubblika Ċeka tieħu azzjoni biex:

1.

Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, iżżomm pożizzjoni fiskali tajba fl-2014. Issaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja fl-2015 sabiex tiżgura li l-objettiv ta' terminu medju jintlaħaq u jibqa' fl-objettiv ta' wara t-terminu medju. Tagħti prijorità lil infiq li jiffavorixxi t-tkabbir biex tappoġġa l-irkupru u ttejjeb il-prospetti għat-tkabbir. Tadotta u timplimenta miżuri biex issaħħaħ il-qafas fiskali, u b'mod partikolari tistabbilixxi istituzzjoni fiskali indipendenti biex tissorvelja politiki fiskali, tintroduċi regoli fiskali għal gvernijiet lokali u reġjonali u ttejjeb il-koordinazzjoni bejn is-saffi kollha tal-gvern.

2.

Ittejjeb il-konformità tat-taxxa billi tiffoka b'mod partikolari fuq il-VAT u tnaqqas l-ispejjeż tal-ġbir u l-ħlas tat-taxxi billi tissimplifika s-sistema tat-taxxa u tarmonizza l-bażijiet tat-taxxa fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u s-saħħa. Tnaqqas il-livell għoli ta' tassazzjoni fuq ix-xogħol, partikolarment għal persuni bi dħul baxx. Iċċaqlaq it-tassazzjoni fuq oqsma ta' inqas detriment għat-tkabbir, bħat-taxxi rikorrenti fuq l-abitazzjoni u t-taxxi tal-ambjent. Tnaqqas iktar id-diskrepanzi fit-trattament tat-taxxa ta' impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom.

3.

Tiżgura sostenibbiltà dejjiema tal-iskema tal-pensjonijiet pubbliċi, b'mod partikolari billi taċċellera ż-żieda tal-età statutorja tal-irtirar u billi torbotha b'mod iktar ċar mal-kambjamenti fl-istennija tal-għomor. Tippromwovi l-impjegabbiltà ta' ħaddiema ikbar fl-età u tagħmel rieżami tal-mekkaniżmu ta' indiċjar tal-pensjonijiet. Tieħu miżuri biex ittejjeb b'mod sinifikanti l-kosteffettività u l-governanza tas-settur tal-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għall-kura fl-isptarijiet.

4.

Issaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tas-servizz tal-impjieg pubbliku, b'mod partikolari billi tistabbilixxi sistema ta' kejl tal-prestazzjoni. Iżżid il-parteċipazzjoni ta' żgħażagħ qiegħda f'servizzi personalizzati. Iżżid b'mod konsiderevoli d-disponibbiltà ta' faċilitajiet u servizzi abbordabbli u ta' kwalità tal-indukrar tat-tfal, b'konċentrazzjoni fuq tfal sa tliet snin.

5.

Tiżgura li l-akkreditazzjoni, il-governanza u l-iffinanzjar tal-edukazzjoni għolja jikkontribwixxu biex ittejjeb il-kwalità tagħha u r-rilevanza tas-suq tax-xogħol. Taċċellera l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' metodoloġija ġdida għall-evalwar tar-riċerka u l-allokazzjoni ta' fondi biex iżżid is-sehem ta' fondi bbażati fuq il-prestazzjoni ta' istituzzjonijiet tar-riċerka. Fl-edukazzjoni obbligatorja, tagħmel il-professjoni tat-tagħlim iktar attraenti, timplimenta qafas ta' evalwazzjoni komprensiv u tappoġġa l-iskejjel u l-istudenti b'riżultati baxxi. Iżżid l-inklussività tal-edukazzjoni, b'mod notevoli billi tippromwovi l-parteċipazzjoni ta' tfal żvantaġġati soċjalment u ta' tfal Roma b'mod partikolari fl-edukazzjoni miċ-ċokon.

6.

Taċċelera r-riforma ta' professjonijiet regolati, billi tiffoka fuq it-tneħħija ta' ħtiġijiet mhux ġustifikati u sproporzjonati. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija fl-ekonomija.

7.

Fl-2014 tadotta u timplimenta Att dwar is-Servizz Ċivili li jiżgura servizz tal-amministrazzjoni tal-istat stabbli, effiċjenti u professjonali. Tħaffef u ssaħħaħ sostanzjalment il-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi timplimenta l-miżuri leġislattivi li jkun fadal, stipulati fl-istrateġija tal-antikorruzzjoni 2013‐2014 u billi tiżviluppa pjanijiet għall-perjodu li jmiss. Ittejjeb iktar il-ġestjoni ta' fondi tal-UE billi tissimplifika l-istrutturi ta' implimentazzjoni, ittejjeb il-kapaċità u tindirizza kunflitti ta' interess. Iżżid it-trasparenza tal-akkwist pubbliku u ttejjeb l-implimentazzjoni ta' tenders pubbliċi billi tipprovdi gwida u superviżjoni xierqa.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 14.

(4)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(6)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top