EUR-Lex L'accès au droit de l'Union européenne

Retour vers la page d'accueil d'EUR-Lex

Ce document est extrait du site web EUR-Lex

Document 52014XG0724(01)

Silta mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas- 26 u s-27 ta’ Ġunju 2014 rigward l-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u xi kwistjonijiet orizzontali relatati

ĠU C 240, 24.7.2014, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 240/13


Silta mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ġunju 2014 rigward l-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u xi kwistjonijiet orizzontali relatati

2014/C 240/05

(…) Il-Kunsill Ewropew iddefinixxa l-linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġislattiv u operazzjonali għas-snin li ġejjin fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ara aktar 'l isfel taħt il-Kapitolu I) u indirizza wkoll xi kwistjonijiet orizzontali relatati. (…)

I.   LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

1.

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni huwa li jinbena spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali. Għal dan l-għan, jeħtieġ li jittieħdu miżuri politiċi koerenti fir-rigward tal-asil, l-immigrazzjoni, il-fruntieri, il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, f’konformità mat-Trattati u l-Protokolli rilevanti tagħhom.

2.

Id-dimensjonijiet kollha ta’ Ewropa li tipproteġi ċ-ċittadini tagħha u toffri drittijiet effettivi lil persuni ġewwa u barra l-Unjoni huma interkonnessi. Is-suċċess jew il-falliment f’qasam wieħed jiddependi fuq il-prestazzjoni f’oqsma oħra kif ukoll fuq is-sinerġiji ma’ oqsma ta’ politika relatati. Ir-risposta għal ħafna mill-isfidi fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tinsab f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, u dan jitlob titjib tar-rabta bejn il-politiki interni u esterni tal-UE. Dan għandu jkun rifless fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

3.

B’kontinwazzjoni mal-programmi tal-passat, il-prijorità ġenerali issa hi li l-istrumenti legali u l-miżuri politiċi fis-seħħ jiġu trasposti b’mod konsistenti, jiġu implimentati b’mod effettiv u jiġu kkonsolidati. L-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali, filwaqt li jintuża l-potenzjal sħiħ tal-innovazzjonijiet tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, it-tisħiħ tar-rwol tal-aġenziji differenti tal-UE u l-iżgurar tal-użu strateġiku tal-fondi tal-UE ser ikunu importanti.

4.

Fl-iżvilupp ulterjuri tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fis-snin li ġejjin, ser ikun kruċjali li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ sigurtà, ukoll f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, u li jiġi adottat qafas Ġenerali b’saħħtu tal-UE għall-Protezzjoni tad-Data sal-2015.

5.

Hi u tiffaċċja l-isfidi bħall-instabbiltà f’bosta partijiet tad-dinja kif ukoll ix-xejriet demografiċi globali u Ewropej, l-Unjoni teħtieġ politika dwar il-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri effiċjenti u ġestita tajjeb, iggwidata mill-prinċipji tat-Trattat ta’ solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 80 TFUE u l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Hemm il-ħtieġa ta’ approċċ komprensiv, li jottimizza l-benefiċċji tal-migrazzjoni legali u joffri protezzjoni lil dawk fil-bżonn filwaqt li jindirizza l-migrazzjoni irregolari b’mod determinat u jiġġestixxi l-fruntieri esterni tal-UE b’mod effiċjenti.

6.

Sabiex tibqa’ destinazzjoni attraenti għal talenti u ħiliet, l-Ewropa għandha tiżviluppa strateġiji sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet tal-migrazzjoni legali permezz ta’ regoli koerenti u effiċjenti, u msawra permezz ta’ djalogu mal-komunità tan-negozju u l-imsieħba soċjali. L-Unjoni għandha wkoll tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex isegwu politiki ta’ integrazzjoni attiva li jrawmu l-koeżjoni soċjali u d-dinamiżmu ekonomiku.

7.

L-impenn tal-Unjoni għal protezzjoni internazzjonali jeħtieġ politika tal-asil Ewropea b’saħħitha bbażata fuq is-solidarjetà u r-responsabbiltà. It-traspożizzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) huma prijorità assoluta. Dan għandu jirriżulta fi standards komuni għoljin u f’kooperazzjoni aktar b’saħħitha, li joħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fejn dawk li jfittxu l-asil jingħataw l-istess garanziji u protezzjoni proċedurali fl-Unjoni kollha. Dan għandu jmur id f’id ma’ rwol imsaħħaħ tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), b’mod partikolari fil-promozzjoni tal-applikazzjoni uniformi tal-acquis. Prattiki konverġenti ser isaħħu l-fiduċja reċiproka u jippermettu li ngħaddu għall-passi li jmiss fil-futur.

8.

L-indirizzar tal-kawżi bażiċi tal-flussi migratorji irregolari huwa parti essenzjali tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE. Dan, flimkien mal-prevenzjoni u t-trattament tal-migrazzjoni irregolari, ser jgħin biex jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet ta’ migranti li jitilqu għal vjaġġi perikolużi. Soluzzjoni sostenibbli tista’ tinstab biss billi tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu, inkluż permezz ta’ għajnuna biex tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom ta’ ġestjoni tal-flussi migratorji u tal-fruntieri. Il-politiki dwar il-migrazzjoni għandhom isiru parti integrali ħafna aktar b’saħħitha tal-politiki esterni u tal-iżvilupp tal-Unjoni, li japplikaw il-prinċipju “aktar għal aktar” u li jibnu fuq l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà. L-enfasi għandha tkun fuq l-elementi li ġejjin:

it-tisħiħ u l-espansjoni tal-Programmi ta’ Protezzjoni Reġjonali, b’mod partikolari qrib reġjuni tal-oriġini, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-UNHCR; iż-żieda tal-kontribut għal sforzi globali ta’ risistemazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-kriżi attwali protratta fis-Sirja;

jiġu indirizzati l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar qawwi, b’enfasi fuq pajjiżi u rotot prijoritarji;

l-istabbiliment ta’ politika ta’ ritorn komuni effettiva u l-infurzar ta’ obbligi ta’ riammissjoni fi ftehimiet mal-pajjiżi terzi;

l-implimentazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet identifikati mit-Task Force għall-Mediterran.

9.

L-istabbiliment taż-żona Schengen, li tippermetti persuni li jivvjaġġaw mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, u l-għadd dejjem jiżdied ta’ nies li jivvjaġġaw lejn l-UE jeħtieġu ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri esterni tal-UE biex tiġi żgurata protezzjoni qawwija. L-Unjoni għandha timmobilizza l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-kompitu tagħhom. Għal din il-għan:

il-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-fruntieri esterni għandha tiġi modernizzata b’mod kosteffettiv biex tiżgura ġestjoni intelliġenti tal-fruntieri b’sistema ta’ dħul/ħruġ u programm ta’ vjaġġaturi reġistrati u megħjuna mill-Aġenzija l-ġdida għal Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira (eu-LISA);

il-Frontex, bħala strument ta’ solidarjetà Ewropea fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, għandha ssaħħaħ l-assistenza operazzjonali tagħha, b’mod partikolari billi tappoġġa lil Stati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni qawwija fil-fruntieri esterni, u żżid ir-reattività tagħha lejn l-evoluzzjonijiet rapidi fil-flussi migratorji, billi tagħmel użu sħiħ mis-sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri EUROSUR il-ġdida;

fil-kuntest tal-iżvilupp fuq perijodu twil tal-Frontex, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li titwaqqaf sistema Ewropea ta’ gwardji tal-fruntiera biex jissaħħu l-kontroll u l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza fil-fruntieri esterni tagħna.

Fl-istess ħin, il-politika komuni dwar il-viżi għandha tiġi modernizzata billi jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar leġittimu u tissaħħaħ il-kooperazzjoni konsulari lokali ta’ Schengen filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà u tiġi implimentata s-sistema l-ġdida ta’ governanza ta’ Schengen.

10.

Huwa essenzjali li jkun hemm garanzija ta’ spazju ġenwin ta’ sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej permezz ta’ kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija u permezz tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata, inkluż it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-bnedmin, kif ukoll il-korruzzjoni. Fl-istess ħin, hija meħtieġa politika tal-UE effikaċi kontra t-terroriżmu, fejn l-atturi rilevanti kollha jaħdmu flimkien mill-qrib, u jintegraw l-aspetti interni u esterni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew jerġa’ jafferma r-rwol tal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu. Fil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, l-Unjoni għandha tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali billi timmobilizza l-istrumenti kollha ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, bi rwol imsaħħaħ ta’ koordinazzjoni għall-Europol u l-Eurojust, inkluż permezz ta’:

ir-rieżami u l-aġġornament tal-istrateġija tas-sigurtà interna sa nofs l-2015;

it-titjib fl-iskambji ta’ informazzjoni transkonfinali, inkluż dwar rekords kriminali;

l-iżvilupp ulterjuri ta’ approċċ komprensiv għas-sigurtà ċibernetika u ċ-ċiberkriminalità;

il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu u azzjoni biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-ġellieda barranin, inkluż permezz tal-użu effettiv tal-istrumenti eżistenti għal twissijiet madwar l-UE kollha u l-iżvilupp ta’ strumenti bħas-sistema tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri tal-UE.

11.

Il-funzjonament bla xkiel ta’ spazju ta’ ġustizzja tassew Ewropew li jirrispetta s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri huwa vitali għall-UE. F’dan ir-rigward, il-fiduċja reċiproka fis-sistemi ġudizzjarji ta’ xulxin għandha tissaħħaħ aktar. Politika Ewropea tajba tal-ġustizzja ser tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku billi tgħin lin-negozji u lill-konsumaturi jibbenefikaw minn ambjent kummerċjali affidabbli fi ħdan is-suq intern. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex:

tiġi promossal-konsistenza u ċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-UE għaċ-ċittadini u n-negozji;

jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-ġustizzja; jiġu promossi rimedji effettivi u l-użu ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi inkluż l-użu tal-ġustizzja elettronika;

ikomplu l-isforzi biex jissaħħu d-drittijiet ta’ persuni akkużati u suspettati fi proċedimenti kriminali;

jiġi eżaminat it-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni, b’mod partikolari t-tfal, fi proċedimenti biex jiġi ffaċilitat l-infurzar ta’ sentenzi fil-liġi tal-familja u f’materji ċivili u kummerċjali b’implikazzjonijiet transkonfinali;

tissaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi;

jitjieb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet u sentenzi f’materji ċivili u kriminali;

jissaħħu l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri;

jiġu miġġielda mġiba frodulenti u danni għall-baġit tal-UE, inkluż billi jsir progress fin-negozjati dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transkonfinali u l-kooperazzjoni operazzjonali;

jissaħħaħ it-taħriġ għall-professjonisti;

jiġi mobilizzat l-għarfien espert ta’ aġenziji rilevanti tal-UE bħall-Eurojust u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

12.

Bħala waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu liberament u jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri oħra jeħtieġ li jiġi protett, inkluż minn użu ħażin possibbli jew talbiet frodulenti.

13.

Il-Kunsill Ewropew jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw is-segwitu leġislattiv u operazzjonali xieraq għal dawn il-linji gwida u ser jorganizza rieżami ta’ nofs it-terminu fl-2017.


Haut